EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0169

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/169 tal-5 ta' Frar 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/221/UE fir-rigward ta' miżuri nazzjonali għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi f'partijiet tal-Irlanda, tal-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit (notifikata bid-dokument C(2016) 605) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 32, 9.2.2016, p. 158–162 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32021D0260

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/169/oj

9.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/158


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/169

tal-5 ta' Frar 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2010/221/UE fir-rigward ta' miżuri nazzjonali għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi f'partijiet tal-Irlanda, tal-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit

(notifikata bid-dokument C(2016) 605)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE (2) tippermetti li ċerti Stati Membri japplikaw restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta' kunsinni ta' annimali akkwatiċi biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta' ċertu mard fit-territorju tagħhom, sakemm huma jkunu wrew li t-territorju tagħhom, jew ċerti żoni demarkati fit-territorju tagħhom, huma ħielsa minn dan il-mard jew sakemm, biex jiksbu dan il-ħelsien mill-mard, ikunu stabbilixxew programm ta' qerda jew ta' sorveljanza. Skont l-Artikolu 3(2) ta' din id-Deċiżjoni l-Istati Membri li għandhom programm approvat ta' eradikazzjoni għal waħda jew aktar minn dawk il-mardiet, ir-restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fir-rigward ta' dak il-mard jistgħu japplikawha biss sal-31 ta' Diċembru 2015.

(2)

Id-Deċiżjoni 2010/221/UE tistipula li l-Istati Membri u partijiet tagħhom elenkati fl-Anness I tagħha għandhom jitqiesu ħielsa mill-mard elenkat fl-istess Anness. Barra minn hekk, din id-Deċiżjoni approvat il-programmi ta' eradikazzjoni adottati minn ċerti Stati Membri fir-rigward taż-żoni u l-mard elenkati fl-Anness II tagħha. Dik id-Deċiżjoni tapprova wkoll il-programmi ta' sorveljanza fir-rigward tal-ostreid herpes virus 1 μvar (OsHV-1μVar) adottati minn ċerti Stati Membri fir-rigward taż-żoni stabbiliti fl-Anness III tagħha.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/88/KE, il-Finlandja ippreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni ta' restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta' kunsinni tal-annimali akkwatiċi sabiex l-alfavirus tas-salmonidi (SAV) ma jidħolx fil-partijiet kontinentali tat-territorju tagħha. Il-ġustifikazzjoni ewlenija tal-Finlandja għal din it-talba kienet li fi speċijiet suxxettibbli l-SAV jista' jikkawża mard tal-ħut serju bħall-marda tal-Frixa (PD) u l-marda tal-Irqad (SD). Dawn il-mardiet huma trażmessi faċilment u barra minn hekk jikkawżaw telf sostanzjali b'mod partikolari f'farms li jkabbru s-Salamun tal-Atlantiku (Salmo salar). Barra minn hekk, il-popolazzjonijiet tat-trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss) u tat-trota kannella (Salmo trutta) jistgħu jiġu affettwati ħażin ħafna wkoll. Il-produzzjoni annwali Finlandiża ta' dawk l-ispeċijiet kemm għall-produzzjoni tal-ikel u kif ukoll għall-istokkjar mill-ġdid, hija sostanzjali. Għalhekk hemm bżonn li dawk l-ispeċijiet ikunu protetti mill-introduzzjoni tal-SAV.

(4)

Fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi (il-Kodiċi Akkwatiku) tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), l-infezzjoni bl-SAV hija deskritta bħala infezzjoni b'kull sottotip tas-SAV tal-ġeneru Alphavirus tal-familja Togaviridae. Mill-2014 infezzjonijiet ta' dan it-tip iridu jiġu nnotifikati lill-OIE u l-metodi dijanjostiċi għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-patoġenu huma stabbiliti fil-Manwal għat-Testijiet Dijanjostiċi għal Annimali Akkwatiċi (il-Manwal akkwatiku tal-OIE). Barra minn hekk, fil-Kodiċi Akkwatiku hemm rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta' kif għandu jinżamm stat ta' ħelsien mill-marda tal-SAV, u dwar l-importazzjoni u t-tranżitu ta' annimali akkwatiċi u prodotti tagħhom minn pajjiż li mhuwiex iddikjarat ħieles minn infezzjonijiet tal-SAV.

