Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0133

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/133 tal-25 ta' Jannar 2017 dwar iż-żamma b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 14342:2013 “Pavimentar tal-injam: Karatteristiċi, evalwazzjoni ta' konformità u mmarkar” skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0297

ĠU L 21, 26.1.2017, pp. 113–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/133/oj

26.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 21/113


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/133

tal-25 ta' Jannar 2017

dwar iż-żamma b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 14342:2013 “Pavimentar tal-injam: Karatteristiċi, evalwazzjoni ta' konformità u mmarkar” skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, l-istandards armonizzati previsti fl-Artikolu 17 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sistema armonizzata stabbiliti f'dan ir-Regolament jew permezz tiegħu.

(2)

F'Lulju 2013, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) adotta l-istandard armonizzat EN 14342:2013 “Pavimentar tal-injam: Karatteristiċi, evalwazzjoni ta' konformità u mmarkar”. Ir-referenza tal-istandard ġiet ippubblikata sussegwentement f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(3)

Fil-21 ta' Awwissu 2015, il-Ġermanja nediet oġġezzjoni formali fir-rigward tal-istandard armonizzat EN 14342:2013. L-oġġezzjoni formali rreferiet għall-Klawsola 4.4 ta' dak l-istandard, rigward il-metodi u l-kriterji ta' valutazzjoni għal ċerti sustanzi perikolużi, u talbet għat-tneħħija tar-referenza tal-istandard minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew, inkella, restrizzjoni li teskludi l-Klawsola 4.4 ta' dak l-istandard mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik ir-referenza.

(4)

Skont il-Ġermanja, dak l-istandard ma fihx metodi armonizzati għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini inkwistjoni b'rabta mar-rilaxx ta' karatteristika essenzjali ta' sustanzi perikolużi oħrajn. Fil-fatt, il-Klawsola 4.4. tal-istandard jiddikjara li l-verifika u dikjarazzjoni dwar ir-rilaxx jew il-kontenut ta' sustanzi perikolużi oħra minn dawk trattati fi klawsoli oħra tal-istandard għandha ssir b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-post tal-użu.

(5)

Il-Ġermanja kkunsidrat li dan in-nuqqas jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, minħabba li l-istandard inkwistjoni ma ssodisfax għalkollox ir-rekwiżiti stabbiliti fil-mandat rilevanti kif previst fl-Artikolu 18.

(6)

Barra minn hekk, il-Ġermanja enfasizzat l-importanza ta' trattament xieraq tar-rilaxxi ta' sustanzi perikolużi oħrajn bħal dawn, b'mod partikolari l-komposti organiċi volatili (KOV), fi ħdan l-istandards armonizzati b'mod partikolari għall-prodotti inkwistjoni b'bażi tal-injam.

(7)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Ġermanja talbet għat-tneħħija tar-referenza ta' dak l-istandard, jew inkella għar-restrizzjoni tagħha billi tiġi eskluża l-Klawsola 4.4 mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni b'rabta mal-karatteristika essenzjali inkwistjoni, fir-rigward tar-rilaxx ta' sustanzi perikolużi oħrajn.

(8)

Meta tiġi vvalutata l-ammissibilità tat-talbiet imressqa, jenħtieġ li jiġi ddikjarat li jekk it-talba alternattiva tal-Ġermanja kellha tinftiehem li tikkostitwixxi talba separata bl-għan li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali, talba bħal din ma kinitx tiffoka fuq il-kontenut ta' EN 14342:2013, u għaldaqstant jenħtieġ li titqies inammissibbli. Madankollu, minħabba li l-kliem tat-talba b'mod ċar qed jirreferi direttament għar-restrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-referenza ta' dak l-istandard, jenħtieġ li d-dikjarazzjonijiet tal-Ġermanja dwar il-konsegwenzi ta' restrizzjoni bħal din jitqiesu biss bħala partijiet tal-argumentazzjoni mogħtija fi ħdan l-oġġezzjoni formali u għaldaqstant ma jitqisux separati.

