EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1171

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1171 tat-30 ta' Ġunju 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2017/4402

ĠU L 170, 1.7.2017, p. 62–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/09/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1171/oj

1.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/62


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1171

tat-30 ta' Ġunju 2017

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni tal-antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 457/2011 (2), dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”).

(2)

Il-miżuri ħadu l-forma ta' dazju fiss ta' EUR 415/tunnellata fuq l-importazzjonijiet kollha mir-RPĊ bl-eċċezzjoni ta' tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kooperaw, li ngħataw prezz minimu ta' importazzjoni (“PMI”) ta' EUR 1 153/tunnellata.

2.   Talba għal rieżami tal-iskadenza

(3)

Wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-iskadenza imminenti (3) tal-miżuri antidumping fis-seħħ, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami tal-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (4).

(4)

Din it-talba ġiet imressqa minn tliet produtturi tal-Unjoni: Borealis Agrolinz Melamine GmbH, OCI Nitrogen BV u Grupa Azoty Zaklady Azotow Pulawy SA (“l-applikanti”). Fl-2015, dawn kienu jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-melamina tal-Unjoni.

(5)

It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ kienet wisq probabbli se tirriżulta fir-rikorrenza tad-dumping u r-rikorrenza tal-ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

3.   Bidu ta' rieżami tal-iskadenza

(6)

Wara li ddeterminat li kienet hemm biżżejjed evidenza, fil-11 ta' Mejju 2016 il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5) (“in-Notifika ta' Bidu”), il-bidu ta' rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.

4.   L-investigazzjoni

4.1.   Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami u l-perjodu kkunsidrat

(7)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' April 2015 sal-31 ta' Marzu 2016 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami” jew “PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami (il-“perjodu kkunsidrat”).

4.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(8)

Il-Kummissjoni avżat lill-applikanti, produtturi oħrajn magħrufa tal-Unjoni, produtturi esportaturi fir-RPĊ, importaturi u kummerċjanti magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, utenti li kien magħruf li huma kkonċernati, u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur dwar il-bidu tar-rieżami tal-iskadenza.

(9)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu seduta ta' smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifika ta' Bidu. Il-partijiet interessati kollha, li talbu smigħ u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex jenħtieġ li jinstemgħu, ingħataw din is-seduta ta' smigħ.

(10)

Is-servizzi tal-Kummissjoni taw lil parti interessata waħda, jiġifieri l-Kunsill taċ-Ċina għall-Promozzjoni għall-Kummerċ Internazzjonali (“CCPIT”), seduta ta' smigħ fl-istadju inizjali tal-proċedura. Saret seduta ta' smigħ oħra mal-Uffiċjal tas-Seduta mal-istess parti interessata wara d-divulgazzjoni definittiva fl-4 ta' Mejju 2017.

4.3.   Il-kampjunar

(11)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni qalet li hi, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, kellha l-intenzjoni li tieħu kampjuni tal-partijiet interessati fil-każ li għadd sinifikanti minnhom jippreżenta ruħu.

—   Il-kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(12)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-missjoni tar-RPĊ għall-Unjoni sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi Ċiniżi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati jieħdu sehem fl-investigazzjoni.

(13)

Ma kien hemm l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ li ppreżenta tweġiba għall-formola ta' kampjunar jew li ddeċieda li jikkoopera fir-rieżami tal-iskadenza. Għaldaqstant, f'din il-proċedura ma kien hemm l-ebda kampjunar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi.

—   Il-Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(14)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni qalet li kienet ħadet kampjun proviżorju ta' produtturi tal-Unjoni. Tliet produtturi tal-Unjoni, li kienu wkoll l-applikanti, wieġbu għall-formoli li jistabbilixxu hemmx każ filwaqt li ż-żewġ produtturi l-oħrajn tal-Unjoni ma kooperawx fl-investigazzjoni. Konformi mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-bejgħ u l-produzzjoni tal-melamina. Il-kampjun proviżorju kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni li kkooperaw. Il-produtturi tal-Unjoni kampjunati kienu jammontaw għal aktar minn 80 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni fl-2015. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Ma wasal l-ebda kumment sal-iskadenza u għaldaqstant il-kampjun proviżorju kien ikkonfermat. Il-kampjun tqies li kien rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

—   Il-kampjunar ta' importaturi mhux relatati

(15)

Biex ikun deċiż jekk kienx hemm bżonn kampjunar u, jekk dan ikun il-każ, jittieħed kampjun, l-importaturi/distributuri magħrufa kollha (15 b'kollox) ġew mistednin jimlew il-formola ta' kampjunar mehmuża man-Notifika ta' Bidu.

(16)

Importatur wieħed biss wieġeb għall-formola ta' kampjunar, u għaldaqstant il-kampjunar ma kienx meqjus neċessarju.

4.4.   Kwestjonarji u żjarat ta' verifika

(17)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja biex tiġi determinata l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dumping, tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' ħsara, u l-interess tal-Unjoni.

(18)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji liż-żewġ produtturi fil-pajjiż analogu, lit-tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, importatur wieħed mhux relatat, u lil 69 utent magħruf fl-Unjoni.

(19)

It-tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarji waslu mingħand iż-żewġ produtturi fil-pajjiżi analogi potenzjali, it-tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, produttur mhux relatat, u erba' utenti.

(20)

Il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi tal-Unjoni:

Grupa Azoty Zaklady Azotowe Pulawy S.A, il-Polonja;

OCI Nitrogen BV, in-Netherlands;

Borealis Agrolinz Melamine GmbH, l-Awstrija.

(b)

Importaturi:

Globe Chemicals GmbH, il-Ġermanja.

(c)

Utenti:

Melamin d.d. Kocevje, is-Slovenja;

Tinde d.o.o, is-Slovenja;

ChemCom B.V, in-Netherlands.

(d)

Produttur fil-pajjiż analogu f'ekonomija tas-suq:

Nissan Chemical Industries Ltd., il-Ġappun.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(21)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-melamina, li bħalissa taqa' taħt il-kodiċi NM 2933 61 00 li toriġina fir-RPĊ.

(22)

Il-melamina hija trab abjad kristallin prodott predominantement mill-urea u tintuża l-iktar fil-laminati, fl-adeżivi għall-injam, sustanzi komposti għall-forom, u trattamenti għall-karti u t-tessuti.

2.   Prodott simili

(23)

Il-prodott ikkonċernat u l-melamina prodotta u mibjugħa fis-suq domestiku tal-Ġappun, il-pajjiż analogu, kif ukoll il-melamina prodotta u mibjugħa fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni nstabu li għandhom l-istess użi u karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi.

(24)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-prodotti huma simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   IL-PROBABBILTÀ TA' TKOMPLIJA JEW TA' RIKORRENZA TAD-DUMPING

(25)

F'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ aktarx twassal biex id-dumping mir-RPĊ ikompli jew jerġa' jseħħ.

1.   Kooperazzjoni mir-RPĊ

(26)

Meta nbdiet il-proċedura ta' rieżami, il-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha magħrufa (71 kumpanija jew gruppi ta' kumpaniji) ġew mistiedna jippreżentaw ruħhom u jipprovdu tweġibiet għall-formola ta' kampjunar mehmuża man-Notifika ta' Bidu. Madankollu, l-ebda kumpanija Ċiniża ma rreaġiet għall-bidu tal-proċedura ta' rieżami jew iddeċidiet li tikkoopera fi kwalunkwe stadju ulterjuri tal-proċedura.

(27)

L-unika reazzjoni miċ-Ċina kienet sottomissjoni minn CCPIT, li ġiet segwita wara minn seduta ta' smigħ.

(28)

L-istatus ta' CCPIT bħala parti interessata ġie kkontestat mill-applikanti. Fis-sottomissjoni tagħhom, l-applikanti qalu li CCPIT la huwa esportatur tal-prodott ikkonċernat, u la huwa assoċjazzjoni ta' tali esportaturi, u għaldaqstant il-kummenti tiegħu kollha ma kellhomx jiġu meqjusin.

(29)

Is-CCPIT (magħruf ukoll bħala l-Kamra Ċiniża tal-Kummerċ Internazzjonali (CCOIC)) fiha, fost oħrajn, intrapriżi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-setturi ekonomiċi u kummerċjali fiċ-Ċina. Għaldaqstant dan jista' jiġi meqjus bħala assoċjazzjoni ta' esportaturi, inklużi esportaturi tal-prodott ikkonċernat. Wara d-divulgazzjoni definittiva s-CCPIT ikkonferma l-preżenza ta' disa' (9) produtturi tal-melamina fost il-membri tal-Kamra. Barra minn hekk, skont l-Artikoli ta' Assoċjazzjoni tagħha, ir-responsabbiltajiet tas-CCPIT jinkludu l-organizzazzjoni, l-assistenza, jew l-azzjoni f'isem l-intrapriżi u l-individwi Ċiniżi fi proċeduri bħal tal-antidumping f'pajjiżi terzi. Wara li qieset dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni ttrattat lis-CCIPT bħala parti ineressata, bħal fi proċedimenti antidumping mgħoddija (6).

2.   Dumping matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami

(a)   Il-pajjiż analogu

(30)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew pagabbli fis-suq domestiku jew il-valur maħdum f'pajjiż terz xieraq b'ekonomija tas-suq (il-“pajjiż analogu”).

(31)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni għażlet l-Indoneżja bħala pajjiż analogu. Madankollu, l-impjant tal-produttur Indoneżjan li kkoopera ngħalaq fl-2011. Minħabba li l-kumpanija inkwistjoni biss kienet tipproduċi l-melamina fl-Indoneżja, dan il-pajjiż ma setax jibqa' jitqies bħala pajjiż analogu potenzjali.

(32)

Fit-talba tagħhom, l-applikanti pproponew li jintużaw l-Istati Uniti bħala pajjiż analogu. B'konsegwenza, l-applikanti użaw valur normali maħdum mis-suq tal-Istati Uniti għall-kalkolu preliminari tal-marġni tad-dumping fit-talba tagħhom. Madankollu, wara li qieset il-fatt li hemm produttur domestiku wieħed biss tal-melamina fl-Istati Uniti, li bħalissa huwa protett minn livell għoli ħafna ta' miżuri antidumping u kompensatorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tfittex pajjiż analogu alternattiv minkejja l-fatt li l-produttur tal-Istati Uniti wera r-rieda li jikkoopera u wieġeb għall-kwestjonarju.

(33)

In-Notifika ta' Bidu kkunsidrat ukoll l-użu ta' pajjiżi oħrajn li jipproduċu l-melamina bħala pajjiż analogu potenzjali: l-Indja, l-Iran, il-Ġappun, il-Qatar, ir-Russja, u Trinidad u Tobago. Wara li nbdiet il-proċedura ta' rieżami preżenti, il-Kummissjoni kkuntattjat tmien kumpaniji f'dawk il-pajjiżi. Kumpanija waħda biss, Nissan Chemical Industries Ltd tal-Ġappun, qablet li tikkoopera bħala produttur ta' pajjiż analogu u wieġbet il-kwestjonarju li sussegwentement ġie vverifikat fil-post.

(34)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCPIT qal li ma seta' jinstab l-ebda rekord ta' kuntatti mat-tieni produttur esportatur Ġappuniż tal-prodott ikkonċernat fil-fajl miftuħ, u li għaldaqstant is-CCPIT ma setax jivverifika jekk il-kumpanija Ġappuniża inkwistjoni fil-fatt irrifjutatx li tikkoopera fil-proċedura.

(35)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat li hi kkuntattjat lill-produtturi kollha mill-pajjiżi analogi potenzjali mill-inqas darbtejn (il-15 ta' Lulju u s-16 ta' Settembru 2016), u ntbagħtitilhom kopja vojta tal-kwestjonarju kull wieħed. Madankollu, minħabba li dawn il-produtturi huma kompetituri, il-korrespondenza tagħhom ma ntwerietx fil-fajl miftuħ u d-destinatarji tal-ittri elettroniċi inkwistjoni ma ġewx żvelati lil xulxin (7). Huwa kkonfermat li ma waslet l-ebda tweġiba mit-tieni produttur Ġappuniż tal-prodott ikkonċernat.

