This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017D0633
Council Decision (CFSP) 2017/633 of 3 April 2017 in support of the United Nations Programme of Action to Prevent, Combat and Eradicate the Illicit Trade in Small Arms and Light Weapons in All Its Aspects
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/633 tat-3 ta' April 2017 b'appoġġ għall-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/633 tat-3 ta' April 2017 b'appoġġ għall-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu
ĠU L 90, 4.4.2017, p. 12–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
4.4.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 90/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/633
tat-3 ta' April 2017
b'appoġġ għall-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fl-20 ta' Lulju 2001, l-Istati parteċipanti fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar il-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu adottaw il-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“Programm ta' Azzjoni tan-NU”). Fit-8 ta' Diċembru 2005, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat l-Istrument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b'Mod f'Waqtu u Affidabbli, Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir Illeċiti (l-“Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar”). Dawk iż-żewġ strumenti internazzjonali jiddikjaraw li l-Istati ser jikkooperaw, kif xieraq, man-NU sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. |
(2) |
Fit-12 ta' Lulju 2002, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK (1). |
(3) |
Fis-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE biex tikkumbatti l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjoni tagħhom. Dik l-Istrateġija tidentifika l-appoġġ għall-Programm ta' Azzjoni tan-NU bħala l-ewwel prijorità għall-azzjoni fil-livell internazzjonali, u tappella għall-adozzjoni ta' strument internazzjonali li jorbot legalment dwar it-traċċar u l-immarkar ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) u l-munizzjon tagħhom. |
(4) |
Wara l-adozzjoni tal-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar, l-Unjoni appoġġat l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/113/PESK (2). L-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/113/PESK ġiet ivvalutata b'mod pożittiv mill-Kunsill. |
(5) |
Fit-18 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/428/PESK (3). |
(6) |
Armi ħfief miksuba b'mod illeċitu ntużaw għal attakki terroristiċi fl-Ewropa. |
(7) |
Ir-rapport finali tas-Sitt Laqgħa Biennali tal-Istati (“BMS6”) tal-2016 biex Jikkunsidraw l-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU jinnota:
|
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb li tappoġġa l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' SALW billi jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' devjazzjoni, inkluż b'serq, telf u esportazzjoni mill-ġdid mhux awtorizzata, ta' SALW lejn swieq illeċiti, gruppi armati illegali, terroristi u riċevituri oħra mhux awtorizzati, l-Unjoni għandha, permezz ta' din id-Deċiżjoni, timmira lejn dawn l-objettivi:
— |
li tappoġġa l-Programm ta' Azzjoni tan-NU u l-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar; |
— |
li tiżgura r-rilevanza tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU u l-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar u tagħmilhom aktar effettivi; |
— |
li tappoġġa azzjonijiet favur eżitu ta' suċċess u rilevanti tat-Tielet Konferenza tan-NU li Teżamina l-Progress Miksub fl-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU (“RevCon3”) tal-2018. |
2. Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, permezz ta' din id-Deċiżjoni, tappoġġa s-segwenti:
— |
it-tħejjija tar-RevCon3 permezz ta' sensiela ta' simpożji tematiċi u konferenzi reġjonali; |
— |
analiżi komprensiva tar-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri tan-NU dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU u l-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar li għandhom jiġu ppreżentati fir-RevCon3; |
— |
programm ta' sponsorizzazzjoni għall-parteċipanti ta' pajjiżi terzi; |
— |
l-għoti ta' appoġġ tekniku għall-President tar-RevCon3; |
— |
erba' simpożji tematiċi li jipproduċu konklużjonijiet orjentati lejn l-azzjoni dwar suġġetti marbuta mal-kontroll tas-SALW. Is-suġġetti magħżula ġew definiti bħala prijoritajiet f'dokumenti ta' ħidma tal-UE mressqa f'laqgħat tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU (BMS5 fl-2014 u BMS6 fl-2016) u kienu riflessi fid-dokumenti ta' eżitu ta' dawk il-laqgħat:
|
— |
ħames konferenzi reġjonali li jippermettu involviment ma' rappreżentanti ta' gvernijiet u organizzazzjonijiet reġjonali minn reġjuni magħżula dwar id-dokumenti ta' eżitu mis-simpożji tematiċi; |
— |
analiżi tar-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni u tal-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar b'attenzjoni speċjali fuq l-isfidi għall-implimentazzjoni li joħolqu opportunitajiet għal kooperazzjoni u assistenza; |
— |
it-tisħiħ tal-bażi għar-RevCon3 permezz ta' programm ta' sponsorizzazzjoni u appoġġ tekniku lill-President tar-RevCon3; u |
— |
ħidma ta' komunikazzjoni permezz ta' dikjarazzjonijiet għall-istampa u attivitajiet marġinali. |
3. Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett imsemmi fil-paragrafu 2 tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta' Diżarm (“UNODA”), bl-għajnuna tas-Small Arms Survey irrappreżentat mill-Istitut ta' Gradwati tal-Istudji Internazzjonali u l-Iżvilupp (“SAS”).