(5)

Il-Finlandja pprovdiet informazzjoni li tiddeskrivi s-sistema tagħha ta' kontroll u ta' notifika obbligatorja tal-mard tal-annimali akkwatiċi, u barra minn hekk iddeskriviet l-iskemi ta' sorveljanza li hija diġà għandha fis-seħħ biex ikun hemm dokumentazzjoni dwar liema partijiet kontinentali tal-Finlandja huma ħielsa mill-SAV. Dik l-informazzjoni, filwaqt li tikkonferma li s-sorveljanza passiva dwar l-SAV ilha ssir minn mindu din il-marda bdiet tiġi nnotifikata f'konformità mal-leġiżlazzjoni Finlandiża tal-2010 u li saret ukoll sorveljanza mmirata fuq perjodu ta' sentejn, mill-2013 sal-2014, fiż-żewġ każijiet bl-użu ta' metodi dijanjostiċi skont il-Manwal Akkwatiku tal-OIE, tappoġġa wkoll il-valutazzjoni li l-partijiet kontinentali tal-Finlandja huma ħielsa mill-SAV.

(6)

Barra minn hekk il-Finlandja ipprovdiet informazzjoni fejn iddeskriviet is-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-SAV f'żoni fejn jinġabar l-ilma li huma kondiviżi man-Norveġja, mal-Iżvezja u mar-Russja u l-miżuri ta' bijosigurtà li hija għandha fis-seħħ biex jiġi evitat kull trasferiment possibli tal-SAV miż-żoni kostali għaż-żoni kontinentali tal-Finlandja. Din l-informazzjoni turi li l-miżuri fis-seħħ huma f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OIE, u tappoġġja wkoll l-assigurazzjoni tal-Finlandja li l-partijiet kontinentali tagħha jistgħu jitqiesu li huma ħielsa mill-SAV.

(7)

Abbażi tar-rikonoxximent tal-OIE li l-SAV huwa marda serja li taffettwa xi wħud mill-ispeċijiet tas-salmonidi u abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Finlandja dwar l-istatus attwali tas-saħħa fir-rigward tal-SAV u l-impatt ekonomiku u ekoloġiku possibbli jekk l-SAV jiġi introdott fil-partijiet kontinentali tal-Finlandja, huwa tajjeb jekk tiġi approvata l-applikazzjoni ta' ċerti restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u dwar l-importazzjoni skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/88/KE biex l-introduzzjoni ta' dan il-virus tiġi evitata. Konsegwentement, l-alfavirus tas-salmonidi (SAV) għandu jiġu elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/221/UE għall-partijiet kontinentali tat-territorju tal-Finlandja.

(8)

Ir-Renju Unit huwa elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/221/UE flimkien mat-territorju tal-Gran Brittanja, minbarra l-Bajja ta' Whitstable f'Kent, l-Estwarju ta' Blackwater u x-Xmara Crouch f'Essex u l-Port ta' Poole f'Dorset bħala ħieles mill-OsHV-1μVar.

(9)

Ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni li OsHV- 1μVar reċentement instab fix-Xmara Roach f'Essex u f'żona barra l-Bajja ta' Whitstable fil-kosta tat-tramuntana ta' Kent. Barra minn dan, b'riżultat ta' evalwazzjoni epidemjoloġika wara d-detezzjoni fix-Xmara Roach, il-kompartiment li mhuwiex ħieles mill-mard f'Essex huwa estiż biex jinkorpora l-kompartiment li mhuwiex ħieles mill-mard fi Blackwater u fix-Xmara Colne. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit innotifika d-detezzjoni ta' OsHV-1μVar fix-xmara Teign f'Devon. Dawk iż-żoni, għalhekk, ma għandhomx jibqgħu jiġu rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda. Id-demarkazzjonijiet ġeografiċi għat-territorju tar-Renju Unit rikonoxxuti bħala ħielsa mill-OsHV-1μVar għandhom jiġu emendati skont dan.

(10)

Il-parti kontinentali tat-territorju tal-Iżvezja hija elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/221/UE bħala territorju bi programm approvat ta' eradikazzjoni tal-mard batteriku tal-kliewi (BKD). Bl-istess mod, il-partijiet kostali tat-territorji tal-Iżvezja huma elenkati f'dak l-Anness bi programm approvat ta' eradikazzjoni fir-rigward tan-nekrożi tal-frixa infettiva (IPN).

(11)

Il-Kummissjoni rċeviet rapport mill-Iżvezja li għal dawn l-aħħar tliet snin ta' sorveljanza f'żoni suġġetti għal programm ta' eradikazzjoni approvat, instab li ħames farms irriżultaw pożittivi fir-rigward tal-BKD. Dawk il-farms bħalissa qed jiġu soġġetti għal miżuri ta' kontroll u ta' eradikazzjoni sabiex jiġi stabbilit stat ta' ħelsien mill-mard. Sabiex issegwi dawn l-irziezet u biex tkun tista' tagħmel evalwazzjoni ġenerali tal-programm BKD kollu, l-Iżvezja talbet estensjoni tal-perjodu fejn hija tkun tista' tapplika għal restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fir-rigward ta' dik il-marda kif stabbilit fid-Deċiżjoni 2010/221/UE. Fid-dawl tar-riżultati tal-programm estensjoni ta' dan it-tip hija xierqa.