(36)

Il-Kummissjoni qieset lill-Ġappun bħala pajjiż analogu xieraq meta jittieħed inkonsiderazzjoni d-daqs tas-suq domestiku tiegħu u l-livell ta' kompetizzjoni fih. Hemm żewġ produtturi domestiċi fil-Ġappun, u sehem sostanzjali tas-suq huwa magħmul mill-importazzjonijiet (stmati li huma 12 %). Iż-żewġ produtturi Ġappuniżi huma wkoll involuti fl-esportazzjoni, u għaldaqstant iridu jkunu kapaċi jikkompetu internazzjonalment bil-kostijiet u l-prezzijiet tagħhom. Il-pajjiż mhuwiex protett permezz ta' dazji doganali għoljin. Dawn jammontaw għal 3,1 % għall-membri tad-WTO iżda għal 0 % taħt ir-reġim SĠP, li japplika wkoll għar-RPĊ — l-esportatur ewlieni għas-suq Ġappuniż. Barra minn hekk, bħalissa ma japplikaw l-ebda miżuri ta' difiża kummerċjali.

(37)

Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ġappun hu pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(38)

Is-CCPIT ikkontesta il-metodoloġija tal-pajjiż analogu nfisha biex jiġi stabbilit il-valur normali, u qalu li t-taqsima 15 tal-Protokoll tal-Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO kienet skadiet wara l-11 ta' Diċembru 2016. Għaldaqstant, il-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-prezzijiet u/jew il-kostijiet domestiċi tagħhom.

(39)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx din l-affermazzjoni. Minħabba li n-Notifika ta' Bidu ġiet ippubblikata fil-11 ta' Mejju 2016, il-qafas legali applikabbli huwa “ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea”. Għaldaqstant, il-valur normali se jkun iddeterminat abbażi tad-dejta minn pajjiż analogu. Il-produtturi esportaturi Ċiniżi ngħataw l-opportunità li jissottomettu formoli għat-trattament tal-ekonomija tas-suq (TES) iżda ħadd minnhom ma ssottometta formola bħal din.

(40)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, l-applikanti argumentaw li l-Istati Uniti kellhom jintużaw bħala pajjiż analogu. Dawn irrikonoxxew li s-sejbiet tal-Kummissjoni fil-premessa (36) hawn fuq jistgħu fil-fatt jagħmlu l-prezz applikat mill-produttur tal-Istati Uniti fis-suq domestiku tal-Istati Uniti mhux xieraq biex iservi bħala l-bażi għall-kalkoli tal-valur normali. Madankollu, dawn il-karatteristiċi tas-suq tal-Istati Uniti ma għandhomx jipprevjenu l-użu tal-Istati Uniti bħala pajjiż analogu għall-finijiet tal-metodoloġija tal-valur normali maħdum. F'kull każ, l-applikanti ma kkuntestawx l-għażla tal-Ġappun bħala pajjiż analogu.

(41)

Il-Kummissjoni qieset li t-tgħawwiġ deskritt fil-premessa (36) hawn fuq wassal lill-Istati Uniti ma jkunx xieraq bħala pajjiż analogu fiċ-ċirkostanzi kollha, inkluż meta l-valur normali jkollu bżonn jiġi kostrutt. Għalhekk, din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet nota tal-fatt li l-applikanti ma kkuntestawx l-għażla tal-Ġappun bħala pajjiż analogu.

(b)   Valur normali

(42)

L-informazzjoni riċevuta mingħand produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu ntużat bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali.

(43)

F'konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti li sar mill-produtturi kooperanti tal-pajjiż analogu matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami kienx rappreżentattiv. Għal dan il-għan, il-volumi totali ta' bejgħ domestiku tagħhom ġew imqabblin mal-volum totali tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonstatat li l-prodott simili kien jinbiegħ fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku tal-Ġappun. Minħabba li l-prodott ikkonċernat ġie kkunsidrat omoġenu, it-test ta' rappreżentattività ma kienx meħtieġ għal kull tip ta' prodott. Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat, fir-rigward tal-produttur tal-pajjiż analogu, jekk il-prodott li kien jinbiegħ fis-suq domestiku setax jitqies li kien jinbiegħ fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ kif iddefinita fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(44)

Minħabba li l-volum li nbigħ bi prezz tal-bejgħ nett li kien daqs jew iktar mill-kost tal-produzzjoni kkalkulat (kostijiet tal-manifattura u kostijiet SG&A) kien jirrappreżenta inqas minn 80 % tal-volum tal-bejgħ domestiku totali, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet domestiċi profitabbli aġġustati franki mill-fabbrika. Dan l-aġġustament kien bejn 2 % u 7 %.

(45)

Minħabba li l-produttur Ġappuniż kien qed juża metodu ta' produzzjoni li kien differenti minn dak standard li jużaw il-produtturi Ċiniżi u tal-Unjoni (ibbażat fuq in-nafta minflok il-gass naturali bħala l-materja prima bażika għall-produzzjoni tal-urea li wara tintuża għall-produzzjoni tal-melamina), il-kostijiet tal-manifattura, li jintużaw għat-test tat-tmexxija ordinarja tal-kummerċ fil-kalkolu tal-valur normali, ġew aġġustati 'l isfel biex jirriflettu din id-differenza fil-metodu ta' produzzjoni. Dan kien ibbażat fuq id-differenza reali fil-kostijiet tal-manifattura bejn il-materji primi bażiċi rispettivi: in-nafta, u l-gass naturali. L-aġġustament seta' jiġi kkalkulat b'mod preċiż għall-produttur fil-pajjiż analogu li kkoopera minħabba li wara l-PIR il-kumpanija inkwistjoni bidlet il-metodu tagħha għal dak standard, li huwa bbażat fuq il-gass naturali. Il-kalkolu qies ukoll il-bidliet fil-prezzijiet tas-suq taż-żewġ materji primi wara l-PIR. Il-livell eżatt tal-aġġustament u l-kalkolu tiegħu ma setax jiġi żvelat minħabba li kien ibbażat fuq l-informazzjoni dwar il-kostijiet ta' kumpanija waħda biss, u għaldaqstant huma kunfidenzjali. Madankollu, il-livell approssimattiv tal-aġġustament ġie żvelat fil-forma ta' meded lill-partijiet interessati.

(c)   Prezz tal-esportazzjoni

(46)

Ladarba l-esportaturi Ċiniżi ma kkooperawx, ġie estratt prezz tal-esportazzjoni medju għall-PIR mill-istatistiċi tal-importazzjoni tal-Eurostat. Il-prezz tal-esportazzjoni ġie aġġustat minn CIF għal frank mill-fabbrika għal fatturi applikabbli elenkati fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku abbażi tad-dejta sottomessa fit-talba għal rieżami jew miġbura fl-investigazzjoni oriġinali. Il-livell totali tal-aġġustament jammonta għal 11 %.

(d)   Paragun

(47)

Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż medju kif determinat iktar 'il fuq ġew ipparagunati fuq bażi ta' kif joħroġ mill-fabbrika.

(48)

Biex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ingħata lok, fil-forma ta' aġġustamenti, għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kumparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Bażiku kif spjegat fil-premessi (44) u (46) iktar 'il fuq. Fil-każ tal-prezzijiet domestiċi, sar aġġustament għall-ġarr intern tal-merkanzija. Fil-każ tal-prezzijiet tal-esportazzjoni sar aġġustament għall-ġarr tal-merkanzija intern, l-immaniġġjar, u l-ġarr tal-merkanzija bil-baħar.

(49)

Iċ-Ċina tapplika politika li tirrimborża l-VAT b'mod parzjali wara l-esportazzjoni, u f'dan il-każ, il-VAT ta' 8 % ma ġiex rimborżat. Sabiex jiġi żgurat li l-valur normali jiġi espress fl-istess livell ta' tassazzjoni bħall-prezz tal-esportazzjoni, il-valur normali ġie aġġustat 'il fuq b'dik il-parti tal-VAT imposta fuq l-esportazzjonijiet tal-melamina li ma ġietx rimborżata lill-produtturi esportaturi Ċiniżi (8).

(e)   Marġni tad-dumping

(50)

Il-prodott ikkonċernat huwa meqjus omoġenu, f'dan ir-rieżami kif ukoll fl-investigazzjoni oriġinali. Għaldaqstant, ma kienx meħtieġ kalkolu tal-marġni tad-dumping għal kull tip ta' prodott. Il-prezz tal-esportazzjoni medju Ċiniiż għall-Unjoni kien ferm iktar baxx mill-valur normali stabbilit fil-pajjiż analogu. L-investigazzjoni wriet li l-esportaturi Ċiniżi komplew jagħmlu dumping tal-prodotti tagħhom fis-suq tal-Unjoni b'marġni li ġieli tela' sa' 21,0 % tul il-PIR.

(51)

Wara d-divulgazzjoni definittiva is-CCPIT qal li x-xorta u l-livell eżatt ta' ċerti aġġustamenti li saru fil-kalkolu tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni ma ġewx divulgati lill-partijiet interessati.

(52)

F'dan ir-rigward infakkru li l-ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkoopera f'din il-proċedura. Għaldaqstant, l-ebda parti interessata Ċiniża ma rċeviet kalkolu dettaljat tal-prezz tal-esportazzjoni tagħha. Fir-rigward tal-aġġustamenti tal-valur normali, infakkru li dawn kienu bbażati fuq id-dejta ta' kumpanija waħda biss fil-pajjiż analogu, u għalhekk setgħu jiġu biss divulgati f'meded minflok fiċ-ċifri preċiżi għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, minħabba li din l-informazzjoni hija sensittiva ħafna għall-kumpanija inkwistjoni. Barra minn hekk, spjegazzjoni dettaljata dwar in-natura tal-aġġustamenti (apparti mill-premessa (48) iktar 'il fuq) u s-sorsi ta' dejta użati ngħataw lill-parti interessata inkwistjoni matul is-seduta ta' smigħ. Għaldaqstant, l-allegazzjoni li l-kalkoli ma ġewx divulgati b'mod adegwat hija miċħuda.

(f)   Konklużjoni dwar id-dumping fil-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami

(53)

Il-Kummissjoni kkonstatat li l-produtturi esportaturi Ċiniżi komplew jesportaw il-melamina għall-Unjoni bi prezzijiet tad-dumping tul il-PIR (għalkemm f'volum inqas minn dak li kien hemm fl-investigazzjoni oriġinali).

(54)

Madankollu, il-maġġoranza (9) tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni saru taħt is-sistema MIP, u għaldaqstant il-prezz preżenti tal-esportazzjoni mhux bilfors jirrifletti il-livell tal-prezz reali fil-każ li l-miżuri antidumping fis-seħħ jitħallew jiskadu. Barra minn dan, il-volum tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ fl-Unjoni kien relattivament baxx tul il-PR (madwar 2 % tas-sehem mis-suq). Għaldaqstant il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni ta' dumping fil-każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

3.   Evidenza dwar il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tad-dumping

(55)

Il-Kummissjoni analizzat jekk kienx hemm il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dumping jekk il-miżuri fis-seħħ jitħallew jiskadu. Hija u tagħmel dan, fliet il-kapaċità ta' produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva Ċiniża, l-imġiba tal-esportaturi Ċiniżi fi swieq oħra, u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(56)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-analiżi dwar il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping saret f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-informazzjoni misjuba fit-talba għal rieżami u informazzjoni pubblikament disponibbli.

(a)   Il-kapaċità ta' produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ

(57)

Skont l-istatistiċi ppreżentati mill-applikanti fit-talba, il-kapaċità ta' produzzjoni Ċiniża ammontat għal 1,9 miljun tunnellata fl-2013 (10). Fl-istess sena, il-produzzjoni fiċ-Ċina kienet qrib il-1,1 miljun tunnellata, filwaqt il s-suq domestiku Ċiniż kien jirrappreżenta madwar 852 000 tunnellata.

(58)

Minħabba l-livell ta' produzzjoni fir-RPĊ, il-kapaċità ta' riżerva Ċiniża kienet sinifikanti, jiġifieri madwar 800 000 tunnellata. Skont id-dejta tal-2013, il-produzzjoni reali taċ-Ċina kienet kważi tkopri għalkollox id-domanda domestika (l-importazzjoni ta' 700 tunnellata kienet insinifikanti) u ppermettiet li jkun hemm ukoll 205 000 tunnellata f'esportazzjonijiet.

