Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014Q0305(01)

    Regoli ta' proċedura

    ĠU L 65, 5.3.2014, p. 41–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/12/2021; Mibdul minn 32021Q1230(01)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2014/305/oj

    5.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 65/41


    REGOLI TA' PROĊEDURA

    INTRODUZZJONI

    Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta r-Regoli ta' Proċedura li ġejjin fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 306 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fil-31 ta' Jannar 2014.

    KUMMENTI PRELIMINARI

    It-terminoloġija użata għall-funzjonijiet u għall-karigi f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura tirreferi kemm għall-maskil kif ukoll għall-femminil.

    TITOLU I

    MEMBRI U KORPI KOSTITWENTI TAL-KUMITAT

    KAPITOLU 1

    Korpi kostitwenti tal-Kumitat

    Artikolu 1

    Korpi kostitwenti tal-Kumitat

    Il-korpi kostitwenti tal-Kumitat huma l-Assemblea Plenarja, il-President, il-Bureau, il-Konferenza tal-Presidenti u l-kummissjonijiet.

    KAPITOLU 2

    Membri tal-Kumitat

    Artikolu 2

    Status tal-membri u tas-sostituti

    B'konformità mal-Artikolu 300 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-membri tal-Kumitat u s-sostituti tagħhom jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huma titolari ta' mandat elettorali f'awtorità lokali jew reġjonali, jew politikament responsabbli quddiem assemblea eletta. Ma jistgħu jkunu marbuta bl-ebda mandat obbligatorju u għandhom ikunu kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-Unjoni.

    Artikolu 3

    Tul tal-mandat

    1.

    Il-mandat ta' membru jew sostitut jibda fid-data li fiha tidħol fis-seħħ il-ħatra tiegħu mill-Kunsill.

    2.

    Il-mandat ta' membru jew sostitut jintemm fil-każ ta 'riżenja, tmiem il-mandat elettorali li bih inħatar jew mewt.

    3.

    Membru jew sostitut li jirriżenja għandu jgħarraf bil-miktub lill-President tal-Kumitat bil-ħsieb tiegħu u jispeċifika d-data li fiha tidħol fis-seħħ ir-riżenja tiegħu. Il-President għandu jgħarraf lill-Kunsill, li għandu jikkonferma li l-post tbattal u jimplimenta l-proċedura ta' sostituzzjoni.

    4.

    Membru jew sostitut li l-mandat tiegħu jintemm minħabba li jiskadi l-mandat li bih inħatar għandu jgħarraf minnufih lill-President tal-Kumitat dwar dan bil-miktub.

    5.

    Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2), għandu jinħatar suċċessur mill-Kunsill għall-bqija tal- mandat.

    Artikolu 4

    Privileġġi u immunitajiet

    Il-membri u s-sostituti tagħhom b'mandat kif dovut għandhom jibbenefikaw minn privileġġi u immunitajiet skont il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Parteċipazzjoni tal-membri u tas-sostituti

    1.

    Kull membru li ma jistax jipparteċipa f'xi sessjoni plenarja jista' jkun rappreżentat minn sostitut mid-delegazzjoni nazzjonali tiegħu, anke f'każ li dan jiġri biss f'ċerti ġranet matul is-sessjoni plenarja. Jeħtieġ li l-membri kollha u s-sostituti tagħhom b'mandat kif dovut jiffirmaw lista tal-attendenza.

    2.

    Kull membru li ma jistax jipparteċipa f'xi laqgħa tal-kummissjoni, jew f'xi laqgħa oħra li ġiet approvata mill-Bureau jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor jew sostitut mid-delegazzjoni nazzjonali tiegħu, mill-grupp politiku tiegħu jew mill-grupp interreġjonali tiegħu. Jeħtieġ li l-membri kollha u s-sostituti tagħhom b'mandat kif dovut jiffirmaw lista tal-attendenza.

    3.

    Membru jew sostitut imniżżel fil-lista ta' dawk li jissostitwixxu lill-membri ta' grupp ta' ħidma, stabbilit skont l-Artikolu 37 jew 62 tar-Regoli ta' Proċedura, jista' jissostitwixxi kwalunkwe membru fil-grupp politiku tiegħu.

    4.

    Sostitut jew membru li jissostitwixxi membru ieħor jista' jaċċetta prokura minn membru wieħed biss. Għandu jkollu l-istess setgħat bħal membru fil-laqgħa rilevanti. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jkun mgħarraf dwar il-prokura tal-vot, b'konformità mal-proċedura ta' notifika u din in-notifika għandha tintbagħat mhux aktar tard minn ġurnata qabel il-laqgħa.

    5.

    Għal kull sessjoni plenarja għandu jingħata rimborż wieħed biss tal-ispejjeż lill-membru jew lis-sostitut. Il-Bureau jispeċifika dan fl-istruzzjonijiet tiegħu dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

    6.

    Sostitut li jinħatar relatur jippreżenta l-abbozz ta' opinjoni li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu fis-sessjoni plenarja li għandha fuq l-aġenda tagħha l-abbozz ta' opinjoni anke jekk il-membru li tiegħu huwa sostitut jinsab preżenti wkoll fil-laqgħa. Il-membru jista' jiddelega d-dritt tal-vot tiegħu lis-sostitut waqt li l-abbozz ta' opinjoni imsemmi jkun qiegħed jiġi diskuss. Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun mgħarraf bil-miktub dwar il-prokura tal-vot qabel il-laqgħa rilevanti.

    7.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(1), kull prokura titlef il-validità tagħha meta l-membru li ma jkunx jista' jipparteċipa ma jibqax membru tal-Kumitat tar-Reġjuni.

    Artikolu 6

    Prokura tal-vot

    Ħlief kif hemm previst fl-Artikoli 5 u 31, id-dritt għall-vot ma jistax jiġi delegat.

    Artikolu 7

    Delegazzjonijiet nazzjonali u gruppi politiċi

    Id-delegazzjonijiet nazzjonali u l-gruppi politiċi għandhom jikkontribwixxu b'mod ibbilanċjat fl-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Kumitat.

    Artikolu 8

    Delegazzjonijiet nazzjonali

    1.

    Il-membri u s-sostituti minn kull Stat Membru għandhom jikkostitwixxu delegazzjoni nazzjonali. Kull delegazzjoni nazzjonali għandha tistabbilixxi l-organizzazzjoni interna tagħha u tagħżel president. Il-President tal-Kumitat għandu jkun uffiċjalment mgħarraf bl-isem tal-persuna magħżula.

    2.

    Is-Segretarju Ġenerali għandu jara li, fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Kumitat, id-delegazzjonijiet nazzjonali jirċievu għajnuna li tippermetti li kull membru individwali jirċievi tagħrif u għajnuna bl-ilsien uffiċjali tiegħu. Din l-għajnuna għandha tagħmel parti minn servizz speċifiku li jikkonsisti f'uffiċjali jew impjegati oħrajn tal-Kumitat tar-Reġjuni u dan is-servizz għandu jiżgura li d-delegazzjonijiet nazzjonali jistgħu jagħmlu użu adatt mill-faċilitajiet tal-Kumitat. Is-Segretarju Ġenerali għandu jipprovdi b'mod partikolari lid-delegazzjonijiet nazzjonali b'mezzi adatti sabiex isejħu laqgħat immedjatament qabel jew matul is-sessjonijiet plenarji.

    3.

    Id-delegazzjonijiet nazzjonali għandhom ukoll għad-dispożizzjoni tagħhom l-għajnuna tal-koordinaturi nazzjonali, li mhumiex parti mill-persunal tas-Segretarjat Ġenerali. Dawn jiffaċilitaw it-twettiq tal-mandat tal-membri fi ħdan il-Kumitat.

    4.

    Il-koordinaturi nazzjonali jibbenefikaw minn appoġġ adegwat min-naħa tas-Segretarju Ġenerali, b'mod partikolari biex ikunu jistgħu jagħmlu użu adatt mill-faċilitajiet tal-Kumitat.

    Artikolu 9

    Gruppi politiċi u membri mhux affiljati

    1.

    Il-membri u s-sostituti jistgħu jiffurmaw gruppi li jirriflettu l-affiljazzjoni politika tagħhom. Il-kriterji għas-sħubija għandhom jiġu preskritti fir-regoli interni ta' kull grupp politiku.

    2.

    Huwa meħtieġ minimu ta' tmintax-il membru jew sostitut, li tal-anqas nofshom għandhom ikunu membri, li b'kollox jirrappreżentaw tal-inqas wieħed minn kull ħames Stati Membri sabiex jiġi ffurmat grupp politiku. Membru jew sostitut jista' jagħmel parti minn grupp politiku wieħed biss. Grupp politiku għandu jxolji jekk in-numru tal-membri neċessarju sabiex jitwaqqaf ikun inqas minn dak meħtieġ.

    3.

    Il-President tal-Kumitat għandu jkun mgħarraf bi stqarrija meta jitwaqqaf, ixolji jew b'xi mod jinbidel xi grupp politiku. L-istqarrija dwar it-twaqqif ta' xi grupp politiku għandha tispeċifika l-isem tal-grupp politiku, il-membri tiegħu u l-bureau.

    4.

    Kull grupp politiku għandu segretarjat magħmul minn persunal minn fost l-impjegati tas-Segretarjat Ġenerali. Il-gruppi politiċi jistgħu jressqu proposti quddiem l-awtorità tal-ħatra dwar l-għażla, l-impjieg u l-promozzjoni tal-persunal ta' dawn is-segretarjati u t-tiġdid tal-kuntratti tagħhom. L-awtorità tal-ħatra għandha tasal għad-deċiżjoni tagħha wara li tikkonsulta l-president tal-grupp politiku kkonċernat.

    5.

    Is-Segretarju Ġenerali għandu jipprovdi lill-gruppi politiċi u lill-korpi kostitwenti tagħhom b'riżorsi adatti għal-laqgħat, l-attivitajiet u l-pubblikazzjonijiet u għall-ħidma tas-segretarjati tagħhom. Ir-riżorsi għal kull grupp politiku għandhom jiġu speċifikati fil-baġit. Il-gruppi politiċi u s-segretarjati tagħhom jistgħu jagħmlu użu adatt mill-faċilitajiet tal-Kumitat.

    6.

    Il-gruppi politiċi u l-bureaux tagħhom jistgħu jiltaqgħu immedjatament qabel jew matul is-sessjonijiet plenarji. Jistgħu jsejħu laqgħa straordinarja darbtejn fis-sena. Sostitut li jattendi għal dawn il-laqgħat huwa intitolat għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza jekk ikun qiegħed jirrappreżenta xi membru mill-grupp politiku tiegħu.

    7.

    Il-membri mhux affiljati għandu jkollhom appoġġ amministrattiv. Id-dispożizzjonijiet relatati ma' dan għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

    Artikolu 10

    Gruppi interreġjonali

    Il-membri u s-sostituti jistgħu jiffurmaw gruppi interreġjonali. Għandhom jgħarrfu lill-President tal-Kumitat dwar dan. Grupp interreġjonali jiġi ffurmat kif dovut fuq deċiżjoni tal-Bureau.

    TITOLU II

    ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA TAL-KUMITAT

    KAPITOLU 1

    Konvokazzjoni u bidu tal-kariga tal-Kumitat

    Artikolu 11

    Konvokazzjoni tal-ewwel laqgħa

    Il-Kumitat jiġi kkonvokat wara kull tiġdid ta' ħames snin mill-President li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-ewwel viċi president li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-viċi president l-aktar anzjan fl-età li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-aktar membru anzjan fl-età u għandu jitlaqqa' mhux aktar tard minn xahar wara l-ħatra tal-membri tiegħu mill-Kunsill.

    Il-membru li jkun qed jaqdi rwol ta' president interim skont l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, għandu wkoll jirrappreżenta l-Kumitat matul dan il-perjodu, ikompli jieħu ħsieb il-ħidma attwali, u jmexxi l-ewwel laqgħa bħala president interim.

    Flimkien mal-iżgħar erba' membri preżenti u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat huwa jikkostitwixxi l-Bureau interim.

    Artikolu 12

    Bidu tal-kariga tal-Kumitat u verifika tal-kredenzjali

    1.

