Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L0653

    Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/653 tal-24 ta' April 2015 li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2015/2607

    ĠU L 107, 25.4.2015, p. 68–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/653/oj

    25.4.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 107/68


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/653

    tal-24 ta' April 2015

    li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-kodiċijiet u s-subkodiċijiet stipulati fl-Anness I għad- Direttiva 2006/126/KE għandhom jiġu aġġornati fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku, speċjalment fil-qasam tal-modifiki fil-vetturi u l-appoġġ tekniku għal sewwieqa b'diżabbiltà.

    (2)

    Sabiex iqisu l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, il-kodiċijiet u s-subkodiċijiet għandhom ikunu orjentati lejn il-funzjoni li tkun. Għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni amministrattiva xi kodiċijiet għandhom jitneħħew, jingħaqdu ma' kodiċijiet oħra jew jitqassru.

    (3)

    Biex jitnaqqas il-piż fuq is-sewwieqa b'diżabbiltà, għandu jkun possibbli fejn xieraq li dawk is-sewwieqa jsuqu vettura mingħajr adattament tekniku. Peress li t-teknoloġija moderna tal-vetturi tippermetti li s-sewwieqa joperaw ċerti vetturi regolari b'forza limitata, eż. għall-immanuvrar bl-istering jew l-ibbrejkjar, u sabiex tissaħħaħ il-flessibbiltà għas-sewwieqa filwaqt li jiġi żgurat it-tħaddim sikur tal-vettura, għandhom jiġu introdotti kodiċijiet li jippermettu s-sewqan tal-vetturi li huma kompatibbli mal-forza massima li s-sewwieq ikun jista' jipproduċi.

    (4)

    Ċerti kodiċijiet li bħalissa huma ristretti għal kundizzjonijiet mediċi jistgħu jkunu wkoll rilevanti għal finijiet oħrajn tas-sikurezza fit-toroq billi jillimitaw is-sitwazzjonijiet ta' riskju għoli, pereżempju fil-każ ta' sewwieqa prinċipjanti jew anzjani. B'hekk għandha tinħoloq ukoll taqsima għal dawn il-kodiċijiet dwar l-użu limitat.

    (5)

    Biex tiżdied is-sikurezza fit-toroq, diversi Stati Membri daħħlu jew qed jippjanaw programmi li jirrestrinġu lis-sewwieqa li jsuqu biss vetturi mgħammra b'interlock tal-alkoħol. Biex jiġu ffaċilitati l-iskjerament u l-aċċettazzjoni ta' tagħmir b'interlock tal-alkoħol u b'kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-istudju dwar il-prevenzjoni tas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb bl-użu ta' tagħmir b'interlock tal-alkoħol (2), għandhom jiġu introdotti kodiċijiet armonizzati għal dan l-iskop.

    (6)

    Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (3), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jerfgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.

    (7)

    Għaldaqstant id-Direttiva 2006/126/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-liċenzji tas-sewqan,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2017. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjoniet.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' April 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18.

    (2)  Studju dwar il-prevenzjoni tas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb bl-użu ta' tagħmir tal-interlock tal-alkoħol, ara: http://ec.europa.eu/transport/road_safety/pdf/behavior/study_alcohol_interlock.pdf

    (3)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


    ANNESS

    Fl-Anness I, Taqsima 3 tad-Direttiva 2006/126/KE li jikkonċerna l-paġna 2 tal-liċenzja tas-sewqan, il-punt (a), il-punt (12) jinbidel b'dan li ġej:

    “12.

    informazzjoni/restrizzjoni(jiet) addizzjonali, f'forma ta' kodiċi, quddiem il-kategorija konċernata.

