EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013L0038

Direttiva 2013/38/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Awwissu 2013 li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 218, 14.8.2013, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/38/oj

14.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/1


DIRETTIVA 2013/38/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Awwissu 2013

li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Frar 2006, l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) adottat il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (MLC 2006), bix-xewqa li jinħoloq strument wieħed u koerenti li jiġbor fih kemm jista’ jkun possibbli l-istandards aġġornati kollha tal-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet dwar ix-xogħol marittimu internazzjonali eżistenti, kif ukoll il-prinċipji fundamentali li jinsabu f’konvenzjonijiet internazzjonali oħra dwar ix-xogħol.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/431/KE (3) awtorizzat lill-Istati Membri, fl-interessi tal-Komunità Ewropea, biex jirratifikaw l-MLC 2006. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jirratifikawha malajr kemm jista’ jkun.

(3)

L-Istati Membri, meta jwettqu spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll mill-Istat tal-Port (4), dwar kwistjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ Konvenzjonijiet li għadhom ma rratifikawx u li jistipulaw li kull vapur huwa soġġett għall-kontroll minn uffiċjali debitament awtorizzati meta jkun f’port ta’ Stat kontraenti ieħor jew Parti kontraenti oħra, għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma’ proċeduri u prattiki taħt dawk il-Konvenzjonijiet u b’hekk għandhom iżommu lura milli jagħmlu rapporti rilevanti għall-kontroll mill-Istati tal-port lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u/jew lill-ILO. L-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx konvenzjoni internazzjonali koperta mid-Direttiva 2009/16/KE fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha għandhom jagħmlu kull sforz biex jistabbilixxu kondizzjonijiet simili abbord il-vapuri tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dik il-Konvenzjoni.

(4)

Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat għall-infurzar effettiv tal-istandards internazzjonali mill-Istati Membri, meta jwettqu spezzjonijiet kemm tal-bandiera kif ukoll tal-Istat tal-port u biex jiġi evitat nuqqas ta’ qbil bejn il-liġi internazzjonali u dik tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jirratifikaw il-Konvenzjonijiet sad-data li fiha jidħlu fis-seħħ, tal-inqas dawk il-partijiet tagħhom li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

(5)

L-MLC 2006 tistabbilixxi standards tax-xogħol marittimu għall-baħħara kollha indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u mill-bandiera tal-vapuri li jaħdmu fuqhom.

(6)

Għall-finijiet tad-Direttiva 2009/16/KE, huwa preferibbli li minflok jiġu ddefiniti t-termini “baħħar” jew “ekwipaġġ”, dawk it-termini jinftiehmu f’kull każ skont kif huma definiti jew mifhuma fil-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. B’mod partikolari, għal kwalunkwe kwistjoni relata mal-infurzar tal-MLC 2006, it-terminu “ekwipaġġ” għandu jinftiehem li qed jirreferi għal “baħħar” kif definit fl-MLC 2006.

(7)

Għal kwalunkwe kwistjoni koperta minn din id-Direttiva relatata mal-infurzar tal-MLC 2006, inkluż għal vapuri li għalihom ma japplikax il-kodiċi ta’ Mmaniġġar ta’ Sikurezza Internazzjonali, ir-referenzi fid-Direttiva 2009/16/KE għal “kumpannija” għandhom jinftiehmu li tfisser “sid il-vapur” kif definit bid-dispożizzjoni rilevanti tal-MLC 2006, minħabba li l-aħħar definizzjoni taqdi aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-MLC 2006.

(8)

Parti sostanzjali mill-istandards tal-MLC 2006 hija implimentanta fil-liġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (5) u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal- Ħaddiema tat-Trasport (FST) (6). Dawk l-istandards tal-MLC 2006 li huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/13/KE jew tad-Direttiva 1999/63/KE għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri f’konformità ma’ dawk id-Direttivi.

(9)

Bħala prinċipju ġenerali, il-miżuri adottati biex jingħata effett lil din id-Direttiva ma għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jikkostitwixxu raġunijiet li jiġġustifikaw tnaqqis mill-Istati Membri fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-baħħara abbord vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru taħt il-liġi soċjali applikabbli tal-Unjoni.