    Matul l-ewwel laqgħa, il-president interim għandu jgħarraf lill-Kumitat bil-komunikazzjoni mill-Kunsill relatata mal-ħatra tal-membri u jagħti rendikont tal-miżuri li jkun ħa biex jirrappreżenta lill-Kumitat u jieħu ħsieb il-ħidma attwali. Jekk jintalab, il-president interim jista' jiddeċiedi li jivverifika l-ħatra u l-kredenzjali tal-membri qabel ma jiddikjara l-bidu tal-kariga tal-Kumitat għall-mandat il-ġdid.

    2.

    Il-Bureau interim għandu jibqa' fil-kariga sal-istqarrija tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-membri tal-Bureau.

    KAPITOLU 2

    Assemblea plenarja

    Artikolu 13

    Il-ħidma tal-Assemblea Plenarja

    Il-Kumitat għandu jiltaqa' f'Assemblea Plenarja. Il-kompiti prinċipali tagħha għandhom ikunu:

    a)

    li tadotta opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet;

    b)

    li tadotta l-abbozzi tal-estimi preliminari tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat;

    c)

    li tadotta l-programm politiku tal-Kumitat fil-bidu ta' kull mandat;

    d)

    li teleġġi l-President, l-ewwel Viċi President u l-bqija tal-membri tal-Bureau;

    e)

    li twaqqaf kummissjonijiet;

    f)

    li tadotta u tirrevedi r-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat;

    g)

    li, wara verifika tal-kworum preżenti, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(1) tar-Regoli ta' Proċedura, tieħu deċiżjoni, b'maġġoranza tal-voti mixħuta, fuq proposta tal-President tal-Kumitat jew tal-kummissjoni rilevanti li taġixxi b'konformità mal-Artikoli 58 u 59, dwar l-introduzzjoni ta' rikors jew talba għal intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ladarba tiġi adottata din id-deċiżjoni, il-President għandu jressaq ir-rikors f'isem il-Kumitat.

    Artikolu 14

    Konvokazzjoni tal-Assemblea Plenarja

    1.

    Il-President tal-Kumitat għandu jsejjaħ l-Assemblea Plenarja tal-inqas darba kull tliet xhur. Id-dati tas-sessjonijiet plenarji għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau matul it-tielet kwart tas-sena ta' qabel. Sessjoni plenarja tista' tiltaqa' f'jum wieħed jew aktar ta' seduta.

    2.

    Fuq talba bil-miktub ta' mill-inqas kwart tal-membri, il-President huwa marbut li jsejjaħ sessjoni plenarja straordinarja, li għandha sseħħ mhux qabel gimgħa u mhux aktar tard minn xahar wara d-data tat-talba. It-talba bil-miktub għandha tindika s-suġġett li ser ikun diskuss fis-sessjoni plenarja straordinarja. Ma jista' jidher l-ebda suġġett ieħor fl-aġenda.

    Artikolu 15

    Aġenda tas-Sessjoni Plenarja

    1.

    Il-Bureau jħejji l-abbozz preliminari ta' aġenda li jkun fih lista provviżorja tal-abbozzi ta' opinjonijiet, ta' rapporti jew ta' riżoluzzjonijiet għad-diskussjoni fis-sessjoni plenarja ta' wara dik li jkun imiss flimkien mad-dokumenti l-oħra kollha li jeħtieġu deċiżjoni.

    2.

    Tal-anqas wieħed u għoxrin jum ta' xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja, l-abbozz ta' aġenda flimkien mad-dokumenti kollha mniżżla fih li jeħtieġu deċiżjoni għandhom ikunu disponibbli elettronikament għall-membri u s-sostituti tagħhom; id-dokumenti kollha tal-laqgħa għandhom ikunu disponibbli bl-ilsna uffiċjali rispettivi tagħhom.

    3.

    Fil-prinċipju, l-abbozzi ta' opinjonijiet, ta' rapporti u ta' riżoluzzjonijiet jitniżżlu fl-aġenda fl-ordni li ġew adottati mill-kummissjonijiet jew jitressqu b'konformità mar-Regoli ta' Proċedura. Għandhon jiġu kkunsidrati wkoll il-punti tal-aġenda li jittrattaw suġġetti relatati.

    4.

    F'ċerti każijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet adatti fejn l-iskadenza msemmija f'paragrafu 2 ma tistax tiġi rispettata, il-President jista' jiddeċiedi li jinkludi dokument li jeħtieġ deċiżjoni fl-abbozz ta' aġenda sakemm id-dokument imsemmi jkun intbagħat lill-membri u lis-sostituti bl-ilsien uffiċjali tagħhom mhux iżjed tard minn ġimgħa qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. Il-President għandu jagħti r-raġuni tal-użu ta' din il-proċedura fuq il-paġna ta' quddiem tad-dokument li jeħtieġ deċiżjoni.

    5.

    L-emendi bil-miktub fl-abbozz ta' aġenda għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

    6.

    Il-Bureau għandu jistabbilixxi l-abbozz ta' aġenda finali fil-laqgħa tiegħu immedjatament qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. F'din il-laqgħa l-Bureau jista' jiddeċiedi, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mixħuta, li jinkludi fl-aġenda kwistjonijiet ta' natura urġenti jew topiċi li l-analiżi tagħhom ma tistax tistenna sas-sessjoni plenarja li jmiss.

    7.

    Fuq proposta tal-President, ta' grupp politiku jew ta' 32 membru, il-Bureau jew l-Assemblea Plenarja jistgħu jiddeċiedu, qabel issir il-votazzjoni fuq l-emendi, li:

    jipposponu għas-sessjoni segwenti d-diskussjoni dwar dokument għal deċiżjoni;

    jew

    jirrinvjaw id-dokument għal deċiżjoni għand il-kummissjoni kkonċernata sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid.

    Din id-dispożizzjoni ma tapplikax f'każijiet meta, minħabba l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew, ikun impossibbli li tiġi posposta l-adozzjoni ta' dokument għal deċiżjoni.

    Id-dokument għal deċiżjoni li jiġi pospost għas-sessjoni segwenti tal-Assemblea Plenarja għandu jinkludi l-emendi kollha mressqa kif dovut li huma marbuta miegħu. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 24(2)(a), l-aġġornament tal-votazzjoni ma jagħtix lok għal skadenza ġdida għat-tressiq tal-emendi.

    Meta dokument jintbagħat lura lill-kummissjoni kkonċernata, l-emendi relatati miegħu ma jibqgħux validi u r-relatur jista' jeżamina b'liema mod il-kontenut tad-dokument:

    jirrekjedi reviżjoni preliminari tat-test min-naħa tiegħu, b'kunsiderazzjoni tal-iskadenza;

    u/jew

    jista' jwassal għat-tressiq ta' emendi min-naħa tiegħu, skont il-proċedura stabbilita mill-kummissjoni.

    Id-dokument għandu jitqiegħed fuq l-aġenda tal-kummissjoni għal deċiżjoni.

    Artikolu 16

    Ftuħ tas-Sessjoni Plenarja

    Il-President għandu jiftaħ is-sessjoni plenarja u jippreżenta għall-adozzjoni l-abbozz ta' aġenda finali.

    Artikolu 17

    Aċċess għall-pubbliku, mistednin u kelliema mistiedna, slott għal dibattitu topiku

    1.

    Is-sessjonijiet plenarji huma miftuħin għall-pubbliku, sakemm l-Assemblea Plenarja ma tiddeċidix mod ieħor fir-rigward tal-laqgħa inġenerali jew xi punt speċifiku fuq l-aġenda.

    2.

    Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jistgħu jattendu għas-sessjonijiet plenarji u jistgħu jintalbu jindirizzaw l-assemblea.

    3.

    Il-President, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Bureau, jista' wkoll jistieden personalitajiet esterni sabiex jindirizzaw l-Assemblea Plenarja. Wara dawn l-interventi jista' jkun hemm dibattitu ġenerali, li matulu għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ħin għad-diskorsi.

    4.

    Il-Bureau jista', b'konformità mal-Artikolu 15(1) u (6), jipproponi lill-Assemblea Plenarja li jkun hemm dibattitu ġenerali dwar kwistjonijiet politiċi topiċi ta' rilevanza reġjonali jew lokali (slott għal dibattitu topiku). Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ħin għad-diskorsi.

    Artikolu 18

    Standards tal-kondotta u ħin għad-diskorsi

    1.

    Mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-kelma, il-membri għandhom iġibu ruħhom b'rispett reċiproku, abbażi tal-valuri u l-prinċipji stabbiliti fit-testi bażiċi li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, b'rispett tad-dinjità tal-Kumitat u m'għandhomx jikkompromettu t-twettiq mingħajr xkiel tal-ħidma tal-korpi kostitwenti tal-Kumitat jew itellfu l-paċi u l-kwiet ta' kwalunkwe bini tal-Kumitat.

    2.

    Fil-bidu tas-sessjoni plenarja u fuq proposta tal-Bureau, l-Assemblea Plenarja għandha tistabbilixxi l-ħin għad-diskorsi għal kull punt fuq l-aġenda. Matul is-sessjoni plenarja, il-President jista', fuq inizjattiva proprja jew fuq talba ta' xi membru, jiddeċiedi li jillimita l-ħin għad-diskorsi.

    3.

    Il-President, fuq proposta tal-Bureau, jista' jipproponi lill-Assemblea Plenarja li meta jsiru d-dibattiti fuq xi kwistjonijiet ġenerali jew fuq xi temi speċifiċi, il-ħin għad-diskorsi jinqasam bejn il-gruppi politiċi u d-delegazzjonijiet nazzjonali.

    4.

    Bħala regola ġenerali, il-ħin għad-diskorsi għandu jkun limitat għal minuta għall-kummenti fuq il-minuti, għal points of order u l-modifiki għall-abbozz finali ta' aġenda jew l-aġenda.

    5.

    Jekk xi kelliem jaqbeż il-ħin merfugħ għalih, il-President jista', wara li jiġbidlu l-attenzjoni, iwaqqfu milli jkompli jitkellem.

    6.

    Kull talba minn xi membru sabiex jitwaqqaf id-dibattitu għandha tgħaddi għall-votazzjoni mill-President.

    Artikolu 19

    Lista tal-kelliema

    1.

    L-ismijiet tal-membri li jitolbu jitkellmu jitniżżlu f'lista fl-istess ordni li fih ikunu waslu t-talbiet tagħhom. Il-President għandu jsejjaħ lill-membri sabiex jitkellmu fuq il-bażi ta' din il-lista billi jiżgura kemm jista' jkun li kelliema ta' fehma politika differenti u minn delegazzjonijiet nazzjonali differenti jinstemgħu wara xulxin.

    2.

    Madankollu, tista' tingħata prijorità, fuq it-talba tagħhom, lir-relatur tal-kummissjoni kkonċernata u lir-rappreżentanti tal-gruppi politiċi u tad-delegazzjonijiet nazzjonali li jixtiequ jitkellmu f'isem il-kummissjoni, il-grupp jew id-delegazzjoni tagħhom.

    3.

    Ħadd ma jista' jindirizza l-laqgħa aktar minn darbtejn fuq l-istess suġġett, ħlief bil-permess tal-President. Madankollu, il-President u r-relaturi tal-kummissjonijiet kkonċernati għandhom jitħallew jitkellmu fuq talba tagħhom għal tul ta' żmien skont kif jiddeċiedi l-President.

    Artikolu 20

    Points of order

    1.

    Membru li jixtieq jippreżenta point of order jew li jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-President minħabba xi nuqqas fir-rigward tar-Regoli ta' Proċedura għandu jitħalla jitkellem. Il-point of order għandha tkun relatata mal-aġenda jew mas-suġġett tad-diskussjoni.

    2.

    Talba għal point of order għandha tieħu preċedenza fuq kull talba oħra li wieħed jitkellem.

    3.

    Il-President għandu jieħu deċiżjoni minnufih dwar il-points of order, b'konformità mar-Regoli ta' Proċedura u għandu jħabbar id-deċiżjoni tiegħu minnufih wara li tkun saret il-point of order. Ma għandha ssir l-ebda votazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-President.