(59)

Fil-PIR l-esportazzjonijiet totali Ċiniżi żdiedu għal 240 000 tunnellata (11). Din iċ-ċifra, kif ukoll il-kapaċità ta' riżerva enormi msemmija iktar 'il fuq trid tiġi kkunsidrata wkoll bl-isfond tal-konsum totali fis-suq tal-Unjoni, li fil-PIR kienet stmata fil-livell ta' 393 000 tunnellata.

(60)

Jekk tattiva l-kapaċità ta' riżerva tagħha, il-produzzjoni Ċiniża tista' teoretikament tforni iktar minn darbtejn il-konsum totali tal-unjoni, saħansitra jekk wieħed iqis id-domanda domestika u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(61)

Is-CCPIT qal li l-istima tal-kapaċità ta' riżerva Ċiniża kellha tqis it-tkabbir mistenni tas-suq domestiku Ċiniż. Tabilħaqq, it-tkabbir tas-suq intern Ċiniż ġie eżaminat ukoll mir-rapport imsemmi fil-premessa (57). Skont dik l-istima, il-konsum domestiku fiċ-Ċina għandu jikber b'5,9 % fis-sena u jilħaq 1,1 miljun tunnellata fl-2018. Madankollu, anke jekk wieħed iqis it-tkabbir tad-domanda domestika u l-volumi totali tal-esportazzjoni ta' madwar 250 000 jew saħansitra 300 000 tunnellata, il-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ xorta waħda tkun ogħla mill-konsum totali tas-suq tal-Unjoni. Dan ix-xenarju huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni konservattiva li l-kapaċità totali tal-produzzjoni Ċiniża ma żdiditx u li mhijiex se tiżdied bejn l-2013 u l-2018.

(62)

Il-Kummissjoni għaldaqstant ikkonkludiet li r-RPĊ għandha kapaċitajiet ta' riżerva sinifikanti ta' produzzjoni tal-melamina li jeċċedu l-konsum totali tal-Unjoni.

(63)

Wara d-divulgazzjoni definittiva s-CCPIT allega li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta' riżerva Ċiniża kienu msejsin fuq analiżi li kellha xi nuqqasijiet, minħabba li ntużaw iċ-ċifri ta' żewġ perjodi differenti, jiġifieri l-kapaċità reali tal-produzzjoni fl-2013 u l-esportazzjoni u l-konsum stmat Ċiniż fil-PIR. Barra minn hekk, is-CCPIT jindika li fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ffukat fuq l-esportazzjoni totali Ċiniża għolja tal-prodott ikkonċernat fil-PIR filwaqt li injorat il-fatt li l-esportazzjoni ddestinata lejn is-suq tal-Unjoni kienet relattivament żgħira. Fl-aħħar, is-CCPIT ippreżenta metodu alternattiv għall-kalkolu tal-użu tal-kapaċità Ċiniża u l-kapaċità ta' riżerva prevista għas-sena 2018, ibbażat fuq ċifri ppreżentati fl-anness 24 tat-talba għal rieżami tal-iskadenza minflok iċ-ċifri ppreżentati fl-anness 9 tiegħu, li użat il-Kummissjoni.

(64)

B'risposta għal dan ta' hawn fuq l-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li s-suppożizzjoni li ma jkun hemm l-ebda żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni totali fiċ-Ċina bejn is-sena 2013 u l-PIR kien metodu konservattiv ħafna għall-analiżi. Li kieku l-Kummissjoni kellha wkoll tuża stima ta' din iċ-ċifra għall-PIR u tuża l-metodoloġija bbażata fuq l-anness 9 tat-talba għal rieżami tal-iskadenza, iċ-ċifra għall-kapaċità ta' produzzjoni fiċ-Ċina tkun ogħla b'230 000 tunnellata.

(65)

It-tieni, fl-analiżi u l-istima tal-kapaċità ta' riżerva Ċiniża, huma relevanti l-volum totali tal-konsum domestiku Ċiniż u l-volum totali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi, u mhux il-volum tal-esportazzjonijiet lejn swieq partikolari, f'dan il-każ lejn l-Unjoni.

(66)

It-tielet, anke li kieku kellu jintuża l-metodu alternattiv tal-kalkolu tal-kapaċità ta' riżerva Ċiniża għall-2018, kif propost mis-CCPIT, il-kapaċità ta' riżerva tkun imnaqqsa b'xi 200 000 tunnellata. Madankollu, dan ma jibdilx il-konklużjoni tal-premessa (61) li l-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ xorta waħda tkun ogħla mill-konsum totali fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-metodu alternattiv ta' kalkolu propost mis-CCPIT huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li fil-każ li jkun hemm iż-żieda prevista tal-konsum domestiku, il-produtturi Ċiniżi xorta jkollhom livelli relattivament baxxi tal-użu tal-kapaċità, jiġifieri 48,3 %. L-allegazzjonijiet tal-parti interessata inkwistjoni fir-rigward tal-analiżi tal-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ għaldaqstant ġew miċħuda.

(b)   Imġiba tal-esportaturi Ċiniżi fis-swieq ta' pajjiżi terzi

(67)

Sabiex tiddetermina jekk il-produtturi esportaturi għadhomx għaddejjin bil-prattiki ta' esportazzjoni bi prezz baxx, il-Kummissjoni eżaminat il-livell tal-prezz fir-rigward tal-bejgħ ta' esportazzjonijiet Ċiniżi lit-tliet swieq tal-esportazzjoni l-iktar importanti tagħha, jiġifieri t-Turkija, il-Malasja, u l-Korea t'Isfel. L-esportazzjonijiet f'dawn is-swieq irrappreżentaw madwar 36 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott li qed jiġi investigat tul il-PIR. Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-livell tal-prezz fir-rigward tal-bejgħ ta' esportazzjoni lejn il-pajjiż analogu, il-Ġappun.

(68)

Il-prezz tal-esportazzjoni lejn is-swieq ta' pajjiżi terzi ġie stabbilit abbażi tad-dejta disponibbli mill-istatistiċi tal-esportazzjoni tar-RPĊ, jiġifieri fuq il-bażi tal-kwantitajiet u l-valuri (aġġustati mill-bażi FOB għal EXW) ta' esportazzjonijiet mir-RPĊ.

(69)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni medji Ċiniżi lejn il-pajjiżi magħżula kienu ferm inqas mill-prezz minimu ta' importazzjoni lejn l-Unjoni stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, kif ukoll mil-livell tal-prezzijiet domestiċi misjuba fis-suq Ġappuniż fir-rieżami ta' skadenza preżenti.

(70)

Barra minn hekk, sejbiet riċenti tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti li rriżultaw fl-impożizzjoni ta' miżuri antidumping fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina wkoll jikkonfermaw il-preżenza kontinwa ta' prattiki kummerċjali żleali mill-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(71)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, l-imġiba tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, f'termini ta' tnaqqis fil-prezzijiet u possibbilment fil-prattiki ta' dumping, ma nbidlitx.

(c)   Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(72)

Is-suq tal-Unjoni huwa t-tieni l-ikbar suq fid-dinja għall-melamina, b'domanda stmata ta' madwar nofs id-domanda tas-suq domestiku Ċiniż. Qabel ma ġew introdotti l-miżuri, l-Unjoni kienet suq tradizzjonali għaċ-Ċina: l-importazzjonijiet Ċiniżi fl-investigazzjoni oriġinali laħqu medja ta' 30 000 tunnellata fis-sena, jiġifieri iktar minn tliet darbiet il-livell attwali ta' esportazzjonijiet lejn l-UE tagħhom. Il-prezz medju fis-suq tal-Unjoni (EUR 1 149/tunnellata) huwa wkoll ġeneralment ogħla mill-prezz medju tal-esportazzjoni Ċiniż (EUR 855/tunnellata) fis-swieq tal-esportazzjoni ewlenin tagħha. Anke wara li ġew imposti l-miżuri, il-produtturi esportaturi komplew jesportaw lejn l-Unjoni u mantnew ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom mal-utenti fl-Unjoni.

(73)

Għaldaqstant, huwa probabbli li l-produtturi Ċiniżi se jindirizzaw parti mill-kapaċitajiet ta' riżerva vasti tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni li kieku l-miżuri jitħallew jiskadu u ċ-Ċiniżi jkunu kapaċi jesportaw taħt il-PMI attwalment fis-seħħ.

(74)

Barra minn hekk, id-dazji antidumping u kumpensatorji riċenti imposti mill-Istati Uniti (12) fuq il-melamina Ċiniża rriżultaw f'dak li huwa effettivament għeluq ta' suq imdaqqas u bi prezzijiet għolja għar-RPĊ. Fis-snin 2013 u 2014, ir-RPĊ kienet qed tbigħ 10 841 u 12 764 tunnellata ta' melamina lill-Istati Uniti, li wara waqgħu għal 786 tunnellata fl-2015 u 213 tunnellata fl-2016, li għamlu disponibbli kwantitajiet sinifikanti (fil-medda ta' 12 000 tunnellata) għal destinazzjonijiet oħrajn.

(75)

Għaldaqstant, ikun hemm iktar volumi sinifikanti ta' melamina bi prezz baxx li jkunu jistgħu jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni fit-terminu ta' żmien qasir, fil-każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(76)

Wara d-divulgazzjoni definittiva s-CCPIT ikkontesta s-sejbiet ta' hawn fuq dwar l-attraenza tas-suq tal-Unjoni. Il-parti interessata inkwistjoni l-ewwel ma qablitx li s-suq tal-Unjoni kien suq tradizzjonali għall-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-melamina qabel ma ġew imposti l-miżuri. Is-CCPIT enfasizza f'dan ir-rigward li l-esportazzjoni Ċiniża lejn l-Unjoni diġà kienet naqset b'mod drastiku fil-perjodu 2007–2010, qabel ma ġew imposti l-miżuri. It-tieni, il-parti interessata inkwistjoni kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-impożizzjoni riċenti tal-miżuri tad-difiża tal-kummerċ kontra ċ-Ċina mill-Istati Uniti twassal li l-volumi tan-negozju jiġu diretti mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni. Biex isostni dan l-argument, is-CCPIT irrifera għas-sitwazzjoni fis-suq Indjan li minkejja li ilu s-snin protett minn miżuri għadu s-suq ta' esportazzjoni ewlieni għall-produtturi Ċiniżi.

(77)

B'risposta għal dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni saħqet li t-tnaqqis tal-volumi tal-esportazzjonijiet Ċiniżi mill-Unjoni mill-2007 sal-2010 ikkoinċidew mat-tnaqqis drastiku fil-konsum tal-Unjoni f'dan il-perijodu minħabba l-kriżi ekonomika. Is-suq għall-melamina fl-Unjoni nxtorob b'iktar minn 30 % tul dan il-perjodu. Barra minn hekk, fil-bidu tal-2010 kienet diġà nbdiet il-proċedura antidumping, li normalment, anke fi stadju bikri, ukoll ikollha xi impatt fuq il-volumi tan-negozju li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat. It-tieni, fir-rigward tas-suq Indjan, il-Kummissjoni osservat li l-miżuri li imponiet l-Indja kienu ta' livell aktar baxx minn dawk imposti mill-Istati Uniti (13). Barra minn hekk, l-effett tal-miżuri tal-Istati Uniti fuq il-volumi tal-esportazzjoni Ċiniżi diġà jidher ċar, kif indikat fil-premessa (74) iktar 'il fuq. Fid-dawl ta' dak t'hawn fuq, l-allegazzjonijiet tas-CCPIT rigward l-attraenza tas-suq tal-Unjoni ġew miċħuda.