3. L-UNODA, megħjun mill-SAS, għandu jwettaq il-kompitu tiegħu, taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jħejji l-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 2 798 381,56.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-UNODA. L-UNODA u l-SAS ser jiġu mistiedna jilħqu ftehim dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-SAS għall-kontribut tiegħu għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-ftehim bejn il-Kummissjoni u l-UNODA għandu jistipula li l-UNODA u l-SAS jieħdu ħsieb il-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 kemm jista' jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tgħarraf lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.
Artikolu 4
Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mfasslin mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul tagħha fis-seħħ jekk dak il-ftehim ta' finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa dakinhar.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta' April 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta' Lulju 2002 dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta' armi żgħar u r-revokazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK (ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1).
(2) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/113/PESK tat-12 ta' Frar 2008 li tappoġġa l-Istrument Internazzjonali li jippermetti lill-Istati jidentifikaw u jittraċċaw, b'mod f'waqtu u affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti (SALW) fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom (ĠU L 40, 14.2.2008, p. 16).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/428/PESK tat-18 ta' Lulju 2011 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm biex jiġi implimentat il-Programm ta' Azzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu f'Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (ĠU L 188, 19.7.2011, p. 37).
ANNESS
1. OBJETTIVI
L-objettiv ta' din id-Deċiżjoni huwa l-appoġġ tal-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) billi jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' devjazzjoni, inkluż permezz ta' serq, telf u esportazzjoni mill-ġdid mhux awtorizzata, ta' SALW lejn swieq illeċiti, gruppi armati illegali, terroristi u riċevituri oħra mhux awtorizzati. Għalhekk din id-Deċiżjoni ser tappoġġa l-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“PtA NU”) u l-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar (l-“IIT”) kif ukoll ser tiżgura r-rilevanza tagħhom u tagħmilhom aktar effettivi.
Għal dak il-għan, din id-Deċiżjoni ser tappoġġa azzjonijiet favur eżitu ta' suċċess tat-Tielet Konferenza tan-NU li Teżamina l-Progress Miksub fl-Implimentazzjoni tal-PtA NU (“RevCon3”) tal-2018. Din id-Deċiżjoni ser tappoġġa t-tħejjija tar-RevCon3 permezz ta' sensiela ta' simpożji tematiċi u konferenzi reġjonali. Is-simpożji tematiċi ser jiffaċilitaw it-tfassil ta' konklużjonijiet orjentati lejn l-azzjoni dwar suġġetti marbuta mal-kontroll tas-SALW. Is-suġġetti magħżula ġew definiti bħala prijoritajiet f'dokumenti ta' ħidma tal-UE mressqa f'laqgħat tal-PtA NU (BMS5 fl-2014 u BMS6 fl-2016) u l-biċċa l-kbira tagħhom ġew indirizzati fid-dokumenti ta' eżitu ta' dawk il-laqgħat. Il-konferenzi reġjonali ser jippermettu involviment ma' rappreżentanti ta' gvernijiet u organizzazzjonijiet reġjonali minn reġjuni magħżula dwar is-suġġetti mis-simpożji tematiċi. L-għan huwa li jiġi kkonsolidat l-eżitu pożittiv tal-BMS6 fl-eżitu tar-RevCon3. Azzjonijiet oħra maħsuba sabiex ir-RevCon3 tirnexxi ser ikunu: analiżi komprensiva tar-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri tan-NU dwar l-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-IIT, li għandha tiġi ppreżentata lir-RevCon3: programm ta' sponsorizzazzjoni għall-parteċipanti ta' pajjiżi terzi; u appoġġ tekniku għall-President tar-RevCon3.
