Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0860

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/860 tal-4 ta' Frar 2016 li jispeċifika aktar iċ-ċirkostanzi meta esklużjoni mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni hija meħtieġa skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment

    C/2016/0379

    ĠU L 144, 1.6.2016, p. 11–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/860/oj

    1.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 144/11


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/860

    tal-4 ta' Frar 2016

    li jispeċifika aktar iċ-ċirkostanzi meta esklużjoni mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni hija meħtieġa skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u, b'mod partikulari, l-Artikolu 44 (11) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fil-kuntest ta' riżoluzzjoni, huwa essenzjali li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jkollhom gwida suffiċjenti biex jiżguraw li l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna tiġi applikata b'mod adegwat u konsistenti madwar l-Unjoni. Il-prinċipju li l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna tkun tista' tiġi applikata għall-obbligazzjonijiet kollha ħlief jekk dawn huma espliċitament esklużi skont l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2014/59/UE huwa predominanti. Għal din ir-raġuni, l-ebda obbligazzjoni ma għandha tiġi preżunta li hija dejjem eskluża mir-rikapitalizzazzjoni interna sakemm ma taqax fil-lista ta' obbligazzjonijiet espliċitament esklużi skont dik id-dispożizzjoni. Fil-fatt, saħansitra fl-istadju tal-ippjanar ta' riżoluzzjoni u valutazzjoni ta' riżolvibbiltà, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha timmira li timminimizza l-esklużjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna bil-għan li jiġi rrispettat il-prinċipju li l-azzjonisti u l-kreditur se jassorbu l-kostijiet tar-riżoluzzjoni.

    (2)

    Prinċipju ġenerali li jirregola r-riżoluzzjoni huwa li l-azzjonisti u l-kredituri għandhom jassorbu t-telf f'riżoluzzjoni skont l-ordni ta' prijorità tal-pretensjonijiet tagħhom skont proċeduri normali ta' insolvenza. Barra minn hekk, il-kredituri tal-istess klassi għandhom jiġu ttrattati b'mod ekwu. F'dan l-isfond, id-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni li jeskludu kompletament jew parzjalment ċertu obbligazzjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna u jgħaddu dan it-telf lil kredituri oħra jew, fejn meħtieġ, lill-fondi ta' riżoluzzjoni għandha tkun definita b'mod ċar. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi li jippermettu lill-kredituri li jiġu esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna jeħtieġ li jkunu ċċarati b'mod strett u kwalunkwe devjazzjoni mill-prinċipju ta' trattament ekwu ta' kredituri tal-istess grad (l-hekk imsejjaħ prinċipju pari-passu) għandhom ikunu proporzjonati, ġustifikati mill-interess pubbliku u mhux diskriminatorji.

    (3)

    Huwa importanti li jiġi pprovdut qafas għall-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni waqt li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom li jeskludu obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet minn rikapitalizzazzjoni interna, skont iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali stipulati fl-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, sabiex ikun hemm iktar ċarezza fix-xenarju ta' riżoluzzjoni partikolari. Madankollu, huwa meħtieġ ċertu grad ta' flessibbiltà biex l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jivvalutaw jekk l-esklużjonijiet humiex strettament meħtieġa u proporzjonati, abbażi ta' każ b'każ.

    (4)

    Id-deċiżjoni li tintuża l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna (jew għodod oħra ta' riżoluzzjoni) għandha tittieħed sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' riżoluzzjoni fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2014/59/UE. Bl-istess mod, dawk l-għanijiet ta' riżoluzzjoni għandhom janimaw ukoll id-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-għodda, inkluża d-deċiżjoni li jiġu esklużi obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet mill-applikazzjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna f'każ partikolari.

    (5)

    F'konformità ma' dawn il-prinċipji, l-abbiltà li teskludi jew parzjalment teskludi ċertu obbligazzjonijiet mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni. Għal dan l-għan, kull fejn ikun possibbli, l-għażla li parzjalment teskludi obbligazzjoni billi jiġi limitat t-tniżżil fil-valur tagħha sa fejn ikun biżżejjed biex jintlaħaq l-għan għandha tiġi ippreferuta mill-esklużjoni totali tagħha mir-rikapitalizzazzjoni interna.

    (6)

    L-użu eċċezzjonali tas-setgħa li jeskludu, totalment jew parzjalment, obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet m'għandux jaffettwa r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-gruppi huma riżolvibbli, u li dawn ikollhom biżżejjed fondi sabiex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) sabiex jassorbu t-telf f'riżoluzzjoni u biex tiġi żgurata rikapitalizzazzjoni skont il-pjan ta' riżoluzzjoni. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 45(6)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni rilevanti għandhom jieħdu kont ta' kwalunkwe esklużjoni probabbli meta jkunu qegħdin jiżguraw li istituzzjoni jkollha kapaċità suffiċjenti ta' assorbiment ta' telf u ta' rikapitalizzazzjoni. Sa fejn l-esklużjoni ta' ċerti obbligazzjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna tista' tnaqqas b'mod sostanzjali l-livell ta' din il-kapaċità disponibbli f'riżoluzzjoni, il-ħtieġa probabbli għal tali esklużjonijiet għandha tiġi indirizzata mill-awtorità ta' riżoluzzjoni meta tistabbilixxi l-MREL skont l-Artikolu 45(6)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    (7)

    Minħabba n-natura eċċezzjonali tal-possibbiltà li l-awtorità ta' riżoluzzjoni teskludi obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-evalwazzjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha jkollha sisien sodi. Fejn tali esklużjonijiet jimplikaw l-użu tal-fond ta' riżoluzzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tipprovdi spjegazzjoni soda dwar iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jwasslu għall-esklużjoni. Din l-ispjegazzjoni hija essenzjali biex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-mandat tagħha skont l-Artikolu 44(12) tad-Direttiva 2014/59/UE, skont liema l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fi żmien 24 siegħa tan-notifika mill-awtorità ta' riżoluzzjoni tad-deċiżjoni li teskludi ċerti obbligazzjonijiet, jekk għandhiex tipprojbixxi jew titlob emenda għall-esklużjoni proposta. L-ispjegazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun proporzjonata, u l-ħtieġa għall-espedjent kif ġustifikat miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ għandhom jiġu kkunsidrati.