(12)

Fir-rigward tan-IPN, kemm il-Finlandja kif ukoll l-Iżvezja qabel kienu talbu lill-Kummissjoni għal evalwazzjoni tal-approċċ u tal-kamp ta' applikazzjoni ulterjuri għall-programmi ta' sorveljanza u ta' eradikazzjoni għal dik il-marda. Fil-qagħda kurrenti, id-definizzjoni tan-IPN tinkludi l-ġenogruppi kollha tan-IPN. Ir-razez tal-ġenogrupp 5 tal-virus tan-IPN biss huma magħrufa li jikkawżaw mewt u mard kliniku fis-salmonidi mrobbija fl-Ewropa. Għalhekk ġenogruppi oħra ma għandhomx jiġu inklużi f'dawn il-programmi ta' eradikazzjoni. Deċiżjoni dwar din il-kwistjoni, madankollu, tista' ssir biss fuq il-bażi ta' evalwazzjoni xjentifika komprensiva. S'issa ma twetqittx evalwazzjoni ta' dan it-tip. Sakemm titlesta din l-evalwazzjoni, ikun xieraq li l-programm ta' eradikazzjoni tan-IPN tal-Iżvezja li għadu għaddej jiġi estiż u kif ukoll il-possibbiltà li japplikaw għal restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u fuq l-importazzjoni kif stipulat fid-Deċiżjoni 2010/221/UE.

(13)

L-evalwazzjonijiet dwar mard trażmissibbli tal-annimali li jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri nazzjonali se jitwettqu mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni l-ġdida prevista tal-Unjoni dwar saħħet l-annimali. Fid-dawl ta' dan huwa xieraq li jiġi estiż il-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/221/UE għal awtorizzazzjoni biex japplikaw ċerti miżuri nazzjonali sakemm dawn l-evalwazzjonijiet jiġu konklużi u l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Unjoni dwar l-annimali tidħol fis-seħħ, li huwa previst għall-2021.

(14)

L-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE jelenka seba' kompartimenti fit-territorji tal-Irlanda li għandhom programm approvat ta' sorveljanza fir-rigward tal-OsHV-1 μ Var. L-Irlanda reċentement infurmat lill-Kummissjoni li l-OsHV-1μVar instab fil-Bajja ta' Gweebara (il-Kompartiment 2) u fil-Bajja ta' Kenmare (il-Kompartiment 7). Konsegwentement dawk il-kompartimenti għandhom jitneħħew miż-żoni elenkati fl-Anness III.

(15)

L-Irlanda ippreżentat dikjarazzjoni ulterjuri ta' ħelsien mill-mard fir-rigward tal-OsHV-1μVar għall-bqija tal-ħames kompartimenti elenkati fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE u għal Kompartiment A ġdid: Il-Mafqas tal-Bajja ta' Tralee. Id-dikjarazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għal dikjarazzjoni ta' ħelsien minn mard stabbiliti fid-Direttiva 2006/88/KE. Għaldaqstant il-kompartimenti tat-territorju tal-Irlanda li ġejjin: Il-kompartiment 1: Il-Bajja ta' Sheephaven, il-Kompartiment 3: Il-Bajjiet ta' Killala, Broadhaven u Blacksod, il-Kompartiment 4: Il-Bajja ta' Streamstown, il-Kompartiment 5: Il-Bajjiet ta' Bertraghboy u Galway, il-Kompartiment 6: Il-Bajja ta' Poulnashaary Bay u l-Kompartiment A: Il-Mafqas tal-Bajja ta' Tralee għandu jiġi kkunsidrat bħala ħieles mill-OsHV-1μVar u konsegwentement elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/221/UE.

(16)

Hekk kif id-dikjarazzjoni mill-Irlanda turi li l-ħames kompartimenti kollha li għad fadal elenkati fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE huma ħielsa mill-mard, il-programm ta' sorveljanza OsHV-1μVar għal dimostrazzjoni ta' ħelsien minn mard kif indikat f'dak l-Anness ma jibqax japplika aktar għal dawn il-kompartimenti. Għalhekk, l-entrata għall-Irlanda fl-Anness III għandha titħassar.