2. DESKRIZZJONI TAL-AZZJONIJIET
Il-Proġett tal-Unjoni b'appoġġ għar-RevCon3 ser jinvolvi l-elementi segwenti:
(i) |
simpożji tematiċi għall-iżvilupp ta' konklużjonijiet orjentati lejn l-azzjoni dwar suġġetti marbuta mal-kontroll tas-SALW; |
(ii) |
konferenzi reġjonali bl-għan li jinvolvu rappreżentanti ta' gvernijiet u organizzazzjonijiet reġjonali minn reġjuni magħżula; |
(iii) |
analiżi tar-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri tan-NU dwar l-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-IIT li għandha tiġi ppreżentata fir-RevCon3; |
(iv) |
it-tisħiħ tal-bażijiet għar-RevCon3 (programm ta' sponsorizzazzjoni, appoġġ tekniku); |
(v) |
ħidma ta' komunikazzjoni effettiva biex jiġi ġġenerat impatt sostnut. |
Dawk il-ħames elementi huma diskussi fid-dettal aktar 'l isfel. Il-proġett ser jitmexxa b'mod parallel mat-tħejjija għar-RevCon3 mill-President. Din ser tkun opportunità importanti għall-President biex jipparteċipa fit-tħejjijiet tematiċi u reġjonali għar-RevCon3.
2.1 Simpożji tematiċi
2.1.1 Għan
L-għan ta' kull simpożju ser ikun li jiġi diskuss u esplorat kull suġġett li qed jitqies u li jintlaħaq qbil dwar passi ta' azzjoni konkreta fil-livell nazzjonali, reġjonali u globali li jistgħu jiddaħħlu fid-dokument ta' eżitu tar-RevCon3. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' kull simpożju ser jiġu ppreżentati u diskussi fil-konferenzi reġjonali kollha.
2.1.2 Il-proġett ser jinkludi erba' simpożji bis-suġġetti segwenti:
(i) |
traċċar ta' SALW u ġestjoni tal-ħażniet tagħhom f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt; |
(ii) |
is-SALW u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż l-Għan tal-Iżvilupp Sostenibbli (“SDG”) 16 u l-aspetti tal-ġeneru fil-kontroll tas-SALW; |
(iii) |
l-iżviluppi reċenti fil-manifattura, it-teknoloġija u d-disinn tas-SALW, u l-isfidi u l-opportunitajiet li jirriżultaw minnhom għall-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-IIT; |
(iv) |
is-sinerġiji bejn il-PtA NU, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (it-“TKA”), u strumenti rilevanti oħra. |
2.1.3 Format
Is-simpożji ser ikollhom formati mfassla skont is-suġġett.