(d)   Konklużjoni dwar id-dumping u l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dumping

(78)

L-investigazzjoni wriet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu qed ibigħu lejn is-suq tal-Unjoni bi prezzijiet ta' dumping. Dawn komplew ukoll l-esportazzjonijiet bi prezz baxx, u allegatament oġġett ta' dumping, lejn is-swieq ta' pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll kapaċità ta' riżerva sinifikanti fiċ-Ċina li kapaċi tissodisfa l-konsum totali fl-UE u fiċ-Ċina, saħansitra fil-każ li jiżdied il-konsum domestiku Ċiniż fil-ġejjieni. Finalment, is-suq tal-Unjoni għadu attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi minħabba d-daqs u l-prezzijiet għoljin tiegħu. Din il-konstatazzjoni hija msaħħa aktar mill-għeluq effettiv permezz ta' miżuri protettivi ta' wieħed mis-swieq ta' esportazzjoni Ċiniżi l-aktar importanti — l-Istati Uniti.

(79)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni stabbiliet li huwa probabbli ħafna li volumi sinifikanti tal-melamina Ċiniża se jkomplu jiġu esportati fl-Unjoni fi prezzijiet li huma oġġett ta' dumping fil-każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

D.   INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(80)

Il-prodott simili kien manifatturat minn ħames produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni (14). Huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. It-tliet applikanti (15) li kienu wkoll jikkostitwixxu l-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun (16) huma l-ikbar tliet produtturi, li bejniethom jipproduċu iktar minn 80 % tal-produzzjoni stmata tal-prodott simili fl-Unjoni tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Iż-żewġ produtturi oħra bi produzzjoni limitata ma oġġezzjonawx għall-ftuħ tal-investigazzjoni.

(81)

Parti interessata partikolari argumentat li l-Kummissjoni, meta kienet qed teżamina s-sitwazzjoni skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, ikkunsidrat biss l-importazzjonijiet mir-RPĊ li ġew mibjugħin mill-ġdid u mhux l-importazzjonijiet kollha. Għaldaqstant, ċerti produtturi tal-Unjoni setgħu ġew meqjusa bi żball bħala parti mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-parti interessata lmentat ukoll li l-oriġini tal-importazzjonijiet ma kinitx żvelata minn wieħed mill-produtturi tal-Unjoni fit-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju.

(82)

Kien produttur tal-Unjoni wieħed biss milli wieġbu għall-formola li tistabbilixxi hemmx każ, li importa l-melamina mir-RPĊ, u dan għal perjodu ta' żmien limitat biss (fl-2012 u fl-2013) u fi kwantitajiet negliġibbli (inqas minn 0,2 % tal-bejgħ tiegħu fl-Unjoni lil klijenti indipendenti). Għaldaqstant, din l-allegazzjoni ma ntlaqgħetx. Rigward it-tieni punt, il-produttur tal-Unjoni ma semmiex il-pajjiż ta' oriġini tal-akkwisti tiegħu (mhux bilfors importazzjonijiet) fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju biex ma jikxifx l-identità tal-fornitur tiegħu. F'kull każ, kif diġà ssemma iktar 'il quddiem, il-volumi ta' importazzjonijiet mir-RPĊ kienu negliġibbli. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li dan il-produttur tal-Unjoni huwa parti mill-industrija tal-Unjoni, kif definit mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(83)

Fin-nuqqas ta' kummenti ulterjuri, il-kompożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet b'dan ikkonfermata.

E.   IS-SITWAZZJONI TAS-SUQ TAL-UNJONI

1.   Il-konsum fl-Unjoni

(84)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit billi ġew miżjuda l-importazzjonijiet mir-RPĊ u minn pajjiżi terzi oħra skont l-Eurostat mal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. L-informazzjoni dwar il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni nkisbet mit-talba għal rieżami kif aġġustata abbażi tad-dejta pprovduta fit-tweġibiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għall-PIR.

(85)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Volum (tunnellati)

349 464

356 552

365 684

381 141

392 776

Indiċi (2012 = 100)

100

102

105

109

112

Sors: Talba għal rieżami, l-Eurostat, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji

(86)

Il-konsum tal-Unjoni żdied kontinwament matul il-perjodu kkunsidrat, b'żieda kumplessiva ta' 12 %, jiġifieri minn kważi 350 000 tunnellata fl-2012 għal kważi 393 000 tunnellata tul il-PIR. Din iż-żieda fil-konsum tirrifletti t-tiġdid ekonomiku ġenerali wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija. F'dak ir-rigward, l-2012 xorta kienet sena diffiċli, minħabba li s-settur tal-kostruzzjoni, l-ikbar settur li jixpruna l-konsum tal-melamina, esperjenza rkupru relattivament bati (17). Dan kellu implikazzjonijiet mhux biss fuq il-konsum iżda wkoll fuq il-prezzijiet tal-bejgħ u xi indikaturi ta' ħsara oħrajn, kif se jiġi muri iktar 'il quddiem.

2.   Importazzjoni mir-RPĊ lejn l-Unjoni

(a)   Volum, prezz u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

Tabella 2

Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Volum ta' importazzjonijiet (tunnellati)

1 313

8 762

6 586

8 984

7 938

Indiċi (2012 = 100)

100

667

502

684

605

Sehem mis-suq (%)

0,4

2,5

1,8

2,4

2,0

Sors: Eurostat

(87)

Wara l-impożizzjoni tad-dazji antidumping, l-importazzjonijiet tal-melamina mir-RPĊ naqsu b'mod konsiderevoli (18). Madankollu, l-importazzjonijiet Ċiniżi għadhom preżenti fis-suq tal-Unjoni.

(88)

Il-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ żdiedu minn ftit iktar 1 300 tunnellata għal madwar 8 000 tunnellata matul il-perjodu kkunsidrat. Kien hemm żieda notevoli bejn l-2012 u l-2013 (l-iktar minħabba l-prestazzjoni ħażina fl-2012) wara liema l-volumi baqgħu relattivament stabbli tul il-perjodu kkunsidrat, li fih kellhom sehem mis-suq ta' madwar 2 %.

(b)   Il-prezz tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-tnaqqis fil-prezzijiet

Tabella 3

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Prezz CIF medju fil-fruntiera tal-Unjoni (EUR/tunnellata)

1 203

1 157

1 150

1 124

1 113

Indiċi (2012 = 100)

100

96

96

93

93

Sors: Eurostat

(89)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjoni mir-RPĊ baqgħu relattivament stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, bi tnaqqis globali ta' 7 % li laħaq EUR 1 113/tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami (19). Il-livelli osservati tal-prezzijiet (u l-istabbiltà tagħhom) x'aktarx huma dovuti għall-miżuri fis-seħħ, partikolarment il-PMI. Is-sehem tal-importazzjonijiet taħt l-iskema PMI żdied b'mod stabbli tul il-perjodu kkunsidrat u kopra l-maġġoranza tal-importazzjonijiet kollha miċ-Ċina fil-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami (20).

(90)

Meta jintuża l-prezz medju ta' importazzjoni, kif irrapportat mill-Eurostat, l-importazzjonijiet Ċiniżi ma kinux inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Minħabba li l-maġġoranza tal-importazzjonijiet mir-RPĊ daħlu mill-iskema PMI, il-livell tal-prezz irrapportat mhux bilfors jirrifletti l-prezzijiet “ta' veru” li bihom il-produtturi esportaturi Ċiniżi jkunu qed ibigħu l-melamina bihom fis-suq tal-Unjoni fin-nuqqas tal-miżuri. Dan tixhdu l-informazzjoni mill-bażi ta' dejta Ċiniża dwar l-esportazzjonijiet li turi li prattikament l-importazzjonijiet kollha Ċiniżi lejn il-bqija tad-dinja huma pprezzati ferm taħt il-PMI.

3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(91)

Il-melamina tiġi importata fl-Unjoni minn bosta pajjiżi terzi oħrajn, kif jidher fit-tabella ta' hawn taħt:

Tabella 4

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u s-sehem tagħhom mis-suq

Volum tal-importazzjoni (f'tunnellati)

2012

2013

2014

2015

PIR

Il-Qatar

24 142

21 116

29 195

23 516

29 929

Ir-Russja

461

10 830

15 573

15 902

15 951

L-Istati Uniti tal-Amerka

10 870

15 031

15 037

15 496

11 636

Trinidad u Tobago

26 283

3 925

3 940

8 308

9 368

Il-Ġappun

282

241

1 637

4 349

8 292

Pajjiżi oħra (21)

4 360

17 105

7 761

17 447

21 894

Total

66 397

68 247

73 142

85 018

97 070

Indiċi (2012=100)

100

103

110

128

146

Sehem mis-suq (%)

19,0

19,1

20,0

22,3

24,7

Prezz medju (EUR/tunnellata) CIF fruntiera tal-Unjoni

835

1 095

974

1 003

1 006

Sors: Eurostat

(92)

Matul il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra fl-Unjoni żdiedu kontinwament minn madwar 66 miljun tunnellata fl-2012 għal madwar 97 000 tunnellata fil-PIR, jiġifieri b'46 %. B'mod simili, is-sehem tagħhom mis-suq żdied minn 19 % fl-2012 għal kważi 25 % fil-PIR. Forst il-pajjiżi terzi importaturi ewlenin insibu l-Qatar, l-Istati Uniti tal-Amerka, Trinidad u Tobago, u l-Ġappun, filwaqt li hemm sehem jikber ta' “pajjiżi oħra” li mhumiex speċifikati fl-Eurostat.

(93)

Minkejja dan is-sehem sinifikanti mis-suq, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi ma kellhomx effett dannuż fuq l-industrija tal-Unjoni, kif wieħed jista' jara mill-iżvilupp tal-indikaturi tal-ħsara kif spjegat iktar 'l isfel. Ir-raġuni hi li minkejja li l-livell tal-prezz medju tagħhom kien aktarx taħt il-PMI (fl-akkwati ta' EUR 1 000/tunnellata tul il-perjodu kkunsidrat) (22) qatt ma kien baxx daqs il-prezzijiet Ċiniżi osservati tul l-investigazzjoni oriġinali jew il-prezzijiet attwali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-bqija tad-dinja (madwar EUR 855/tunnellata aġġustati għall-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni). Iktar importanti huwa l-fatt li dawn is-sorsi kollha għandhom kapaċità ta' produzzjoni pjuttost limitata (l-iktar fil-firxa ta' 50 000 tunnellata sa 60 000 tunnellata fis-sena) (23) li jfisser li ma għandhomx l-istess impatt destabbilizzanti fuq il-bilanċ tal-provvista/domanda tas-suq tal-melamina li r-RPĊ kellha l-abbiltà li tagħmel fl-investigazzjoni oriġinali.

(94)

Is-CCPIT allega li l-industrija tal-Unjoni mhijiex kompetittiva u li tbati biex tikkompeti mal-esportazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Il-parti argumentat li jekk l-industrija tal-Unjoni qed tbati minn ħsara, tali ħsara qed tiġi kkawżata mill-esportazzjonijiet minn pajjiżi terzi li mhumiex ir-RPĊ.

(95)

Is-sejbiet u l-konklużjonijiet dwar il-ħsara jikkontradixxu din l-allegazzjoni kif inhija deskritta fid-dettall fit-taqsima 5 iktar 'l isfel. Il-miżuri ħolqu kundizzjonijiet tas-suq ġusti li bihom l-industrija tal-Unjoni kkompetiet mal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn, inklużi dawk tar-RPĊ (li flimkien jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-konsum tal-Unjoni fil-PIR) u fl-istess ħin irnexxielha tirkupra mill-ħsara li ġarrbet fl-imgħoddi. Dan juri li l-industrija tal-Unjoni tiflaħ għall-kompetizzjoni meta din tkun ġusta.

4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.1.   Rimarki ġenerali

(96)

F'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

(97)

Kif imsemmi fil-premessa (14), intuża l-kampjunar għad-determinazzjoni tal-ħsara possibbli li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

(98)

Għad-determinazzjoni tal-ħsara, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tal-ħsara makroekonomiċi u l-indikaturi tal-ħsara mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat indikaturi makroekonomiċi relatati mal-industrija tal-Unjoni kollha abbażi ta' informazzjoni pprovduta u vverifikata fit-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u informazzjoni fit-talba għal rieżami aġġustati fuq il-bażi tal-iżviluppi tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun għall-PIR. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi li jirrigwardaw biss il-kumpaniji inklużi fil-kampjun abbażi tad-dejta inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarji mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta' dejta nstabu li jirrappreżentaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(99)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, l-impjiegi, il-produttività, il-volum ta' bejgħ, is-sehem mis-suq u l-konsum tal-Unjoni.