    (8)

    F'każ ta' riżoluzzjoni, l-obbligazzjonijiet magħduda lejn l-MREL għandhom, fil-prinċipju, ikunu dejjem rikapitalizzati internament sal-punt neċessarju biex jiġi assorbit it-telf u tiġi rikapitalizzata l-istituzzjoni, sakemm l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni fiż-żmien tal-ippjanar ta' riżoluzzjoni fil-fatt jipprevedu li dawk l-obbligazzjonijiet jikkontribwixxu b'mod kredibbli u fattibbli għal assorbiment ta' telf u rikapitalizzazzjoni. F'każijiet eċċezzjonali fejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni teħtieġ li tagħmel użu minn esklużjoni skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE li ma ġietx ikkunsidrata fl-ippjanar tar-riżoluzzjoni, u fejn tali esklużjonijiet jimplikaw l-użu tal-fond ta' riżoluzzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tispjega liem ċirkostanzi eċċezzjonali jiġġustifikaw l-esklużjoni, u r-raġunijiet għaliex dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ma setgħux ikunu previsti mill-awtorità tar-riżoluzzjoni waqt l-ippjanar ta' riżoluzzjoni. Il-ħtieġa li jiġu spjegati dawn il-fatturi għandha tkun applikata b'mod proporzjonat u xieraq fir-rigward tal-ħtieġa għal azzjoni ta' riżoluzzjoni f'waqtha.

    (9)

    L-abbiltà li jiġu esklużi obbligazzjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE għandha tiġi eżerċitata b'rispett sħiħ għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b'mod partikolari, m'għandiex taffettwa s-salvagwardji li jipproteġu kredituri oħra, jiġifieri l-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf akbar minn dak li kien iġarrab kieku l-istituzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta' insolvenza (il-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” (NCWO)). L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu konxji mill-ħtieġa li jirrispettaw dawn is-salvagwardji u r-riskju ta' kumpens lill-kredituri marbut mal-ksur ta' dawn is-salvagwardji meta jagħmlu esklużjonijiet skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, u waqt it-tħejjija tal-pjan ta' riżoluzzjoni. Madankollu, il-fatt li l-qrati jistgħu jirrieżaminaw id-deċiżjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li teskludi obbligazzjoni m'għandiex tkun l-unika raġuni għal esklużjoni addizzjonali. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju li tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lil deċiżjonijiet preċedenti tal-qorti rigward azzjonijiet ta' riżoluzzjoni fejn huma rilevanti għall-każ speċifiku.

    (10)

    Il-kapaċità ġenerali tal-awtorità tar-riżoluzzjoni li tagħmel esklużjonijiet hija limitata mill-fatt li telf li ma jkunx assorbit kompletament mill-kredituri minħabba esklużjonijiet jista' jkun kopert mill-arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni biss meta l-azzjonisti u l-kredituri jkunu kkontribwew ammont ugwali għal mill-inqas 8 % tal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjoni, inklużi l-fondi proprji.

    (11)

    Esklużjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati abbażi ta' każ b'każ permezz ta' analiżi ta' kunsiderazzjonijiet rilevanti skont kull waħda mir-raġunijiet potenzjali għal esklużjoni skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, aktar milli billi tiġi kkunsidrata n-natura speċifika tal-istituzzjonijiet ikkonċernati f'iżolament. Dan l-approċċ għandu jiżgura kunsiderazzjoni konsistenti ta' ċirkustanzi eċċezzjonali u jevita kull tip ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni. Il-karatteristiċi ta' istituzzjoni (bħalma huma d-daqs, l-interkonnettività jew il-kumplessità) għandu jittieħed kont tagħhom, fejn rilevanti, sabiex jiġi vvalutat jekk iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw esklużjoni ta' obbligazzjoni mir-rikapitalizzazzjoni interna humiex issodisfatti. Madankollu, dawk il-karatteristiċi m'għandhomx awtomatikament jiġġustifikaw eżenzjonijiet ta' obbligazzjonijiet tali ta' istituzzjoni milli jiġu rikapitalizzati internament.

    (12)

    Xi fatturi ġenerali, bħall-kundizzjonijiet tas-suq, ċirkostanzi ta' falliment jew il-livell tat-telf imġarrab mill-istituzzjoni, jistgħu jaffettwaw il-probabbiltà li ċirkostanzi eċċezzjonali, kif definit fl-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, jinqalgħu. Madankollu tali fatturi ġenerali ma għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet indipendenti ulterjuri għal esklużjoni lil hinn minn dawk elenkati fl-Artikolu 44(3)(a) sa (d) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    (13)

    Meta tiġi biex tikkunsidra jekk ċirkostanza waħda jew aktar li jiġġustifikaw esklużjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna humiex issodisfatti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tikkunsidra l-ammont ta' żmien li warajh il-falliment imminenti ta' istituzzjoni ma setax jibqa' jiġi ġestit b'mod ordnat. Fejn il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u l-MREL għal kull istituzzjoni jkunu ġew definiti u l-impedimenti għar-riżoluzzjoni jkunu ġew indirizzati, huwa mistenni li l-istituzzjoni għandu jkollha l-kapaċità meħtieġa li tassorbi t-telf u tiġi rikapitalizzata. Fil-fatt, l-iskema tar-riżoluzzjoni għandha ssegwi l-pjan ta' riżoluzzjoni, inkluża l-istrateġija ta' riżoluzzjoni, sakemm filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi tal-każ, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tivvaluta li l-għanijiet tar-riżoluzzjoni jkunu se jinkisbu b'mod aktar effikaċi bit-teħid ta' azzjonijiet mhux previsti fil-pjan ta' riżoluzzjoni.

