This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R2440
Commission Delegated Regulation (EU) 2015/2440 of 22 October 2015 establishing a discard plan for certain demersal fisheries in the North Sea and in Union waters of ICES Division IIa
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2440 tat-22 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2440 tat-22 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES
ĠU L 336, 23.12.2015, p. 42–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2016
23.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 336/42 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2440
tat-22 ta' Ottubru 2015
li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tiegħu, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 18a u 48a tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament l-iskartar fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid. |
(2) |
L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet ta' skartar permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti. |
(3) |
Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit għandhom interess dirett fil-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana. Dawk l-Istati Membri ppreżentaw lill-Kummissjoni b'rakkomandazzjoni konġunta wara li kkonsultaw lill-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana u lill-Kunsill Konsultattiv fuq Distanza Twila. Il-korpi xjentifiċi rilevanti taw kontribuzzjoni xjentifika li ġiet eżaminata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (is-STECF). Il-miżuri inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikoli 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. |
(4) |
Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Baħar tat-Tramuntana jinkludi ż-żoni IIIa u IV tal-ICES. Peress li xi stokkijiet demersali rilevanti għall-pjan ta' skartar jinsabu wkoll fl-ilmijiet tal-UE tad-Diviżjoni IIa tal-ICES, l-Istati Membri jirrakkomandaw li din id-Diviżjoni tkun koperta wkoll mill-pjan ta' skartar. |
(5) |
Skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fil-Baħar tat-Tramuntana l-obbligu tal-ħatt l-art japplika għall-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2016 fis-sajd imħallat għall-bakkaljaw, għall-merluzz tal-linja sewda, għall-merlangu u għall-pollakkju iswed; fis-sajd għall-iskampu; fis-sajd imħallat għal-lingwata komuni u għall-barbun tat-tbajja'; fis-sajd għall-merluzz u fis-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana. Skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjan ta' skartar jidentifika l-ispeċijiet li mill-1 ta' Jannar 2016 iridu jinħattu l-art. Dawn l-ispeċijiet huma l-pollakkju iswed, il-merluzz tal-linja sewda, l-iskampu, il-lingwata komuni, il-barbun tat-tbajja', il-merluzz u l-gamblu tat-Tramuntana. Dan il-pjan ta' skartar jistabbilixxi wkoll l-obbligu tal-ħatt l-art għall-qabdiet aċċessorji tal-gamblu tat-Tramuntana. |
(6) |
Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet li jiġu applikati żewġ eżenzjonijiet mill-obbligu tal-ħatt l-art għall-iskampu li jinqabad rispettivament, bin-nases u b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN (3)) fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES. Abbażi tal-evidenza xjentifika pprovduta fir-rakkomandazzjoni konġunta u eżaminata mis-STECF u filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-irkaptu, tal-prattiki tas-sajd u tal-ekosistema, il-Kummissjoni tqis li dawk l-eżenzjonijiet għandhom jiġu inklużi f'dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw dejta addizzjonali biex b'hekk is-STECF ikun jista' jivvaluta aktar ir-rati ta' sopravivenza tal-iskampu li jinqabad bix-xbieki tat-tkarkir ikkonċernati u l-Kummissjoni tkun tista' teżamina l-eżenzjoni rilevanti wara l-2016. |
(7) |
Ir-rakkomandazzjoni konġunta fiha ħames eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu tal-ħatt għal ċertu sajd u sa ċerti livelli. L-evidenza provduta mill-Istati Membri ġiet eżaminata mis-STECF, li b'mod ġenerali kkonkluda li r-rakkomandazzjoni konġunta, appoġġata f'ċerti każijiet b'valutazzjoni kwalitattiva tal-ispejjeż, kienet tinkludi argumenti raġunati dwar id-diffikultà li jinkiseb aktar titjib fis-selettività u/jew li jimplikaw spejjeż sproporzjonati fil-ġestjoni tal-qabdiet inċidentali. Peress li din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata b'informazzjoni xjentifika differenti, jixraq li jiġu stabbiliti l-eżenzjonijiet de minimis skont il-livell tal-perċentwali propost fir-rakkomandazzjoni konġunta, fil-limiti tal-Artikolu 15(5)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. |