(100)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji tal-bejgħ, il-ħażniet, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

4.2.   Il-produzzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(101)

Id-dejta dwar il-produzzjoni marbuta mal-industrija tal-Unjoni għall-perjodu kkunsidrat ġiet stabbilita abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju vverifikati tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, u d-dejta stmata relatata mal-produtturi mhux fil-kampjun kif ipprovdut fit-talba għal rieżami mill-applikanti kif ukoll mill-Eurostat.

(102)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni baqgħet relattivament stabbli b'quċċata fl-2014 u żieda ġeneralment modesta ta' 3 % tul il-perjodu sħiħ ikkunsidrat. Ġie stmat li l-produzzjoni tal-Unjoni kienet 374 540 tunnellata fil-PIR.

(103)

Il-kapaċità ta' produzzjoni totali u l-użu tal-kapaċità totali tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Il-produzzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

365 245

383 215

391 761

377 539

374 540

Indiċi (2012 = 100)

100

105

107

103

103

Kapaċità ta' produzzjoni (f'tunnellati)

479 120

479 120

479 120

479 120

479 120

Indiċi (2012 = 100)

100

100

100

100

100

Rata tal-użu tal-kapaċità (%)

76

80

82

79

78

Sors: Talba għal rieżami, l-Eurostat, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji

(104)

Il-volum tal-produzzjoni baqa' relattivament baxx tul il-perjodu kkunsidrat. Wara li l-konsum irpilja, fl-2013 u l-2014 il-produzzjoni żdiedet. It-tnaqqis fl-2015 u l-PIR (iż-żewġ perjodi jikkoinċidu b'disa' xhur) kien dovut għal għadd ta' fatturi differenti bħall-waqfien tal-produzzjoni għall-manutenzjoni mandatorja ta' kull ftit snin, inċidenti tan-nar, jew deċiżjonijiet ekonomiċi.

(105)

Il-kapaċità ta' produzzjoni baqgħet kostanti tul il-perjodu kkunsidrat, bi kważi 480 000 tunnellata. Bis-saħħa tal-kapaċità kostanti tal-produzzjoni, ir-rati ta' użu tal-kapaċità segwew ix-xejra tal-produzzjoni mill-qrib. Tul il-perjodu kkunsidrat, l-użu tal-kapaċità baqa' fil-medda ta' bejn 76 % u 82 %.

4.3.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(106)

Iċ-ċifri tal-bejgħ fit-tabella ta' hawn taħt jirreferu għall-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni lil konsumaturi indipendenti:

Tabella 6

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Volum tal-bejgħ (tunnellati)

269 154

265 738

270 175

271 581

275 365

Indiċi (2012 = 100)

100

99

100

101

102

Sehem mis-suq (%)

81

78

78

75

73

Sors: Talba għal rieżami, l-Eurostat, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji.

(107)

Il-volumi tal-bejgħ żdiedu bi 2 % tul il-perjodu kkunsidrat. Din ir-rata ta' tkabbir hija inqas mit-tkabbir tal-konsum tal-Unjoni tul l-istess perjodu (12 %) kif muri fit-tabella 1 iktar 'il fuq. B'konsegwenza, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 8 punti perċentwali minkejja ż-żieda fil-volum tal-bejgħ. Tul il-PIR l-industrija tal-Unjoni kellha madwar 73 % tas-suq tal-Unjoni.

(108)

Is-sehem li l-industrija tal-Unjoni tilfet mis-suq ġie maqsum ftit jew wisq bl-istess mod mill-fornituri ta' pajjiżi terzi; ir-Russja, il-Ġappun, u l-Qatar għamlu gwadanni, Trinidad u Tobago għamlu telf, u l-Istati Uniti żammew volumi ta' bejgħ relattivament stabbli. Ir-RPĊ bbenefikat ukoll miż-żieda fil-konsum tal-Unjoni, iżda sa livell inqas, kif indikat fil-premessa (88).

4.4.   Il-prezzijiet tal-bejgħ u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(109)

Il-prezzijiet tal-bejgħ medji tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

Il-prezz medju tal-bejgħ

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Prezz tal-bejgħ medju ta' unità fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

1 013

1 245

1 135

1 139

1 149

Indiċi (2012 = 100)

100

123

112

112

113

Sors: tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju

(110)

Il-prezz medju tal-bejgħ tal-unitajiet tal-industrija tal-Unjoni lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żdied bi 13 % matul il-perjodu kkunsidrat. Kien hemm qabża relattivament kbira fil-prezzijiet tal-melamina fl-2013 meta mqabbel mal-livell tal-prezz imnaqqas fl-2012 (+ 23 %) minħabba ż-żieda fid-domanda wara li s-settur tal-kostruzzjoni rpilja. Il-prezzijiet tbaxxew fl-2014 għal livell madwar il-PMI u baqgħu stabbli minn dak iż-żmien 'l hawn.

(111)

Il-prezzijiet tal-bejgħ normalment jiġu nnegozjati kull trimestru u jiddependu prinċipalment fuq il-proporzjon bejn id-domanda u l-provvista tal-melamina fis-suq (u l-perċezzjoni tiegħu). Il-prezzijiet tal-materja prima ma jinfluwenzawx il-prezzijiet tal-melamina direttament, jiġifieri l-prezzijiet tal-melamina mhumiex marbutin/indiċjati mal-materja prima ewlenija kif inhu l-każ għal xi prodotti oħrajn.

4.5.   Impjiegi u produttività

(112)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

L-impjiegi u l-produttività

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Għadd ta' impjegati

555

595

598

611

613

Indiċi (2012 = 100)

100

107

108

110

110

Produttività (tunnellata/impjegat)

658

644

655

618

611

Indiċi (2012 = 100)

100

98

99

94

93

Sors: tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju.

(113)

L-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b'10 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-produttività espressa skont il-volum tal-produzzjoni għal kull impjegat naqset b'7 % tul il-perjodu kkunsidrat.

4.6.   Il-kostijiet lavorattivi

(114)

Il-kostijiet medji lavorattivi tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 9

Kostijiet lavorattivi

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

61 982

65 247

66 600

67 715

68 676

Indiċi (2012 = 100)

100

105

107

109

111

Sors: tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju

(115)

Bejn l-2012 u l-PIR, il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żdiedu bi 11 %. Ir-raġuni ewlenija għal din iż-żieda kienet l-inflazzjoni annwali.

4.7.   Inventarji

(116)

Il-livelli tal-ħażniet tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 10

Inventarji

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Ħażniet tal-għeluq (tunnellati)

23 194

26 792

26 470

14 924

12 995

Indiċi (2012 = 100)

100

116

114

64

56

Il-ħażna tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

6,9

8,2

8,0

4,8

4,2

Indiċi (2012 = 100)

100

119

117

70

61

Sors: tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju

(117)

Il-ħażniet tal-għeluq, kemm il-volumi assoluti u bħala perċentwal tal-produzzjoni naqsu drastikament (– 44 % u – 39 % rispettivament) fi tmiem il-PIR. Ir-raġuni ewlenija hi li fl-2015 l-industrija tal-Unjoni għaddiet minn nuqqasijiet ta' produzzjoni temporanji kif imsemmi fil-premessa (104) qabel, li wasslu biex il-livelli tal-ħażniet intużaw biex jissodisfaw l-obbligi kollha tal-provvista.

4.8.   Kost tal-produzzjoni

(118)

Il-kost unitarju tal-produzzjoni żviluppa kif ġej tul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 11

Kost unitarju tal-produzzjoni

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Kost tal-produzzjoni (EUR/tunnellata)

1 114

1 144

1 052

1 070

1 036

Indiċi (2012 = 100)

100

103

94

96

93

Sors: tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju.

(119)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-kost unitarju tal-produzzjoni tal-melamina tal-industrija tal-Unjoni naqas b'7 %.

(120)

Il-materja prima ewlenija għall-melamina hija l-urea, li jew tinxtara jew inkella tiġi prodotta internament mill-ammonijaka mill-produtturi tal-Unjoni. L-ammonijaka min-naħa t'hekk hija prinċipalment magħmula mill-gass naturali. Bħala medja, l-urea/l-ammonijaka jirrappreżentaw madwar 40 % tal-kost totali tal-produzzjoni għall-industrija tal-Unjoni. Tul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet tal-ammonijaka u l-urea segwew xejra ġenerali tat-tnaqqis b'mod ġenerali u naqsu bi 23,5 % u 25,5 % rispettivament bejn l-2012 u l-PIR.

4.9.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital

Tabella 12

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

2012

2013

2014

2015

PIR

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni għal klijenti mhux relatati (% tal-fatturat tal-bejgħ)

– 13,6

7,2

6,9

9,3

15,4

Sena/sena f'punti perċentwali (%)

20,8

– 0,3

2,4

6,1

Fluss tal-flus (EUR)

2 939 133

41 847 614

36 840 085

47 933 .386

63 738 058

Indiċi (2012 = 100)

100

1 424

1 253

1 631

2 169

Investimenti (EUR)

6 463 713

13 675 164

11 533 893

13 638 599

12 234 128

Indiċi (2012 = 100)

100

212

178

211

189

Redditu fuq l-investmenti (%)

– 28,1

16,2

14,9

20,8

34,1

Sena/sena f'punti perċentwali (%)

44,3

– 1,3

5,9

13,3

Sors: tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju.

(121)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-prodott simili għall-klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Tul il-perjodu kkunsidrat, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b'mod stabbli bħala effett ikkombinat ta' żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ (il-premessa (110)) u t-tnaqqis fil-kost tal-materja prima (il-premessa (120)).

(122)

Il-fluttwazzjonijiet fil-profitti huma pjuttost volatili f'din l-industrija, kif jidher miċ-ċifri osservati matul il-perjodu kkunsidrat. Il-profitti mxew minn livelli insostenibbilment baxxi għal quċċata għolja ħafna tul il-perjodu ta' erba' snin b'volumi ta' bejgħ u produzzjoni relattivament stabbli. Ir-raġuni hi li l-prezz tal-bejgħ tal-melamina huwa influwenzat ħafna mill-bilanċi tal-provvista u d-domanda fis-suq u l-perċezzjoni tagħhom, filwaqt li l-kostijiet jiddependu ħafna fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Din tista' twassal għal sitwazzjoni fejn, f'suq li qiegħed jikber, il-prezzijiet tal-bejgħ jiżdiedu saħansitra meta l-prezzijiet tal-materja prima jonqsu jew jistaġnaw, u b'hekk tingħata spinta lill-profitti, filwaqt li jista' jseħħ ix-xenarju oppost meta f'kundizzjonijiet tas-suq depressi l-produtturi jkunu kostretti jbaxxu l-prezzijiet tagħhom (jew iżommuhom kostanti) minkejja ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom.

(123)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja hija stess l-attività tagħha. Il-fluss ta' flus irkupra notevolment mill-2012 sal-2013 (flimkien ma' bosta indikaturi ta' ħsara oħrajn) u wara segwa x-xejra ta' tkabbir tal-profitti.

(124)

L-investimenti żdiedu b'89 % matul il-perjodu kkunsidrat. Kien hemm qabża sinifikanti (+ 112 %) mil-livelli depressi tal-2012 għall-2013 (meta l-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tal-investiment twaqqfu minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja ġeneralment diffiċli) wara liema l-ammont tal-investiment baqa' stabbli. Il-livelli osservati fil-perjodu 2013 sal-PIR jistgħu jitqiesu bħala rati standard tal-investiment li jkopru l-manutenzjoni kontinwa u t-tibdil meħtieġ tal-partijiet tal-makkinarju, iżda mingħajr ebda rikostruzzjoni kbira jew attività ta' żieda fil-kapaċità.

(125)

Ir-redditu fuq l-investiment huwa l-profitt f'perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-assi fissi. Bħal fil-każ tal-indikaturi finanzjarji l-oħrajn, ir-redditu fuq l-investiment relatat mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott simili ukoll żviluppa b'mod pożittiv li jirrifletti x-xejra ta' żieda ġenerali.