(10)

L-MLC 2006 fiha dispożizzjonijiet tal-infurzar li jiddefinixxu r-responsabbiltajiet tal-Istati li jwettqu l-obbligi ta’ kontroll mill-Istat tal-port. Sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-MLC 2006 minn kull vapur li jidħol fil-portijiet u l-ankraġġi tagħhom, indipendentement mill-Istat li tiegħu itajjar il-bandiera.

(11)

Il-kontroll mill-Istat tal-port huwa rregolat mid-Direttiva 2009/16/KE, li għandha tinkludi l-MLC 2006 mal-Konvenzjonijiet li l-implimentazzjoni tagħhom hija vverifikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membri fil-portijiet tagħhom.

(12)

L-Istati Membri, meta jwettqu spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istati tal-port f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE għandhom jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet tal-MLC 2006 li jistipulaw li ċ-ċertifikat ta’ xogħol marittimu u d-dikjarazzjoni tal-konformità tax-xogħol marittimu għandhom ikunu aċċettati bħala evidenza prima facie tal-konformità mar-rekwiżiti tal-MLC 2006.

(13)

Il-liġi tal-Unjoni għandhom jirriflettu anki l-proċeduri stabbiliti fl-MLC 2006 rigward il-ġestjoni tal-ilmenti fuq l-art (onshore) li huma relatati mal-kwistjonijiet ittrattati fl-MLC 2006.

(14)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex timplimenta metodoloġija għall-konsiderazzjoni ta’ parametri ta’ riskju ġeneriċi relatati b’mod partikolari mal-kriterji tal-Istat tal-bandiera u mal-kriterji ta’ prestazzjoni ta’ kumpannija; biex tiżgura kondizzjonijiet uniformi għall-ambitu ta’ spezzjonijiet imwessgħa, inkluż iż-żoni ta’ riskju li għandhom ikunu koperti; biex tiżgura applikazzjoni uniformi tal-proċeduri għall-kontroll u l-kontrolli ta’ sigurtà tal-bastimenti; biex tistabbilixxi format elettroniku armonizzat għar-rapportar u s-segwitu minn awtoritajiet tal-Istat tal-port ta’ lmenti marbuta mal-MLC 2006; biex timplimenta proċeduri armonizzati għar-rappurtar ta’ anomaliji apparenti minn piloti u awtoritajiet jew korpi tal-port u ta’ azzjonijiet ta’ segwitu meħuda mill-Istati Membri; u biex tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kumpanniji bi prestazzjoni baxxa u baxxa ħafna, il-kriterji għall-ġbir tad-data rilevanti u l-frekwenza tal-aġġornamenti. Dan huwa eżerċizzju ferm tekniku li għandu jitwettaq fil-qafas tal-prinċipji u l-kriterji li ġew stabbiliti minn dik id-Direttiva. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (7).

(15)

Atti ta’ implimentazzjoni relatati mal-metodoloġija għall-konsiderazzjoni ta’ parametri ta’ riskju ġeneriċi li jikkonċernaw b’mod partikolari l-kriterji tal-Istat tal-bandiera u l-kriterji ta’ prestazzjoni ta’ kumpannija, għar-rapporti minn bdoti u awtoritajiet jew korpi tal-port, inklużi proċeduri armonizzati għar-rappurtar ta’ anomaliji apparenti minn piloti u awtoritajiet jew korpi ta’ port u tal-azzjonijiet ta’ segwitu mwettqin mill-Istati Membri, u mal-arranġamenti dettaljati tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kumpanniji bi prestazzjoni baxxa jew baxxa ħafna, ma għandhomx jiġu adotattati mill-Kummissjoni fejn il-kumitat imsemmi f’din id-Direttiva ma jagħti l-ebda opinjoni dwar l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni.

(16)

Meta tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha b’mod speċifiku tieħu kont tal-għarfien espert u l-esperjenza miksuba bis-sistema ta’ spezzjoni fl-Unjoni u tibni fuq l-għarfien espert tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, iffirmat f’Pariġi fis-26 ta’ Jannar 1982, fil-verżjoni aġġornata tiegħu (“MtQ ta’ Pariġi”).