(8) |
L-eżenzjoni de minimis issuġġerita fir-rakkomandazzjoni konġunta għal-lingwata komuni u għall-merluzz tal-linja sewda flimkien, sa massimu ta' 2 % tal-qabdiet annwali totali tal-iskampu, tal-lingwata u tal-merluzz tal-linja sewda fis-sajd għall-iskampu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bi gradilja tat-tgħarbil tal-ispeċijiet fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, hija bbażata fuq il-fatt li diffiċli ħafna li jinkisbu żidiet fis-selettività. Is-STECF ikkonkluda li l-informazzjoni ta' sostenn hija biżżejjed biex tiġġustifika l-eżenzjoni mitluba. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tiġi inkluża f'dan ir-Regolament. |
(9) |
L-eżenzjoni de minimis issuġġerita fir-rakkomandazzjoni konġunta għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tal-parit u tal-għażel biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, fis-subżona IV u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES, hija bbażata fuq il-fatt li diffiċli ħafna li jinkisbu żidiet fis-selettività.. Is-STECF ikkonkluda li l-informazzjoni ta' sostenn hija biżżejjed biex tiġġustifika l-eżenzjoni mitluba. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tiġi inkluża f'dan ir-Regolament. |
(10) |
L-eżenzjoni de minimis issuġġerita fir-rakkomandazzjoni konġunta għal-lingwata komuni iżgħar minn 19-il cm, sa massimu ta' 3,7 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu b'daqs tal-malji ta' bejn 80 u 90 mm fis-subżona IV tal-ICES fin-Nofsinhar ta' 55/56° N, hija bbażata fuq il-fatt li diffiċli ħafna li jinkisbu żidiet fis-selettività u li hemm informazzjoni kwantitattiva ta' sostenn dwar l-ispejjeż sproporzjonati tal-ġestjoni tal-qabdiet inċidentali. Il-Kummissjoni tqis xieraq li tinkludi dik l-eżenzjoni f'dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jissottometti dejta addizzjonali dwar l-ispejjeż ikkonċernati, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' teżamina dik l-eżenzjoni wara l-2016. |
(11) |
L-eżenzjoni de minimis issuġġerita fir-rakkomandazzjoni konġunta għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 7 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu fis-subżona IV tal-ICES, hija bbażata fuq il-fatt li diffiċli ħafna li jinkisbu żidiet fis-selettività. Is-STECF ikkonkluda li l-informazzjoni ta' sostenn hija biżżejjed biex tiġġustifika l-eżenzjoni ssuġġerita. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tiġi inkluża f'dan ir-Regolament. |
(12) |
L-eżenzjoni de minimis issuġġerita fir-rakkomandazzjoni konġunta għall-iskampu iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, sa massimu ta' 6 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fis-subżona IV tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES, hija bbażata fuq il-fatt li hemm informazzjoni kwantitattiva ta' sostenn li turi l-ispejjeż sproporzjonati tal-ġestjoni u tal-eliminazzjoni tal-qabdiet inċidentali. Is-STECF ikkonkluda li l-informazzjoni ta' sostenn hija biżżejjed biex tiġġustifika l-eżenzjoni ssuġġerita. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tiġi inkluża f'dan ir-Regolament. |
(13) |
L-Artikolu 18a tar-Regolament (KE) Nru 850/98 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, bil-għan li jiġu adottati l-pjanijiet ta' skartar u għall-ispeċijiet soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art, daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni (MCRS) biex jiġu mħarsa ż-żgħar tal-organiżmi marittimi. Meta jkun xieraq, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jista' jidderoga mid-daqsijiet stabbiliti fl-Anness XII ta' dak ir-Regolament. Bħalissa, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-iskampu stabbilit fl-Anness XII huwa ta' 130 cm. L-evidenza xjentifika eżaminata mis-STECF tappoġġa l-istabbiliment ta' daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni għall-iskampu ta' 105 cm. B'mod partikolari, is-STECF ikkonkluda li d-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni propost huwa aktar mid-daqs medju ta' maturità u li r-riskju li l-popolazzjoni tnaqqas id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES huwa żgħir. |
