EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0323

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/323 tal-20 ta' Jannar 2017 li jikkoreġi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0149

ĠU L 49, 25.2.2017, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/323/oj

25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/323

tal-20 ta' Jannar 2017

li jikkoreġi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(15) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (2) ġie adottat fl-4 ta' Ottubru 2016 u ġie ppubblikat fil-15 ta' Diċembru 2016. Huwa jistipula l-istandards għall-iskambju f'waqtu, akkurat u segregat tal-kollateral meta l-kuntratti tad-derivattivi ma jkunux ikklerjati minn kontroparti ċentrali u jinkludi għadd ta' rekwiżiti dettaljati li għandhom jintlaħqu biex grupp jikseb l-eżenzjoni milli jipprovdu marġni għal tranżazzjonijiet intragrupp. Minbarra dawn ir-rekwiżiti, meta waħda miż-żewġ kontropartijiet fil-grupp tkun domiċiljata f'pajjiż terz li għalih determinazzjoni tal-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tkun għadha ma ġietx ipprovduta, il-grupp irid jiskambja marġinijiet ta' varjazzjoni u inizjali ssegregati b'mod xieraq għat-tranżazzjonijiet intragrupp kollha mas-sussidjarji f'dawn il-pajjiżi terzi. Sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini u filwaqt li jitqiesu rekwiżiti simili għall-obbligi tal-ikklerjar, ir-Regolament Delegat jipprovdi għal dewmien fl-implimentazzjoni ta' dan ir-rekwiżit partikolari sabiex jitħalla biżżejjed żmien għall-ikkompletar tal-proċess li jwassal tad-determinazzjoni tal-ekwivalenza, filwaqt li ma jirrikjedix allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi għal gruppi b'sussidjarji domiċiljati f'pajjiżi terzi.

(2)

Fl-Artikolu 37 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, id-dispożizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżiti tal-marġini ta' varjazzjoni għal tranżazzjonijiet intragrupp b'mod analogu mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 36(2) (li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-marġini inizjali) hija nieqsa. Għalhekk għandhom jiżdiedu żewġ paragrafi ġodda mal-Artikolu 37, li huwa l-Artikolu li jispeċifika l-iskeda ta' introduzzjoni gradwali għar-rekwiżiti tal-marġini ta' varjazzjoni. Dawk il-paragrafi huma analogi għall-paragrafi 2 u 3 eżistenti tal-Artikolu 36, b'tali mod li meta ssir tranżazzjoni intragrupp bejn entità tal-Unjoni u entità ta' pajjiż terz, l-iskambju tal-marġini ta' varjazzjoni ma jkunx meħtieġ qabel tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament fejn ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni ta' ekwivalenza għal dak il-pajjiż terz. Meta jkun hemm deċiżjoni ta' ekwivalenza, ir-rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw jew erba' xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-ekwivalenza, jew skont l-iskeda ta' żmien ġenerali, skont liema minnhom tkun l-aktar tard.

(3)

L-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, ippreżentat mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej lill-Kummissjoni fit-8 ta' Marzu 2016, kien jinkludi l-istess perjodu ta' dħul gradwali kemm għall-marġini inizjali u wkoll għall-marġini ta' varjazzjoni. Il-ħtieġa għal korrezzjoni hija dovuta minħabba żball tekniku fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 fejn l-inklużjoni taż-żewġ paragrafi dwar l-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżiti tal-marġini ta' varjazzjoni għal tranżazzjonijiet intragrupp tħalliet barra.

(4)

Għalhekk ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jenħtieġ li jiġi kkoreġut skont dan.

(5)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 daħal fis-seħħ fl-4 ta' Jannar 2017. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta' kontinwità fl-applikazzjoni tal-perjodi ta' introduzzjoni gradwali inizjali u għall-marġni ta' varjazzjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza b'applikazzjoni retroattiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 37 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, fejn il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu jintlaħqu, l-Artikoli 9(1), 10 u 12 għandhom japplikaw kif ġej:

(a)

tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament meta ma tiġi adottata l-ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti;

(b)

id-data l-iktar tard minn dawn li ġejjin meta tiġi adottata deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti:

(i)

erba' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti;

(ii)

id-data applikabbli ddeterminata skont il-paragrafu 1.

4.   Id-deroga msemmija fil-paragrafu 3 għandha tapplika biss meta l-kontropartijiet għal kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

kontroparti waħda tkun stabbilita f'pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni;

(b)

il-kontroparti stabbilita f'pajjiż terz tkun jew kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja;

(c)

il-kontroparti stabbilita fl-Unjoni tkun waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

kontroparti finanzjarja, kontroparti mhux finanzjarja, kumpanija azzjonarja finanzjarja, istituzzjoni finanzjarja jew impriża ta' servizzi anċillari soġġetta għal rekwiżiti prudenzjali xierqa u l-kontroparti ta' pajjiż terz imsemmija fil-punt (a) tkun kontroparti finanzjarja;

(ii)

kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja u l-kontroparti ta' pajjiż terz imsemmija fil-punt (a) tkun kontroparti mhux finanzjarja;

(d)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu inklużi fl-istess konsolidazjoni fuq bażi sħiħa skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(e)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu soġġetti għal proċeduri ċentralizzati ta' evalwazzjoni, kejl u kontroll tar-riskju;

(f)

jintlaħqu r-rekwiżiti tal-Kapitolu III.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-4 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).


Top