(17)

Ir-regoli ta’ implimentazzjoni, inkluż ir-referenzi għall-istruzzjonijiet u l-lingwi gwida tal-MtQ ta’ Pariġi, ma għandhomx jikkompromettu l-eżerċitar tal-ġudizzju professjonali tal-ispetturi jew tal-awtorità kompetenti u l-flessibbiltà prevista fid-Direttiva 2009/16/KE.

(18)

Il-bażi tad-data ta’ spezzjoni msemmija fid-Direttiva 2009/16/KE għandha tiġi adattata u żviluppata skont l-emendi introdotti minn din id-Direttiva jew bidliet adottati fil-kuntest tal-MtQ ta’ Pariġi.

(19)

Il-MtQ ta’ Pariġi jimmira li jelimina l-operazzjoni ta’ vapuri substandard permezz ta’ sistema armonizzata ta’ kontroll mill-Istat tal-port, inkluża spezzjoni koordinata ta’ vapuri li jidħlu f’portijiet, inklużi portijiet tal-Istati Membri, fir-Reġjun tal-MtQ ta’ Pariġi. Dawk l-ispezzjonijiet għandhom l-għan li jivverifikaw li l-vapuri jilħqu l-istandards internazzjonali ta’ sikurezza, ta’ sigurtà u ambjentali, u li l-baħħarajkollhom kondizzjonijiet adegwati tal-għajxien u tax-xogħol, f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ. Meta jitwettqu l-ispezzjonijiet u meta ssir referenza għall-istruzzjonijiet u l-linji gwida tal-MtQ ta’ Pariġi, għandu jitqies il-fatt li dawk l-istruzzjonijiet u l-linji gwida huma żviluppati u adottati biex jiżguraw konsistenza u jiggwidaw l-ispezzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-għola livell possibbli ta’ konverġenza.

(20)

L-ispezzjoni tal-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord ta’ baħħara u tat-taħriġ u l-kwalifiki tagħhom, biex jiġi vverifikat li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-MLC 2006, teħtieġ il-livell neċessarju ta’ taħriġ għall-ispetturi. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-kwistjoni ta’ taħriġ għal spetturi għall-finijiet li tiġi analizzata l-konformità mal-MLC 2006.

(21)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ taġġorna malajr il-proċeduri rilevanti, u b’hekk tikkontribwixxi għall-kisba ta’ kondizzjonijiet ekwi globali għat-tbaħħir, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi għall-Anness VI għad-Direttiva 2009/16/KE li fih lista ta’ “Struzzjonijiet” adottati mill-MtQ ta’ Pariġi, bil-ħsieb li jinżammu l-proċeduri applikabbli u infurzabbli fit-territorju tal-Istati Membri, f’konformità ma’ dawk miftiehma fuq livell u f’konformità mal-Konvenzjonijiet rilevanti. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(22)

Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(23)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/16/KE għandha tiġi emendata kif xieraq.

(24)

Skont l-Artikolu VIII, MLC 2006 għandu jidħol fis-seħħ 12-il xahar wara d-data li fiha jkun hemm ratifiki rreġistrati minn tal-inqas 30 Membru tal-ILO b’sehem totali tat-tunnellaġġ gross globali tal-bastimenti ta’ 33 fil-mija. Din il-kondizzjoni ġiet sodisfatta fl-20 ta’ Awwissu 2012, u l-MLC 2006 jidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Awwissu 2013.

(25)

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-istess data bħall-MLC 2006,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/16/KE

Id-Direttiva 2009/16/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

jitħassar il-punt (g);

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(i)

il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (MLC 2006);

(j)

il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll ta’ Sistemi Antiveġetattivi Dannużi fuq il-Vapuri, 2001 (AFS 2001);

(k)

il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Ħsara mit-Tniġġis miż-Żejt tal-Bunker, 2001 (il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers, 2001).”.

(b)

jiżdiedu il-punti li ġejjin:

“23.

‘Ċertifikat tax-xogħol marittimu’ tfisser iċ-ċertifikat imsemmi fir-Regolament 5.1.3 tal-MLC 2006.

24.

‘Dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu’ tfisser id-dikjarazzjoni msemmija fir-Regolament 5.1.3 tal-MLC 2006.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Ir-referenzi kollha f’din id-Direttiva għall-Konvenzjonijiet, kodiċijiet internazzjonali u riżoluzzjonijiet imsemmija f’din id-Direttiva, inklużi għal ċertifikati u dokumenti oħra, għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dawk il-Konvenzjonijiet, kodiċijiet internazzjonali u riżoluzzjonijiet fil-verżjonijiet aġġornati tagħhom.”.