5.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(126)

F'kuntest ta' konsum li qiegħed jiżdied, l-industrija tal-Unjoni setgħet tirkupra minn dumping fl-imgħoddi u wriet qagħda ekonomika b'saħħitha matul il-PIR. Il-miżuri fis-seħħ ipprovdew għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq tal-melamina, li mhux talli wasslu biex l-industrija tal-Unjoni tirpilja, iżda ppermettew lill-partijiet ikkonċernati jippjanaw l-attivitajiet tagħhom aħjar. Barra minn hekk, il-miżuri ma eskludewx lill-produtturi Ċiniżi mis-suq tal-Unjoni, u dawn baqgħu preżenti. L-importazzjonijiet minn għadd ta' pajjiżi terzi oħrajn komplew ukoll, iżda mingħajr ma joħolqu fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet irraġonevoli u/jew aspettattivi foloz dwar is-suq ta' kwantitajiet abbundanti ta' melamina bi prezz baxx.

(127)

Konsegwentement, fil-perjodu kkunsidrat kważi l-indikaturi kollha tal-ħsara wrew xejra pożittiva. L-industrija tal-Unjoni żiedet kemm il-volumi ta' bejgħ kif ukoll il-volumi ta' produzzjoni tagħha. Minħabba li l-konsum tal-Unjoni żdied b'rata ogħla, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas iżda madankollu baqa' f'livell għoli biżżejjed. L-industrija tal-Unjoni żiedet ukoll il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha, li jimxu mat-tkabbir ġenerali tad-domanda li toriġina mill-irkupru tas-settur tal-kostruzzjoni. Minħabba li l-prezzijiet tal-materja prima naqsu fl-istess perjodu, il-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni rkuprat sew. Dan fisser ukoll li l-indikaturi finanzjarji żviluppaw b'mod favorevoli.

(128)

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

F.   IL-PROBABBILTÀ TA' RIKORRENZA TAL-ĦSARA

(129)

F'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni mbagħad ivvalutat jekk hemmx probabbiltà ta' rikorrenza tal-ħsara fil-każ li l-miżuri fis-seħħ kontra r-RPĊ jitħallew jiskadu. Ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-produzzjoni u l-kapaċitajiet ta' riżerva fir-RPĊ, l-eżistenza ta' miżuri antidumping jew kumpensatorji fuq il-melamina f'pajjiżi terzi oħra, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, l-imġiba fl-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi f'pajjiżi terzi oħra u, finalment, valutazzjoni tal-impatt probabbli tat-tkomplija ta' dumping Ċiniż fuq il-prestazzjoni tas-suq tal-Unjoni.

1.   Il-kapaċità ta' produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ

(130)

Ir-RPĊ hija l-akbar produttur ta' melamina fid-dinja u fi tmiem l-2013 kienet tirrappreżenta madwar 69 % tal-kapaċità tal-produzzjoni dinjija (24). L-analiżi li saret fil-premessi (57) sa (61) uriet li l-kapaċitajiet ta' riżerva disponibbli fiċ-Ċina matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami kienu għoljin ħafna meta mqabblin mas-suq domestiku Ċiniż kif ukoll id-domanda globali. Il-kapaċità ta' riżerva Ċiniża kienet stmata li hija mill-inqas 500 000 tunnellata fis-sena, li teċċedi l-konsum totali tal-Unjoni fil-PIR. F'dan ir-rigward huwa importanti li jiġi nnutat li s-suq tal-Unjoni huwa t-tieni l-ikbar suq fid-dinja wara ċ-Ċina għall-melamina.

(131)

Barra minn hekk, kif diġà ntqal fil-premessa (74), id-dazji antidumping u kumpensatorji imposti mill-Istati Uniti tal-Amerika fuq il-melamina ta' oriġini Ċiniża lliberaw kwantitajiet sinifikanti ulterjuri (fil-medda ta' 12 000 tunnellata) għal destinazzjonijiet oħra.

2.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-imġiba tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fi swieq terzi oħrajn

(132)

Id-daqs tas-suq tal-Unjoni — li huwa t-tieni l-akbar fid-dinja — huwa ċarament fattur importanti li jikkontribwixxi għall-attraenza tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ komplew minkejja l-miżuri juri li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jaraw is-suq tal-Unjoni attraenti u huma ħerqana jkomplu jbigħu fis-suq tal-Unjoni u jżommu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom.

(133)

Fattur importanti ieħor li juri l-attraenza tas-suq tal-Unjoni huwa l-livell ogħla ta' prezzijiet meta mqabbel ma' swieq oħrajn. Kif diġà ssemma fil-premessa (72) qabel, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tar-RPĊ fil-biċċa l-kbira tad-destinazzjonijiet l-oħrajn tagħha huma ferm taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Abbażi tal-bażi ta' dejta tal-esportazzjoni Ċiniża, tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, 'il fuq minn 99 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi (jiġifieri 224 000 tunnellata, volum ekwivalenti għal 57 % tas-suq tal-Unjoni) nbigħu bi prezz medju ta' EUR 922/tunnellata kif aġġustati (25). Dan il-prezz huwa ferm inqas mill-prezz medju tal-industrija tal-Unjoni (EUR 1 149/tunnellata) fl-istess perjodu.

(134)

Għalhekk, is-suq tal-Unjoni huwa suq attraenti għall-esportazzjonijiet Ċiniżi kemm f'termini tad-daqs u tal-livelli tal-prezzijiet.

3.   Impatt tad-dumping Ċiniż fuq l-industrija tal-Unjoni

(135)

Meta wieħed iqis il-kapaċitajiet ta' riżerva kbar u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni kif deskritti hawn fuq, huwa probabbli li volumi sinifikanti ta' melamina bi prezz baxx ikunu disponibbli għall-bejgħ jew għal ridirezzjoni lejn l-Unjoni fi żmien qasir fil-każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(136)

Biex tivvaluta l-impatt probabbli ta' importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx fuq l-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni analizzat is-sitwazzjoni fi swieq oħrajn li huma qrib. F'dan is-sens, it-Turkija tqieset eżempju tajjeb minħabba li għandha suq kbir b'domanda b'saħħitha (26) u tinsab qrib tal-Unjoni Ewropea. Barra minn dan, it-Turkija kienet l-ikbar destinazzjoni ta' esportazzjoni tar-RPĊ bi kważi 32 000 tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Il-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi għat-Turkija ġew irrappurtati fuq bażi FOB fil-bażi ta' dejta tal-esportazzjonijiet Ċiniżi. Il-prezzijiet l-ewwel ġew aġġustati għall-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bil-kostijiet medji tat-trasport u tal-assigurazzjoni u wara żdiedu bil-kostijiet ta' wara l-importazzjoni (b'dazju regolari ta' 6,5 % u kostijiet tal-iżdoganar tal-merkanzija) biex tikseb prezz tal-prodott fl-Unjoni stmat.

(137)

B'riżultat, il-prezz tal-importazzjoni medju Ċiniż għat-Turkija kien ta' EUR 919/tunnellata fil-PIR. Meta wieħed iqis il-prezz ta' esportazzjoni aġġustat għat-Turkija bħala eżempju, dawn il-prezzijiet imorru taħt dawk tal-industrija tal-Unjoni b'20 % tul il-PIR.

(138)

Inkiseb riżultat simili (jiġifieri tnaqqis ta' 19,6 %) meta ntuża l-prezz medju taċ-Ċina għall-bqija tad-dinja (27).

(139)

Minħabba li l-melamina hija prodott bażiku omoġenu, il-prezz huwa l-iktar fattur importanti għall-konsumaturi meta jagħżlu bejn il-fornituri. Għal din ir-raġuni (kif ukoll għal kunsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà tal-provvista) il-biċċa l-kbira tal-klijenti jġibu l-melamina tagħhom minn tal-anqas żewġ jew tliet fornituri differenti u jvarjaw il-kwantitajiet eżatti tal-ordnijiet bejniethom skont il-prezz li joffrulhom. F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa probabbli li d-dħul fis-suq tal-Unjoni ta' importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx iwassal biex il-prezzijiet jaqgħu jekk il-miżuri kellhom jitħallew jiskadu. L-industrija tal-Unjoni jkollha bżonn tnaqqas il-prezzijiet tagħha biex tħabbatha mal-kompetizzjoni Ċiniża, bħalma kien ġara fl-investigazzjoni oriġinali fejn il-prezzijiet tal-Unjoni kienu niżlu sa EUR 900/tunnellata.

(140)

Abbażi tad-dejta vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni għall-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, tnaqqis fil-prezz għal-livell tal-prezzijiet Torok iwassal għal tnaqqis drastiku fil-profitabbiltà tagħhom. Fil-fatt, dan iwassal biex l-industrija tal-Unjoni tibda tagħmel it-telf (– 5,5 %). L-istess riżultat inkiseb meta ntuża l-livell tal-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi kollha għal pajjiżi terzi, jiġifieri – 5 %. Din l-analiżi turi li l-industrija tal-Unjoni ma tistax iżżomm livelli ta' profitt sostenibbli li kieku l-melamina Ċiniża kellha tidħol fl-Unjoni bi prezzijiet simili għal dawk li bħalissa jinżammu f'pajjiżi terzi.

(141)

Barra mill-effett fuq il-prezz, il-volumi li aktarx ikun hemm kien ikollhom effett negattiv fuq l-industrija tal-Unjoni. Jekk wieħed jassumi li jkun hemm tnaqqis pjuttost moderat ta' 30 000 tunnellata fil-volum ta' bejgħ u produzzjoni (tnaqqis ta' madwar 11 % fil-volum ta' bejgħ) (28) b'riżultat ta' żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi, il-kost unitarju tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni jiżdied bi 3,6 % minn EUR 1 037/tunnellata għal EUR 1 073/tunnellata, li jkompli jiggrava s-sitwazzjoni tagħha.

(142)

Minħabba li 25 % tal-konsum tal-Unjoni ġie kopert minn importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn ħlief ir-RPĊ, ma jistax jiġi eskluż li l-melamina Ċiniża oġġett ta' dumping kienet se tieħu post xi wħud minn dawn il-volumi tal-importazzjoni. Fl-istess waqt, il-prezz medju tal-bejgħ ta' importazzjonijiet ta' pajjiżi terzi lejn l-Unjoni huwa anqas mill-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, li jfisser li jekk il-melamina Ċiniża bi prezz baxx terġa' titfaċċa fis-suq tal-Unjoni, din se tibda tikseb sehem mis-suq għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni, qabel ma mbagħad tieħu s-sehem mis-suq ta' produtturi esportaturi minn pajjiżi terzi li jesportaw lejn l-Unjoni.

(143)

F'kull każ, anke jekk l-effett tal-volum kellu jkun iktar baxx fir-realtà mis-simulazzjoni deskritta fil-premessa (141) iktar 'il fuq, l-esperjenza mill-investigazzjoni oriġinali turi li anke kwantitajiet iżgħar li jidħlu fl-Unjoni bi prezzijiet baxxi u oġġett ta' dumping jistgħu joħolqu ħsara lill-industrija tal-Unjoni (29). Huma l-prezzijiet baxxi ħafna tal-importazzjonijiet Ċiniżi flimkien mal-prospett ta' kwantitajiet kbar ħafna li jgħawġu lis-suq tal-Unjoni u li jwasslu biex terġa' ssir ħsara lill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(144)

Wara d-divulgazzjoni definittiva s-CCPIT argumentat li l-estensjoni tal-miżuri mhijiex ġustifikata. Huwa rrefera għall-istess argumenti li jirrigwardaw il-kapaċità ta' riżerva Ċiniża u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni li diġà ssemmew fil-premessi (63) u (76) iktar 'il fuq. Ladarba dawk l-allegazzjonijiet kieku jinvalidaw is-sejbiet dwar il-kontinwazzjoni tad-dumping, il-konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' rikorrenza tal-ħsara mhijiex valida lanqas. Barra minn hekk, is-CCPIT esprima dubji dwar kemm kien xieraq li l-Kummissjoni tirreferi għall-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi għat-Turkija u l-bqija tad-dinja biex tivvaluta l-impatt tal-prezz tad-dumping Ċiniż fuq l-industrija tal-Unjoni ladarba r-regolamenti u l-istituzzjonijiet tal-UE ma għandhom l-ebda ġurisdizzjoni fuq il-prattiki f'pajjiżi terzi.