    Il-kodiċijiet għandhom ikunu kif ġej:

    —   kodiċijiet minn 01 sa 99: kodiċijiet armonizzati tal-Unjoni Ewropea

    IS-SEWWIEQ (Raġunijiet mediċi)

    01. Korrezzjoni u/jew protezzjoni tal-vista

    01.01. Nuċċali

    01.02. Lenti(jiet) tal-kuntatt

    01.05. Għata tal-għajnejn

    01.06. Nuċċali jew lentijiet tal-kuntatt

    01.07. Għajnuna ottika speċifika

    02. Għajnuna tas-smigħ/tal-komunikazzjoni

    03. Prosteżi/ortożi tar-riġlejn u d-dirgħajn

    03.01. Prosteżi/ortożi tad-dirgħajn

    03.02. Prosteżi/ortożi tar-riġlejn

    MODIFIKI FIL-VETTURA

    10. Trażmissjoni modifikata

    10.02. Għażla awtomatika tal-proporzjon tal-ingranaġġ

    10.04. Tagħmir adattat għall-kontroll ta' trażmissjoni

    15. Klaċċ modifikat

    15.01. Pedala tal-klaċċ aġġustata

    15.02. Klaċċ imħaddem bl-idejn

    15.03. Klaċċ awtomatiku

    15.04. Miżura li tevita l-ostruzzjoni jew l-attwazzjoni tal-pedala tal-klaċċ

    20. Sistemi tal-brejkijiet modifikati

    20.01. Pedala tal-brejk adattata

    20.03. Pedala tal-brejk adattata sabiex tintuża bis-sieq ix-xellugija

    20.04. Pedala tal-brejk li tiżżerżaq

    20.05. Pedala tal-brejk inklinata

    20.06. Brejk imħaddem bl-idejn

    20.07. Tħaddim tal-brejk b'forza massima ta' … N (*) (pereżempju: ‘20.07(300N)’)

    20.09. Brejk tal-ipparkjar adattat

    20.12. Miżura li tevita l-ostruzzjoni jew l-attwazzjoni tal-pedala tal-brejk

    20.13. Brejk imħaddem bl-irkoppa

    20.14. Sistema tat-tħaddim tal-brejkijiet appoġġjata minn forza esterna

    25. Sistema tal-aċċellerazzjoni modifikata

    25.01. Pedala tal-aċċellerazzjoni adattata

    25.03. Pedala tal-aċċellerazzjoni inklinata

    25.04. Aċċelleratur imħaddem bl-idejn

    25.05. Aċċelleratur imħaddem bl-irkoppa

    25.06. Sistema tat-tħaddim tal-aċċellerazzjoni appoġġjata minn forza esterna

    25.08. Il-pedala tal-aċċelleratur fuq ix-xellug

    25.09. Miżura li tevita l-ostruzzjoni jew l-attwazzjoni tal-pedala tal-aċċelarazzjoni

    31. Adattamenti tal-pedali u salvagwardji tal-pedali

    31.01. Sett addizzjonali ta' pedali paralleli

    31.02. Pedali fl-istess livell (jew kważi)

    31.03. Miżura li tevita l-ostruzzjoni jew l-attwazzjoni tal-pedali tal-aċċellerazzjoni u tal-brejk meta dawn il-pedali ma jitħaddmux bis-saqajn

    31.04. Qiegħ merfugħ

    32. Sistemi kombinati tal-aċċelleratur u tal-brejk ta' servizz

    32.01. Aċċelleratur u brejk ta' servizz bħala sistema kombinata li titħaddem b'id waħda

    32.02. Aċċelleratur u brejk ta' servizz bħala sistema kombinata li titħaddem b'forza esterna

    33. Sistemi kombinati tal-istering, l-aċċelleratur u l-brejk ta' servizz

    33.01. Tħaddim tal-istering, tal-aċċelleratur u tal-brejk ta' servizz bħala operazzjoni ta' sistema kombinata b'forza esterna permezz ta' id waħda

    33.02. Tħaddim tal-istering, tal-aċċelleratur u tal-brejk ta' servizz bħala operazzjoni ta' sistema kombinata b'forza esterna permezz taż-żewġ idejn

    35. Formati tal-kontroll immodifikati (Is-swiċċijiet tad-dawl, il-wajper u l-woxer tal-windskrin, il-ħorn, l-indikaturi tad-direzzjoni, eċċ.)