    Artikolu 21

    Kworum

    1.

    Jintlaħaq kworum fl-Assemblea Plenarja jekk aktar minn nofs il-membri huma preżenti. Il-kworum jiġi verifikat fuq talba ta' membru u b'kondizzjoni li minn tal-anqas ħmistax-il membru jivvutaw favur it-talba għall-verifika tal-kworum. Jekk il-verifika tal-kworum ma tintalabx, il-voti kollha għandhom ikunu validi jkun kemm ikun in-numru ta' dawk preżenti. Il-President jista' jwaqqaf is-sessjoni plenarja għal mhux aktar minn għaxar minuti qabel ma jgħaddi għall-verifika tal-kworum. Il-membri li jkunu talbu verifika tal-kworum iżda li jkunu ħallew il-kamra tas-Sessjoni Plenarja għandhom jitqiesu bħala preżenti għall-finijiet tal-għadd. Jekk hemm anqas minn ħmistax-il membru preżenti, il-President jista' jiddeċiedi li ma ntlaħaqx kworum.

    2.

    Jekk ikun konkluż li ma ntlaħaqx kworum, il-punti kollha fuq l-aġenda li jeħtieġu votazzjoni għandhom jiġu posposti għall-jum tal-laqgħa li jmiss, f'liema ħin l-Assemblea Plenarja tista' tgħaddi għall-votazzjoni valida ta' dawn il-punti, ikun kemm ikun in-numru tal-membri preżenti. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu u l-votazzjonijiet kollha li jsiru fil-laqgħa qabel il-verifika tal-kworum għandhom jibqgħu validi.

    Artikolu 22

    Votazzjoni

    1.

    L-Assemblea Plenarja tiddeċiedi b'maġġoranza tal-voti mixħuta, sakemm ir-Regoli ta' Proċedura ma jipprevedux mod ieħor.

    2.

    Il-forom validi ta' votazzjoni għandhom ikunu “favur”, “kontra” jew “astensjoni”. Fil-kalkolu tal-maġġoranza, għandhom jitqiesu biss il-voti mixħuta favur jew kontra. F'każ ta' voti ndaqs, it-test jew il-proposta għandha titqies bħala li m'għaddietx.

    3.

    Id-dritt tal-vot huwa dritt personali. Il-membri għandhom jivvutaw biss individwalment u personalment.

    4.

    Jekk ir-riżultat tal-għadd tal-voti jiġi kkontestat, jista' jintalab li ssir votazzjoni mill-ġdid mill-President jew fuq talba ta' membru bil-kondizzjoni li minn tal-inqas ħmistax-il membru jivvotaw favur dit-talba li ssir votazzjoni mill-ġdid.

    5.

    Fuq proposta tal-President, ta' grupp politiku jew ta' 32 membru li jkunu preżenti qabel l-approvazzjoni tal-aġenda finali, l-Assemblea Plenarja tista' tiddeċiedi li ssir votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet fuq punt wieħed tal-aġenda jew aktar u dan jitniżżel fil-minuti tas-sessjoni plenarja. Sakemm l-Assemblea Plenarja ma tiddeċidix mod ieħor, m'għandhiex tintalab votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet fil-każ tal-emendi.

    6.

    Fuq proposta tal-President, ta' grupp politiku jew ta' 32 membru, jista' jiġi deċiż li ssir votazzjoni sigrieta jekk id-deċiżjoni tolqot lill-persuni.

    7.

    Il-President jista' f'kull ħin jiddeċiedi li l-votazzjoni ssir b'mezzi elettroniċi.

    Ir-rekordjar tar-riżultat ta' votazzjoni elettronika għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku wara s-sessjoni plenarja.

    Artikolu 23

    Tressiq tal-emendi

    1.

    Il-membri u s-sostituti b'mandat kif dovut biss u kwalunkwe sostitut mingħajr mandat li jkun relatur ta' rapport imfassal minnu stess jistgħu jressqu emendi għal dokumenti li jeħtieġu deċiżjoni b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-tressiq tal-emendi.

    Id-dritt li jitressqu l-emendi f'sessjoni plenarja jista' jintuża minn membru jew mis-sostitut tiegħu b'mandat kif dovut. L-emendi debitament imressqa qabel ma membru jew sostitut fi ħdan il-Kumitat ma jibqax tali jew qabel ma tingħata jew tiġi rrevokata delega jibqgħu validi.

    2.

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1), l-emendi għal dokumenti li jeħtieġu deċiżjoni għandhom jiġu ppreżentati minn grupp politiku jew tal-inqas sitt membri jew sostituti b'mandat kif dovut u fuqhom għandu jitniżżel isimhom. Id-delegazzjonijiet nazzjonali li huma magħmula minn anqas minn sitt membri jistgħu jressqu emendi bil-kondizzjoni li jitressqu mill-istess numru ta' membri mid-delegazzjoni jew mis-sostituti b'mandat kif dovut u fuqhom għandu jitniżżel isimhom.

    3.

    L-emendi għandhom jitressqu qabel it-3 p.m. fil-ħdax-il jum ta' xogħol qabel il-jum tal-ftuħ tas-sessjoni plenarja. L-emendi għandhom ikunu disponibbli elettronikament malli ssir it-traduzzjoni tagħhom, iżda mhux iżjed tard minn erbat ijiem ta' xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

    L-emendi għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tat-traduzzjoni u mbagħad jintbagħtu lir-relatur sabiex ikun jista' jressaq l-emendi tar-relatur quddiem is-Segretarjat Ġenerali tal-anqas tlett ijiem ta' xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. Dawn l-emendi tar-relatur għandhom ikunu marbuta ma' emenda jew għadd ta' emendi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 u li għandhom jiġu identifikati mir-relatur. L-emendi tar-relatur ikunu jistgħu jiġu kkonsultati fil-jum ta' qabel il-jum tal-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

    F'każijiet fejn japplika l-Artikolu 15(4), il-President jista' jiddeċiedi li jnaqqas l-iskadenza biex jintbagħtu l-emendi għal tal-inqas tlett ijiem ta' xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. L-iskadenza m'għandhiex tapplika fil-każ ta' emendi ta' affarijiet urġenti skont l-Artikolu 15(6).

    4.

    L-emendi kollha għandhom jitqassmu fost il-membri qabel il-bidu tas-sessjoni plenarja.

    Artikolu 24

    Proċedura biex jiġu trattati l-emendi

    1.

    Il-proċedura tal-votazzjoni applikabbli hi kif ġej:

    a)

    L-ewwel issir il-votazzjoni fuq l-emendi għall-abbozz ta' dokument. L-emendi għandu jkollhom prijorità fuq it-test li jkunu marbutin miegħu.

    b)

    It-tieni ssir il-votazzjoni fuq it-test sħiħ, sew jekk ikun emendat sew jekk le.

    2.

    Il-prinċipji li jirregolaw il-votazzjoni:

    a)

    Emendi ta' kompromess

    Jekk xi emenda jew aktar jitressqu għal xi parti ta' test, il-President, ir-relatur jew l-awturi ta' dawn l-emendi jistgħu, b'mod eċċezzjonali, jipproponu emendi ta' kompromess. Dawn l-emendi ta' kompromess għandhom jingħataw prijorità fil-votazzjoni.

    Jekk ir-relatur jew wieħed mill-awturi tal-emenda inizjali jkollu oġġezzjoni għall-emenda ta' kompromess proposta, din m'għandhiex titressaq għall-votazzjoni.

    b)

    Votazzjoni konġunta

    Il-President jista' jiddeċiedi, qabel emenda partikolari tiġi adottata jew miċħuda, li diversi emendi oħra b'kontenut simili jew b'għanijiet simili għandhom jitressqu għall-votazzjoni b'mod kollettiv (vot konġunt). Dawn l-emendi jistgħu jkunu marbuta ma' partijiet differenti tat-test oriġinali.

    c)

    Block votes

    Mal-emendi ppreżentati għall-abbozz ta' opinjoni, ir-relatur jista' jippreżenta lista ta' dawk fosthom li jirrakkomanda li jiġu adottati (rakkomandazzjoni ta' vot). Jekk rakkomandazzjoni ta' vot hija disponibbli, il-President jista' jiddeċiedi li ċerti emendi koperti mir-rakkomandazzjoni għandhom jiġu vvotati flimkien (block votes). Kull membru jista' joġġezzjona għar-rakkomandazzjoni ta' vot; f'dan il-każ irid jispeċifika liema huma l-emendi li għandhom jiġu vvotati separatament.

    d)

    Votazzjoni maqsuma

    Meta t-test li għandu jitqiegħed għall-votazzjoni jkun fih żewġ dispożizzjonijiet jew iżjed, jew referenzi għal żewġ punti jew iżjed, jew ikun jista' jinqasam f'żewġ partijiet jew iżjed li jkollhom tifsira distinta u/jew valur normattiv distint, tista' tintalab votazzjoni maqsuma mir-relatur, grupp politiku, delegazzjoni nazzjonali, jew minn wieħed mill-membri li ressqu l-emenda.

    It-talba għandha ssir sa mhux aktar tard minn siegħa qabel tibda s-sessjoni plenarja, ħlief fil-każ li l-President jistabbilixxi skadenza differenti. Il-President għandu jiddeċiedi fuq it-talba.

    Mhux ammissibbli li ssir votazzjoni maqsuma fil-każ ta' emenda ta' kompromess jew ta' emenda tar-relatur.

    3.

    Votazzjoni fuq l-emendi:

    Il-votazzjoni fuq l-emendi għandha ssegwi l-ordni tal-punti fit-test u għandha ssir skont din il-prijorità:

    l-emendi ta' kompromess, sakemm ma jqajjimx oġġezzjoni wieħed mill-awturi tal-emendi,

    l-emendi tar-relatur,

    l-emendi l-oħra.

    Meta jiġu adottati, l-emendi tar-relatur u l-emendi ta' kompromess jissostitwixxu l-emendi li jkunu marbutin magħhom.

    F'każ li jitressqu żewġ emendi identiċi jew aktar minn awturi differenti, dawn għandhom jitressqu għall-votazzjoni bħala emenda waħda.

    4.

    Jekk żewġ emendi jew aktar li jeskludu lil xulxin jitressqu għall-istess parti ta' test, l-emenda li titbiegħed l-aktar mit-test oriġinali għandu jkollha prijorità u tiġi vvotata l-ewwel.

    5.

    Qabel ma ssir il-votazzjoni l-President għandu jgħid jekk l-adozzjoni ta' emenda hux ser twaqqa' emenda waħda jew għadd ta' emendi oħra, jew għax dawn l-emendi jkunu jeskludu lil xulxin billi jkunu jirreferu għall-istess parti tat-test, jew għax dawn jintroduċu kontradizzjoni. Emenda għandha titqies li waqgħet jekk tkun inkonsistenti ma' votazzjoni preċedenti fuq l-istess opinjoni. Jekk l-awturi ta' emenda jikkontestaw id-deċiżjoni tal-President f'dan ir-rigward, l-Assemblea Plenarja għandha tiddeċiedi jekk tressaqhiex għall-votazzjoni jew le.

    6.

    Jekk it-test sħiħ ma jiksibx il-maġġoranza tal-voti mixħuta fil-votazzjoni finali, l-Assemblea Plenarja għandha tiddeċiedi jekk l-abbozz ta' opinjoni għandux ikun rinvjat lill-kummissjoni kompetenti jew għandux jiġi abbandunat. Opinjoni titqies li waqgħet jekk il-kalendarju interistituzzjonali ma jippermettix aktar diskussjoni. Il-President tal-Kumitat jinforma b'dan lill-istituzzjoni li għamlet it-talba.

    Jekk l-abbozz ta' opinjoni jintbagħat lura lill-kummissjoni kompetenti, din għandha:

    jew terġa' tressaq l-abbozz ta' opinjoni għad-dibattitu u għall-adozzjoni, kif emendat bl-emendi adottati fis-sessjoni plenarja;

    jew taħtar relatur ġdid u b'hekk terġa' tniedi l-proċess tal-abbozzar tal-opinjoni;

    jew tabbanduna l-opinjoni.