(i) |
Traċċar ta' SALW u ġestjoni tal-ħażniet tagħhom f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt (ara d-dokument ta' eżitu BMS6 (1)), bl-għan li jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' devjazzjoni, inkluż b'serq, telf u esportazzjoni mill-ġdid mhux awtorizzata, ta' SALW lejn swieq illeċiti, gruppi armati illegali, terroristi u riċevituri oħra mhux awtorizzati. Parteċipazzjoni ta':
Total ta' madwar 40 parteċipant. Diskussjonijiet madwar mejda. L-Istati kollha mistiedna josservaw is-sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet u jieħdu sehem fiha. |
(ii) |
Is-SALW u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż l-SDG 16 u l-aspetti tal-ġeneru fil-kontroll tas-SALW (ara dokument ta' eżitu BMS6 (2)) bil-parteċipazzjoni ta':
Total ta' madwar 40 parteċipant. Diskussjonijiet madwar mejda. L-Istati kollha mistiedna josservaw is-sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet u jieħdu sehem fiha. |
(iii) |
L-iżviluppi reċenti fil-manifattura, it-teknoloġija u d-disinn tas-SALW, u l-isfidi u l-opportunitajiet li jirriżultaw minnhom għall-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-IIT (ara dokument ta' eżitu BMS6 (3)) bil-parteċipazzjoni ta':
Total ta' madwar 40 parteċipant. Jum 1: diskussjonijiet tal-esperti, mistoqsijiet u tweġibiet. Jum 2: diskussjoni madwar mejda dwar l-iżvilupp ta' dokument supplimentari għall-IIT. L-Istati kollha mistiedna josservaw il-mistoqsijiet u tweġibiet, u jieħdu sehem fihom. |
(iv) |
Sinerġiji bejn il-PtA NU, it-TKA u strumenti rilevanti oħra, fosthom il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar u l-mekkaniżmi tan-NU għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (ara dokument ta' eżitu BMS6 (4)) bil-parteċipazzjoni ta':
Total ta' madwar 40 parteċipant. Diskussjonijiet madwar mejda. Attenzjoni speċjali fuq sinerġiji, il-konsegwenzi pożittivi possibbli tad-dispożizzjonijiet ta' strument partikolari fuq l-oħrajn u l-evitar tad-duplikazzjoni. L-Istati kollha mistiedna josservaw il-mistoqsijiet u tweġibiet, u jieħdu sehem fihom. |
2.1.4 Post
Is-simpożji dwar is-suġġetti (i) u (ii) ser isiru wieħed wara l-ieħor fi New York. Is-simpożji dwar is-suġġetti (iii) u (iv) ser isiru fi Brussell u f'Ġinevra rispettivament.
2.1.5 Skedar
L-erba' simpożji ser isiru fuq perijodu ta' ħames xhur bejn April u Settembru 2017. L-iskedar u s-sekwenza tagħhom (jiġifieri l-ordni tas-suġġetti indirizzati) ser jiġu deċiżi mill-aġenziji ta' implimentazzjoni, f'konsultazzjoni mal-Unjoni, b'kont meħud tal-kalendarju tan-NU dwar id-diżarm. Kull simpożju idum jumejn.
2.1.6 Responsabbiltajiet tal-aġenziji ta' implimentazzjoni
Kunċettwalizzazzjoni u tħejjija sostantiva:
|
L-UNODA u s-Small Arms Survey ser jiżviluppaw flimkien is-sustanza tas-simpożji u ser ikunu responsabbli għall-aġenda u l-għażla tal-kelliema/esperti. Is-Small Arms Survey ser jipprepara abbozz ta' dokument ta' sfond dwar kull suġġett, li ser iservi bħala bażi għal diskussjoni f'kull simpożju. Il-kunċettwalizzazzjoni u t-tħejjija sostantiva tas-simpożji tematiċi ser issir fi djalogu mad-Diviżjoni għad-Diżarm u n-Nonproliferazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). |
Loġistika u servizzi tal-konferenzi:
|
L-UNODA ser tkun responsabbli għall-arranġamenti loġistiċi (il-prenotazzjoni tas-siti, l-organizzazzjoni tal-forniment tal-ikel, it-tagħmir awdjo-viżiv, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar, eċċ.). Is-SEAE ser tgħin billi tiżgura post għas-simpożju dwar is-suġġett (iii), li ser isir fi Brussell. |
2.1.7. Riżultati tal-azzjoni
Is-simpożji tematiċi ser isarrfu f'aktar għarfien u pożizzjoni elaborata dwar is-suġġetti magħżula mill-Unjoni u mill-partijiet ikkonċernati l-oħra involuti. Is-Small Arms Survey ser iħejji dokument ta' eżitu estensiv dwar l-erba' simpożji tematiċi. Dak id-dokument ta' eżitu ser ikun fih studju dwar l-erba' suġġetti u ser jibni fuq l-abbozzi ta' dokumenti ta' sfond u jinkorpora fih is-sejbiet tad-diskussjonijiet tal-esperti fl-erba' simpożji tematiċi. Id-dokument ta' eżitu ser jiffoka fuq passi ta' azzjoni konkreta bil-ħsieb li jiddaħħlu fid-dokument ta' eżitu tar-RevCon3. Id-dokument ta' eżitu ser jikkontribwixxi għal-laqgħat sussegwenti fi ħdan il-proġett.