    (14)

    Matul il-perjodu li fih il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u l-MREL ikunu għadhom ma ġewx adottati, u fejn kien hemm żmien limitat disponibbli biex ikun hemm deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni dettaljata tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni, huwa aktar probabbli li se jkun hemm każijiet fejn ma jkunx possibbli li tiġi applikata l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna għal kull obbligazzjoni eliġibbli fi żmien raġonevoli. Id-determinazzjoni ta' x'jikkostitwixxi “żmien raġonevoli” għandha tkun marbuta mal-ħeffa u ċ-ċertezza meħtieġa biex tiġi ffinalizzata r-rikapitalizzazzjoni interna sa ċerta data sabiex effettivament tiġi stabbilizzata d-ditta. Meta ma jkunx fattibbli li jitwettqu l-kompiti kollha meħtieġa għar-rikapitalizzazzjoni interna ta' ċerti obbligazzjonijiet sa dik id-data, ir-rikapitalizzazzjoni interna “fi żmien raġonevoli” għandha titqies li mhix possibbli ssir. Id-deċiżjoni dwar meta “diffiċli” ssarraf f'“impossibbli” għandha ssir abbażi tal-kriterji li jiddefinixxu “żmien raġonevoli”.

    (15)

    Fil-prinċipju, obbligazzjonijiet irregolati mil-liġi ta' pajjiż terz tista' ssirilhom rikapitalizzazzjoni interna sakemm mhumiex esklużi skont l-Artikolu 44(2). Il-mekkaniżmu previst skont l-Artikolu 55 huwa intiż li jżid il-probabbiltà li dawk l-obbligazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu rikapitalizzati internament fi żmien raġonevoli. Daqstant ieħor importanti, l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/59/UE jagħti lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni d-diskrezzjoni li jirrikjedu li l-amministratur, ir-riċevitur jew kwalunkwe persuna oħra li teżerċita kontroll fuq l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni ta' obbligazzjonijiet rregolati mil-liġi ta' pajjiż terz issir effettiva. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li tali obbligazzjonijiet mhumiex irregolati mil-liġi tal-UE, riskju residwu jibqa' li f'każi eċċezzjonali minkejja l-aħjar sforzi min-naħa tal-awtorità ta' riżoluzzjoni, inkluż l-eżerċizzju ta' diskrezzjoni skont l-Artikolu 67, se jinqalgħu problemi bl-abbiltà ta' rikapitalizzazzjoni interna ta' tali obbligazzjonijiet f'perjodu raġonevoli.

    (16)

    Ostakolu prattiku għar-rikapitalizzazzjoni interna ta' ċerti obbligazzjonijiet jistgħu jinkludu l-fatt li l-ammont tal-obbligazzjoni ma jkunx iddeterminat jew ikun diffiċli li jiġi ddeterminat fil-mument meta l-awtorità tar-riżoluzzjoni tapplika l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna. Dan jista' jkun il-każ għal obbligazzjonijiet iggarantiti li jaqbżu l-valur tal-kollateral rilevanti, jew obbligazzjonijiet li huma kontinġenti fuq avvenimenti inċerti fil-futur, bħal elementi li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ jew impenji mhux prelevati. Tali ostakli jistgħu jingħelbu permezz ta' valwazzjoni xierqa, bħat-tħassir tal-obbligazzjoni u d-determinazzjoni tal-valur permezz ta' stima, bl-użu ta' metodoloġija ta' valwazzjoni rilevanti, jew bl-applikazzjoni ta' proporzjon “virtwali” tal-perċentwali ta' telf impost fuq il-kredituri.

    (17)

    Filwaqt li huwa minnu li f'xi każijiet jista' jkun diffiċli għal derivati li jiġu rikapitalizzati internament, l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/59/UE jistipula b'mod ċar kif derivati għandhom jiġu rikapitalizzati internament, jiġifieri wara close-out. Il-fatt li jista' jkun diffiċli li jiġi ddeterminat l-ammont innettjat wara l-close-out fi żmien qasir m'għandux iwassal għal esklużjoni awtomatika minħabba li din tista' tiġi indirizzata wkoll permezz ta' metodoloġiji ta' valwazzjoni rilevanti kif stabbiliti mill-Kummissjoni bl-Artikolu 49(5) ta' Direttiva 2014/59/UE, speċjalment fl-istadju ta' valwazzjoni proviżorja. B'mod simili, l-istituzzjonijiet għandhom ikunu meħtieġa li juru li huma kapaċi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex titwettaq valwazzjoni għall-finijiet ta' riżoluzzjoni. B'mod partikolari, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ikunu f'pożizzjoni li jipproduċu l-informazzjoni aġġornata meħtieġa fil-perjodu ta' żmien skont l-istrateġija ta' riżoluzzjoni, b'mod partikolari għall-appoġġ ta' valwazzjoni kredibbli kemm qabel kif ukoll matul ir-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE. Barra minn hekk, il-linji gwida jistipulaw li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jirrikjedu lill-istituzzjonijiet li jċedu l-assi li jxekklu b'mod sinifikanti l-fattibbiltà tal-valwazzjoni.