    Artikolu 25

    Koerenza tat-test finali

    Jekk il-koerenza tat-test finali tkun kompromessa b'riżultat tal-adozzjoni tal-emendi li ma jkunux ġew dikjarati li waqgħu b'konformità mal-Artikolu 24(5), jew b'riżultat ta' emenda adottata li tirrikjedi li partijiet rilevanti oħra tat-test jiġu emendati b'mod korrispondenti, l-amministrazzjoni għandha – wara li tikkonsulta lill-gruppi politiċi, lir-relatur u lill-awtur tal-emendi rilevanti – tintroduċi bidliet sabiex it-test finali jkun koerenti. Kull bidla fit-test trid tkun limitata għall-minimu strett meħtieġ sabiex ikun hemm koerenza. Il-membri jiġu informati b'kull bidla li ssir.

    Artikolu 26

    Opinjonijiet urġenti

    F'każijiet urġenti fejn skadenza stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew ma tistax tintlaħaq skont il-proċedura normali, u l-kummissjoni kompetenti tkun adottat l-abbozz ta' opinjoni tagħha b'mod unanimu, il-President għandu jittrasmetti dan l-abbozz ta' opinjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Parlament Ewropew għal tagħrif. L-abbozz ta' opinjoni għandu jitressaq quddiem is-Sessjoni Plenarja li jmiss sabiex ikun adottat mingħajr emenda. Id-dokumenti kollha li jikkonċernaw dan it-test għandhom jindikaw li din hija opinjoni soġġetta għall-proċedura ta' urġenza.

    Artikolu 27

    Proċeduri semplifikati

    1.

    Abbozzi ta' opinjonijiet jew rapporti adottati unanimament minn xi kummissjoni għandhom jintbagħtu lill-Assemblea Plenarja għall-adozzjoni mingħajr tibdil sakemm tal-inqas 32 membru jew sostitut b'mandat kif dovut jew grupp politiku ma jressaqx emenda skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(3). F'dan il-każ, l-emenda għandha titqies mill-Assemblea Plenarja. L-abbozz ta' opinjoni jew rapport għandu jkun ippreżentat mir-relatur fis-sessjoni plenarja u jista' jkun is-suġġett ta' dibattitu. Dan għandu jintbagħat lill-membri flimkien mal-abbozz ta' aġenda.

    2.

    Jekk il-kummissjoni hija tal-fehma li l-Kumitat m'għandux għaliex jikkummenta dwar, jew jipproponi tibdil għal, xi dokument mgħoddi lilha, tista' tipproponi li ebda oġġezzjoni ma ssir dwar id-dokument. Il-proposta għandha tgħaddi għand l-Assemblea Plenarja għall-adozzjoni mingħajr dibattitu.

    Artikolu 28

    Għeluq tas-Sessjoni Plenarja

    Qabel l-għeluq tas-sessjoni plenarja, il-President għandu jħabbar il-ħin u l-post tas-sessjoni plenarja li jmiss flimkien ma' xi punti li diġà qegħdin fuq l-aġenda.

    Artikolu 29

    Simboli

    1.

    Il-Kumitat jagħraf u jadotta dawn is-simboli tal-Unjoni:

    a)

    il-bandiera b'ċirku ta' tnax-il stilla tad-deheb fuq sfond blu,

    b)

    l-innu meħud minn “Għanja lill-Ferħ” mid-Disa' Sinfonija ta' Ludwig van Beethoven,

    c)

    il-motto “Magħqudin fid-diversità”.

    2.

    Il-Kumitat jiċċelebra Jum l-Ewropa fid-9 ta' Mejju.

    3.

    Il-bandiera għandha tidher fil-bini tal-Kumitat u fl-avvenimenti uffiċjali.

    4.

    L-innu għandu jindaqq fiċ-ċerimonja tal-ftuħ fil-bidu tal-mandat u f'okkażjonijiet formali oħra, b'mod speċjali għall-akkoljenza tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern, jew għall-akkoljenza tal-membri l-ġodda wara t-tkabbir.

    KAPITOLU 3

    Il-Bureau u l-President

    Artikolu 30

    Kompożizzjoni tal-Bureau

    Il-Bureau huwa magħmul minn:

    a)

    il-President;

    b)

    l-ewwel Viċi President;

    c)

    Viċi President għal kull Stat Membru;

    d)

    28 membru ieħor;

    e)

    il-presidenti tal-gruppi politiċi.

    Is-siġġijiet fil-Bureau (barra mis-siġġijiet tal-President, l-ewwel Viċi President u l-presidenti tal-gruppi politiċi) għandhom jitqassmu fost id-delegazzjonijiet nazzjonali kif ġej:

    3 siġġijiet: Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, il-Polonja u r-Renju Unit;

    2 siġġijiet: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Isvezja u l-Ungerija;

    siġġu wieħed: l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta u s-Slovenja.

    Artikolu 31

    Rappreżentanti tal-membri fil-laqgħat tal-Bureau

    1.

    Għall-membri tagħha tal-Bureau, bl-eċċezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President, kull delegazzjoni nazzjonali għandha taħtar membru jew sostitut bħala rappreżentant ad personam mid-delegazzjoni stess.

    2.

    Għal kull president tal-gruppi politiċi, il-grupp politiku inkwistjoni għandu jaħtar minn fostu membru jew sostitut bħala rappreżentant ad personam.

    3.

    Rappreżentant ad personam għandu dritt jipparteċipa fil-laqgħat u jkollu d-dritt li jitkellem u jivvota biss meta jkun qiegħed jissostitwixxi dan il-membru tal-Bureau. Il-prokura tal-vot għandha tiġi mgħarrfa lis-Segretarju Ġenerali qabel il-laqgħa kkonċernata b'konformità mal-proċedura ta' notifika meħtieġa.

    Artikolu 32

    Regoli tal-elezzjoni

    1.

    Il-Bureau għandu jiġi elett mill-Assemblea Plenarja għal sentejn u nofs.

    2.

    L-elezzjoni għandha ssir taħt il-presidenza tal-President interim bl-istess mod kif previst fl-Artikoli 11 u 12. L-applikazzjonijiet kollha għandhom jintbagħtu bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali tal-anqas siegħa qabel il-bidu tas-sessjoni plenarja. L-elezzjoni tista' ssir biss wara li jiġi verifikat il-kworum tal-preżenzi li ssir referenza għalih fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(1).

    Artikolu 33

    Elezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President

    1.

    Qabel l-elezzjonijiet għall-postijiet ta' President u tal-ewwel Viċi President, il-kandidati jistgħu jagħmlu stqarrija qasira quddiem l-Assemblea Plenarja. Ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess ammont ta' ħin għad-diskors, stabbilit mill-President interim.

    2.

    L-elezzjoni tal-President u dik tal-ewwel Viċi President għandhom isiru separatament. Għandhom jiġu eletti bil-maġġoranza tal-voti mixħuta.

    3.

    Il-forom validi ta' vot għandhom ikunu “favur” jew astensjoni. Huma l-voti “favur” biss li jiġu kkunsidrati sabiex tiġi kkalkulata jekk intlaħqitx il-maġġoranza.

    4.

    Jekk l-ebda kandidat ma jikseb il-maġġoranza fl-ewwel votazzjoni, issir it-tieni votazzjoni li matulha jiġi elett il-kandidat li jikseb l-ogħla numru ta' voti. Fil-każ ta' voti ndaqs, tittieħed deċiżjoni bix-xorti.

    Artikolu 34

    Elezzjoni tal-membri tal-Bureau

    1.

    Tista' tiġi stabbilita lista komuni tal-kandidati mid-delegazzjonijiet nazzjonali li jippreżentaw kandidat wieħed biss għal kull wieħed mis-siġġijiet merfugħa għalihom fil-Bureau. Din il-lista tista' tiġi adottata b'votazzjoni waħda jekk tikseb il-maġġoranza tal-voti mixħuta.

    F'każijiet fejn ma tiġix adottata lista komuni jew fejn in-numru ta' kandidati propost għas-siġġijiet ta' delegazzjoni nazzjonali fil-Bureau jaqbeż in-numru ta' siġġijiet disponibbli, kull wieħed minn dawn is-siġġijiet għandu jiġi deċiż b'votazzjoni separata; f'dan il-każ ir-regoli tal-elezzjoni li huma applikati huma dawk tal-President u tal-ewwel Viċi President, kif stabbiliti fl-Artikoli 32 u 33(2) sa (4).

    2.

    Il-presidenti tal-gruppi politiċi eletti fi ħdan kull grupp huma membri tal-Bureau.

    Artikolu 35

    Elezzjoni tar-rappreżentanti

    L-elezzjoni ta' kandidat għal siġġu tal-Bureau twassal awtomatikament għal dik tar-rappreżentant tiegħu ad personam.

    Artikolu 36

    By-election għal siġġu battal tal-Bureau

    Il-membru tal-Bureau jew ir-rappreżentant tiegħu ad personam li ma jibqax jagħmel parti mill-Kumitat jew li jirriżenja mill-Bureau, għandu jiġi sostitwit għall-bqija tal-mandat b'konformità mal-Artikoli 30 sa 35. Il-by-election għal siġġu battal għandha ssir fl-Assemblea Plenarja taħt il-presidenza tal-President jew mir-rappreżentanti tiegħu skont l-Artikolu 39(3).

    Artikolu 37

    Il-funzjonijiet tal-Bureau

    Il-kompiti tal-Bureau huma dawn:

    a)

    It-tħejjija u l-preżentazzjoni lill-Assemblea Plenarja tal-programm politiku tiegħu fil-bidu tal-mandat tiegħu u l-kontroll tat-twettiq ta' dan. Fi tmiem il-mandat tiegħu jippreżenta lill-Assemblea Plenarja rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm politiku tiegħu;

    b)

    L-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet tal-Assemblea Plenarja u tal-kummissjonijiet;

    c)

    L-adozzjoni, fuq proposta tal-kummissjonijiet, tal-programm ta' ħidma annwali tagħhom;

    d)

    Ir-responsabbiltà ġenerali għall-kwistjonijiet ta' natura finanzjarja, organizzattiva u amministrattiva dwar il-membri u s-sostituti, l-organizzazzjoni interna tal-Kumitat u tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu, inkluż il-pjan ta' organizzazzjoni u l-korpi kostitwenti tiegħu;

    e)

    Il-Bureau jista':

    jikkostitwixxi gruppi ta' ħidma magħmula mill-membri tal-Bureau jew minn membri oħra tal-Kumitat, sabiex jagħtuh pariri dwar kwistjonijiet partikolari; dawn il-gruppi ta' ħidma jistgħu jkollhom sa tnax-il membru;

    jistieden lil membri oħra tal-Kumitat sabiex jassistu fil-laqgħat tiegħu, minħabba l-kompetenza jew il-kompiti tagħhom, kif ukoll lil persuni minn barra;

    f)

    L-impjieg tas-Segretarju Ġenerali u tal-uffiċjali u l-impjegati l-oħra msemmija fl-Artikolu 73;

    g)

    Il-preżentazzjoni lill-Assemblea Plenarja tal-abbozz preliminari tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat, b'konformità mal-Artikolu 75;

    h)

    L-awtorizzazzjoni tal-laqgħat barra l-postijiet tax-xogħol tas-soltu;

    i)

    It-teħid ta' dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta' xogħol tal-gruppi ta' ħidma, tal-kumitati konġunti kostitwiti mal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni jew ta' korpi politiċi oħra li jieħdu sehem fihom il-membri tal-Kumitat.

    Il-kumitati konsultattivi konġunti jiġu stabbiliti mar-rappreżentanti lokali u reġjonali tal-pajjiżi applikanti abbażi tad-dispożizzjonijiet previsti fil-ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni.

    Il-membri tal-kumitati konsultattivi konġunti mill-pajjiżi applikanti jinħatru b'mod formali mill-gvern tagħhom sabiex jirrappreżentaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom. Id-deċiżjonijiet fil-kumitati konsultattivi konġunti jittieħdu b’mod konġunt mar-rappreżentanti msieħba, taħt kopresidenza mmexxija mill-Kumitat tar-Reġjuni u l-pajjiż applikant.

