EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1937

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1937/oj

Related international agreement

27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1937

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Ġunju 2008 u d-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea mar-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo (*1), il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja (“il-Partijiet tal-Ewropa tax-Xlokk”) għal Trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport.

(2)

Dawk in-negozjati ġew konklużi b’suċċess billi ġie inizjalat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport”) mill-Partijiet kollha għal dan.

(3)

It-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport jippromwovi l-iżvilupp tat-trasport bejn l-Unjoni u l-Partijiet tal-Ewropa tax-Xlokk abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-acquis tal-Unjoni.

(4)

L-iffirmar tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport ma jippreġudikax il-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo, li ser tkun deċiża f’konformità mal-prattika nazzjonali tagħhom u d-dritt internazzjonali. L-ebda terminu, kliem jew definizzjonijiet użati f’din id-Deċiżjoni jew fit-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport, inklużi fl-annessi u fil-protokolli tiegħu, ma jikkostitwixxu rikonoxximent tal-Kosovo mill-Unjoni bħala Stat indipendenti, u lanqas ma ma jikkostitwixxu rikonoxximent mill-Istati Membri individwali tal-Kosovo f’dik il-kapaċità fejn huma ma jkunux għamlu tali pass.

(5)

Proċeduri interni tal-Istati Membri jistgħu japplikaw meta jkunu qed jiġu milqugħa dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Kosovo skont it-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport.

(6)

It-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport għandu jiġi ffirmat.

(7)

Sabiex il-benefiċċji tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport jinkisbu mill-aktar fis possibbli, jenħtieġ li jiġi applikat fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw it-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

It-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja, f’konformità mal-Artikolu 41(3) tiegħu, mid-data tal-firma tiegħu, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


Top