2.2 Konferenzi reġjonali
2.2.1 Għan
Kull konferenza reġjonali għandha l-għan li tħejji għar-RevCon3, billi tipprovdi forum għall-Istati parteċipanti sabiex jidentifikaw u jesploraw kwistjonijiet speċifiċi għar-reġjun fl-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-IIT u sabiex jiddiskutu s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-erba' simpożji tematiċi deskritti fit-taqsima 2.1.
2.2.2 Suġġetti
Kull konferenza reġjonali ser tindirizza l-erba' suġġetti tas-simpożji (ara t-taqsima 2.1). Barra minn hekk, il-konferenzi reġjonali jeħtieġ li jagħtu lok għal diskussjonijiet speċifiċi għar-reġjun bi tħejjija għar-RevCon3.
2.2.3 Format
Il-konferenzi reġjonali ser jiddependu prinċipalment fuq konsultazzjonijiet interattivi, ibbażati fuq il-preżentazzjonijiet mis-Small Arms Survey u mill-UNODA. F'kull konferenza reġjonali, il-President ser jingħata l-opportunità li jippreżenta s-sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet għar-RevCon3. L-organizzazzjonijiet reġjonali ser jagħtu preżentazzjonijiet dwar l-isforzi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-paragrafi rilevanti tad-dokument ta' eżitu BMS6 li għandhom x'jaqsmu mal-organizzazzjonijiet reġjonali. Meta l-Istati jintgħażlu għall-programm ta' sponsorizzazzjoni tar-RevCon3, il-parteċipanti tagħhom fil-konferenza reġjonali għandhom fil-prinċipju jkunu wkoll parti mid-delegazzjoni tagħhom għar-RevCon3. Is-Small Arms Survey ser jabbozza rapport proċedurali qasir dwar kull konferenza reġjonali.
2.2.4 Post
Il-konferenzi reġjonali huma maħsuba biex jappoġġaw lill-gvernijiet u organizzazzjonijiet minn reġjuni speċifiċi fit-tħejjija għar-RevCon3. Xi organizzazzjonijiet reġjonali diġà qed jorganizzaw laqgħa ta' tħejjija għar-RevCon3: Lega tal-Istati Għarab, OSKE, Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF). Il-proġett tal-Unjoni m'għandux għalfejn ikopri dawk ir-reġjuni. Għalhekk, qed jiġu ssuġġeriti dawn il-ħames laqgħat reġjonali li ġejjin:
Pajjiżi mis-sottoreġjuni |
Organizzazzjonijiet reġjonali |
Ċentru reġjonali |
Post |
Punent tal-Afrika u Afrika Ċentrali |
ECOWAS, ECCAS, AU |
UNREC |
Lomé |
Lvant tal-Afrika u Nofsinhar tal-Afrika |
RECSA, SADC, AU |
UNREC |
Lomé |
Karibew |
CARICOM |
UNLIREC |
Port of Spain |
Amerka Latina |
OAS, UNASUR |
UNLIREC |
Lima |
ASEAN u l-Istati tan-Nofsinhar tal-Asja |
ASEAN |
UNRCPD |
Bangkok |
Din id-Deċiżjoni ser tappoġġa l-parteċipazzjoni/involviment tas-Small Arms Survey u l-UNODA fil-konferenzi reġjonali msemmija hawn taħt bil-ħsieb li tippreżenta s-sejbiet tas-simpożji tematiċi fejn dawn jikkorrispondu mal-interessi tal-entitajiet organizzattivi. Tali parteċipazzjoni/involviment ser jiddependi fuq l-iskedar tal-organizzazzjoni ta' dawk il-konferenzi.