    Il-kumitati konsultattivi konġunti għandhom jadottaw rapport u rakkomandazzjonijiet iffokati fuq oqsma rilevanti għall-awtoritajiet lokali fil-proċess tat-tkabbir. Jistgħu jiġu indirizzati wkoll rapporti lill-kunsill ta' assoċjazzjoni.

    j)

    Tittieħed deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta' rikors jew talba għal intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk l-Assemblea Plenarja ma tkunx tista' tieħu deċiżjoni fiż-żmien li jingħatalha, wara verifika tal-kworum kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(2), b'maġġoranza tal-voti mixħuta għall-proposta kemm tal-President tal-Kumitat, kif ukoll tal-kummissjoni rilevanti li taġixxi b'konformità mal-Artikoli 58 u 59. Ladarba tiġi adottata din id-deċiżjoni, il-President għandu jippreżenta r-rikors f'isem il-Kumitat u waqt is-sessjoni plenarja jitlob lill-Assemblea tiddeċiedi żżommx ir-rikors. Jekk wara l-verifika tal-kworum kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(1), l-Assemblea Plenarja tiddeċiedi b'maġġoranza skont l-Artikolu 13(g) kontra r-rikors, il-President jirtira dan.

    Artikolu 38

    Konvokazzjoni tal-Bureau, kworum u teħid ta' deċiżjoni

    1.

    Il-Bureau jitlaqqa' mill-President, li għandu jistabbilixxi d-data tal-laqgħa u l-aġenda bi ftehim mal-ewwel Viċi President. Il-Bureau għandu jiltaqa' minn tal-inqas darba kull tliet xhur, jew mhux aktar tard minn 14-il jum wara r-riċevuta ta' talba bil-miktub li ssir mingħand tal-inqas kwart mill-membri tiegħu.

    2.

    Il-kworum tal-Bureau jintlaħaq jekk minn tal-inqas nofs il-membri tiegħu huma preżenti. Il-kworum jiġi verifikat fuq it-talba ta' membru u bil-kondizzjoni li minn tal-inqas sitt membri jivvotaw favur din it-talba. Meta l-verifika tal-kworum ma tintalabx, kull vot huwa validu jkun xi jkun in-numru tal-preżenti. Jekk jiġi stabbilit li l-kworum ma ntlaħaqx, il-Bureau jista' jkompli bid-diskussjonijiet iżda l-votazzjoni ssir fil-laqgħa segwenti.

    3.

    Id-deċiżjonijiet jitteħdu b'maġġoranza tal-voti mixħuta, ħlief fejn hemm previst mod ieħor f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(2) u (6).

    4.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 40(4)(b), sabiex jitħejjew id-deċiżjonijiet tal-Bureau, il-President jista' jagħti r-responsabbiltà lis-Segretarju Ġenerali sabiex iħejji d-dokumenti ta' diskussjoni u r-rakkomandazzjonijiet għal deċiżjoni fuq kull tema li trid tiġi eżaminata u dawn jinhemżu mal-abbozz ta' aġenda.

    5.

    Id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli elettronikament għall-membri minn tal-inqas għaxart ijiem qabel il-ftuħ tal-laqgħa. L-emendi għad-dokumenti tal-Bureau għandhom jaslu għand is-Segretarju Ġenerali tal-inqas jumejn ta' xogħol qabel il-ftuħ tal-laqgħa tal-Bureau, b'konformità mar-regoli applikabbli, u għandhom ikunu elettronikament disponibbli malli jiġu tradotti.

    6.

    F'każijiet eċċezzjonali, il-President jista' jirrikorri għal proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet oħra li ma jikkonċernawx lill-individwi. Il-President jibgħat il-proposta ta' deċiżjoni lill-membri u jitlobhom sabiex iressqu, bil-miktub u fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol, kwalunkwe oġġezzjoni. Id-deċiżjoni għandha titqies adottata sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni minn tal-inqas sitt membri.

    Artikolu 39

    Il-President

    1.

    Il-President għandu jmexxi l-ħidma tal-Kumitat.

    2.

    Il-President jirrappreżenta lill-Kumitat. Hu jista' jiddelega dawn is-setgħat.

    3.

    Jekk il-President ikun assenti jew ma jistax jattendi, għandu jkun irrappreżentat mill-ewwel Viċi President; jekk l-ewwel Viċi President huwa wkoll assenti jew ma jistax jattendi, il-President għandu jkun irrappreżentat minn wieħed mill-Viċi Presidenti l-oħra.

    Artikolu 40

    Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi

    1.

    Il-Bureau għandu jistabbilixxi, skont l-Artikolu 37, Kummissjoni konsultattiva għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi, li tiġi preseduta minn membru tal-Bureau.

    2.

    Id-dati tal-laqgħat u l-aġendi tagħhom għandhom jiġu stabbiliti mill-president bi ftehim mal-ewwel viċi president.

    3.

    Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi tista' taħtar lil wieħed mill-membri tagħha bħala rappreżentant li jassisti lill-president billi jirrapporta quddiem il-Bureau dwar il-kompiti assenjati lilu.

    4.

    Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi għandu jkollha r-responsabbiltajiet li ġejjin:

    a)

    Il-konsulenza u l-adozzjoni tal-abbozz preliminari tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat ippreżentat mis-Segretarju Ġenerali, b'konformità mal-Artikolu 75.

    b)

    It-tħejjija tal-abbozzi tad-dispożizzjoni ta' implimentazzjoni u tad-deċiżjonijiet tal-Bureau dwar kwistjonijiet finanzjarji, organizzattivi u amministrattivi, inklużi dawk relatati mal-membri u s-sostituti.

    Dawn id-dokumenti flimkien mas-sommarju tad-deċiżjonijiet tas-CFAA għandhom jintbagħtu lill-membri tal-Bureau b'konformità mal-Artikoli 38(4) u 38(5).

    c)

    Il-konsulenza dwar kwalunkwe kwistjoni ta' importanza li tista' tikkomprometti l-ġestjoni tajba tal-approprjazzjonijiet jew timpedixxi l-ksib tal-objettivi previsti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-previżjoni dwar l-użu tal-approprjazzjonijiet.

    d)

    Il-konsulenza u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit attwali, trasferimenti ta' approprjazzjonijiet, proċeduri relatati mat-tabelli tal-persunal, approprjazzjonijiet amministrattivi u operazzjonijiet dwar proġetti relatati mal-bini.

    5.

    Il-president tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi jirrappreżenta lill-Kumitat mal-awtoritajiet baġitarji tal-Unjoni.

    Opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet – Proċedura fil-Bureau

    Artikolu 41

    Opinjonijiet – Bażi legali

    Il-Kumitat jadotta l-opinjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 307 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

    a)

    meta jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni meta t-Trattati jipprevedu dan u fil-każijiet l-oħra kollha, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-kooperazzjoni transkonfinali, li fihom waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tikkunsidra li jkun adatt;

    b)

    fuq l-inizjattiva tiegħu stess fil-każ meta dan iqisu utli jew;

    i)

    abbażi ta' komunikazzjoni, rapport jew proposta leġislattiva minn istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea li tintbagħat lill-Kumitat għall-informazzjoni, jew abbażi ta' talba mill-Istat Membru li jkun inkarigat mill-Presidenza attwali, jew dik li jmiss, tal-Kunsill;

    jew

    ii)

    kompletament fuq l-inizjattiva tiegħu stess fil-każijiet l-oħra kollha.

    c)

    meta, fil-każ li jiġi kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali skont l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat jikkunsidra li huma involuti interessi speċifiċi reġjonali.

    Artikolu 42

    Opinjonijiet – Ħatra tal-kummissjoni

    1.

    Meta jirċievi dokumenti min-naħa tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Parlament Ewropew, il-President jgħaddihom lill-kummissjonijiet kompetenti, u l-Bureau jiġi mgħarraf matul il-laqgħa segwenti.

    2.

    Jekk is-suġġett ta' xi opinjoni jaqa' fil-kompetenzi ta' aktar minn kummissjoni waħda, il-President għandu jaħtar kummissjoni responsabbli u, jekk ikun neċessarju, jista' jipproponi li l-Bureau jwaqqaf grupp ta' ħidma li jkun fih rappreżentanti mill-kummissjonijiet ikkonċernati.

    3.

    Jekk xi kummissjoni ma taqbilx ma' xi deċiżjoni meħuda mill-President skont l-Artikolu 42(1) u (2), din tista', permezz tal-president tagħha, titlob lill-Bureau sabiex jieħu deċiżjoni.

    Artikolu 43

    Ħatra ta' relatur ġenerali

    1.

    F'każ li l-kummissjoni kkonċernata ma tistax tħejji abbozz ta' opinjoni sal-iskadenza meħtieġa, il-Bureau jista' jipproponi li l-Assemblea Plenarja taħtar relatur ġenerali, li għandu jippreżenta direttament lill-Assemblea Plenarja abbozz ta' opinjoni.

    2.

    F'każ li l-iskadenza meħtieġa ma tħallix biżżejjed ħin lill-Assemblea Plenarja tal-Kumitat sabiex taħtar relatur ġenerali, ir-relatur ġenerali jista' jinħatar mill-President u l-Assemblea Plenarja għandha tkun mgħarrfa matul il-laqgħa li jmiss tagħha.

    3.

    Ir-relatur ġenerali għandu jkun membru tal-kummissjoni kkonċernata.

    4.

    Fiż-żewġ każijiet, il-kummissjoni kkonċernata għandha tiltaqa', fejn ikun possibbli, sabiex isir dibattitu ġenerali esploratorju dwar is-suġġett.

    Artikolu 44

    Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja

    1.

    It-talbiet għal tħejjija ta' opinjonijiet fuq inizjattiva proprja skont l-Artikolu 41(b)(ii) jistgħu jintbagħtu lill-Bureau minn tlieta mill-membri tiegħu, minn kummissjoni permezz tal-president tagħha jew minn 32 membru tal-Kumitat. Dawn it-talbiet għandhom jaslu għand il-Bureau, akkumpanjati mir-raġunijiet, flimkien mad-dokumenti l-oħra kollha ta' diskussjoni skont l-Artikolu 38(4), u fejn ikun possibbli, qabel ma jiġi adottat il-programm ta' ħidma annwali.

    2.

    Il-Bureau għandu jiddeċiedi dwar talbiet għal abbozzar ta' opinjonijiet fuq inizjattiva proprja skont l-Artikolu 41(b)(ii) b'maġġoranza ta' tliet kwarti tal-voti mixħuta. L-opinjonijiet għandhom jgħaddu għand il-kummissjoni kompetenti b'konformità mal-Artikolu 42. Il-President jinforma lill-Assemblea Plenarja dwar id-deċiżjonijiet kollha tal-Bureau relatati mal-approvazzjoni u mal-attribuzzjoni ta' dawn l-opinjonijiet fuq inizjattiva proprja.

    Artikolu 45

    Tressiq tar-riżoluzzjonijiet

    1.

    Jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda dawk ir-riżoluzzjonijiet li jirreferu għal temi dwar l-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea, li jikkonċernaw tħassib importanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u li għandhom natura ta' attwalità.

    2.

    Il-proposti ta' riżoluzzjonijiet jew it-talbiet ta' tħejjija ta' riżoluzzjoni għandhom jintbagħtu lill-Kumitat mingħand tal-inqas tnejn u tletin membru, jew minn xi grupp politiku. Il-proposti jew it-talbiet kollha għandhom jiġu ppreżentati lill-Bureau bil-miktub u jindikaw l-isem tal-membri jew tal-grupp politiku li jappoġġjawhom. Għandhom jaslu għand is-Segretarju Ġenerali mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta' xogħol qabel il-ftuħ tal-laqgħa tal-Bureau.

    3.

    Jekk il-Bureau jiddeċiedi li l-Kumitat għandu jiddiskuti xi abbozz jew talba ta' riżoluzzjoni jista':

    a)

    idaħħal l-abbozz ta' riżoluzzjoni fl-abbozz preliminari tal-aġenda tas-sessjoni plenarja b'konformità mal-Artikolu 15(1);

    b)

    b'konformità mat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(6), idaħħal abbozz ta' riżoluzzjoni fl-aġenda tas-sessjoni plenarja li jmiss. L-abbozz jiġi eżaminat matul it-tieni jum tas-sessjoni.