    35.02. Apparati tal-kontroll operabbli mingħajr ma wieħed jitlaq minn idejh l-apparat tal-istering

    35.03. Apparati tal-kontroll operabbli bl-id ix-xellugija mingħajr ma wieħed jerħi minn idejh l-apparat tal-istering

    35.04. Apparati tal-kontroll operabbli bl-id il-leminija mingħajr ma wieħed jerħi minn idejh l-apparat tal-istering

    35.05. Apparati tal-kontroll operabbli mingħajr ma wieħed jerħi minn idejh l-apparat tal-istering u l-mekkaniżmi tal-aċċellerazzjoni u l-ibbrejkjar

    40. Stering modifikat

    40.01. Stering b'forza massima tat-tħaddim ta' … N (*) (pereżempju ‘40.01(140N)’)

    40.05. Rota tal-istering adattata (rota tal-istering akbar/eħxen, rota tal-istering b'dijametru mnaqqas, eċċ.)

    40.06. Pożizzjoni tar-rota tal-istering adattata

    40.09. Stering imħaddem bis-saqajn

    40.11. Tagħmir ieħor ta' assistenza tar-rota tal-istering

    40.14. Sistema tal-istering adattata alternattiva mħaddma b'id jew driegħ wieħed

    40.15. Sistema tal-istering adattata alternattiva mħaddma biż-żewġ idejn jew dirgħajn

    42. Apparat modifikat għall-viżjoni ta' wara/tal-ġenb

    42.01. Apparat adattat għal viżjoni ta' wara

    42.03. Apparat addizzjonali ta' ġewwa li jippermetti viżjoni tal-ġenb

    42.05. Tagħmir viżiv għall-punti mhux viżibbli

    43. Pożizzjoni ta' bilqiegħda tas-sewwieq

    43.01. Sit tas-sewwieq f'għoli biżżejjed u b'distanza normali mir-rota tal-istering u mill-pedali

    43.02. Sit tas-sewwieq adattat skont is-sura tal-ġisem

    43.03. Sit tas-sewwieq b'appoġġ laterali għall-istabbiltà

    43.04. Sit tas-sewwieq bis-serħ għad-driegħ

    43.06. Adattament taċ-ċinturin tas-sikurezza

    43.07. Tip ta' ċinturin tas-sikurezza b'appoġġ għal stabbiltà tajba

    44. Modifiki tal-muturi (l-użu tas-subkodiċi huwa obbligatorju)

    44.01. Brejk operat singolarment

    44.02. Brejk tar-rota ta' quddiem adattat

    44.03. Brejk tar-rota ta' wara adattat

    44.04. Aċċeleratur adattat

    44.08. Għoli tas-sit li jippermetti lis-sewwieq, meta jkun bilqiegħda, li jkollu saqajh it-tnejn imissu mas-superfiċje fl-istess ħin u li l-mutur ikun ibbilanċjat meta jieqaf u jitwaqqaf

    44.09. Forza massima tat-tħaddim ta' brejk tar-rota ta' quddiem … N (*) (pereżempju ‘44.09(140N)’)

    44.10. Forza massima tat-tħaddim ta' brejk tar-rota ta' wara … N (*) (pereżempju ‘44.10(240N)’)

    44.11. Serrieħa tas-sieq adattat

    44.12. Gripp tal-idejn adattat

    45. Mutur b'sajdkar biss

    46. Triċikletti biss

    47. Ristrett għal vetturi ta' aktar minn żewġ roti li ma jeħtiġux mis-sewwieq il-bilanċ tal-bidu, tal-waqfien u tat-twaqqif

    50. Ristrett għal numru speċifiku ta' vettura/xasi (in-numru tal-identifikazzjoni tal-vettura, VIN)

    Ittri użati flimkien ma' kodiċijiet minn 01 sa 44 għal aktar speċifikazzjoni:

    a xellug

    b lemin

    c id

    d sieq

    e nofs

    f driegħ

    g saba'