    (18)

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/59/UE jiddefinixxi l-kunċett ta' funzjonijiet kritiċi u linji operatorji ewlenin. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta att delegat sabiex tispeċifika aktar iċ-ċirkostanzi li taħthom ċerti attivitajiet, servizzi u operazzjonijiet jistgħu jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' funzjoni kritika jew linja operatorja ewlenija. F'dan ir-rigward, il-profittabbiltà ta' linja operatorja mhix fiha innifisha raġuni suffiċjenti biex obbligazzjonijiet relatati ma' dik il-linja operatorja jiġu esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna. Madankollu l-esklużjoni tista' tiġi ġġustifikata, fejn iż-żamma ta' linja operatorja ewlenija hija kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni, inkluż iż-żamma ta' funzjonijiet kritiċi, fejn dawn huma avvanzati mill-kontinwazzjoni ta' operazzjonijiet, servizzi u tranżazzjonijiet ewlenin.

    (19)

    L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jeskludu biss obbligazzjonijiet li huma meħtieġa għall-fini ta' ġestjoni ta' riskju (iħħeġġjar) fil-kuntest ta' funzjonijiet kritiċi, jekk il-ġestjoni ta' riskji (iħħeġġjar) hija rikonoxxuta għal finijiet prudenzjali u hija essenzjali għaż-żamma ta' operazzjonijiet relatati ma' funzjonijiet kritiċi, b'tali mod li jekk l-iħħeġġjar jiġi xolt, il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tkun ipperikolata b'mod serju.

    (20)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jeskludu biss obbligazzjonijiet li huma meħtieġa għall-finijiet ta' ġestjoni ta' riskju (iħħeġġjar) fil-kuntest ta' funzjonijiet kritiċi jekk, li kieku l-miżura tal-immaniġġjar tar-riskji tiġi xolta, ma jkunx possibbli għall-istituzzjoni li tissostitwiha b'termini raġonevoli fi ħdan iż-żmien meħtieġ għaż-żamma tal-funzjonijiet kritiċi, pereżempju minħabba firxiet jew inċertezza fil-valwazzjoni.

    (21)

    Il-prevenzjoni tal-kontaġju sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett ħażin fuq is-sistema finanzjarja hija għan ieħor tar-riżoluzzjoni li jista' jiġġustifika esklużjoni mill-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna. F'kull każ, l-esklużjoni fuq din il-bażi għandha sseħħ biss fejn huwa strettament meħtieġ u proporzjonat, iżda wkoll fejn il-kontaġju jkun tant serju li jkun mifrux u jfixkel gravament il-funzjonament tas-swieq finanzjarji b'mod li jista' jikkawża tfixkil serju fl-ekonomija ta' Stat Membru jew tal-Unjoni.

    (22)

    Ċertu riskju ta' xi kontaġju jista' jkun inerenti fl-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna. Id-deċiżjoni leġiżlattiva li tinkorpora l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna fid-Direttiva 2014/59/UE bħala għodda ewlenija ta' riżoluzzjoni, flimkien mal-prinċipju li l-kredituri u l-azzjonisti għandhom iġarrbu t-telf, tfisser li r-riskju inerenti ta' kontaġju li tista' tinvolvi r-rikapitalizzazzjoni interna m'għandux awtomatikament jitqies bħala raġuni biex obbligazzjonijiet jiġu esklużi. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom, għalhekk, jevalwaw bir-reqqa dawn ir-raġunijiet u jispjegaw l-esklużjoni ta' obbligazzjoni mir-rikapitalizzazzjoni interna abbażi tal-probabbiltà ogħla tagħha li tikkawża kontaġju mifrux tat-tip deskritt fl-Artikolu 44(3)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE minn dawk li ma humiex esklużi. Għal dak l-għan, għandhom jibbażaw il-valwazzjoni tagħhom fuq metodoloġiji xierqa inkluża analiżi kwantitattiva sabiex jiġu ddeterminati r-riskju u s-severità ta' kontaġju mifrux u ta' tfixkil serju fl-ekonomija ta' Stat Membru jew tal-Unjoni.

    (23)

    Il-ħtieġa għal esklużjoni abbażi tar-riskju ta' kontaġju mifrux tista' tkun affettwata minn kundizzjonijiet tas-suq fiż-żmien tar-rikapitalizzazzjoni interna, b'mod partikolari meta l-falliment tad-ditta jseħħ meta s-sistema finanzjarja tkun taħt pressjoni sinifikanti jew tkun qed tbati minn nuqqas ta' fiduċja. Ir-riskju li l-applikazzjoni tal-għodod u s-setgħat ta' riżoluzzjoni jista' jkollha effett negattiv dirett jew indirett sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-fiduċja fis-suq għandu jiġi indirizzati fil-valutazzjoni ta' riżolvibbiltà kif mitlub fil-punt 26 tat-Taqsima C tal-Anness tad-Direttiva 2014/59/UE. Għaldaqstant, meta obbligazzjoni tiġi eskluża mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) ta' dik id-Direttiva abbażi tar-riskju ta' kontaġju mifrux, l-awtorità ta' riżoluzzjoni hija mistennija li tispjega għalfejn l-ostakoli għar-rikapitalizzazzjoni interna ma ġewx indirizzati matul l-ippjanar ta' riżoluzzjoni fejn dawk l-esklużjonijiet jammontaw għal impediment għar-riżolvibbiltà. L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tivvaluta wkoll jekk l-effett ta' kontaġju jirriżultax minn, jew huwiex b'mod sinifikanti aggravat minħabba, l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna għall-obbligazzjonijiet inkwistjoni, jew jekk fil-fatt jirriżultax mill-falliment tal-istituzzjoni fih innifsu.