    4.

    Abbozzi ta' riżoluzzjonijiet li huma marbutin ma' xi avveniment imprevedibbli li jseħħ wara l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 45(2) (riżoluzzjonijiet ta' urġenza) u li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(1), jistgħu jitressqu fil-bidu tal-laqgħa tal-Bureau. Jekk il-Bureau jiddeċiedi li l-proposta tolqot il-kompiti ewlenin tal-Kumitat, il-proposta titqies b'konformità mal-Artikolu 45(3)(b). L-emendi għall-abbozzi ta' riżoluzzjonijiet ta' urġenza jistgħu jitressqu minn kull membru matul is-sessjoni plenarja.

    Artikolu 46

    Promozzjoni tal-opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet

    Il-Bureau huwa responsabbli għall-promozzjoni tal-opinjonijiet, ir-rapporti u r-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat. Dan jadotta wkoll linji gwida għall-proċedura tas-segwitu tal-opinjonijiet, b'konformità mal-Artikolu 56.

    KAPITOLU 4

    Konferenza tal-Presidenti

    Artikolu 47

    Kompożizzjoni

    Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tkun magħmula mill-President, l-ewwel Viċi President u l-presidenti tal-gruppi politiċi. Il-presidenti tal-gruppi politiċi jistgħu jiġu rappreżentati minn membru ieħor tal-grupp tagħhom.

    Artikolu 48

    Setgħat

    Il-Konferenza tal-Presidenti tiddibatti kwalunkwe mistoqsija li titressaq quddiemha mill-President bil-għan li tħejji u tiffaċilita t-tfittxija ta' kunsens politiku dwar id-deċiżjonijiet li jkollhom jittieħdu mill-korpi kostitwenti l-oħra tal-Kumitat.

    Il-President, fil-komunikazzjoni tiegħu lill-Bureau, għandu jirrapporta dwar id-diskussjonijiet li jkun saru fil-laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti.

    KAPITOLU 5

    Kummissjonijiet

    Artikolu 49

    Kompożizzjoni u setgħat

    1.

    Fil-bidu ta' kull mandat ta' ħames snin, l-Assemblea Plenarja tikkostitwixxi kummissjonijiet sabiex jippreparawlha ħidmitha. Għandha tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni u s-setgħat tagħhom fuq proposta mill-Bureau.

    2.

    Il-kompożizzjoni tal-kummissjonijiet għandha tirrifletti r-rappreżentanza tal-Istati Membri fil-Kumitat.

    3.

    Il-membri tal-Kumitat għandhom jissieħbu f'mill-inqas kummissjoni waħda iżda mhux aktar minn żewġ kummissjonijiet. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet mill-Bureau għall-membri li jappartjenu għal delegazzjonijiet nazzjonali li n-numru ta' membri tagħhom ikun anqas min-numru ta' kummissjonijiet.

    Artikolu 50

    Il-President u l-Viċi Presidenti

    1.

    Kull kummissjoni għandha teleġġi minn fost il-membri tagħha President, l-ewwel Viċi President u massimu ta' żewġ Viċi Presidenti oħra. Dawn għandhom jiġu eletti għal perjodu ta' sentejn u nofs.

    2.

    Fejn in-numru ta' kandidati jaqbel man-numru ta' siġġijiet li jridu jimtlew, il-kandidati jistgħu jiġu eletti b'akklamazzjoni. F'każ kontrarju jew fuq talba ta' wieħed minn kull sitt membri tal-kummissjoni, il-kandidati jiġu eletti b'votazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2) sa (4) li jirregolaw il-proċeduri tal-elezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President tal-Kumitat.

    3.

    Jekk president jew viċi president ta' kummissjoni ma jibqax jagħmel parti mill-Kumitat jew jirriżenja mill-post tiegħu ta' president jew ta' viċi president ta' kummissjoni, il-post battal għandu jimtela skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

    Artikolu 51

    Il-funzjonijiet tal-kummissjonijiet

    1.

    B'konformità mal-kompetenzi li jiġu attribwiti lilhom mill-Assemblea Plenarja skont l-Artikolu 49, il-kummissjonijiet jiddiskutu politiki tal-Unjoni. Huma għandhom b'mod partikolari jħejju l-verżjonijiet tal-abbozzi tal-opinjonijiet, tar-rapporti u tar-riżoluzzjonijiet li mbagħad jintbagħtu lill-Assemblea Plenarja għal adozzjoni.

    2.

    Il-kummissjonijiet għandhom jiddeċiedu dwar it-tħejjija tal-opinjonijiet skont:

    l-Artikolu 41(a)

    l-Artikolu 41(b)(i)

    l-Artikolu 41(c)

    3.

    Għandhom iħejju l-programmi annwali tagħhom ta' ħidma skont il-prijoritajiet politiċi tal-Kumitat u jibagħtuhom lill-Bureau għall-adozzjoni.

    Artikolu 52

    Konvokazzjoni tal-kummissjonijiet u l-aġenda

    1.

    Id-data u l-aġenda tal-laqgħa ta' kummissjoni jiġu ddeterminati mill-President tagħha, bi qbil mal-ewwel Viċi President.

    2.

    Kummissjoni għandha titlaqqa' mill-President tagħha. Il-konvokazzjoni għal laqgħa ordinarja flimkien mal-aġenda għandha tasal għand il-membri mhux aktar tard minn erba' ġimgħat qabel id-data tal-laqgħa.

    3.

    Jekk minn tal-inqas kwart mill-membri jagħmlu talba bil-miktub, il-President huwa obbligat li jsejjaħ laqgħa straordinarja tal-kummissjoni, li għandha ssir mhux aktar tard minn erba' ġimgħat wara li tintbagħat it-talba. L-aġenda ta' laqgħa straordinarja għandha titfassal mill-membri li jibagħtu t-talba għal laqgħa bħal din. Għandha tintbagħat lill-membri flimkien mal-konvokazzjoni.

    4.

    L-abbozzi kollha ta' opinjonijiet u d-dokumenti l-oħra tad-diskussjoni li jkollhom bżonn jiġu tradotti għandhom jintbagħtu lis-segretarjat tal-kummissjoni kkonċernata mhux aktar tard minn ħames ġimgħat qabel id-data stabbilita għal-laqgħa. Għandhom ikunu disponibbli għall- membri b'mod elettroniku tal-anqas tnax-il jum ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa. F'każijiet eċċezzjonali, l-iskadenzi msemmija jistgħu jiġu emendati mill-President.

    5.

    Id-dokumenti għandhom jintbagħtu lis-segretarjat bil-posta elettronika b'konformità mal-format standard adottat mill-Bureau. Ir-rakkomandazzjonijiet politiċi li jkunu jinsabu fid-dokument m'għandhomx jaqbżu total ta' 10 paġni (15 000 karattru) b'aġġustament ta' mhux aktar minn 10 % għal raġunijiet lingwistiċi. Però jistgħu jingħataw derogi mill-president tal-kummissjoni f'każijiet eċċezzjonali, fejn is-suġġett jeħtieġ analiżi aktar profonda.

    Artikolu 53

    Attendenza u aċċess għall-pubbliku

    1.

    Il-membri u s-sostituti kollha li jieħdu sehem fil-laqgħat għandhom jiffirmaw lista ta' attendenza għal kull jum ta' laqgħa.

    2.

    Il-laqgħat tal-kummissjonijiet huma miftuħin għall-pubbliku, sakemm xi kummissjoni ma tiddeċidix mod ieħor fir-rigward tal-laqgħa kollha jew ta' xi punt speċifiku fuq l-aġenda tagħha.

    3.

    Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll viżitaturi oħrajn, jistgħu jkunu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kummissjonijiet u sabiex iwieġbu għall-mistoqsijiet tal-membri.

    Artikolu 54

    Skadenza għat-tħejjija tal-opinjonijiet

    1.

    Il-kummissjonijiet jippreżentaw l-abbozzi ta' opinjoni qabel l-iskadenza prevista fil-kalendarju interistituzzjonali. In-numru ta' laqgħat għall-analiżi ta' abbozz ta' opinjoni m'għandux ikun aktar minn tnejn, mingħajr ma tiġi inkluża l-ewwel laqgħa li fiha tiġi organizzata l-ħidma.

    2.

    F'każijiet eċċezzjonali, il-Bureau jista' jawtorizza laqgħat supplimentari sabiex jiġi analizzat abbozz ta' opinjoni, jew jista' jġedded l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-abbozz.

    Artikolu 55

    Kontenut tal-opinjonijiet

    1.

    Opinjoni tal-Kumitat tippreżenta l-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-suġġett inkwistjoni, kif ukoll, f'każ ta' bżonn, proposti konkreti għal modifikazzjoni fid-dokument diskuss.

    2.

    L-opinjonijiet tal-Kumitat dwar proposti għal atti leġislattivi f'oqsma li ma humiex fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għandhom jesprimu fehma dwar il-konformità tal-proposta mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

    L-opinjonijiet l-oħra tal-Kumitat jistgħu jirreferu, jekk ikun hemm bżonn, għall-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kull meta dan ikun adatt.

    3.

    Dawn l-opinjonijiet għandhom ukoll, fejn huwa possibbli, jindirizzaw l-effetti mistennija fil-livell tal-amministrazzjoni u fuq il-finanzi reġjonali u lokali.

    4.

    L-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-atti leġislattivi għandhom jinkludu rakkomandazzjonijiet biex jiġi emendat it-test tal-Kummissjoni Ewropea.

    5.

    F'każ ta' bżonn, għandha titħejja dikjarazzjoni ta' spjega mir-relatur u m'għandhiex titressaq għall-votazzjoni. Għandha, iżda, taqbel mat-test tal-opinjoni li tressaq għall-vot.

    6.

    Abbozz ta' opinjoni li jipproponi attività ġdida tal-Kumitat b'implikazzjonijiet finanzjarji għandu jkun akkumpanjat minn anness bi stima tal-ispejjeż ta' dik l-attività. Il-Bureau għandu jadotta dispożizzjonijiet biex jimplimenta dan l-Artikolu.

    Artikolu 56

    Segwitu tal-opinjonijiet tal-Kumitat

    Matul il-perjodu ta' wara l-adozzjoni ta' opinjoni, ir-relatur u l-president tal-kummissjoni li tkun ġiet inkarigata mit-tħejjija tal-abbozz ta' opinjoni għandhom, bl-għajnuna tas-Segretarjat Ġenerali, isegwu l-proċedura li fuqha tkun imsejsa l-konsultazzjoni tal-Kumitat u jwettqu l-attivitajiet adatti kollha biex jippromovu l-pożizzjonijiet tal-Kumitat kif ikunu ġew adottati fl-opinjoni, waqt li jikkunsidraw il-kalendarju istituzzjonali.

    Artikolu 57

    Opinjonijiet riveduti

    1.

    Jekk il-kummissjoni tqis li jkun hemm bżonn, tista' titlob permess lill-Bureau biex tfassal abbozz rivedut ta' opinjoni dwar l-istess suġġett u, fejn ikun possibbli, bl-istess relatur, biex jiġu kkunsidrati u indirizzati l-iżviluppi interistituzzjonali fil-proċedura leġislattiva relatata. F'każ li l-progress fil-proċedura ma jippermettix biżżejjed żmien għall-Bureau biex jieħu deċiżjoni, il-President jista' jawtorizza t-tħejjija tal-opinjoni riveduta u jinforma lill-Bureau fil-laqgħa li jmiss tiegħu.

    2.

    Jekk jista' jkun, il-kummissjoni għandha tiltaqa' biex tiddiskuti u tadotta l-abbozz rivedut ta' opinjoni li għandu jiġi ppreżentat fis-sessjoni plenarja li jmiss.

    3.

    F'każ li l-progress fil-proċedura li fuqha hija msejsa l-konsultazzjoni tal-Kumitat ma jippermettix biżżejjed żmien biex il-kummissjoni tadotta l-abbozz rivedut ta' opinjoni, il-president ta' din il-kummissjoni għandu jinforma lill-President tal-Kumitat minnufih dwar dan sabiex tkun tista' tintuża l-proċedura ta' ħatra ta' relatur ġenerali skont l-Artikolu 43 li għandu jiġi invokat.