    KODIĊI GĦAL UŻU LIMITAT

    61. Limitat għal vjaġġi ta' matul il-ġurnata (pereżempju: siegħa wara s-sebħ u siegħa qabel inżul ix-xemx)

    62. Limitat għal vjaġġi b'distanza ta' … km mill-post tar-residenza tad-detentur jew biss ġewwa l-belt/ir-reġjun

    63. Is-sewqan mingħajr passiġġieri

    64. Limitat għal vjaġġi b' veloċità ta' mhux aktar minn … km/siegħa

    65. Is-sewqan awtorizzat biss meta akkumpanjat minn detentur ieħor ta' liċenzja tas-sewqan ta' mill-anqas kategorija ekwivalenti

    66. Mingħajr karru

    67. Sewqan mhux permess fuq l-awtostradi

    68. Ebda alkoħol

    69. Ristrett għal vetturi mgħammra b'sistema li tidentifika l-użu tal-alkoħol b'konformità ma' EN 50436. L-indikazzjoni ta' data ta' skadenza hija fakultattiva (pereżempju ‘69’ jew ‘69(1.1.2016)’)

    KWISTJONIJIET AMMINISTRATIVI

    70. Skambju tal-liċenzja Nru … maħruġa minn … (il-marka distintiva tal-UE/NU fil-każ ta' pajjiż terz; pereżempju ‘70.0123456789.NL’)

    71. Duplikat tal-liċenzja Nru … (il-marka distintiva tal-UE/NU fil-każ ta' pajjiż terz; pereżempju ‘71.987654321.HR’)

    73. Ristrett għall-vetturi tal-kategorija B tat-tip kwadriċiklu bil-mutur (B1)

    78. Ristrett għall-vetturi bi trażmissjoni awtomatika

    79. (…) Ristrett għall-vetturi li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet indikati fil-parentesi, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ta' din id-Direttiva

    79.01. Ristrett għall-vetturi b'żewġ roti b'sajdkar jew le

    79.02. Ristrett għall-kategorija ta' vetturi AM bi tliet roti jew tat-tip kwadriċiklu ħafif

    79.03. Ristrett għat-triċikli

    79.04. Ristrett għat-triċikli kkumbinati ma' karrijiet b'massimu ta' massa awtorizzat li ma jaqbiżx 750 kg

    79.05. Kategorija A1 mutur bi proporzjon ta' qawwa/piż aktar minn 0,1 W/kg

    79.06. Vetturi tal-kategorija BE fejn il-massimu ta' massa awtorizzat tal-karru ma jaqbiżx it-3 500 kg

    80. Ristrett għad-detenturi ta' liċenzja tas-sewqan tal-kategorija vettura A tat-tip triċiklu bil-mutur li għandhom inqas minn 24 sena

    81. Ristrett għad-detenturi ta' liċenzja tas-sewqan tal-kategorija vettura A tat-tip mutur b'żewġ roti li għandhom inqas minn 21 sena

    95. Sewwieq li hu d-detentur ta' CPC li jissodisfa l-obbligu ta' kompetenza professjonali msemmi fid-Direttiva 2003/59/KE sa … (pereżempju: ‘95(01.01.12)’)

    96. Vetturi tal-Kategorija B ikkombinati b'karru b'massa massima awtorizzata li taqbeż is-750 kg fejn il-massa massima awtorizzata ta' tali kumbinazzjoni taqbeż t-3 500 kg iżda ma taqbiżx l-4 250 kg

    97. Mhux awtorizzat li jsuq vettura tal-kategorija C1 li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 (**).

    —   kodiċijiet minn 100 'l fuq: kodiċijiet nazzjonali validi biss għas-sewqan fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja.

    Fejn xi kodiċi japplika għall-kategoriji kollha li għalihom tkun inħarġet il-liċenzja, dan jista' jiġi stampat taħt l-intestaturi 9, 10 u 11;



    Top