EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0391

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 391/2014 tal-14 ta' April 2014 li jtemm ir-rieżami interim parzjali li jikkonċerna miżuri antisussidji fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiż għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada, kif ukoll jekk le

ĠU L 115, 17.4.2014, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/391/oj

17.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 391/2014

tal-14 ta' April 2014

li jtemm ir-rieżami interim parzjali li jikkonċerna miżuri antisussidji fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiż għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada, kif ukoll jekk le

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 u l-Artikolu 23(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

1.1.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 598/2009 (2), il-Kunsill impona dazju kompensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta' esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili, spiss magħruf bħala “bijodiżil”, f'forma pura jew f'taħlita li fiha skont il-piż iktar minn 20 % ta' esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili (“il-prodott li qed jiġi analizzat”, jew “bijodiżil”), li bħalissa huwa kklassifikat fil-kodiċi NM ex 1516 20 98, ex 1518 00 91, ex 1518 00 99, ex 2710 19 43, ex 2710 19 46, ex 2710 19 47, ex 2710 20 11, ex 2710 20 15, ex 2710 20 17, ex 3824 90 97, ex 3826 00 10 u ex 3826 00 90 li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (“miżuri fis-seħħ”).

(2)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 443/2011 (3), wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, il-Kunsill estenda d-dazju antisussidji definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika għal importazzjonijiet ta' bijodiżil ikkunsinjat mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le (“miżuri fis-seħħ kif estiżi”).

1.2.   TALBA GĦAL RIEŻAMI

(3)

Tressqet talba għal rieżami interim parzjali(“it-talba għal rieżami”) skont l-Artikolu 19 u l-Artikolu 23(6) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 (ir-“Regolament bażiku”) minn Ocean Nutrition Kanada (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Kanada.

(4)

It-talba għal rieżami kienet limitata fl-ambitu għall-eżami tal-possibbiltà ta' għoti ta' eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ kif estiżi, safejn għandu x'jaqsam l-applikant.

(5)

Fit-talba għal rieżami l-applikant iddikjara li hu produttur ġenwin tal-bijodiżil u li jista' jipproduċi l-kwantità sħiħa ta' bijodiżil li bagħat lill-Unjoni mill-bidu tal-perjodu tal-investigazzjoni ta' kontra ċ-ċirkomvenzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ kif estiżi.

(6)

Il-perjodu ta' investigazzjoni li tqies għall-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, kopra l-perjodu mill-1 ta' April 2009 sat-30 ta' Ġunju 2010 (“perjodu ta' investigazzjoni oriġinali”). Il-perjodu ta' investigazzjoni għal din l-investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta' April 2012 sal- 31 ta' Marzu 2013 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”).

(7)

L-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li dan kien ġie stabbilit bħala produttur tal-bijodiżil fil-Kanada ħafna qabel l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, l-applikant iddikjara li ma huwa relatat mal-ebda produttur tal-bijodiżil li jinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika.

1.3.   IL-BIDU TA' RIEŻAMI INTERIM PARZJALI

(8)

Wara li ġie determinat, wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv, li t-talba għal rieżami kien fiha biżżejjed evidenza prima facie biex tiġġustifika l-bidu ta' rieżami interim parzjali, permezz ta' notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4)(“notifika ta' bidu”), il-Kummissjoni bdiet, fit-30 ta' April 2013, rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19 u l-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku limitat għall-eżaminazzjoni tal-possibbiltà ta' għoti ta' eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ kif estiżi sa fejn għandu x'jaqsam l-applikant.

1.4.   PARTIJIET INTERESSATI

(9)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-applikant u lir-rappreżentanti tal-Kanada dwar il-bidu tar-rieżami interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika ta' bidu. L-applikant biss ippreżenta ruħu. L-ebda seduta ma ġiet mitluba.

(10)

Il-Kummissjoni rċeviet it-tweġiba għall-kwestjonarju mibgħuta mill-applikant, li ġiet verifikata fuq il-post fil-bini tal-applikant fil-Kanada.

2.   SEJBIET TAL-INVESTIGAZZJONI U TERMINAZZJONI TAR-RIEŻAMI

(11)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-applikant huwa produttur ġenwin tal-bijodiżil u li ma huwa relatat mal-ebda produttur tal-bijodiżil li jinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(12)

Bħala riżultat tas-sejbiet magħmulin waqt iż-żjarat fuq il-post fil-bini tiegħu fil-Kanada, l-applikant ġie mitlub li jippreżenta aktar informazzjoni li turi li l-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu kienet biżżejjed sabiex jappoġġja l-volum tal-bejgħ tiegħu matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(13)

Minkejja diversi estensjonijiet tal-iskadenza, l-applikant ma pprovdiex lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba minnu.

(14)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri estiżi, l-applikant seta' esporta l-prodott ikkonċernat lill-Unjoni taħt kodiċi NM li mhuwiex soġġett għal dawk il-miżuri. L-applikant ġie mistieden mill-Kummissjoni biex jiġġustifika l-użu ta' dak il-kodiċi NM. Madankollu, huwa ma pprovda l-ebda informazzjoni jew kwalunkwe evidenza oħra li turi li dakn l-esportazzjonijiet għandhom ikunu koperti bil-kodiċi NM li mhuwiex soġġetti għall-miżuri fis-seħħ kif estiżi.

(15)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, huwa kkunsidrat li l-applikant naqas milli juri li kien kapaċi jipproduċu l-kwantità sħiħa ta' bijodiżil li bagħat lill-Unjoni mill-bidu tal-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali. Minkejja l-fatt li l-applikant ma pprovdiex l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, huwa ma pprovda l-ebda evidenza oħra li turi li huwa ma kienx involut fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni. Għal dik ir-raġuni, l-investigazzjoni tar-rieżami għandha tintemm mingħajr ma l-applikant jingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi.

(16)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa dwar l-intenzjoni li l-investigazzjoni tar-rieżami tiġi terminata u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma waslu l-ebda kummenti li setgħu biddlu d-deċiżjoni li tiġi terminata l-investigazzjoni tar-rieżami.

(17)

Għaldaqstant, ġie konkluż li r-rieżami interim parzjali tal-miżuri antisussidji fuq importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiż għall-importazzjonijiet ta' bijodiżil ikkunsinnat mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le, għandu jintemm mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ kif estiżi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri antisussidji fuq importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiż bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 443/2011 għal importazzjonijiet ta' bijodiżil ikkunsinjat mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le, mibdi skont l-Artikoli 19 u 23(6) tar-Regolament (KE) Nru 598/2009 huwa b'dan terminat mingħajr ma jiġu emendati l-miuri fis-seħħ kif estiżi.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 598/2009 tas-7 ta' Lulju 2009 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 179, 10.7.2009, p. 1).

(3)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011 tal-5 ta' Mejju 2011 li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jwaqqaf l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor (ĠU L 122, 11.5.2011, p. 1).

(4)  ĠU C 124, 30.4.2013 p. 10.


Top