    Artikolu 58

    Rikors minħabba ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà

    1.

    Il-President tal-Kumitat jew il-kummissjoni inkarigata mit-tħejjija tal-abbozz ta' opinjoni jistgħu jipproponu li jitressaq rikors jew talba għal intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà minn att leġislattiv li, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat dwaru qabel ma jiġi adottat.

    2.

    Il-kummissjoni tieħu deċiżjoni b'maġġoranza tal-voti mixħuta, wara verifika minn qabel li jkun intlaħaq il-kworum ta' preżenza skont l-Artikolu 64(1). Il-proposta tal-kummissjoni għandha tintbagħat lill-Assemblea Plenarja għal deċiżjoni b'konformità mal-Artikolu 13(g) jew lill-Bureau fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 37(j). Il-kummissjoni għandha tagħti raġuni għall-proposta tagħha f'rapport dettaljat li jkun jinkludi, jekk meħtieġ, il-bżonn li tittieħed deċiżjoni minnufih fuq il-bażi tal-Artikolu 37(j).

    Artikolu 59

    Nuqqas li ssir konsultazzjoni obbligatorja mal-Kumitat

    1.

    Jekk il-Kumitat tar-Reġjuni ma jiġix ikkonsultat fil-każijiet stabbiliti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kumitat jew waħda mill-kummissjonijiet jistgħu jipproponu lill-Assemblea Plenarja b'konformità mal-Artikolu 13(ġ) jew lill-Bureau fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 37(j), li jitressaq rikors jew talba għal intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    2.

    Il-kummissjoni tieħu deċiżjoni b'maġġoranza tal-voti mixħuta, wara verifika minn qabel li jkun intlaħaq il-kworum ta' preżenza skont l-Artikolu 64(1). Il-kummissjoni għandha tagħti raġuni għall-proposta tagħha f'rapport dettaljat li jkun jinkludi, jekk meħtieġ, il-bżonn li tittieħed deċiżjoni minnufih fuq il-bażi tal-Artikolu 37(j).

    Artikolu 60

    Rapport dwar l-impatt tal-opinjonijiet

    Mill-inqas darba f'sena, is-Segretarjat Ġenerali għandu jressaq quddiem l-Assemblea Plenarja rapport dwar l-impatt tal-opinjonijiet tal-Kumitat fuq il-bażi, b'mod partikolari, tal-kontribuzzjonijiet li tgħaddilu kull kummissjoni kompetenti għal dan il-għan, u tal-informazzjoni miġbura mill-istituzzjonijiet ikkonċernati.

    Artikolu 61

    Relaturi

    1.

    Kull kummissjoni, fuq proposta tal-President tagħha, għandha tinnomina relatur jew, f'każijiet b'raġuni adatta, żewġ relaturi minn fost il-membri tagħha jew sostuti b'mandat kif dovut sabiex ifasslu abbozz ta' opinjoni.

    2.

    Fil-ħatra tar-relaturi, kull kummissjoni għandha tiżgura allokazzjoni ġusta u bbilanċjata tal-opinjonijiet.

    3.

    F'każijiet urġenti, il-president tal-kummissjoni jista' jirrikorri għal proċedura bil-miktub sabiex jaħtar relatur. Il-president jitlob lill-membri tal-kummissjoni sabiex iressqu, bil-miktub u fi żmien tlett ijiem ta' xogħol, kwalunkwe oġġezzjoni għall-ħatra tar-relatur propost. F'każ ta' oġġezzjoni, il-President u l-ewwel Viċi President jiddeċiedu bi qbil komuni.

    4.

    Jekk il-President jew wieħed mill-Viċi Presidenti ta' kummissjoni jinħatar bħala relatur, huwa għandu, matul l-analiżi tal-abbozz tal-opinjoni, jgħaddi l-presidenza tal-laqgħa lil xi Viċi President ieħor jew lill-aktar membru anzjan fl-età preżenti.

    5.

    Meta relatur ma jibqax membru jew sostitut tal-Kumitat, għandu jinħatar relatur ieħor tal-istess grupp politiku fi ħdan il-kummissjoni, jekk ikun hemm bżonn billi tintuża l-proċedura stabbilita f'paragrafu 3.

    Artikolu 62

    Gruppi ta' ħidma tal-kummissjonijiet

    1.

    F'ċerti sitwazzjonijiet li jesiġu dan, il-kummissjonijiet jistgħu jwaqqfu, bl-approvazzjoni tal-Bureau, gruppi ta' ħidma. Il-membri tal-gruppi ta' ħidma jistgħu wkoll jiġu minn kummissjoni oħra.

    2.

    Membru ta' grupp ta' ħidma li ma jistax jattendi laqgħa jista' jiġi sostitwit minn membru jew minn rappreżentant tal-grupp politiku tiegħu li jidher fil-lista ta' sostituti għal dan il-grupp ta' ħidma. Meta ma jkunx hemm sostitut fil-lista, il-membru jista' jiġi sostitwit minn kwalunkwe membru jew sostitut ieħor mill-grupp politiku tiegħu.

    3.

    Kull grupp ta' ħidma jista' jaħtar president u viċi president minn fost il-membri tiegħu.

    4.

    Il-gruppi ta' ħidma jistgħu jadottaw konklużjonijiet li għandhom jiġu komunikati lill-kummissjonijiet tagħhom.

    Artikolu 63

    Esperti tar-relaturi

    1.

    Kull relatur jista' jiġi megħjun minn espert.

    2.

    L-esperti tar-relaturi u l-esperti mistiedna mill-kummissjoni għandhom id-dritt għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

    3.

    L-esperti ma jirrappreżentawx lill-Kumitat u ma jitkellmux f’ismu.

    Artikolu 64

    Kworum

    1.

    Il-kworum ta' kummissjoni jintlaħaq meta aktar minn nofs il-membri jkunu preżenti.

    2.

    Il-kworum jiġi verifikat fuq it-talba ta' membru u bil-kondizzjoni li minn tal-inqas għaxar membri jivvotaw favur din it-talba. Jekk il-verifika tal-kworum ma tintalabx, il-voti kollha għandhom ikunu validi hu kemm hu n-numru ta' nies preżenti. Il-president jista' jinterrompi l-laqgħa tal-kummissjoni għal massimu ta' 10 minuti qabel ma jipproċedi għal verifika tal-kworum. Il-membri li jkunu talbu li jiġi verifikat il-kworum iżda li ma jkunux għadhom preżenti fil-kamra tal-kummissjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala preżenti għall-finijiet tal-għadd tal-kworum. Jekk ikun hemm anqas minn għaxar membri preżenti, il-president jista' jiddeċiedi li ma ntlaħaqx il-kworum.

    3.

    Jekk jitqies li l-kworum ma ntlaħaqx, il-kummissjoni tista' tipproċedi għall-analiżi tal-punti li jibqa' fuq l-aġenda u li ma jeħtiġux vot, waqt li tipposponi għal-laqgħa segwenti d-diskussjonijiet u l-votazzjonijiet fuq il-punti tal-aġenda sospiżi. Id-deċiżjonijiet jew il-voti kollha li jittieħdu matul il-laqgħa qabel il-verifika tal-kworum jibqgħu validi.

    Artikolu 65

    Votazzjoni

    Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'maġġoranza tal-voti mixħuta. Għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(2).

    Artikolu 66

    Emendi

    1.

    L-emendi għandhom jitressqu qabel it-3 p.m. fid-disa' jum ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa. F'każijiet eċċezzjonali, id-data ta' għeluq tista' tiġi emendata mill-President.

    L-emendi tal-kummissjoni jistgħu jitressqu biss mill-membri ta' din il-kummissjoni, jew mill-membri jew sostituti b'mandat kif dovut skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2), kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-opinjoni tiegħu mill-membru sostitu mhux b'mandat iżda maħtur bħala relatur.

    Id-dritt li jitressqu l-emendi għal laqgħa tal-kummissjoni jista' jintuża b'mod esklużiv biss minn membru ta' din il-kummissjoni jew minn membru ieħor jew minn sostitut b'mandat kif dovut. L-emendi debitament imressqa qabel ma membru jew sostitut fi ħdan il-Kumitat ma jibqax tali jew qabel ma tingħata jew tiġi rrevokata delega jibqgħu validi.

    L-emendi għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tat-traduzzjoni u mbagħad jintbagħtu lir-relatur sabiex ikun jista' jressaq l-emendi tar-relatur quddiem is-Segretarjat Ġenerali mhux aktar tard minn tliet ijiem ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa. L-emendi tar-relatur għandhom ikunu marbuta ma' emenda jew għadd ta' emendi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1. Dawn l-emendi tar-relatur għandhom ikunu disponibbli b'mod elettroniku hekk kif jiġu tradotti u għandha titqassam kopja stampata mill-inqas waqt il-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

    Jiġu applikati mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(1) sa (6).

    2.

    Il-votazzjonji fuq l-emendi għandha timxi bl-istess ordni tal-punti tal-abbozz ta' opinjoni li qiegħed jiġi analizzat.

    3.

    Il-votazzjoni finali ssir fuq it-test sħiħ, sew jekk huwa emendat sew jekk le. Jekk opinjoni ma tiksibx maġġoranza tal-voti mixħuta, il-kummissjoni għandha tiddeċiedi li:

    jew terġa' tressaq l-abbozz ta' opinjoni għad-dibattitu u għall-adozzjoni, kif emendat mill-emendi adottati fil-kummissjoni, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 54;

    jew taħtar relatur ġdid u b'hekk terġa' tniedi l-proċess tal-abbozzar tal-opinjoni

    jew tabbanduna l-opinjoni.

    4.

    Meta l-opinjoni tiġi adottata fil-Kummissjoni għandha tintbagħat mill-president tal-kummissjoni lill-President tal-Kumitat.

    Artikolu 67

    Deċiżjoni li ma titfassalx opinjoni

    1.

    Meta l-kummissjoni responsabbli tqis li xi konsultazzjoni li tiġi indirizzata lilha skont l-Artikolu 41(a) m'għandha l-ebda interess reġjonali jew lokali, jew mhijiex ta' importanza politika, tista' tiddeċiedi li ma tħejjix opinjoni. Is-Segretarju Ġenerali jinforma lill-istituzzjonijiet Ewropej rilevanti dwar din id-deċiżjoni.

    2.

    Meta l-kummissjoni responsabbli tqis li konsultazzjoni li tkun ġiet indirizzata lilha skont l-Artikolu 41(a) tkun importanti, iżda li, għal raġunijiet ta' prijorità u/jew għaliex diġà ġew adottati opinjonijiet rilevanti fil-passat reċenti, ma tkunx meħtieġa opinjoni ġdida, il-kummissjoni responsabbli tista' tiddeċiedi li ma toħroġx opinjoni. F'dan il-każ, il-Kumitat jista' jiddeċiedi li jirrispondi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea b'rinunzja motivata fil-forma ta' ittra ffirmata mill-President tal-Kumitat. L-ittra għandha titħejja mill-president tal-kummissjoni responsabbli b'konsultazzjoni mar-relaturi tal-opinjonijiet preċedenti dwar l-istess suġġett.

    Artikolu 68

    Proċedura bil-miktub

    1.

    F'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-president ta' kummissjoni jista' jirrikorri għal proċedura bil-miktub sabiex tiġi adottata deċiżjoni dwar it-tħaddim tal-kummissjoni tiegħu.

    2.

    Il-president jibgħat il-proposta għal deċiżjoni lill-membri u jitlobhom sabiex iressqu kwalunkwe oġġezzjoni bil-miktub, fi żmien tlett ijiem ta' xogħol.

    3.

    Id-deċiżjoni għandha titqies adottata sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni minn tal-inqas sitt membri.

    Artikolu 69

    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-kummissjonijiet

    Jiġu applikati mutatis mutandis l-Artikoli 11, 12 (2), 17(1) sa (3) u 20.