    (24)

    Ir-riskju ta' kontaġju wiesa' jista' jkun dirett, meta t-telf dirett li jkollu jiġġarrab mill-kontropartijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jwasslu għal inadempjenza jew kwistjonijiet tas-solvenza gravi għal dawk il-kontropartijiet u, konsegwentement, għall-kontropartijiet tagħhom. Il-possibbiltà ta' falliment f'istituzzjoni finanzjarja waħda jew iktar li tfalli jew li tiġi f'diffikultà bħala konsegwenza diretta tar-rikapitalizzazzjoni interna m'għandhiex twassal awtomatikament għall-esklużjoni ta' obbligazzjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna. Deċiżjonijiet dwar esklużjonijiet għandhom isiru bi proporzjon mar-riskji sistematiċi li jista' jqajjem il-kontaġju dirett.

    (25)

    Ir-riskju ta' kontaġju mifrux jista' wkoll ikun indirett, pereżempju minħabba t-telf ta' fiduċja ta' ċerti parteċipanti fis-suq, bħalma huma d-depożituri jew permezz ta' effetti tal-prezzijiet tal-assi. Mezz importanti ta' kontaġju indirett jista' jkun it-telf ta' fiduċja fis-swieq ta' finanzjament (kemm fil-livell tal-operaturi kif ukoll tal-konsumaturi) — tnaqqis drastiku fil-provvista, rekwiżiti tal-marġini ogħla b'mod ġenerali jew għal istituzzjonijiet b'karatteristiċi simili għall-istituzzjoni li qed tfalli, jew il-bejgħ bl-għaġġla ta' assi minn istituzzjonijiet b'nuqqas ta' likwidità.

    (26)

    Meta ċerti obbligazzjonijiet ikunu qegħdin jiġu rikapitalizzati internament, il-qerda ta' valur tista' sseħħ f'każ li dawk l-obbligazzjonijiet jifformaw parti minn linja operatorja ta' suċċess li mod ieħor iżżid valur sinifikanti lill-bank, bħal f'bejgħ lil xerrej mis-settur privat. Biex l-awtorità ta' riżoluzzjoni teskludi obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna, il-valur miżmum ikun meħtieġ li jkun suffiċjenti biex (potenzjalment) itejjeb is-sitwazzjoni ta' kredituri li mhumiex esklużi għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni tagħhom li kieku l-obbligazzjonijiet inkwistjoni ma kinux esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna. Għaldaqstant, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jeskludu obbligazzjoni mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3)(d) tad-Direttiva 2014/59/UE fejn il-benefiċċju tal-esklużjoni għal kredituri oħra jkun se jiżboq il-kontribuzzjoni tagħhom għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni li kieku l-esklużjoni ma saritx. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, fejn il-valur miżmum jista' jiġi identifikat ċarament minn żieda korrispondenti ta' korrispettiv imħallas minn xerrej mis-settur privat.

    (27)

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-benefiċċji potenzjali f'termini ta' żamma tal-valur ta' esklużjoni mir-rikapitalizzazzjoni interna, l-Artikolu 36(16) u l-Artikolu 49(5) tad-Direttiva 2014/59/UE rispettivament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji li jirrigwardaw valwazzjoni għall-finijiet ta' riżoluzzjoni, u għall-valutazzjoni ta' derivati. Skont il-metodoloġija applikabbli, telf addizzjonali jista' jsir attwali mill-close-out ta' derivati u jaqbeż il-potenzjal tar-rikapitalizzazzjoni interna tal-obbligazzjoni korrispondenti, u jikkawża telf ulterjuri li jista' jżid il-piż ta' rikapitalizzazzjoni interna għal kredituri oħra tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. Telf addizzjonali jista' jirriżulta minn kostijiet ta' sostituzzjoni imġarrba mill-kontroparti, jew kostijiet imġarrba mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni biex jiġu stabbiliti mill-ġdid ħeġġijiet li tħallew miftuħa li mhumiex riflessi fil-valur tan-negozju avvjat ta' derivati. F'tali ċirkostanzi, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tevalwa jekk-it-tnaqqis fil-valur ifissirx li t-telf imġarrab minn kredituri mhux esklużi ikunx ogħla jekk l-obbligazzjoni inkwistjoni kienet eskluża mir-rikapitalizzazzjoni interna. Aspettattivi purament spekulattivi ta' żieda potenzjali fil-valur ma jistgħux iservu bħala raġuni għall-esklużjoni.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jispeċifikaw aktar iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali previsti fl-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, fejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' teskludi, jew parzjalment teskludi, ċerti obbligazzjonijiet mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni fejn tiġi applikata l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna.

    2.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu applikati minn awtorità tar-riżoluzzjoni maħtura minn Stat Membru skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE, u mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompiti u tas-setgħat tiegħu skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament japplika għall-entitajiet imsemmija fil-paragrafi (a) sa (e) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    (1)

    “Kontaġju dirett” tfisser sitwazzjoni fejn it-telf dirett tal-kontropartijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, li jirriżulta minn tniżżil fil-valur tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni, iwassal għall-inadempjenza jew probabbiltà ta' inadempjenza imminenti għal dawk il-kontropartijiet.

    (2)

    “Kontaġju indirett” tfisser sitwazzjoni fejn it-tniżżil fil-valur jew il-konverżjoni ta' obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni tikkawża reazzjoni negattiva minn parteċipanti fis-suq li twassal għal xkiel gravi fis-sistema finanzjarja bil-potenzjal li jkun ta' ħsara għall-ekonomija reali.

    Artikolu 4

    Dispożizzjonijiet komuni

    1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ma għandhomx jeskludu obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna sakemm mhumiex fil-lista ta' obbligazzjonijiet fl-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2014/59/UE

    2.   Deċiżjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni biex teskludi obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet mill-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE għandha tkun ibbażata fuq analiżi ta' każ b'każ tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u m'għandhiex tkun awtomatika.

    3.   Meta tikkunsidra l-esklużjonijiet skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE u qabel teskludi kompletament obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha l-ewwel tikkunsidra l-għażla li teskludi parzjalment dik l-obbligazzjoni billi jiġi llimitat l-ammont ta' tniżżil fil-valur tagħhom kull fejn ikun possibbli.