(145)

B'risposta għal din l-allegazzjoni, il-Kummissjoni saħqet li l-fatt li ġew ikkunsidrati l-prezzijiet Ċiniżi lejn it-Turkija u l-bqija tad-dinja ma jiksirx il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni. Kif spjegat fid-dettall fil-premessi (136) sa (138), il-Kummissjoni kulma għamlet kien li analizzat l-istatistiċi tal-esportazzjoni biex tivverifika l-livell tal-prezzijiet li bihom il-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu qed ibigħu il-melamina lit-Turkija u l-bqija tad-dinja matul il-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami. Il-prezzijiet miżmuma mill-produtturi Ċiniżi għat-Turkija u l-bqija tad-dinja huma l-aħjar indikazzjoni tal-prezzijiet li l-produtturi esportaturi aktarx iżommu fis-suq tal-Unjoni fil-każ li l-miżuri jitħallew jiskadu. Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(146)

L-argumenti rigward il-kapaċità ta' riżerva disponibbli Ċiniża, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tad-dumping ġew ikkonfutati fid-dettall fil-premessi (64) sa (66) u (77) iktar 'il fuq u l-Kummissjoni żammet mal-konklużjoni tagħha f'dawn il-punti kollha. Konsegwentement, il-konklużjonijiet dwar ir-rikorrenza tal-ħsara jibqgħu kif inhuma wkoll.

(147)

Is-CCPIT allega wkoll li ma hemm l-ebda rabta ta' kawżalità bejn l-importazzjonijiet tal-melamina Ċiniża u l-qagħda tal-industrija tal-Unjoni. Il-parti interessata bbażat l-allegazzjoni tagħha fuq in-nuqqas ta' korrelazzjoni b'saħħitha bejn il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi, minn naħa, u l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Skont is-CCPIT, fatturi oħrajn, bħall-prezzijiet tal-materja prima u l-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn minbarra r-RPĊ għandhom effett kawżali dirett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(148)

Huwa mfakkar li, b'kuntrast għall-investigazzjonijiet skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku ma jeħtieġx li ssir analiżi ta' kawżalità fir-rieżamijiet ta' skadenza. Barra minn dan, f'dan il-każ partikolari, il-volumi tal-importazzjoni tal-melamina mir-RPĊ kienu negliġibbli matul il-perjodu sħiħ ikkunsidrat minħabba li dawn kienu fil-medda ta' bejn 0,4 % sa 2,5 % tas-suq tal-Unjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, u saħansitra jekk il-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jista' jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, in-nuqqas possibbli ta' korrelazzjoni bejn il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-melamina u l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni meta jkun hemm il-miżuri fis-seħħ ma tistax isservi ta' bażi għal konklużjonijiet dwar x'aktarx jiġri fis-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(149)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, u fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-Kummissjoni sabet li r-revoka tal-miżuri tirriżulta f'rikorrenza tal-ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

G.   INTERESSI TAL-UNJONI

1.   Kummenti preliminari

(150)

F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping eżistenti kontra ċ-Ċina tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni fl-intier tagħha. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

2.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(151)

Il-Kummissjoni stabbiliet li tul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni kienet irkuprat gradwalment mill-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ. Madankollu, f'każ li l-miżuri kontra ċ-Ċina kellhom jitħassru, huwa probabbli li l-ħsara malajr terġa' tibda sseħħ, minħabba li l-industrija tal-Unjoni tkun esposta għal pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet mill-volumi potenzjalment kbar ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ. B'konsegwenza, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni tiddeterjora kif hemm deskritt fil-premessi (140) u (141) iktar 'il fuq. Min-naħa l-oħra, jekk jinżammu l-miżuri, l-industrija tal-Unjoni tkun tista' żżomm ix-xejriet ekonomiċi pożittivi tagħha waqt li topera f'suq ġust u kompetittiv fl-Unjoni.

(152)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCPIT ikkontesta li l-miżuri jkunu fl-interess tal-industrija tal-Unjoni minħabba li din diġà rkuprat għalkollox. Barra minn hekk, is-CCPIT ikkontestat il-ħtieġa għall-miżuri peress li fil-fehma tagħhom la kien ikun hemm rikorrenza ta' dumping u lanqas ta' ħsara fil-każ li l-miżuri jiskadu.

(153)

Dawn l-argumenti rigward il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni u/jew rikorrenza ta' dumping u ta' ħsara diġà ġew indirizzati fid-dettall fil-kapitoli preċedenti. Fin-nuqqas ta' argumenti ġodda f'dan ir-rispett, is-sejbiet spjegati fil-premessa (151) iktar 'il fuq ġew miżmuma.

(154)

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kontinwazzjoni tal-miżuri antidumping fis-seħħ se tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

3.   L-interess tal-importaturi

(155)

Ħdax-il importatur/distributur magħruf u erba' assoċjazzjonijiet kummerċjali ġew ikkuntattjati fl-istadju tal-bidu. Importatur wieħed fil-Ġermanja wieġeb għall-formola tal-kampjunar u wieġeb il-kwestjonarju.

(156)

Dan in-negozjant importa kwantitajiet limitati tal-melamina mir-RPĊ matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, prinċipalment biex jerġgħu jinbiegħu barra l-Unjoni. Barra minn hekk, in-negozjant xtara l-melamina minn fornituri esterni oħrajn, kif ukoll mingħand l-industrija tal-Unjoni. Tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, in-negozju tal-melamina kien jirrappreżenta iktar minn nofs il-fatturat globali tiegħu u rriżulta f'marġni ta' profitt ta' bejn 2 % sa 4 % (30).

(157)

Filwaqt li wieħed ma jistax jassumi li dan huwa l-każ għall-importaturi l-oħrajn (kollha), dan in-negozjant li kkoopera ma kienx kontra l-miżuri. Dan in-negozjant kien tal-fehma li l-miżuri stabbilizzaw is-suq u pprovdew għas-sigurtà u l-prevedibbiltà tal-provvista, li huma fl-interess tal-atturi kollha fis-suq fit-tul. In-negozjant ikkunsidra li fil-każ li l-miżuri jiskadu, hu jkun jista' faċilment jaqleb għal fornituri Ċiniżi, iżda dan ikollu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti kemm barra kif ukoll ġewwa l-Unjoni, u joħloq tfixkil u fluttwazzjonijiet serji fis-suq tal-melamina.

(158)

Fin-nuqqas ta' informazzjoni oħra, l-investigazzjoni ma wrietx li t-tkomplija tal-miżuri se jkollha xi impatt negattiv sinifikanti fuq l-importaturi fl-Unjoni.

(159)

Wara d-divulgazzjoni definittiva s-CCPIT esprima dubji dwar il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-interess tal-importaturi, u argumenta li din kienet ibbażata fuq il-fehma ta' importatur wieħed, li ma tistax titqies rappreżentattiva.

(160)

Il-Kummissjoni tenniet, kif jingħad fil-premessa (157) iktar 'il fuq, li hi ma assumietx li l-fehmiet tal-importatur li kkoopera jirrappreżentaw l-opinjonijiet tal-importaturi kollha. Madankollu, l-informazzjoni mogħtija mill-importatur wieħed li kkoopera ġiet ivverifikata, u għaldaqstant ġiet meqjusa kif dovut. Is-CCPIT, min-naħa l-oħra, ma tat l-ebda evidenza jew informazzjoni sostanzjata li tindika li ż-żamma tal-miżuri se jkollha xi impatt negattiv sinifikanti fuq l-importaturi.

(161)

Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u fin-nuqqas ta' xi informazzjoni jew evidenza li tindika l-kuntrarju, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żamma tal-miżuri ma għandha l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq l-importaturi fl-Unjoni.

4.   L-interess tal-utenti

(162)

Intbagħtu kwestjonarji lil 68 utent magħruf. Erba' utenti, li jirrappreżentaw 3 % tal-konsum tal-Unjoni u 0,6 % tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, ipprovdew tweġiba kompluta għall-kwestjonarju.

(163)

Il-fehmiet tal-utenti li kkooperaw kompletament kienu pjuttost imħalltin. Żewġ utenti kienu kontra li l-miżuri jitkomplew, u qalu li d-dazju antidumping jżommhom milli jixtru l-melamina mir-RPĊ. Utent ieħor kellu pożizzjoni newtrali, minħabba li l-melamina għandha impatt baxx ħafna fuq l-istruttura tal-kostijiet tagħha. Ir-raba' utent kien favur il-miżuri. Dan l-utent kien imħasseb li jekk il-miżuri jiġu revokati ċ-Ċiniżi kienu se jerġgħu jimlew is-suq tal-Unjoni bil-melamina rħisa. B'riżultat, fuq żmien qasir, il-kostijiet tagħha jitnaqqsu, iżda ftit wara, l-industrija tal-Unjoni tkun tista' tinqered. B'hekk, l-utent isir dipendenti fuq il-provvista Ċiniża.

(164)

L-investigazzjoni wriet li l-utenti ġeneralment kienu qed jimxu tajjeb bil-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti bis-saħħa tal-miżuri antidumping. Tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, il-marġni medju ta' profitt tal-utenti li kkooperaw kien ta' 5,6 %, jiġifieri l-utenti kienu kapaċi jiksbu livelli ta' profitt sodisfaċenti anke bid-dazji fis-seħħ. Barra minn hekk, is-suq tal-Unjoni huwa suq miftuħ li għandu bosta fornituri jikkompetu fih. Għaldaqstant, barra mill-produtturi tal-Unjoni u tar-RPĊ, l-utenti għandhom għadd ta' sorsi tal-provvista alternattivi mingħajr ma jkunu mheddin minn skarsezzi potenzjali fil-provvista.

(165)

Wara d-divulgazzjoni definittiva s-CCPIT allega li l-prolongazzjoni tal-miżuri hija inġusta għax tirriżulta fi prezzijiet tal-melamina li qed jogħlew waqt li l-kostijiet tal-materja prima qed jonqsu, u għaldaqstant tissagrifika l-profittabbiltà tal-utenti u tal-kompetizzjoni ġenerali fis-suq tal-Unjoni għall-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Fis-sottomissjoni tagħha l-parti interessata rreferiet għal studju li sar mill-Copenhagen Institute (31) u bosta każijiet tad-WTO li fihom l-UE kienet parti, pereżempju l-każ KE-Salmon.

(166)

Rigward ir-rimarka dwar iż-żieda fil-prezz, il-Kummissjoni rriferiet għall-premessa (110) iktar 'il fuq. Kif spjegat, iż-żieda fil-prezz tul il-perjodu kkunsidrat seħħet minn livell ta' prezz li kien waqa' ħafna u li ma kienx sostenibbli fl-2012. Wara ż-żieda fl-2013 il-livell tal-prezz fil-fatt naqas u ilu stabbli mill-2014. F'kull każ, CCPIT ma pprovda l-ebda informazzjoni konkreta li turi li s-sitwazzjoni ekonomika tal-utenti tal-melamina ddeterjorat minħabba l-miżuri sa tali punt li jippermettu li ssir il-konklużjoni li ż-żamma tal-miżuri tkun kontra l-interess tal-Unjoni fl-intier tagħha. F'dan is-sens, la l-istudju ekonomiku u lanqas il-każ tad-WTO msemmi mill-parti interessata ma jirreferu b'mod speċifiku għall-industrija tal-melamina.

(167)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' kummenti ulterjuri, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx intwera li ż-żamma tal-miżuri fis-seħħ kien se jkollha xi impatt negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-utenti li jistgħu jegħlbu l-impatt pożittiv li l-miżuri għandhom fuq l-industrija tal-Unjoni.

5.   Konklużjoni dwar l-interessi tal-Unjoni

(168)

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti dwar l-interess tal-Unjoni kontra ż-żamma tal-miżuri dwar l-importazzjonijiet ta' melamina li toriġina fir-RPĊ.

(169)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, minkejja li l-applikanti qablu mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-interess tal-Unjoni, dawn argumenta li, minħabba li kien hemm ftit kooperazzjoni u minħabba l-appoġġ għall-miżuri min-naħa tal-maġġoranza tal-partijiet interessati li kkooperaw, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tagħmel determinazzjoni komprensiva tal-interess tal-Unjoni. Dawn argumentaw ukoll li l-fatt li tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami il-marġni tal-profitt medju tal-utenti li kkooperaw kien ta' 5,6 % huwa irrilevanti.