(14) |
Il-pjanijiet ta' skartar jistgħu jinkludu wkoll miżuri tekniċi dwar is-sajd jew l-ispeċijiet koperti mill-obbligu tal-ħatt l-art. Sabiex tiżdied is-selettività tal-irkaptu u jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali fi Skagerrak, jixraq li jiġu provduti għadd ta' miżuri tekniċi, li ġew maqbula bejn l-Unjoni u n-Norveġja fl-2011 (4) u fl-2012 (5). |
(15) |
Sabiex jiġi żgurat kontroll xieraq, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għall-Istati Membri biex jistabbilixxu listi tal-bastimenti li huma koperti b'dan ir-Regolament. |
(16) |
Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-ippjanar ta' dan l-istaġun tas-sajd, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2016 biex ikun konformi mal-iskeda taż-żmien stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Skont l-Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika għal mhux iktar minn sena, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art, previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES li għandhom japplikaw fis-sajd stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Eżenzjoni ta' sopravivenza
1. L-eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għall-ispeċijiet li l-evidenza xjentifika turi rati għolja ta' sopravivenza, għandha tapplika għall-qabdiet li ġejjin tal-iskampu:
(a) |
qabdiet bin-nases (FPO); |
(b) |
qabdiet fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 70 mm mgħammra bi gradilja tat-tgħarbil tal-ispeċijiet bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 35mm; u |
(c) |
qabdiet fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 90 mm mgħammra b'panew ta' fuq b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 270 mm (malja maqrut) jew b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 140 mm (malja kwadra).. |
2. L-iskampu li jinqabad fil-każijiet msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (c) għandu jiġi rilaxxat immedjatament fiż-żona fejn ikun inqabad.
3. Sat-30 ta' April 2016, l-Istati Membri li jkollhom interess dirett fil-ġestjoni fil-Baħar tat-Tramuntana għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali lill-Kummissjoni bħala appoġġ għall-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(b).
Artikolu 3
Eżenzjonijiet de minimis
1. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin:
(a) |
għal-lingwata komuni u għall-merluzz tal-linja sewda flimkien, sa massimu ta' 2 % tal-qabdiet annwali totali tal-iskampu, tal-lingwata komuni u tal-merluzz tal-linja sewda fis-sajd għall-iskampu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) bid-daqs tal-malji li jkun daqs jew akbar minn 70 mm u mgħammra bi gradilja tat-tgħarbil tal-ispeċijiet bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 35 mm fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES; |
(b) |
għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tal-parit u tal-għażel (GN, GNS, GND, GNC, GTN, GTR, GEN, GNF) fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, fis-subżona IV u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES; |
(c) |
għal-lingwata komuni iżgħar minn 19-il cm, sa massimu ta' 3,7 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) b'daqs tal-malji ta' bejn 80 u 90 mm fil-parti tan-Nofsinhar tal-Baħar tat-Tramuntana (is-subżona IV tal-ICES fin-Nofsinhar ta' 55/56 N); |
(d) |
għal-lingwata komuni inqas mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, sa massimu ta' 7 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) bid-daqs tal-malji ta' 80-119 mm b'daqs akbar tal-malji fl-estensjoni tax-xibka tat-tkarkir bi travu fis-subżona IV tal-ICES. |
(e) |
għall-iskampu inqas mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, sa massimu ta' 6 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (OTB, TBN, OTT, TB) bid-daqs tal-malji 80-99 mm fis-subżona IV tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES |
2. Sat-30 ta' April 2016, l-Istati Membri li jkollhom interess dirett fil-ġestjoni fil-Baħar tat-Tramuntana għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali lill-Kummissjoni bħala appoġġ għall-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(c).