    4.   Meta tkun qed tiddetermina jekk obbligazzjoni għandhiex tkun eskluża skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet fihom humiex issodisfatti fiż-żmien tal-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna għall-istituzzjoni. Dik il-valutazzjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li ssegwi l-pjan ta' riżoluzzjoni kif stipulat fl-Artikolu 87 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    5.   Id-deċiżjoni dwar l-esklużjoni ta' obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet mill-applikazzjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE għandha tkun ibbażata fuq mill-inqas wieħed mill-għanijiet ta' riżoluzzjoni deskritt skont l-Artikolu 31(2) ta' dik id-Direttiva.

    6.   Id-deċiżjoni dwar l-esklużjoni sħiħa jew parzjali ta' obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet mill-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE li timplika l-użu tal-fond ta' riżoluzzjoni, għandha tkun iġġustifikata kif xieraq, b'kont meħud tal-ħtieġa għar-rakkomandabbiltà kif ġustifikata miċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku.

    7.   Fejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni tkun assumiet li obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet kredibbilment u fattibbilment ikunu se jikkontribwixxu għall-assorbiment ta' telf u r-rikapitalizzazzjoni, u li dawk l-obbligazzjonijiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għal esklużjoni skont l-Artikolu 44(3), dik l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tispjega kull wieħed minn dawn li ġejjin jekk imbagħad tiddeċiedi li teskludi jew parzjalment teskludi obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 44(3) li jinvolvi li t-telf jingħadda għall-fond ta' riżoluzzjoni:

    (a)

    iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li huma differenti minn dawk fil-mument tal-ippjanar ta' riżoluzzjoni b'mod li dawk l-obbligazzjonijiet jeħtiġilhom jiġu esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna fil-mument li tittieħed l-azzjoni ta' riżoluzzjoni;

    (b)

    għala hemm ħtieġa ta' esklużjoni u, b'mod partikolari, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għaliha ma setgħux ikunu previsti matul l-ippjanar tar-riżoluzzjoni.

    (c)

    jekk il-ħtieġa għal esklużjoni kinitx prevista fil-pjan ta' riżoluzzjoni, kif l-awtorità ta' riżoluzzjoni indirizzat din il-ħtieġa sabiex tevita li tikkostitwixxi impediment għar-riżolvibbiltà

    8.   Meta tkun qiegħda tiddeċiedi jekk għandhiex teskludi jew parzjalment teskludi obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 44(3)(a) tad-Direttiva 2014/59/UE, jekk l-esklużjoni tkun tinvolvi li t-telf jgħaddi għall-fond ta' riżoluzzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tispjega wkoll:

    (a)

    kif/jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 ta' dan ir-Regolament huma ssodisfatti; kif ukoll

    (b)

    għala l-bżonn ta' esklużjoni ma setax jiġi indirizzat permezz ta' metodu xieraq ta' valwazzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE;

    9.   Meta tiddeċiedi jekk għandhiex teskludi jew parzjalment teskludi obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet sabiex iżżomm il-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi jew linji operatorji ewlenin skont l-Artikolu 44(3)(b) tad-Direttiva 2014/59/UE, jekk l-esklużjoni tkun tinvolvi li t-telf jgħaddi għall-fond ta' riżoluzzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tispjega wkoll:

    (a)

    kif/jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament huma ssodisfatti;

    (b)

    għala l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu esklużi huma aktar rilevanti għall-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi u linji operatorji ewlenin speċifikati ċarament minn obbligazzjonijiet li ma jkunux se jiġu esklużi.

    10.   Fejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni teskludi jew parzjalment teskludi obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet sabiex tevita kontaġju mifrux skont l-Artikolu 44(3)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE, jekk l-esklużjoni tkun tinvolvi li t-telf jgħaddi għall-fond ta' riżoluzzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tispjega wkoll:

    (a)

    kif/jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament huma ssodisfatti;

    (b)

    ir-raġunijiet għala l-obbligazzjonijiet esklużi għandhom probabbiltà akbar li jikkawżaw kontaġju mifrux tat-tip deskritt fl-Artikolu 44(3)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE minn dawk li mhumiex esklużi;

    11.   Fejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni teskludi jew parzjalment teskludi obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 44(3)(d) tad-Direttiva 2014/59/UE, jekk l-esklużjoni tkun tinvolvi li t-telf jgħaddi għall-fond ta' riżoluzzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tispjega wkoll kif/jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament huma ssodisfatti.

    Artikolu 5

    Esklużjoni għal raġunijiet ta' impossibbiltà ta' rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3)(a) tad-Direttiva 2014/59/UE

    1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jeskludu biss obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet mill-eżerċizzju tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna fejn l-ostakoli invokati għal tali eżerċizzju ma jippermettux li jseħħ fi żmien raġonevoli, minkejja l-aħjar sforzi tal-awtorità ta' riżoluzzjoni.

    2.   Fir-rigward tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom, b'mod partikolari, jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin qabel jiddeċiedu dwar l-esklużjoni msemmija hemm:

    (a)

    l-obbligu tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li fil-pjan ta' riżoluzzjoni tipprovdi deskrizzjoni tal-proċessi biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' żmien xieraq tat-tagħrif meħtieġ għall-għanijiet ta' valwazzjoni skont l-Artikoli 36 u 49 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    (b)

    l-obbligu tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tindirizza kwalunkwe impediment għar-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni inklużi ċ-ċirkustanzi li jwasslu għal esklużjoni potenzjali li jistgħu jiġu previsti fil-proċess tal-ippjanar ta' riżoluzzjoni potenzjali meta dawk l-esklużjonijiet potenzjali jammontaw għal impedimenti għar-riżolvibilità.

