Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1359

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1359 tat-8 ta' Awwissu 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/270/UE fir-rigward ta' miżuri ta' emerġenza li jevitaw l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner), l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner) fl-Unjoni (notifikata bid-dokument C(2016) 5038)

C/2016/5038

ĠU L 215, 10.8.2016, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1359/oj

10.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/29


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1359

tat-8 ta' Awwissu 2016

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/270/UE fir-rigward ta' miżuri ta' emerġenza li jevitaw l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner), l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner) fl-Unjoni

(notifikata bid-dokument C(2016) 5038)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/270/UE (2) stabbiliet miżuri ta' emerġenza li jevitaw l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Epitrix cucumeris, l-Epitrix similaris, l-Epitrix subcrinita u l-Epitrix tuberis fl-Unjoni, dawk l-organiżmi ta' ħsara li mhumiex elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2000/29/KE.

(2)

Minn meta ġiet adottata d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/679/UE (3), li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/270/UE, rapport uffiċjali tal-laboratorju maħruġ mil-Laboratorju ta' Referenza Nazzjonali ta' Spanja, ibbażat fuq dokument xjentifiku ppubblikat minn Orlova-Bienkowskaja MJ (4), wera li l-organiżmu ta' ħsara identifikat bħala l-Epitrix similaris (Gentner) ġie identifikat bħala tali b'mod żbaljat. Minflok dan kellu jiġi identifikat bħala Epitrix papa sp. n. Barra minn hekk, u skont l-aħħar informazzjoni pprovduta minn Spanja u l-Portugall, l-organiżmu li jikkawża ħsara lill-patata f'ċerti żoni u li qabel ġie identifikat bħala Epitrix similaris (Gentner) issa huwa identifikat bħala Epitrix papa sp. n. Ġie kkonfermat ukoll li l-Epitrix similaris (Gentner) qatt ma nstab preżenti fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/270/UE ma għandhiex tkopri aktar l-Epitrix similaris (Gentner), iżda għandha tkopri lill-organiżmu ta' ħsara Epitrix papa sp. n.

(3)

Minn meta ġiet adottata d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/679/UE, li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/270/UE, l-esperjenza miksuba minn Spanja u l-Portugall tindika li għandha tiġi stabbilita żona ta' lqugħ b'wisa' ta' mill-inqas 500 m lil hinn mill-konfini taż-żona infestata sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva tat-territorju tal-Unjoni.

(4)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/270/UE għandha tiġi emendata skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/270/UE

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/270/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Fit-titolu, il-kliem “Epitrix similaris (Gentner)” jinbidel bil-kliem “Epitrix Papa sp.n.”.

(2)

Fl-Artikolu 1, il-kliem “Epitrix similaris (Gentner)” jinbidel bil-kliem “Epitrix Papa sp.n.”

(3)

Fl-Anness II, il-punt (b) tat-Taqsima 1(1) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

żona ta' lqugħ b'wisa' ta' mill-inqas 500 m lil hinn mill-konfini taż-żona infestata; fejn parti minn għalqa tkun f'dik il-wisa', l-għalqa kollha għandha tkun parti miż-żona ta' lqugħ.”

Artikolu 2

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/270/UE tas-16 ta' Mejju 2012 fir-rigward ta' miżuri ta' emerġenza li jevitaw l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner), l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner) fl-Unjoni (ĠU L 132, 23.5.2012, p. 18).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/679/UE tal-25 ta' Settembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/270/UE fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tagħha u fir-rigward tal-moviment għal faċilitajiet tal-ippakkjar ta' tuberi tal-patata li joriġinaw f'żoni demarkati sabiex jiġi evitat it-tixrid fl-Unjoni tal-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner), l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner) (ĠU L 283, 27.9.2014, p. 61).

(4)  http://www.eje.cz/artkey/eje-201504-0028_epitrix_papa_sp_n_coleoptera_chrysomelidae_galerucinae_alticini_previously_misidentified_as_epitrix_sim.php


Top