(9)

Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, l-istandards armonizzati għandhom jipprovdu l-metodi u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti koperti minnhom fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom. Kif affermat il-Ġermanja, il-Klawsola 4.4 ta' EN 14342:2013 tippreżenta biss referenza għar-rekwiżiti nazzjonali fis-seħħ. F'dan ir-rigward, EN 14342:2013 mhuwiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

(10)

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (3) tindika li l-Istati Membri mhumiex intitolati jimplimentaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni b'rabta ma' kwalunkwe karatteristika essenzjali lil hinn minn dak li hemm fl-istandards armonizzati, fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu tal-prodotti għall-bini koperti minnhom. Għalhekk, il-kontenut ta' EN 14342:2013 huwa wkoll f'kunflitt ma' dawk il-prinċipji.

(11)

Għaldaqstant u fid-dawl tal-fatt li r-Regolamenti huma applikabbli direttament, jenħtieġ li l-Klawsola 4.4 ta' EN 14342:2013 ma tiġix applikata, irrispettivament mill-eżitu ta' din il-proċedura ta' oġġezzjoni formali.

(12)

Madankollu, minħabba li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (4) tikkonferma n-natura eżawrjenti tas-sistema armonizzata stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 305/2011 jew permezz tiegħu, l-invalidità tal-Klawsola 4.4 ta' EN 14342:2013 ma timplikax li l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni fir-rigward tal-karatteristika essenzjali tas-sustanzi perikolużi, fir-rigward tar-rilaxx ta' karatteristika essenzjali ta' sustanzi perikolużi oħrajn.

(13)

Abbażi tal-kontenut ta' EN 14342:2013 kif ukoll tal-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja, mill-Istati Membri l-oħrajn, mis-CEN u mill-industrija, u wara li ġew ikkonsultati l-kumitati stabbiliti bl-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 u bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li jiġi nnotat li ma ġiet espressal-ebda oġġezzjoni sostanzjali kontra l-pubblikazzjoni kontinwata tar-referenza ta' dak l-istandard f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-esklużjoni tal-Klawsola 4.4 mill-kamp ta' applikazzjoni tar-referenza ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qajmet tħassib abbażi ta' interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħallikieku tħalli lill-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti li jillimitaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' dawk il-prodotti, jekk jieħdu l-pożizzjoni li s-sikurezza ta' prodott mhijiex żgurata biżżejjed. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà ddikjarat li interpretazzjoni bħal din se toħloq dubju dwar l-effettività [(“effet utile”)] tal-armonizzazzjoni f'dan il-qasam (6).

(14)

Jenħtieġ li n-natura allegatament inkompleta ta' dak l-istandard ma tkunx meqjusa bħala raġuni biżżejjed sabiex tiġi aċċettata l-ewwel talba tal-Ġermanja, jiġifieri t-tneħħija totali tar-referenza tal-istandard EN 14342:2013 minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jenħtieġ li dik it-talba tiġi miċħuda.

(15)

Għat-talba alternattiva dwar ir-restrizzjoni tar-referenza billi tiġi eskluża l-Klawsola 4.4 mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, l-ewwel nett jenħtieġ li jiġi mfakkar li, kif diġà ntwera, dik il-klawsola ma għandhiex tiġi applikata, irrispettivament mill-eżitu ta' din il-proċedura ta' oġġezzjoni formali. Madankollu, għal raġunijiet ta' ċarezza, huwa meħtieġ li dik il-klawsola invalida tiġi eskluża mir-referenza.

(16)

Għalhekk jenħtieġ li r-referenza ta' EN 14342:2013 tinżamm, imma hemm bżonn li tiġi introdotta restrizzjoni li teskludi l-Klawsola 4.4 ta' dak l-istandard mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza tal-istandard armonizzat EN 14342:2013 “Pavimentar tal-injam: Karatteristiċi, evalwazzjoni ta' konformità u mmarkar” għandha tinżamm b'restrizzjoni.

Il-Kummissjoni għandha żżid ir-restrizzjoni li ġejja fil-lista ta' referenzi tal-istandards armonizzati ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea: “Il-Klawsola 4.4 tal-istandard EN 14342:2013 hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni tar-referenza ppubblikata”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU C 259, 8.8.2014, p. 1). L-aktar pubblikazzjoni riċenti: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU C 398, 28.10.2016, p. 7).

(3)  Ara b'mod partikolari l-paragrafu 55 tas-sentenza tal-QĠE dwar il-kawża C-100/13 (Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja).

(4)  Ara l-paragrafu 62 tas-sentenza tal-QĠE dwar il-kawża C-100/13 (Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(6)  Ara l-paragrafu 60 tas-sentenza tal-QĠE dwar il-kawża C-100/13 (Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja).


Top