EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1515

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1515 tal-5 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 239, 15.9.2015, p. 63–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1515/oj

15.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/63


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1515

tal-5 ta' Ġunju 2015

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 85(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-CCPs jinterponu lilhom infushom bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti nnegozjati f'suq finanzjarju wieħed jew aktar. Ir-riskju ta' kreditu ta' dawk il-kontropartijiet huwa mmitigat permezz tad-depożitar ta' kollateral li huwa kkalkulat biex ikopri kull telf potenzjali fuq inadempjenza. Is-CCPs jaċċettaw biss assi likwidi ħafna, ġeneralment flus kontanti, bħala kollateral sabiex jissodisfaw it-talbiet tal-marġini ta' varjazzjoni (MV) sabiex ikun hemm likwidazzjoni rapida f'każ ta' inadempjenza.

(2)

L-Arranġamenti ta' Skemi tal-Pensjonijiet (PSAs) f'ħafna Stati Membri huma parteċipanti attivi fis-swieq tad-derivattivi barra l-borża. Madankollu, il-PSAs ġeneralment jimminimizzaw il-pożizzjonijiet tal-likwidità tagħhom, u minflok iżommu investimenti li jrendu iktar bħal titoli sabiex jiżguraw dħul għoli għall-pensjonanti. Entitajiet li joperaw arranġamenti għal skemi tal-pensjonijiet, li l-għan primarju tagħhom huwa li jipprovdu benefiċċji mal-irtirar, normalment fil-forma ta' ħlasijiet għall-ħajja, iżda wkoll fil-forma ta' ħlasijiet li jsiru għal perjodu temporanju jew ta' somma f'daqqa, tipikament jimminimizzaw l-allokazzjoni tagħhom għall-flus likwidi sabiex jimmassimizzaw l-effiċjenza u r-rendiment għad-detenturi tal-poloz tagħhom. Għalhekk, li dawn l-entitajiet ikunu meħtieġa jikklerjaw kuntratti tad-derivattivi barra l-borża f'post ċentrali jirriżulta fl-iżvestiment ta' proporzjon sinifikanti tal-assi tagħhom fi flus kontanti sabiex huma jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-marġini kurrenti tal-kontropartijiet ċentrali.

(3)

L-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għalhekk jipprovdi illi, għal tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-obbligu ta' kklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 ma japplikax għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja ta' PSAs. Il-perjodu ta' tranżizzjoni japplika wkoll għall-entitajiet stabbiliti għall-fini li jingħata kumpens lil membri ta' PSAs f'każ ta' inadempjenza.

(4)

Sabiex tivvaluta s-sitwazzjoni attwali b'mod sħiħ, il-Kummissjoni ħejjiet rapport skont l-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jivvaluta jekk sarux l-isforzi meħtieġa mis-CCPs biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi xierqa għat-trasferiment ta' kollateral mhux fi flus bħala MV mill-PSAs. Sabiex twettaq din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni ordnat studju ta' referenza dwar soluzzjonijiet għad-depożitar ta' kollateral mhux fi flus likwidi għal kontropartijiet ċentrali minn arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni, kif ukoll dwar l-impatt tat-tneħħija tal-eżenzjoni fin-nuqqas ta' soluzzjoni f'termini tat-tnaqqis fil-pensjoni għall-pensjonanti li huma benefiċjarji tal-PSAs milquta.

(5)

F'konformità mas-sejbiet tar-rapport tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-isforz meħtieġ biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi xierqa għadu ma sarx mis-CCPs f'dan il-punt u li l-effett negattiv ta' kuntratti tad-derivattivi OTC bi kklerjar ċentrali fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri jibqa' mhux mibdul.

(6)

Il-perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin imsemmi fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandu għalhekk jiġi estiż b'sentejn.

(7)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun biex jippermetti li l-estensjoni tal-perjodi tranżitorji eżistenti sseħħ qabel l-iskadenza jew malajr kemm jista' jkun warajha. Dħul fis-seħħ iktar tard jista' jwassal għal inċertezza ġuridika għal arranġamenti ta' skemi tal-pensjonijiet dwar jekk jeħtiġux li jibdew il-preparamenti għall-obbligi tal-ikklerjar li ġejjin,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Sas-16 ta' Awwissu 2017, l-obbligu ta' kklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 ma japplikax għall-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja ta' arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni kif definiti fl-Artikolu 2(10). Il-perjodu ta' tranżizzjoni japplika wkoll għall-entitajiet stabbiliti għall-fini li jingħata kumpens lil membri ta' arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni f'każ ta' inadempjenza.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.


Top