Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1373

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1373 tal-11 ta' Awwissu 2016 li tapprova l-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk għat-tieni perjodu ta' referenza tal-iskema ta' prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (2015-2019) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/5131

    ĠU L 217, 12.8.2016, p. 51–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1373/oj

    12.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 217/51


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1373

    tal-11 ta' Awwissu 2016

    li tapprova l-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk għat-tieni perjodu ta' referenza tal-iskema ta' prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (2015-2019)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(d) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (3), il-Maniġer tan-Netwerk irid jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' prestazzjoni.

    (2)

    Skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, il-Maniġer tan-Netwerk fassal il-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk għat-tieni perjodu ta' referenza tal-iskema ta' prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (2015-2019) u ppreżentah lill-Kummissjoni.

    (3)

    Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, ivvalutat il-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk fid-dawl tal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha u, mutatis mutandis, tal-kriterji stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, kif ukoll tar-rekwiżiti l-oħra ta' dak ir-Regolament.

    (4)

    Dik il-valutazzjoni wriet li l-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk huwa konformi ma' dawk il-miri, il-kriterji u r-rekwiżiti. B'mod partikolari, fir-rigward tal-oqsma ewlenin ta' prestazzjoni tas-sikurezza, tal-ambjent u tal-kapaċità, il-miri stabbiliti fil-Pjan huma daqs il-miri rispettivi għall-Unjoni kollha u b'konsegwenza ta' dan huma konsistenti ma' dawk il-miri għall-Unjoni kollha. Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, il-miri stabbiliti fil-Pjan huma konsistenti wkoll mal-miri għall-Unjoni kollha, peress li t-tendenza ta' tnaqqis tal-kostijiet stabbiliti għal kull unità hija ogħla mill-mira għall-Unjoni kollha.

    (5)

    Għalhekk huwa xieraq li l-Kummissjoni tapprova l-verżjoni finali tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk, fl-edizzjoni ta' Ġunju tal-2015, kif imfassla mill-Maniġer tan-Netwerk u ppreżentat lill-Kummissjoni.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk għat-tieni perjodu ta' referenza tal-iskema ta' prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (2015-2019), fl-edizzjoni ta' Ġunju tal-2015, kif ippreżentat mill-Maniġer tan-Netwerk, huwa approvat.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Awwissu 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 tas-7 ta' Lulju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2010 (ĠU L 185, 15.7.2011, p. 1).


    Top