Pajjiżi mis-sottoreġjuni |
Organizzazzjonijiet reġjonali |
Ewropa u Amerka ta' Fuq |
OSKE |
Lvant Nofsani |
Lega tal-Istati Għarab |
Paċifiku |
PIF |
2.2.5 Skedar
Il-ħames konferenzi ser isiru f'perijodu ta' tmien xhur bejn Ġunju 2017 u Frar 2018 (ser jiġi żgurat li l-konferenzi reġjonali kollha jsiru qabel il-laqgħa tal-Kummissjoni Preparatorja għar-RevCon3, li x'aktarx issir fi Frar 2018). L-iskedar u s-sekwenza eżatti (jiġifieri l-ordni tar-reġjuni koperti) tal-konferenzi reġjonali ser jiġu deċiżi mill-aġenziji ta' implimentazzjoni, f'konsultazzjoni mal-Unjoni, b'kont meħud tal-kalendarju tan-NU dwar id-diżarm. Kull konferenza reġjonali ddum jumejn. Iż-żewġ konferenzi reġjonali fl-Afrika ser jiġu organizzati waħda wara l-oħra f'post wieħed. Iż-żewġ konferenzi reġjonali fl-Amerka Latina u l-Karibew ser jiġu organizzati waħda wara l-oħra.
2.2.6 Responsabbiltajiet tal-aġenziji ta' implimentazzjoni
Tħejjija sostantiva:
|
L-UNODA (inkluż iċ-ċentri reġjonali tiegħu) u s-Small Arms Survey ser jiżviluppaw is-sustanza tal-konferenzi reġjonali u ser ikunu responsabbli għall-aġenda u l-għażla tal-kelliema/esperti. L-UNODA, flimkien mal-President, ser jieħu l-inizjattiva biex jagħmel preżentazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni tat-tħejjijiet għar-RevCon3. Is-Small Arms Survey ser jagħmel preżentazzjonijiet dwar l-eżiti tas-simpożji. Is-Small Arms Survey ser jħejji sommarju ta' kull konferenza reġjonali. |
Loġistika u servizzi tal-konferenzi:
|
L-UNODA u ċ-ċentri reġjonali tiegħu ser jimplimentaw l-arranġamenti loġistiċi (il-prenotazzjoni tas-siti, l-organizzazzjoni tal-forniment tal-ikel, it-tagħmir awdjo-viżiv, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar tal-esperti, eċċ.) għall-konferenzi reġjonali, taħt is-sorveljanza tal-kwartieri ġenerali tal-UNODA. |
2.2.7. Riżultat tal-azzjoni
L-Istati mir-reġjun huma mħeġġa jiżviluppaw kunsens dwar it-tħejjijiet għar-RevCon3, speċjalment dwar l-erba' suġġetti tas-simpożji tematiċi.
2.3 Analiżi tar-rapporti nazzjonali tal-PtA NU u l-IIT b'attenzjoni speċjali fuq l-isfidi għall-implimentazzjoni li joħolqu opportunitajiet għal kooperazzjoni u assistenza.
2.3.1 Format
Id-dokument ta' eżitu tas-Sitt Laqgħa Biennali tal-Istati dwar il-PtA NU (A/CONF.192/BMS/2016/WP.1/Rev.3) ta mandat lill-UNODA “biex jeżamina, bir-riżorsi eżistenti, ix-xejriet, l-isfidi u l-opportunitajiet ta' implimentazzjoni marbuta mal-PtA NU u l-IIT, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, fosthom dik ippreżentata u/jew ipprovduta mill-Istati Membri, biex jippreżentahom lir-RevCon3 għall-konsiderazzjoni tagħha u għal segwitu xieraq”.