    Artikolu 6

    Żmien raġonevoli

    1.   Meta jkunu qiegħdin ifittxu li jeskludu obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3)(a) tad-Direttiva 2014/59/UE, u sabiex jiġi determinat x'jikkostitwixxi “żmien raġonevoli”, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jiddeterminaw dan li ġej:

    (a)

    meta l-ammont tat-tniżżil fil-valur għandu jkun finalment stabbilit;

    (b)

    sa meta jeħtieġu jsiru l-kompiti kollha meħtieġa sabiex issir ir-rikapitalizzazzjoni interna ta' dawn l-obbligazzjonijiet sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni b'kont meħud tas-sitwazzjoni fil-mument tal-azzjoni ta' riżoluzzjoni.

    2.   Meta jkunu qegħdin jiddeterminaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw dan li ġej:

    (a)

    il-ħtieġa li tiġi ppubblikata d-deċiżjoni ta' rikapitalizzazzjoni interna u li jiġi ddeterminat l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni interna u l-allokazzjoni finali għad-diversi klassijiet ta' kredituri;

    (b)

    il-konsegwenzi tad-dewmien ta' tali deċiżjoni għall-fiduċja fis-suq, ir-reazzjonijiet potenzjali tas-suq, bħal flussi ta' ħruġ ta' likwidità, u l-effettività ta' azzjoni ta' riżoluzzjoni, filwaqt li jittieħed kont ta' dan li ġej:

    (i)

    jekk il-parteċipanti tas-suq ikunux jafu bid-diffikultà u r-riskju ta' falliment tal-istituzzjoni;

    (ii)

    il-viżibbiltà tal-konsegwenzi tad-diffikultà jew il-falliment potenzjali tal-istituzzjoni għall-parteċipanti tas-suq;

    (c)

    il-ħinijiet tal-ftuħ tas-swieq sakemm jistgħu jħallu impatt fuq il-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi u effetti ta' kontaġju;

    (d)

    id-data(i) ta' referenza sa meta r-rekwiżiti kapitali għandhom jiġu mħarsa;

    (e)

    id-dati sa meta l-ħlasijiet tal-istituzzjoni jkunu dovuti, u l-maturità tal-obbligazzjonijiet ikkonċernati.

    Artikolu 7

    Esklużjoni għal raġunijiet ta' żamma ta' ċerti funzjonijiet kritiċi u linji ewlenin operatorji skont l-artikolu 44(3)(b) tad-Direttiva 2014/59/UE

    1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jeskludu obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet abbażi li l-esklużjoni tkun meħtieġa u proporzjonata sabiex jiġu miżmuma ċerti funzjonijiet kritiċi fejn dawn jikkunsidraw dik l-obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet tkun marbuta ma' funzjoni kritika li għall-kontinwità tagħha dawk l-obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet m'għandhomx jiġu rikapitalizzati internament, fejn wieħed minn dawn iż-żewġ elementi li ġejjin ikun issodisfatt:

    (a)

    ir-rikapitalizzazzjoni interna tal-obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet tkun se timmina l-funzjoni minħabba d-disponibbiltà ta' finanzjament jew id-dipendenza fuq kontropartijiet, bħal kontropartijiet li jiħħeġġjaw, fuq l-infrastruttura jew fuq il-fornituri tas-servizz lill-istituzzjoni, li jistgħu ikunu impediti minn jew ma jkunux iridu jkomplu tranżazzjonijiet mal-istituzzjoni wara rikapitalizzazzjoni interna;

    (b)

    il-funzjoni kritika inkwistjoni hija servizz ipprovdut mill-istituzzjoni lil partijiet terzi li jiddependi fuq il-prestazzjoni mhux interrotta tal-obbligazzjoni.

    2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jeskludu biss obbligazzjonijiet li huma meħtieġa għall-fini ta' ġestjoni ta' riskju (iħħeġġjar) fil-kuntest ta' funzjonijiet kritiċi fejn jiġu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-ġestjoni ta' riskju (iħħeġġjar) hija rikonoxxuta għal finijiet prudenzjali u hija essenzjali għaż-żamma ta' operazzjonijiet relatati ma' funzjonijiet kritiċi;

    (b)

    ikun impossibbli għall-istituzzjoni li tissostitwixxi miżura ta' ġestjoni ta' riskju xolta skont termini raġonevoli fiż-żmien meħtieġ għaż-żamma tal-funzjonijiet kritiċi.

    3.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jeskludu biss obbligazzjonijiet għall-finijiet taż-żamma ta' relazzjoni ta' finanzjament fejn jiġu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-awtorità ta' riżoluzzjoni tivvaluta li l-finanzjament huwa essenzjali għaż-żamma ta' funzjoni kritika;

    (b)

    fid-dawl tal-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, ikun impossibbli għall-istituzzjoni li tissostitwixxi l-finanzjament fiż-żmien meħtieġ għaż-żamma tal-funzjoni kritika.

    4.   L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni m'għandhomx jeskludu obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet abbażi biss ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    il-maturità tagħha;

    (b)

    l-istennija ta' żieda fil-kostijiet tal-finanzjament li ma tipperikolax il-kontinwità tal-funzjoni kritika;

    (c)

    l-istennija ta' profitt potenzjali futur.

    5.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jeskludu obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet abbażi li jkun meħtieġ u proporzjonat sabiex tiġi miżmuma linja operatorja ewlenija fejn l-esklużjoni ta' dik l-obbligazzjoni tkun kritika biex tinżamm l-abbiltà tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li tkompli bl-operazzjonijiet, is-servizzi u t-tranżazzjonijiet ewlenin, u biex tilħaq l-għanijiet ta' riżoluzzjoni stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 8

    Esklużjoni għal raġunijiet ta' evitar ta' kontaġju mifrux skont l-artikolu 44(3)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE

    1.   Meta jikkunsidraw esklużjonijiet abbażi tar-riskju ta' kontaġju dirett skont l-Artikolu 44(3)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw, sal-limitu massimu possibbli, l-interkonnettività tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni mal-kontropartijiet tagħha.