    KAPITOLU 6

    Amministrazzjoni tal-Kumitat

    Artikolu 70

    Segretarjat Ġenerali

    1.

    Il-Kumitat huwa assistit minn Segretarjat Ġenerali.

    2.

    Is-Segretarjat Ġenerali għandu jkun immexxi minn Segretarju Ġenerali.

    3.

    Il-Bureau, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, għandu jorganizza s-Segretarjat Ġenerali b'tali mod li dan tal-aħħar ikun kapaċi li jiżgura t-tħaddim effiċjenti tal-Kumitat u l-korpi kostitwenti tiegħu u jassisti lill-membri tal-Kumitat fil-qadi ta' dmirijiethom. B'dan il-mod jistabbilixxi s-servizzi li l-amministrazzjoni trid tipprovdi lill-membri, lid-delegazzjonijiet nazzjonali, lill-gruppi politiċi u lill-membri mhux affiljati.

    4.

    Is-Segretarjat Ġenerali jistabbilixxi l-minuti tal-laqgħat tal-korpi kostitwenti tal-Kumitat.

    Artikolu 71

    Segretarju Ġenerali

    1.

    Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun responsabbli għat-twettiq tad-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Bureau jew mill-President, b'konformità ma' dawn ir-Regoli ta' Proċedura u l-qafas legali applikabbli. Huwa għandu jattendi l-laqgħat tal-Bureau fil-kwalità ta' konsulent u għandu jżomm il-minuti ta' dawn il-laqgħat.

    2.

    Is-Segretarju Ġenerali għandu jaqdi dmirijietu taħt id-direzzjoni tal-President, li jirrappreżenta l-Bureau. Kull sena s-Segretarju Ġenerali jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Bureau r-rapport annwali dwar l-attivitjiet li jagħti rendikont tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta' uffiċjal awtorizzanti b'delega u jippreżenta sinteżi ta' dan ir-rapport għal diskussjoni eventwali.

    Artikolu 72

    Impjieg tas-Segretarju Ġenerali

    1.

    Il-Bureau għandu jimpjega lis-Segretarju Ġenerali b'deċiżjoni li tittieħed mill-maġġoranza ta' żewġ terzi, u wara li jiġi verifikat il-kworum tal-preżenzi skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(2).

    2.

    Is-Segretarju Ġenerali għandu jiġi impjegat għal ħames snin. Id-dispożizzjonijiet partikolari tal-kuntratt ta' impjieg tiegħu għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau, waqt li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

    Is-Segretarju Ġenerali jista' jiġi impjegat mill-ġdid għal perjodu wieħed ieħor biss ta' mhux aktar minn ħames snin.

    F'każ ta' assenza jew impediment, il-funzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali jiġu eżerċitati minn Direttur maħtur mill-Bureau.

    3.

    Is-setgħat li l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea jikkonferixxu lill-awtorità responsabbli sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta' impjieg jiġu eżerċitati, fil-każ tas-Segretarju Ġenerali, mill-Bureau.

    Artikolu 73

    Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni

    1.

    Is-setgħat li r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jikkonferixxi lill-awtorità li għandha s-setgħat ta' ħatra għandhom jiġu eżerċitati kif ġej:

    għall-uffiċjali fil-Gradi 5 sa 12 tal-grupp ta' funzjoni AD u għall-uffiċjali fil-grupp ta' funzjoni AST, mis-Segretarju Ġenerali;

    għall-uffiċjali l-oħra, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

    2.

    Is-setgħat li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni Ewropea jinkkonferixxu awtorità responsabbli sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta' impjieg għandhom jiġu eżerċitati kif ġej:

    għall-impjegati temporanji fil-Gradi 5 sa 12 tal-grupp ta' funzjoni AD u għall-impjegati temporanji tal-grupp ta' funzjoni AST, mis-Segretarju Ġenerali;

    għall-impjegati l-oħra temporanji, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali;

    għall-impjegati temporanji fl-uffiċċju privat tal-President jew tal-ewwel Viċi President:

    għall-Gradi 5 sa 10 tal-grupp ta' funzjoni AD u għall-gradi ta' grupp ta' funzjoni AST, mis-Segretarju Ġenerali, li jaġixxi fuq proposta tal-President;

    għall-gradi l-oħra tal-grupp ta' funzjoni AD, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta mill-President.

    Il-ħaddiema temporanji impjegati fl-uffiċċju privat tal-President jew tal-ewwel Viċi President għandhom jibqgħu ingaġġati sat-tmiem tal-mandat tal-President jew tal-Viċi President.

    għall-ħaddiema b'kuntratt, il-konsulenti speċjali u l-ħaddiema lokali, mis-Segretarju Ġenerali skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

    3.

    Il-Bureau u s-Segretarju Ġenerali jistgħu jiddelegaw is-setgħat mogħtija lilhom minn dan l-Artikolu.

    Id-deċiżjonijiet ta' delega għandhom jispeċifikaw l-ambitu tas-setgħat delegati, sal-limiti u l- perjodu ta' validità tagħhom, waqt li jispeċifikaw ukoll jekk jistgħux jiġu sottodelegati.

    Artikolu 74

    Bibien magħluqa

    Il-Bureau jiltaqa' bil-bibien magħluqa meta jieħu deċiżjonijiet b'konformità mal-Artikoli 72 u 73.

    Artikolu 75

    Baġit

    1.

    Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi għandha tibgħat lill-Bureau l-abbozzi preliminari tal-infiq u d-dħul tal-Kumitat għas-sena finanzjarja segwenti. Il-Bureau għandu jibgħat dan l-abbozz preliminari lill-Assemblea Plenarja għall-adozzjoni.

    Il-President, wara li jikkonsulta lill-Konferenza tal-Presidenti, iressaq quddiem il-Bureau l-linji gwida strateġiċi ġenerali li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi għat-tħejjija tal-baġit għas-sena n+2.

    2.

    L-Assemblea Plenarja tadotta l-abbozzi preliminari tal-infiq u d-dħul tal-Kumitat u tibgħathom lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fil-ħin sabiex tiżgura li l-iskadenzi preskritti fir-regolament baġitarju jiġu rispettati.

    3.

    Il-President tal-Kumitat, wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi, għandu jipproċedi għall-attwazzjoni tar-rendikont tal-infiq u d-dħul, jew jara li jkun attwat, skont ir-regoli finanzjarji interni adottati mill-Bureau. Huwa għandu jaqdi dawn il-funzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    TITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

    KAPITOLU 1

    Kooperazzjoni, trażmissjoni u pubblikazzjoni

    Artikolu 76

    Ftehim ta' kooperazzjoni

    Il-Bureau, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, jista' jikkonkludi ftehimiet ta' kooperazzjoni bil-għan li jiffaċiltaw l-eżerċitar tas-setgħat tal-Kumitat b'rabta mal-applikazzjoni tat-Trattati jew bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni politika tiegħu.

    Artikolu 77

    Trażmissjoni u pubblikazzjoni tal-opinjonijiet u tar-riżoluzzjonijiet

    1.

    L-opinjonijiet tal-Kumitat, kif ukoll il-komunikazzjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta' proċedura semplifikata skont l-Artikolu 27 jew mad-deċiżjoni li ma titfassalx opinjoni skont l-Artikolu 67, għandhom ikunu indirizzati lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew. Bħalma jiġri fil-każ tar-riżoluzzjonijiet, għandhom jintbagħtu mill-President.

    2.

    L-opinjonijiet u r-riżoluzzjonijiet huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    KAPITOLU 2

    Aċċess għall-pubbliku, trasparenza u dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-membri

    Artikolu 78

    Aċċess għad-dokumenti mill-pubbliku

    1.

    Kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li jkollha l-uffiċju reġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom id-dritt għal aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżda b'riserva skont il-prinċipji, il-kondizzjonijiet u l-limiti stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u b'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Bureau tal-Kumitat. L-aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat għandu jingħata, fejn possibbli, bl-istess mod lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi l-oħra.

    2.

    Il-Kumitat għandu jistabbilixxi reġistru tad-dokumenti tiegħu. Għal dan il-għan, il-Bureau jadotta r-regoli interni dwar l-aċċess u jagħmel lista ta' dokumenti li huma direttament aċċessibbli.

    Artikolu 79

    Dikjarazzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Membri

    Meta jidħlu fil-kariga tagħhom fil-Kumitat, il-membri għandhom jimlew dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom skont il-mudell adottat mill-Bureau, u għandhom iżommuha aġġornata u għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

    KAPITOLU 3

    Użu tal-ilsna

    Artikolu 80

    Sistema lingwistika tal-interpretazzjoni

    Sakemm ikun possibbli, jiġu implimentati l-mezzi li jiffaċilitaw it-twettiq tal-prinċipji li ġejjin fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-interpretazzjoni:

    a)

    Id-dibattiti tal-Kumitat għandhom ikunu disponibbli bl-ilsna uffiċjali, sakemm il-Bureau ma jiddeċidix mod ieħor.

    b)

    Kull membru għandu d-dritt jesprimi ruħu quddiem is-sessjoni plenarja bl-ilsien uffiċjali li jagħżel hu. Kull intervent li jsir b'ilsien uffiċjali jinqaleb simultanjament għall-ilsna uffiċjali l-oħra u għal kwalunkwe ilsien ieħor jekk il-Bureau jaħseb li hemm bżonn. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għall-ilsna li ngħataw din il-possibbiltà fil-ftehimiet amministrattivi tal-Kumitat ma' diversi Stati Membri.

    c)

    Fil-każ tal-laqgħat tal-Bureau, tal-kummissjonijiet, u tal-gruppi ta' ħidma, l-interpretazzjoni hija disponibbli mill-ilsna u għall-ilsna li jintużaw mill-membri li jkunu kkonfermaw l-attendenza tagħhom għal-laqgħa kkonċernata.

    KAPITOLU 4

    Osservaturi

    Artikolu 81

    Osservaturi

    1.

    Meta jkun ġie ffirmat Trattat dwar l-adeżjoni ta' xi Stat mal-Unjoni Ewropea, il-President jista', wara li jkun kiseb il-qbil tal-Bureau, jistieden lill-parlament tal-Istat li qed jaderixxi biex jaħtar numru ta' osservaturi li jkun daqs in-numru ta' siġġijiet futuri fil-Kumitat allokati lil dak l-Istat.

    2.

    Dawk l-osservaturi għandhom jieħdu sehem bis-sħiħ jew parzjalment fil-proċeduri tal-Kumitat sakemm jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Adeżjoni, u għandu jkollhom id-dritt li jitkellmu fil-korpi kostitwenti tiegħu.

    M'għandux ikollhom id-dritt li jivvutaw jew li joħorġu għall-elezzjoni għal pożizzjonijiet fi ħdan il-Kumitat. Il-parteċipazzjoni tagħhom m'għandu jkollha l-ebda effett legali fuq il-proċeduri tal-Kumitat.

    3.

    It-trattament tagħhom għandu jiġi assimilat ma' dak ta' membru f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tal-faċilitajiet u r-rimborż tal-ispejjeż li jġarrbu fl-attivitajiet tagħhom bħala osservaturi, fil-limiti tar-riżorsi finanzjarji allokati għall-intestatura baġitarja rilevanti għal dan il-għan.

    KAPITOLU 5

    Regoli ta' proċedura

    Artikolu 82

    Reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura

    1.

    L-Assemblea Plenarja għandha tiddeċiedi b'maġġoranza tal-membri tagħha jekk hemmx ħtieġa li tirrevedi dawn ir-Regoli ta' Proċedura, parzjalment jew fl-intier tagħhom.

    2.

    Għandha tinnomina kummissjoni ad hoc li tkun responsabbli għat-tħejjija ta' rapport u ta' abbozz ta' test li fuq il-bażi tiegħu tipproċedi għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda b'maġġoranza tal-membri tagħha. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 83

    Istruzzjonijiet tal-Bureau

    Il-Bureau jista' jistabbilixxi, permezz ta' struzzjonijiet, id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, b'konformità ma' dawn tal-aħħar.

    Artikolu 84

    Dħul fis-seħħ tar-Regoli ta' Proċedura

    Dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


    Top