(170)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma' dawn id-dikjarazzjonijiet. Għall-finijiet tat-test tal-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija marbuta li tagħmel analiżi komprensiva tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha u li tagħmel apprezzament tal-bosta interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi, u tal-utenti tal-Unjoni. Il-Kummissjoni trid ukoll tissostanzja l-konklużjonijiet li waslet għalihom dwar l-interess tal-Unjoni kollha kemm hi. Għalhekk, dawn id-dikjarazzjonijiet ġew irrifjutati.

H.   DIVULGAZZJONI

(171)

Il-partijiet kollha ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li żżomm il-miżuri eżistenti kontra r-RPĊ. Ingħataw ukoll perjodu biex jissottomettu kummenti wara din id-divulgazzjoni. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti ngħataw il-kunsiderazzjoni dovuta fejn kien xieraq.

Miżuri definittivi

(172)

Minn dan isegwi li, kif previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw fir-RPĊ imposti bir-Regolament (KE) Nru 457/2011, għandhom jinżammu.

(173)

Fis-sottomissjoni tagħha ta' wara s-seduta ta' smigħ, is-CCPIT qalet li l-estensjoni tal-miżuri antidumping fil-forma preżenti tagħhom tkun illegali minħabba li fl-investigazzjoni oriġinali, tnejn mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ma għaddewx minn eżami tat-trattament individwali (“TI”) li huwa meqjus illegali wara deċiżjoni tal-Korp tal-Appell tad-WTO (32). Skont is-CCPIT, dawn iż-żewġ kumpaniji għalhekk irid ikollhom il-marġnijiet individwali tal-antidumping ikkalklulati, li jaffettwaw ukoll il-livell tad-dazju residwu fil-pajjiż kollu.

(174)

F'rieżami tal-iskadenza l-livell tal-miżuri antidumping ma jistax jinbidel. Barra minn hekk, il-kumpaniji inkwistjoni ma kkooperawx fil-proċediment u ma taw l-ebda dejta li setgħet tippermetti l-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping individwali tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba. Il-kumpaniji inkwistjoni madankollu għandhom il-possibbiltà li jitolbu rieżami interim tal-kalkoli tal-marġni tad-dumping tagħhom abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(175)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B'dan qiegħed jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi 2933 61 00 tan-NM u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiva applikabbli għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Prezz minimu tal-importazzjoni

(EUR/tunnellata ta' piż nett tal-prodott)

Dazju

(EUR/tunnellata ta' piż nett tal-prodott)

Kodiċi TARIC addizzjonali

Sichuan Golden-Elephant Sincerity Chemical Co.,

1 153

A986

Holitech Technology Co. Ltd

1 153

A987

Henan Junhua Development Company Ltd

1 153

A988

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

415

A999

Għall-produtturi msemmija individwalment, l-ammont ta' dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandu jkun id-differenza bejn il-prezz minimu ta' importazzjoni u l-prezz nett, frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, fil-każijiet kollha fejn dan tal-aħħar huwa inqas mill-prezz minimu ta' importazzjoni. Għal dawn il-produtturi msemmija individwalment, ma għandu jinġabar l-ebda dazju fejn il-prezz nett frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, huwa daqs jew ogħla mill-prezz minimu ta' importazzjoni korrispondenti.

L-applikazzjoni tal-prezz minimu ta' importazzjoni speċifikat gћall-kumpaniji msemmija f'dan il-paragrafu gћandha sseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness. Jekk l-ebda tali fattura ma tiġi ppreżentata, japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

3.   Għall-produtturi msemmija individwalment u fil-każijiet fejn il-merkanzija tkun saritilha l-ħsara qabel tidħol fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għaldaqstant, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jiġi mqassam biex jiġi ddeterminat il-valur doganali skont l-Artikolu 131 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (33), il-prezz minimu tal-importazzjoni stipulat hawn fuq għandu jitnaqqas b'perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas. Id-dazju pagabbli mbagħad għandu jkun id-differenza bejn il-prezz minimu ta' importazzjoni mnaqqas u l-prezz nett imnaqqas, frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel l-iżdoganar tal-merkanzija.

Għall-kumpaniji l-oħra kolla u f'każijiet fejn il-merkanzija saritilha ħsara qabel ma daħlet fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2015/2447, l-ammont tad-dazju antidumping, maħdum abbażi tal-paragrafu 2 hawn fuq, irid jitnaqqas b'perċentwal li jikkorrispondi mat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 457/2011 tal-10 ta' Mejju 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 124, 13.5.2011, p. 2).

(3)  Avviż tal-iskadenza imminenti ta' ċerti miżuri antidumping (ĠU C 280, 25.8.2015, p. 6).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51). Dan ir-Regolament tħassar u ġie sostitwit mir-Regolament bażiku.

(5)  Notifika ta' bidu ta' rieżami ta' skadenza tal-miżuri antidumping li japplikaw għall-importazzjonijiet ta' melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 167, 11.5.2016, p. 7).

(6)  Is-CCPIT ġie ttrattat bħala parti interessata l-iktar reċentement fir-rieżamijiet ta' skadenza li jikkonċernaw il-metall tas-siliċju (Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1077 (ĠU L 179, 5.7.2016, p. 1) u ħjut b'saħħithom ħafna ta' poliesteri (Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 (ĠU L 49, 25.2.2017, p. 6).

(7)  Meta ġew indirizzati l-produtturi minn pajjiżi analogi potenzjali, intużat il-funzjoni tal-“Bcc” (blind carbon copy).

(8)  Dak il-metodu ġie aċċettat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Diċembru 2011, il-każ T-423/09,Dashiqiao v il-Kunsill, ECLI:EU:T:2011:764, paragrafi minn 34 sa 50.

(9)  

Sors: id-dejta rrappurtata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri konformi mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku (“il-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6)”).

(10)  

Sors tad-dejta: Chemical Economic Handbook Report — l-Anness 9 tat-talba għal rieżami tal-iskadenza. L-2013 kienet l-aħħar sena koperta mir-rapport f'termini ta' dejta reali.

(11)  

Sors: Il-bażi tad-dejta tal-esportazzjonijiet Ċiniżi.

(12)  Fis-seħħ sa minn Ġunju 2015 (miżuri antidumping) u minn Awwissu 2015 (dazji kumpensatorji) bħala miżuri proviżorji, u mit-28 ta' Diċembru 2015 ġew ikkonfermati bħala miżuri definittivi.

(13)  38 % u 363 % rispettivament.

(14)  Borealis Agrolinz Melamine GmbH, OCI Nitrogen BV, Grupa Azoty Zaklady Azotowe Pulawy SA, BASF SE u S.C. Azomures S.A.

(15)  Kif indikat fil-premessa (4).

(16)  Kif deskritt fil-premessa (14).

(17)  Kif irrappurtat mill-Eurostat: “It-tnaqqis fir-ritmu tal-attività tal-bini fl-UE-28 dam iktar milli għall-industrija. Minkejja xi perjodi qosra ta' tkabbir okkażjonali, l-indiċi tal-produzzjoni għall-kostruzzjoni niżel minn quċċata fi Frar 2008 għall-iktar livell baxx f'Marzu 2013, tnaqqis li b'kollox dam ħames snin u xahar u wassal biex l-industrija tal-kostruzzjoni kellha rendiment 26,1 % iktar baxx milli kien. Il-produzzjoni tal-kostruzzjoni espandiet b'total ta' 7,6 % tul it-13-il xahar sussegwenti u bejniethom (April 2014) u l-iktar perjodu reċenti li għalih hija disponibbli d-dejta (April 2016) il-produzzjoni baqgħet relattivament stabbli.” http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=industry_and_construction_statistics_-_short-term_indicators&oldid_325746, aċċessata fit-23.3.2017.

(18)  Tul l-investigazzjoni oriġinali, il-medja tal-importazzjonijiet mir-RPĊ kienet ta' madwar 30 000 tunnellata fis-sena, bl-eċċezzjoni tal-PI (2009) li diġà kienet affettwata mill-effetti tal-kriżi ekonomika.

(19)  Eurostat.

(20)  Bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

(21)  Din il-kategorija tinkludi primarjament hekk imsejħa “pajjiżi oħra” li jkopru “pajjiżi u territorji mhux speċifikati għal raġunijiet kummerċjali jew militari fil-qafas tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi”. Tinkludi wkoll kwantitajiet żgħar ta' importazzjonijiet minn għadd ta' pajjiżi terzi bħall-Malasja, l-Indoneżja, it-Tajlandja, il-Messiku, it-Turkija, eċċ.

(22)  Bl-eċċezzjoni tal-2012 meta l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni wkoll kienu iktar baxxi, ara l-premessa (109).

(23)  Sors: Chemical Economics Handbook — Melamine ta' IHS Chemical (l-anness 9 tat-talba għal rieżami).

(24)  

HIS Chemical: Chemical Economics Handbook — Melamine (l-anness 9 tat-talba għal rieżami).

(25)  Il-bażi ta' dejta tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tipprovdi l-prezzijiet fil-livell FOB li ġew aġġustati 'l fuq bil-kostijiet medji tat-trasport lejn l-Unjoni kif ukoll kostijiet ta' wara l-importazzjoni fl-Unjoni biex jinkiseb prezz stmat tal-prodott li jkun wasal fl-Unjoni.

(26)  Skont l-IHS Chemicals: Chemical Economics Handbook, Melamine: id-domanda Torka kienet qed tiżdied kontinwament mill-2010 u hija stmata li se tilħaq madwar 56 000 tunnellata fl-2018. “Turkey accounts for over 80 % of Middle Eastern consumption of melamine.” L-anness 9 tat-talba għal rieżami.

(27)  EUR 923/tunnellata prezz stmat tal-prodott fl-Unjoni minn EUR 810/tunnellata tal-prezz FOB taċ-Ċina.

(28)  L-istima ta' 30 000 tunnellata li jikkorrispondu għal tnaqqis ta' 11 % fil-bejgħ tal-Unjoni u tnaqqis ta' 8 % fil-volum ta' produzzjoni meta mqabblin maċ-ċifri tal-PIR hija waħda pjuttost moderata meta wieħed iqis il-volum stmat tal-kapaċitajiet ta' riżerva (tal-anqas 500 000 tunnellata) u l-volumi li saru disponibbli mis-suq tal-Istati Uniti (12 000 tunnellata). Fl-investigazzjoni oriġinali r-RPĊ importat b'medja ta' 30 000 tunnellata fis-sena lejn l-Unjoni.

(29)  Fl-investigazzjoni oriġinali fil-perjodu tal-investigazzjoni, ir-RPĊ impurtat 17 434 tunnellata ta' melamina lejn l-Unjoni (żieda ta' 9 500 tunnellata meta mqabbel mal-volumi fil-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami attwali) bi prezzijiet medji ta' EUR 896/tunnellata li rriżultaw f'marġni ta' profitt ta' -18 % għall-industrija tal-Unjoni dak iż-żmien.

(30)  Għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, iċ-ċifra eżatta ma tistax tiġi żvelata.

(31)  National Agency for Enterprise and Construction, “Economic Assessment of the Community interest in EU Anti-dumping Cases”, Awwissu 2005, disponibbli fuq: http://www.copenhageneconomics.com/Website/Publications/Antidumping.aspx?M=News&PID=2028&NewsID=328.

(32)  WT/DS397/AB/RW, Report of the Appellate Body from 18 January 2016, European Communities — Definitive Anti-Dumping Measures on Certain Iron or Steel Fasteners from China — Recourse to article 21.5 of the DSU by China.

(33)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS

Trid tidher dikjarazzjoni ffirmata fil-format li ġej mill-uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(2):

1.

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li ħarġet il-fattura kummerċjali.

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taћt iffirmat, niddikjara li (l-volum) ta' melamina li nbiegћ gћall-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea u li huwa kopert b'din il-fattura ġie manifatturat minn (l-isem u l-uffiċċju prinċipali tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jiena niddikjara li t-tagħrif mogħti f'din il-fattura huwa sħiħ u korrett.

Data u firma”


Top