Artikolu 4
Daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni
B'deroga mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni stabbilit fl-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98 u għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-iskampu fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES għandu jkun kif ġej:
(a) |
tul totali ta' 105 mm; |
(b) |
) tul tal-qoxra ta' 32 mm. |
Artikolu 5
Miżuri tekniċi u speċifiċi fi Skagerrak
1. Huwa pprojbit il-ġarr abbord jew l-użu tax-xbieki tat-tkarkir, tat-tartarun Daniż, tax-xbieki tat-tkarkir bi travu jew ta' xbieki rmunkati simili li għandhom id-daqs tal-malji ta' inqas minn 120 mm.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jintużaw ix-xbieki tat-tkarkir b'manka ta' mill-inqas 90 mm, sakemm ikunu mgħammra:
(a) |
b'panew ta' malja kwadra ta' mill-inqas 140 mm; |
(b) |
b'panew ta' malja maqrut ta' mill-inqas 270 mm imqiegħed f'sezzjoni ta' erba' panewijiet u immuntat billi jingħaqdu tliet malji ta' 90 mm għal kull malja waħda ta' 270 mm; jew |
(c) |
b'gradilja tat-tgħarbil bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 35 mm. |
Id-deroga prevista fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw sakemm il-panew tax-xbieki tat-tkarkir ikun:
— |
twil mill-inqas 3 metri; |
— |
ma jinsabx aktar minn 4 metri 'l bogħod mis-siegla tal-għeluq; u |
— |
għandu l-wisa' kollu tal-folja ta' fuq tax-xibka tat-tkarkir (jiġifieri minn ċmusa sa ċmusa). |
3. B'deroga mill-paragarfu 1, jistgħu jintużaw ukoll ix-xbieki tat-tkarkir li ġejjin:
(a) |
ix-xbieki tat-tkarkir b'manka ta' malja kwadra ta' mill-inqas 70 mm mgħammra bi gradilja tat-tgħarbil bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 35 mm; |
(b) |
ix-xbieki tat-tkarkir b'daqsijiet minimi tal-malji ta' mhux aktar minn 70 mm għas-sajd tal-ispeċijiet pelaġiċi jew industrijali, sakemm il-qabda tkun tinkludi aktar minn 80 % ta' waħda jew aktar mill-ispeċijiet pelaġiċi jew industrijali; |
(c) |
ix-xbieki tat-tkarkir b'manka ta' mill-inqas 35 mm għas-sajd tal-ispeċi Pandalus, sakemm ix-xibka tat-tkarkir tkun mgħammra bi gradilja tat-tgħarbil bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 19-il mm. |
4. Skont il-paragrafu 3(c), waqt is-sajd għall-ispeċi Pandalus jista' jintuża apparat għall-konservazzjoni tal-ħut, sakemm ikun hemm opportunitajiet tas-sajd adegwati li jkopru l-qabdiet aċċessorji u l-apparat ta' konservazzjoni jkun:
— |
mibni b'panew ta' fuq b'daqs minimu tal-malji ta' 120 mm ta' malja kwadra; |
— |
twil mill-inqas 3 metri; u |
— |
wiesa' mill-inqas daqs il-wisa' tal-gradilja tat-tgħarbil. |
Artikolu 6
Lista ta' bastimenti
L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-bastimenti soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art għal kull sajda partikolari.
Bis-sit web sikur tal-kontroll tal-Unjoni, sal-31 ta' Diċembru 2015, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħrajn, il-listi tal-bastimenti stabbiliti skont il-paragrafu 1 għal kull bastiment maħsub għas-sajd tal-pollakkju iswed kif definit fl-Anness. Dawk il-listi għandhom jinżammu aġġornati
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Japplika mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016.
Madanakollu, l-Artikolu 6 japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1.
(3) Il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.
(4) Rekord maqbul ta' konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar ir-regolamentazzjoni tas-sajd fi Skagerrak u f'Kattegat għall-2012.