    Il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tinkludi kull waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    konsiderazzjoni ta' skoperturi għal kontropartijiet rilevanti fir-rigward tar-riskju li r-rikapitalizzazzjoni interna ta' tali skoperturi tista' tikkawża fallimenti indiretti;

    (b)

    l-importanza sistemika ta' kontropartijiet li huma f'riskju li jfallu, b'mod partikolari fir-rigward ta' parteċipanti oħra fis-suq finanzjarju u fornituri tal-infrastruttura tas-suq finanzjarju.

    2.   Meta tikkunsidra esklużjonijiet abbażi tar-riskju ta' kontaġju indirett skont l-Artikolu 44(3)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tivvaluta, sal-limitu massimu possibbli, il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-esklużjoni abbażi ta' indikaturi rilevanti ta' għanijiet multipli. Indikaturi li jistgħu jkunu rilevanti għall-każ jinkludu dawn li ġejjin:

    (a)

    l-għadd, id-daqs u l-interkonnettività ta' istituzzjonijiet b'karatteristiċi simili bħall-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, inkwantu dan jista' jwassal għal nuqqas ta' kunfidenza mifrux fis-settur bankarju jew fis-sistema finanzjarja inġenerali;

    (b)

    l-għadd ta' persuni naturali affettwati direttament u indirettament mir-rikapitalizzazzjoni interna, il-viżibbiltà u rappurtaġġ mill-istampa dwar l-azzjoni ta' riżoluzzjoni, sakemm dan ikun riskju sinifikanti ta' ħsara għall-fiduċja ġenerali fis-sistema bankarja jew finanzjarja usa';

    (c)

    l-għadd, id-daqs u l-interkonnettività ta' kontropartijiet affettwati mir-rikapitalizzazzjoni interna, inklużi l-parteċipanti fis-suq mis-settur mhux bankarju, u l-importanza ta' funzjonijiet kritiċi mwettqa minn dawn il-kontropartijiet;

    (d)

    l-abbiltà tal-kontropartijiet li jaċċessaw fornituri tas-servizzi alternattivi għal funzjonijiet li ġew ivvalutati bħala sostitwibbli, minħabba s-sitwazzjoni speċifika;

    (e)

    jekk għadd sinifikanti ta' kontropartijiet humiex se jirtiraw il-finanzjament jew jieqfu milli jagħmlu tranżazzjonijiet ma' istituzzjonijiet oħra wara r-rikapitalizzazzjoni interna, jew jekk is-swieq hux se jieqfu jaħdmu sewwa bħala konsegwenza tar-rikapitalizzazzjoni interna ta' tali parteċipanti fis-suq, b'mod partikolari f'każ ġeneralizzat ta' nuqqas ta' fiduċja fis-suq jew paniku;

    (f)

    l-irtirar mifrux ta' finanzjament fuq terminu qasir jew depożiti f'ammonti sinifikanti;

    (g)

    l-għadd, id-daqs u s-sinifikat ta' istituzzjonijiet li huma fir-riskju li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal intervent bikri, jew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jfallu jew probabbli li jfallu skont l-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2014/59/UE;

    (h)

    ir-riskju ta' interruzzjoni sinifikanti ta' funzjonijiet kritiċi jew żieda sinifikanti fil-prezzijiet għall-forniment ta' dawn il-funzjonijiet, [bħalma hu evidenti minn bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq għal tali funzjonijiet jew id-disponibbiltà tagħhom], jew l-istennija ta' kontropartijiet u parteċipanti oħra fis-suq;

    (i)

    tnaqqis sinifikanti mifrux fil-prezzijiet tal-ishma ta' istituzzjonijiet jew fil-prezzijiet ta' assi tal-istituzzjonijiet, b'mod partikolari fejn dawn jistgħu jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni tal-kapital ta' istituzzjonijiet;

    (j)

    tnaqqis sinifikanti ġenerali u mifrux ta' finanzjament fuq terminu qasir jew medju disponibbli għal istituzzjonijiet;

    (k)

    ħsara sinifikanti fil-funzjonament tas-suq tal-finanzjament interbankarju, kif jidher minn żieda sinifikanti ta' rekwiżiti tal-marġini u tnaqqis ta' kollateral disponibbli għall-istituzzjonijiet;

    (l)

    żidiet mifruxa u sinifikanti fil-prezzijiet tal-assigurazzjoni għall-inadempjenza tal-kreditu jew deterjorament fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu ta' istituzzjonijiet jew parteċipanti oħra tas-suq li huma rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja ta' istituzzjonijiet.

    Artikolu 9

    Esklużjoni għal raġunijiet ta' evitar ta' tnaqqis fil-valur skont l-Artikolu 44(3)(d) tad-Direttiva 2014/59/UE

    1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jeskludu obbligazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet minn rikapitalizzazzjoni interna fejn tali esklużjoni tevita l-qerda tal-valur sabiex id-detenturi tal-obbligazzjonijiet mhux esklużi jkunu aħjar milli kienu jkunu kieku dawn tal-ewwel ikunu ġew rikapitalizzati internament.

    2.   Sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni fil-paragrafu 1 tintlaħaqx, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jqabblu u jevalwaw l-eżitu għall-kredituri kollha li jirriżulta minn rikapitalizzazzjoni interna u n-nuqqas ta' rikapitalizzazzjoni interna, skont l-Artikolu 36(16) u l-Artikolu 49(5) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 10

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmula fi Brussell, l-4 ta' Frar 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

    (2)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).


    Top