Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0134

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/134 tas-16 ta' Novembru 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, minn-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 2 għal dak il-Ftehim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

    ĠU L 25, 2.2.2016, p. 60–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/134/oj

    2.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 25/60


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/134

    tas-16 ta' Novembru 2015

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, minn-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 2 għal dak il-Ftehim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Protokoll 2 għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjonibejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva.

    (2)

    Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2) (“il-Konvenzjoni”) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. Il-Bożnija-Ħerzegovina u l-parteċipanti l-oħra fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mill-Balkani tal-Punent ġew mistiedna jissieħbu mas-sistema pan-Ewropea ta' kumulazzjoni djagonali ta' oriġini fl-aġenda ta' Tessaloniki, approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2003. Huma ġew mistiedna jissieħbu mal-Konvenzjoni b'deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja ta' Ottubru 2007.

    (3)

    L-Unjoni u l-Bożnija-Ħerzegovina ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u l-24 ta' Settembru 2013 rispettivament.

    (4)

    L-Unjoni u l-Bożnija-Ħerzegovina ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u s-26 ta' Settembru 2014 rispettivament. Konsegwentement, bis-saħħa tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni u tal-Bożnija-Ħerżegovina fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Novembru 2014 rispettivament.

    (5)

    L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jistipula li kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dak il-għan, il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim għandu jadotta Deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 2 għall-Ftehim bi Protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni.

    (6)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandha għaldaqstant tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 2 għal dak il-Ftehim, li tikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Emendi teknici fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jista' jsir qbil dwarhom mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil- Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni mingħajr xi deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  ĠU L 164, 30.6.2015, p. 2.

    (2)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru … TAL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-BOŻNIJA-ĦERŻEGOVINA

    ta'

    li tissostitwixxi l-Protokoll 2 għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerżegovina, min-naħa l-oħra, li tikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

    IL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-BOŻNIJA-ĦERŻEGOVINA,

    Wara li kkunsidra il-Ftehim ta'Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll 2 għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 42 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jirreferi għall-Protokoll 2 għall-Ftehim (“Protokoll 2”), li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jistipula dwar akkumulazzjoni tal-oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Bożnija-Ħerzegovina, it-Turkija u kull pajjiż jew territorju li jipparteċipa fil-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    (2)

    L-Artikolu 39 tal-Protokoll 2 jipprevedi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni stabbilitfl-Artikolu 115 tal-Ftehim jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll.

    (3)

    Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2) (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li, b'att legali wieħed, tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini attwalment fis-seħħ fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja. Il-Bożnija-Ħerzegovina u l-parteċipanti l-oħra fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-Balkani tal-Punent ġew mistiedna jissieħbu mas-sistema pan-Ewropea ta' kumulazzjoni djagonali ta' oriġini fl-aġenda ta' Tessaloniki, approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2003. Ġew mistiedna jissieħbu mal-Konvenzjoni b'deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja ta' Ottubru 2007.

    (4)

    L-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fl-24 ta' Settembru 2013 rispettivament.

    (5)

    L-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fis-26 ta' Settembru 2014 rispettivament. Konsegwentement, bis-saħħa tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni Ewropea u tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Novembru 2014 ripettivament,.

    (6)

    Il-Protokoll 2 għandu għalhekk jiġi sostitwit bi protokoll ġdid li jagħmel referenza għall-Konvenzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll 2 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika minn …

    Magħmul fi … …

    Għall-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni

    Il-President


    (1)  ĠU L 164, 30.6.2015, p. 2.

    (2)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.


    ANNESS

    Protokoll 2

    dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

    Artikolu 1

    Regoli tal-oriġini applikabbli

    1.   Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, għandhom japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (1) (il-Konvenzjoni).

    2.   Ir-referenzi kollha għal “Ftehim rilevanti” fl-Appendiċi I u fid-disposizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan il-Ftehim.

    Artikolu 2

    Riżoluzzjoni tat-tilwim

    1.   Meta jirriżulta xi tilwim fir-rigward tal-proċeduri ta' verifika tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I għall-Konvenzjoni li ma jkunx jista' jiħi riżolut bejn l-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali responsabbli li jagħmlu din il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

    2.   Fil-każijiet kollha r-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur għandu jsir skont il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.

    Artikolu 3

    Emendi lill-Protokoll

    Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll

    Artikolu 4

    Irtirar mill-Konvenzjoni

    1.   Jekk l-Unjoni Ewropea jew il-Bożnija-Ħerżegovina jinnotifikaw bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerżegovina għandhom immedjatament jidħlu f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    2.   Sakemm jidħlu fis-seħħ tali regoli tal-oriġini appena nnegozjati, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument ta' rtirar, għandhom ikomplu japplikaw għal dan il-Ftehim. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati b'mod li jippermetti akkumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerżegovina biss.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet tranżitorji — kumulazzjoni

    Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I għall-Konvenzjoni, fejn l-akkumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u l-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.


    (1)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.


    Top