EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1218

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2014 tat- 13 ta' Novembru 2014 li jemenda l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 fir-rigward tar-rekwiżiti għas-saħħa tal-annimali għat- Trichinella fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' annimali porċini domestiċi maħsuba għat-tgħammir, il-produzzjoni jew il-qatla, u tal-laħam frisk tagħhom Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 329, 14.11.2014, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1218/oj

14.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/20


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1218/2014

tat-13 ta' Novembru 2014

li jemenda l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 fir-rigward tar-rekwiżiti għas-saħħa tal-annimali għat-Trichinella fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' annimali porċini domestiċi maħsuba għat-tgħammir, il-produzzjoni jew il-qatla, u tal-laħam frisk tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta' April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/KEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1)(e) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2)(b) u l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (4) jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti kunsinni ta' annimali ħajjin jew ta' laħam frisk. Dan jistipula li l-kunsinni tal-bhejjem tal-ifrat għandhom jiġu introdotti fl-Unjoni biss jekk jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti u jkunu akkumpanjati miċ-ċertifikat veterinarju xieraq, magħmul skont il-mudell rilevanti stabbilit f'dak ir-Regolament.

(2)

Il-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' annimali porċini domestiċi għat-tgħammir u/jew il-produzzjoni, u għall-qtil immedjat huma stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 rispettivament bħala l-mudelli “POR-X” u “POR-Y”. Dawn il-mudelli ma jinkludux garanziji għat-Trichinella.

(3)

Il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' laħam frisk ta' annimali porċini domestiċi huwa stipulat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 bħala l-mudell “POR”. Dan il-mudell jinkludi garanziji għat-Trichinella.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005 (5) jistabbilixxi regoli għat-teħid ta' kampjuni ta' karkassi ta' speċijiet suxxettibbli għall-infezzjoni tat-Trichinella u għad-determinazzjoni tal-istatus ta' azjendi li jżommu ħnieżer domestiċi.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 216/2014 (6) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2075/2005 jagħti deroga mid-dispożizzjonijiet tal-ittestjar waqt il-qatla għal azjendi li huma uffiċjalment rikonoxxuti li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni. Barra minn hekk, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1114/2014 (7) jistipula li azjenda fejn jinżammu ħnieżer domestiċi, tista' tiġi rikonoxxuta biss li qed tapplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni jekk, fost l-oħrajn, l-operatur tan-negozju tal-ikel jintroduċi ħnieżer domestiċi ġodda fl-azjenda jekk dawn joriġinaw biss u jkunu ġejjin minn azjendi li wkoll ikunu uffiċjalment rikonoxxuti li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni.

(6)

Il-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji “POR-X” u “POR-Y” stabbiliti fl-Anness I tal-mudell taċ-ċertifikat “POR” stabbilit fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 għandhom jiġu emendati biex jirriflettu r-rekwiżiti relatati mal-importazzjonijiet ta' annimali porċini domestiċi u l-laħam frisk tagħhom stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2075/2005, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 216/2014. B'mod partikolari, l-informazzjoni dwar ir-rikonoxximent uffiċjali tal-azjenda ta' provenjenza ta' ħnieżer domestiċi għandha tiġi inkluża jew tiġi emendata rispettivament fil-mudelli taċ-ċertifikati sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-reġim xieraq tal-ittestjar għat-Trichinella waqt il-qatla, biex l-istatus tal-azjenda ta' destinazzjoni tal-ħnieżer domestiċi għat-tgħammir u/jew għall-produzzjoni ma jiġix ipperikolat u biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-laħam frisk.

(7)

Veterinarju uffiċjali għandu jinkludi garanziji supplimentari u kundizzjonijiet speċifiċi b'rabta mal-kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni fir-rigward tat-Trichinella fil-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji “POR-X”, “POR-Y” u “POR”.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta' kunsinni ta' annimali porċini domestiċi u ta' laħam frisk tagħhom, l-użu ta' ċertifikati maħruġa f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 206/2010 fil-verżjonijiet tagħhom qabel l-emendi li qed jiġu introdotti permezz ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu awtorizzati matul il-perjodu tranżitorju soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrata li ġejja tiżdied ma' Kundizzjonijiet Speċifiċi fil-Parti 1 tal-Anness I:

“‘XI’

:

azjendi jew kompartimenti rikonoxxuti li qegħdin japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2075/2005.”

(2)

Il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “POR-X” fil-Parti 2 tal-Anness I, huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt li ġej II.1.3. jiddaħħal wara l-punt II.1.2.:

“(2) (10) [II.1.3.

huma annimali porċini domestiċi li ġejjin minn azjenda li hija rikonoxxuta uffiċjalment li tapplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2075/2005 jew mhumiex miftuma u għandhom inqas minn 5 ġimgħat.]”

(b)

in-nota ta' qiegħ il-paġna li ġejja tiżdied wara n-nota ta' qiegħ il-paġna (9):

“(10)

Għal pajjiżi terzi biss l-entrata ‘XI’ fil-kolonna 6 ‘Kundizzjonijiet speċifiċi’ fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010.”

(3)

Il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “POR-X” fil-Parti 2 tal-Anness I, huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt li ġej II.1.3. jiddaħħal wara l-punt II.1.2.:

“(2) (5) [II.1.3.

huma annimali porċini domestiċi li ġejjin minn azjenda li hija rikonoxxuta uffiċjalment li tapplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2075/2005 jew mhumiex miftuma u għandhom inqas minn 5 ġimgħat.]”

(b)

in-nota ta' qiegħ il-paġna li ġejja tiżdied wara n-nota ta' qiegħ il-paġna (4):

“(5)

Għal pajjiżi terzi biss l-entrata ‘XI’ fil-kolonna 6 ‘Kundizzjonijiet speċifiċi’ fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010.”

(4)

L-entrata li ġejja “K” tiżdied ma' SG (Garanziji supplimentari) fil-Parti 2 tal-Anness II:

“‘K’

:

azjendi jew kompartimenti rikonoxxuti li qegħdin japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2075/2005.”

(5)

Il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “POR-X” fil-Parti 2 tal-Anness II, huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt II.1.3. jinbidel b'dan li ġej:

“II.1.3.

il-laħam jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 2075/2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam, u b'mod partikolari:

(1) jew

[kien soġġett għal eżaminazzjoni permezz ta' metodu ta' diġestjoni b'riżultati negattivi;]

(1) inkella

[kien soġġett għal trattament tal-iffriżar skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2075/2005;]

(1) (7) jew

[huma annimali porċini domestiċi li ġejjin minn azjenda li hija rikonoxxuta uffiċjalment li tapplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2075/2005 jew mhumiex miftuma u għandhom inqas minn 5 ġimgħat.]”

(b)

in-nota ta' qiegħ il-paġna li ġejja tiżdied wara n-nota ta' qiegħ il-paġna (6):

“(7)

Għal pajjiżi terzi biss l-entrata ‘K’ fil-kolonna ‘SG’ fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010.”

Artikolu 2

Għal perjodu tranżitorju sal-31 ta' Marzu 2015, il-kunsinni ta' annimali ħajjin u laħam frisk akkumpanjati biċ-ċertifikati veterinarji xierqa maħruġa sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu 2015 skont il-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji “POR-X” u “POR-Y” stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 u l-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “POR” stabbilit fl-Anness II ta' dak ir-Regolament fil-verżjonijiet tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fl-Unjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321.

(2)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 2075/2005 tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 60).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 216/2014 tas-7 ta' Marzu 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 85).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1114/2014 tal-21 ta' Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 302, 22.10.2014, p. 46).


Top