(5) Rekord maqbul ta' konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar il-miżuri għall-implimentazzjoni ta' projbizzjoni fuq l-iskartar u ta' miżuri ta' kontroll fiż-żona ta' Skagerrak, l-4 ta' Lulju 2012.
ANNESS
Sajd soġġett għall-obbligu tal-ħatt l-art
Daqs tal-malja |
Speċijiet ikkonċernati |
|
Xbieki tat-tkarkir: OTB, OTT, OT, PTB, PT, TBN, TBS, OTM, PTM, TMS, TM, TX, SDN, SSC, SPR, TB, SX, SV |
> 100 mm |
Il-qabdiet kollha tal-pollakkju iswed (jekk jinqabad minn bastiment maħsub għas-sajd tal-pollakkju iswed (3)), tal-barbun tat-tbajja' u tal-merluzz tal-linja sewda. Kull qabda inċidentali tal-gamblu tat-Tramuntana. |
Xbieki tat-tkarkir: OTB, OTT, OT, PTB, PT, TBN, TBS, OTM, PTM, TMS, TM, TX, SDN, SSC, SPR, TB, SX, SV |
Fis-subżona IV tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES: 80-99mm |
Fiż-żoni kollha, il-qabdiet kollha tal-iskampu u tal-lingwata komuni (4). Kull qabda inċidentali tal-gamblu tat-Tramuntana. Fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES: il-qabdiet kollha tal-merluzz tal-linja sewda. |
Fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES: 70-99mm |
||
Xbieki tat-tkarkir: OTB, OTT, OT, PTB, PT, TBN, TBS, OTM, PTM, TMS, TM, TX, SDN, SSC, SPR, TB, SX, SV |
32-69 mm |
Il-qabdiet kollha tal-gamblu tat-Tramuntana. |
Xbieki tat-tkarkir bi travu: TBB |
> 120 mm |
Il-qabdiet kollha tal-barbun tat-tbajja'. Kull qabda inċidentali tal-gamblu tat-Tramuntana. |
Xbieki tat-tkarkir bi travu: TBB |
80-119 mm |
Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni. Kull qabda inċidentali tal-gamblu tat-Tramuntana. |
Xbieki tal-għażel, tal-parit u tat-tħabbil: GN, GNS, GND, GNC, GTN, GTR, GEN, GNF |
|
Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni. Kull qabda inċidentali tal-gamblu tat-Tramuntana. |
Snanar u lenzi: LLS, LLD, LL, LTL, LX, LHP, LHM |
|
Il-qabdiet kollha tal-merluzz. Kull qabda inċidentali tal-gamblu tat-Tramuntana. |
Nases: FPO, FIX, FYK, FPN |
|
Il-qabdiet kollha tal-iskampu. Kull qabda inċidentali tal-gamblu tat-Tramuntana. |
(1) Il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'din it-Tabella jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.
(2) Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.
(3) Il-bastimenti jitqiesu li huma ddedikati għall-pollakkju iswed jekk, meta jintużaw ix-xbieki tat-tkarkir b'daqs tal-malji ≥ 100 mm, il-medja annwali ta' żbarki tal-pollakkju iswed tkun ta' ≥ 50 % tal-iżbarki kollha tal-bastiment, maqbuda fiż-żoni tal-UE u tal-pajjiżi terzi tal-Baħar tat-Tramuntana matul il-perjodu ta' x – 4 sa x – 2, fejn x hija s-sena tal-applikazzjoni; jiġifieri mill-2012 sal-2014 għall-2016 u mill-2013 sal-2015 għall-2017.
(4) Ħlief fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES meta s-sajd bix-xbieki tat-tkarkir b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 90 mm ikunu mgħammra b'panew ta' fuq b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 270 mm (malja maqrut) jew b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 140 mm (malja kwadra) jew b'panew ta' malja kwadra ta' 120 mm imqiegħed bejn 6 u 9 metri mill-manka.