Valutazzjoni indipendenti u infurmata tajjeb tar-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni hija sors essenzjali għal dak ir-rapport mandat, u b'żieda miegħu. Il-valutazzjoni tar-rapporti nazzjonali hija ta' importanza partikolari billi huwa mistenni li dawk ir-rapporti jkun fihom informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-SDG 16, li għalih ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta' rappurtar ieħor. Għaldaqstant, analiżi komprensiva tar-rapporti nazzjonali mis-Small Arms Survey ser tkun attività importanti fil-proġett, li għandha tiġi ppubblikata mis-Small Arms Survey u tagħti kontribut lir-rapport mandat li jħares 'il quddiem tal-UNODA. Dik l-analiżi komprensiva ser tikkomplementa l-laqgħat reġjonali u tematiċi, u żżid il-probabbiltà li r-RevCon3 tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-Unjoni għal pjan direzzjonali prattiku, iffokat u effikaċi għall-PtA NU fil-perijodu wara r-RevCon3 li jiffoka fuq ir-rabta tal-isfidi ta' implimentazzjoni mal-opportunitajiet għall-kooperazzjoni u l-assistenza.
2.3.2 Skedar
L-analiżi titlesta qabel il-laqgħa tar-RevCon3 (Ġunju 2018).
2.3.3 Responsabbiltajiet tal-aġenziji ta' implimentazzjoni
L-UNODA għandu jistabbilixxi data biex ir-rapporti nazzjonali biennali jaslu fil-ħin (nofs l-2017). Is-Small Arms Survey għandu jipprovdi analiżi bil-miktub tar-rapporti ppreżentati.
2.3.4. Riżultat tal-azzjoni
L-analiżi ser tipprovdi informazzjoni li tippermetti allokazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta' assistenza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-kontroll tas-SALW inġenerali.
2.4 Tisħiħ tal-pedamenti tar-RevCon3
2.4.1 Programm ta' sponsorizzazzjoni
Minħabba nuqqas ta' fondi, ħafna pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ibatu biex ikunu rappreżentati fil-konferenzi ta' reviżjoni tal-PtA NU mill-uffiċjali ewlenin tagħhom li jittrattaw kwistjonijiet ta' SALW. L-Unjoni tista' tiffinanzja programm ta' sponsorizzazzjoni għal grupp magħżul ta' pajjiżi l-aktar milquta sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni ta' dawk l-uffiċjali fir-RevCon3.
Attivitajiet:
|
L-UNODA ser tamministra l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni għar-RevCon3 (mhux għall-Kummissjoni Preparatorja li ssir qabel fl-2018) għal massimu ta' 20 parteċipant. Il-parteċipanti ser jintgħażlu mis-SEAE fuq ir-rakkomandazzjoni tal-UNODA inkluż taċ-ċentri reġjonali tiegħu. Fil-prinċipju, l-uffiċjali magħżula għandhom ikunu l-punti ta' kuntatt nazzjonali tal-PtA NU maħtura. Kriterji oħra għall-għażla jinkludu kunsiderazzjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, il-preżentazzjoni f'waqtha ta' rapport nazzjonali, il-parteċipazzjoni attiva f'konferenzi reġjonali jew simpożji tematiċi u l-għarfien u l-esperjenza fis-suġġetti inkwistjoni. Matul ir-RevCon3, l-UNODA ser jorganizza laqgħa mal-parteċipanti u d-delegazzjonijiet sponsorizzati mill-Unjoni u mill-Istati Membri. |
Riżultati:
— |
Deliberazzjonijiet tar-RevCon3 bil-kontribut siewi tal-esperti li jittrattaw il-kwistjonijiet tas-SALW direttament f'pajjiżi affettwati li normalment ma jistgħux iħallsu biex jattendu r-RevCon; |
— |
Opportunitajiet akbar biex l-uffiċjali ta' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, inkluż rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jittrattaw kwistjonijiet tas-SALW, jistabbilixxu kuntatti u jiltaqgħu ma' oħrajn; |
— |
Sinerġiji possibbli permezz ta' avvenimenti sekondarji u attivitajiet ta' taħriġ relatati tar-RevCon3. |
2.4.2 Appoġġ tekniku lill-President tar-RevCon3
Il-President u t-tim tiegħu/tagħha ser jibbenefikaw mill-għarfien espert tekniku mogħti mis-Segretarjat tan-NU bl-appoġġ ta' espert ta' livell għoli mis-Small Arms Survey.
