Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0740

    2014/740/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 9 ta' Ottubru 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-mandat li għandu jingħata lill-Bord Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Impriża (CDE)

    ĠU L 308, 29.10.2014, p. 93–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/740/oj

    29.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 308/93


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-9 ta' Ottubru 2014

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-mandat li għandu jingħata lill-Bord Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Impriża (CDE)

    (2014/740/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 209(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) (“il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE”),

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fir-raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f'Busan, il-Partijiet għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE sejħu għal involviment tas-settur privat aktar dirett sabiex titmexxa 'l quddiem l-innovazzjoni, jinħolqu l-introjtu u l-impjiegi, jiġu promossi l-SMEs u l-intraprenditorija, jiġu mobilizzati r-riżorsi domestiċi u jitkomplew jiġu żviluppati mekkaniżmi finanzjarji innovattivi.

    (2)

    B'kont meħud ta' dak imsemmi hawn fuq u tal-evoluzzjoni tal-kuntest internazzjonali, b'mod partikolari l-għadd konsiderevoli ta' atturi u modalitajiet li jistgħu jipprovdu appoġġ effettiv lis-settur privat, il-programmi relatati għandhom jiġu implimentati permezz ta' organizzazzjonijiet li wrew il-kapaċità tagħhom li jipprovdu livell għoli ta' għarfien espert b'mod kost-effettiv.

    (3)

    Fid-disa' u tletin sessjoni tiegħu fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2014 f'Najrobi, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE qabel, f'Dikjarazzjoni Konġunta, li jkompli bl-għeluq ordnat taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Impriża (“CDE”) u bl-emendament tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u, għal dan il-għan, iddeċieda li jagħti delega ta' setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex imexxi din il-materja 'l quddiem bil-ħsieb li jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa.

    (4)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-mandat li għandu jingħata lill-Bord Eżekuttiv tas-CDE għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni li jinsab mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-mandat li għandu jingħata lill-Bord Eżekuttiv tas-CDE għandha tkun stabbilita taħt it-termini tal-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    2.   Jista' jiġi miftiehem tibdil żgħir għall-abbozz ta' Deċiżjoni mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE mingħajr il-ħtieġa ta' Deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' Ottubru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. ALFANO


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE

    ta'

    dwar il-mandat li għandu jingħata lill-Bord Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Impriża (CDE)

    IL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) (“il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tal-Anness III tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 2(6)(d) tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jeħtieġ li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE jissorvelja l-istrateġija ġenerali tas-CDE u jagħmel superviżjoni tal-ħidma tal-Bord Eżekuttiv tas-CDE.

    (2)

    Il-Bord Eżekuttiv tas-CDE għandu jagħmel superviżjoni tal-ħidma tas-CDE (Artikolu 2(7)(b)), jadotta l-programm u l-baġit tas-CDE (Artikolu 2(7)(c)) u jippreżenta rapporti u evalwazzjonijiet perjodiċi lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (Artikolu 2(7)(d)).

    (3)

    L-Istatuti u r-Regoli ta' Proċedura tas-CDE adottati permezz tad-Deċiżjoni Nru 8/2005 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-KE (l-“Istatuti tas-CDE”) u r-Regolament Finanzjarju tas-CDE adottat permezz tad-Deċiżjoni Nru 5/2004 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-KE (ir-“Regolament Finanzjarju tas-CDE”), jipprovdu s-salvagwardji f'termini ta' informazzjoni u superviżjoni mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

    (4)

    Fid-disa' u tletin sessjoni tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2014 f'Najrobi, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE qabel, f'Dikjarazzjoni Konġunta, li jkompli bl-għeluq ordnat tas-CDE u bl-emendament tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u, għal dan il-għan, iddeċieda li jagħti delega ta' setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex imexxi din il-materja 'l quddiem bil-ħsieb li jiġu adottati d-deċiżjonijiet meħtieġa.

    (5)

    Id-Dikjarazzjoni Konġunta hawn fuq imsemmija tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE stabbilixxiet il-Grupp ta' Ħidma Konġunt AKP-UE (il-“GĦK”) biex jiżgura li s-CDE jingħalaq taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI,

    Artikolu 1

    1.   Suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE b'dan jawtorizza lill-Bord Eżekuttiv tas-CDE biex jieħu, b'effett immedjat, il-miżuri xierqa kollha biex jipprepara għall-għeluq tas-CDE.

    2.   L-għeluq tas-CDE għandu jirrispetta l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji tas-CDE stabbiliti fl-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u l-modalitajiet stipulati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fid-Dikjarazzjoni Konġunta tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2014.

    Artikolu 2

    1.   Il-Bord Eżekuttiv tas-CDE għandu kemm jista' jkun malajr, u mhux aktar tard mit-23 ta' Diċembru 2014, iqabbad Kuratur b'kuntratt biex jipprepara u jimplimenta pjan ta' għeluq, kif ukoll biex imexxi s-CDE waqt il-proċess li jwassal għall-għeluq tiegħu.

    2.   Il-pjan tal-għeluq għandu jippermetti l-għeluq tas-CDE b'mod ordnat, waqt li jirrispetta d-drittijiet tal-partijiet terzi kollha involuti, u jassigura li l-proġetti ta' appoġġ lis-settur privat li għaddejjin bħalissa jitlestew mis-CDE stess jew minn entità li lilha tista' tiġi assenjata t-tmexxija tagħhom.

    3.   Il-pjan tal-għeluq għandu jipprevedi l-finalizzazzjoni tal-għeluq gradwali tas-CDE sal-31 ta' Diċembru 2016. Il-pjan tal-għeluq għandu jinkludi ż-żmien meħtieġ biex isiru l-pagamenti finali, ir-rapporti finali u l-awditi finanzjarji u statutorji bil-ħsieb tal-għeluq tas-CDE sal-31 ta' Diċembru 2016.

    Artikolu 3

    1.   F'konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, l-Istatuti tas-CDE u r-Regolament Finanzjarju tas-CDE, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandu jirċievi l-pjan tal-għeluq adottat mill-Bord Eżekuttiv tas-CDE.

    2.   Il-Bord Eżekuttiv tas-CDE għandu jipprovdi rapporti ta' kull tliet xhur lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-progress li jkun sar fil-proċess tal-għeluq.

    Artikolu 4

    Il-Bord Eżekuttiv tas-CDE ser jikkonsulta lill-GĦK dwar l-abbozz tat-Termini ta' Referenza għall-Kuratur imsemmi fl-Artikolu 2(1), kif ukoll dwar l-abbozz tal-pjan tal-għeluq u l-abbozz tal-proposta għall-kwittanza.

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi […], […]

    Għall-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE

    Il-President


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).


    Top