(17)

L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/221/UE jillimita l-awtorizzazzjoni biex jiġu applikati ċerti mizuri nazzjonali skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/88/KE fil-ħin sal-31 ta' Diċembru 2015. Sabiex jiġu evitati l-ostakoli fl-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri, l-emendi proposti għandhom japplikaw sa mill-1 ta' Jannar 2016.

(18)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/221/UE, id-data l-“31 ta' Diċembru 2015” tinbidel bid-data l-“1 ta' Lulju 2021”.

Artikolu 2

L-Annessi I, II u III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE jinbidlu bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tal-15 ta' April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta' ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi f'konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (ĠU L 98, 20.4.2010, p. 7).


ANNESS

Id-Deċiżjoni 2010/221/UE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/221/UE huwa mibdul bit-test li ġej:

“ANNESS I

L-Istati Membri u ż-żoni meqjusa ħielsa mill-mard elenkati fit-tabella u approvati biex jieħdu miżuri nazzjonali biex jevitaw l-introduzzjoni ta' dak il-mard skont l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2006/88/KE

Il-marda

L-Istat Membru

Il-kodiċi

Id-demarkazzjoni ġeografika taż-żona b'miżuri nazzjonali approvati

Il-viremija tar-rebbiegħa tal-karpjun (SVC)

Id-Danimarka

DK

It-territorju kollu

L-Irlanda

IE

It-territorju kollu

L-Ungerija

HU

It-territorju kollu

Il-Finlandja

FI

It-territorju kollu

L-Iżvezja

SE

It-territorju kollu

Ir-Renju Unit

UK

It-territorju kollu tar-Renju Unit

It-territorji ta' Guernsey, Jersey u l-Isle of Man

Il-marda tal-kliewi batterika (BKD)

L-Irlanda

IE

It-territorju kollu

Ir-Renju Unit

UK

It-territorju tal-Irlanda ta' Fuq

It-territorji ta' Guernsey, Jersey u l-Isle of Man

In-nekrożi pankreatika infettiva (IPN)

Il-Finlandja

FI

Il-partijiet kontinentali tat-territorju

L-Iżvezja

SE

Il-partijiet kontinentali tat-territorju

Ir-Renju Unit

UK

It-territorju tal-Isle of Man

Ġirodattilożi Gyrodactylus salaris (GS)

L-Irlanda

IE

It-territorju kollu

Il-Finlandja

FI

Iż-żoni tal-ġbir tal-ilma ta' Tenojoki u Näätämöjoki; iż-żoni tal-ġbir tal-ilma tal-Paatsjoki, tat-Tuulomajoki, u tal-Uutuanjoki għandhom jitqiesu bħala żoni ta' lqugħ

Ir-Renju Unit

UK

It-territorju kollu tar-Renju Unit

It-territorji ta' Guernsey, Jersey u l-Isle of Man

L-ostreid herpesvirus 1 μνar (OsHV-1 μVar)

L-Irlanda

IE

Il-kompartiment 1: Il-Bajja ta' Sheephaven

Il-kompartiment 3: Il-Bajjiet ta' Killala, Broadhaven u Blacksod

Il-kompartiment 4: Il-Bajja ta' Streamstown

Il-kompartiment 5: Il-Bajjiet ta' Bertraghboy u Galway

Il-kompartiment 6: Il-Bajja ta' Poulnasharry

Il-kompartiment A: Il-mafqas tal-Bajja ta' Tralee.

Ir-Renju Unit

UK

It-territorju tal-Gran Brittanja, minbarra x-Xmara Roach, ix-Xmara Crouch u l-Estwarju ta' Blackwater u x-Xmara Colne f'Essex, il-kosta ta' North Kent, il-Port ta' Poole f'Dorset u x-Xmara Teign f'Devon

It-territorju tal-Irlanda ta' Fuq, minbarra l-bajjiet ta' Dundrum u Killough, Lough Foyle, Carlingford Lough u Strangford Lough

It-territorju ta' Guernsey

Infezzjoni bl-alfavirus tas-salmonidi (SAV)

Il-Finlandja

FI

Il-partijiet kontinentali tat-territorju”

(2)

L-Anness III għad-Deċiżjoni 2010/221/UE huwa mibdul bit-test li ġej:

“ANNESS III

L-Istati Membri u ż-żoni bi programmi ta' sorveljanza fir-rigward tal-ostreid herpes virus 1μνar (OsHV-1μVar), u li huma approvati sabiex jieħdu miżuri nazzjonali għall-kontroll ta' din il-marda skont l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2006/88/KE

Il-marda

L-Istat Membru

Il-kodiċi

Id-demarkazzjoni ġeografika taż-żona b'miżuri nazzjonali approvati (Stati Membri, żoni u kompartimenti)”

 

 

 

 


Top