Attivitajiet:
|
Is-Segretarjat tan-NU, appoġġat mill-espert ta' livell għoli tas-Small Arms Survey ser itejjeb il-kapaċità tiegħu li jagħti pariri lill-President u lit-tim tiegħu/tagħha dwar l-aspetti kumplessi u tekniċi tal-ħidma tar-RevCon3. |
Riżultati:
|
Il-President ser ikollu aċċess għall-firxa sħiħa ta' għarfien espert dwar kwistjonijiet sostantivi u tekniċi marbuta mar-RevCon3. |
2.5 Ħidma ta' komunikazzjoni
Il-ħidma ta' komunikazzjoni permezz ta' dikjarazzjonijiet għall-istampa u avvenimenti sekondarji ser tkun parti essenzjali tal-proġett. Barra minn hekk, pjattaforma web tar-RevCon3 tista' titfa' l-attenzjoni fuq is-suġġetti ewlenin għar-RevCon3 u għall-assistenza/tisħiħ tal-kapaċitajiet.
Attivitajiet:
— |
Dikjarazzjonijiet konġunti għall-istampa flimkien ma' simpożji u konferenzi reġjonali. Rapporti fuq il-mezzi tax-xandir; |
— |
Avvenimenti sekondarji dwar il-proġett fil-laqgħat rilevanti fosthom l-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali (2017) u t-Tielet Konferenza tal-Istati Partijiet tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; |
— |
L-UNODA ser jistabbilixxi paġni web dedikati għar-RevCon3 sena bil-quddiem. Dik ser tkun il-pjattaforma ewlenija fejn jitqiegħdu d-dokumenti u għall-interazzjoni mal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet reġjonali u l-istituzzjonijiet. Il-pjattaforma ser ikun fiha oqsma tematiċi u ser tingħata attenzjoni speċjali għar-rabta tal-ħtiġijiet għall-assistenza mar-riżorsi disponibbli. |
Riżultati:
|
Ġestjoni effikaċi tal-informazzjoni dwar il-proġett u l-eżiti tiegħu; pjattaforma web dinamika għar-RevCon3 ġewwa l-ambjent web tal-PtA NU li tinkludi approċċi tematiċi u li tippermetti li l-ħtiġijiet għall-assistenza jitqabblu mar-riżorsi disponibbli. |
3. RIŻULTATI TANĠIBBLI
L-aġenziji ta' implimentazzjoni ser jipproduċu u jippreżentaw ir-riżultati tanġibbli li ġejjin lill-Unjoni:
— |
Riżultati tanġibbli 1-5: Rapporti fil-qosor tal-erba' konferenzi tematiċi; |
— |
Riżultati tanġibbli 6-11: Rapporti fil-qosor tal-ħames konferenzi reġjonali; |
— |
Riżultat tanġibbli 12: Valutazzjoni komprensiva tar-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-PtA NU; |
— |
Riżultat tanġibbli 13: Rapport finali hekk kif jitlesta l-proġett. |
(1) A/CONF.192/BMS/2016/2 §37, §55, §56, §57, §74, §75, §82, §83, §84, §105.
(2) A/CONF.192/BMS/2016/2 §15, §23, §24,§25, §40,§41, §52, §59, §60, §101.
(3) A/CONF.192/BMS/2016/2 §63, §79, §90.
(4) A/CONF.192/BMS/2016/2 §12, §14, §62, §67, §107.