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta jispezzjonaw vapur li jttajjar bandiera ta’ Stat li mhijiex parti fil-Konvenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trattament ta’ dan il-vapuk u l-ekwipaġġ tiegħu mhuwiex aktar favorevoli għal dak ta’ vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat parti f’dik il-Konvenzjoni. Tali vapur għandu jkun soġġett għal spezzjoni aktar dettaljata f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mill-MtQ ta’ Pariġi.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Miżuri adottati biex jingħata effett lil din id-Direttiva ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni ġenerali għall-baħħara taħt il-liġi soċjali tal-Unjoni fl-oqsma fejn din id-Direttiva tapplika, meta mqabbla mas-sitwazzjoni diġà prevalenti f’kull Stat Membru. Fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri, jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port isir konxju ta’ ksur ċar tal-liġi tal-Unjoni, abbord vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, hija għandha, f’konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, tinforma minnufih lil kwalunkwe awtorità kompetenti oħra sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri kif xieraq.”.

(3)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 4 jitħassar.

(4)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni biex timplimenta metodoloġija għall-konsiderazzjoni ta’ parametri ta’ riskju ġeneriċi relatati b’mod partikolari mal-kriterji tal-Istat tal-bandiera u mal-kriterji ta’ prestazzjoni ta’ kumpannija. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).”.

(5)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ spezzjoni estiża, inklużi l-oqsma ta’ riskju li għandhom jiġu koperti, huwa stabbilit fl-Anness VII. Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri dettaljati biex tiżgura kondizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-Anness VII. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).”.

(6)

Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri dettaljati biex tiżgura applikazzjoni uniformi tal-proċeduri msemmijin fil-paragrafu 1 u tal-verifiki ta’ sigurtà msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).”.

(7)

Fl-Artikolu 17, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Meta, b’segwitu għal spezzjoni aktar dettaljata, jinstab li l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fuq il-vapur ma jkunux konformi mar-rekwiżiti tal-MLC 2006, l-ispettur għandu minnufih jiġbed l-attenzjoni tal-kaptan tal-vapur dwar dawn in-nuqqasijiet, flimkien ma’ skadenzi meħtieġa għar-rettifika tagħhom.

Fil-każ li l-ispettur jikkunsidra tali nuqqasijiet bħala sinifikanti jew jekk dawn ikunu marbutin ma’ xi lment possibbli taħt il-punt 19 tal-Parti A tal-Anness V, l-ispettur għandu wkoll jiġbed l-attenzjoni tal-organizzazzjonijiet rilevanti ta’ baħħara u ta’ sidien ta’ vapuri fl-Istat Membru li fih tkun saret l-ispezzjoni dwar dawn in-nuqqasijiet, u jista:

(a)

jinnotifika lil rappreżentant tal-Istat tal-bandiera;

(b)

jgħaddi l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-port ta’ żjara li jmiss.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-MLC 2006, l-Istat Membru li fih tkun saret l-ispezzjoni għandu jkollu d-dritt jgħaddi kopja tar-rapport tal-ispettur, flimkien ma’ kwalunkwe tweġiba li tkun waslet mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera qabel it-tmiem tal-iskadenza preskritta, lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol bil-għan li tittieħed l-azzjoni li tkun meqjusa xierqa u espedjenti sabiex jiġi żgurat li jinżamm rekord ta’ tali informazzjoni u li l-partijiet li jistgħu jkunu interessati jibbenefikaw minn proċeduri ta’ rikors rilevanti tinġibdilhom l-attenzjoni dwarha.”

(8)

Fl-Artikolu 18, ir-raba’ paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-identità tal-persuna li tilmenta ma għandhiex tkun mikxufa lill-kaptan jew lil sid il-vapur tal-vapur ikkonċernat. L-ispettur għandu jieħu l-passi meħtieġa għas-salvagwardja tal-kunfidenzjalità tal-ilmenti mressqa mill-baħħara, inkluż billi jiżgura l-kunfidenzjalità waqt kwalunkwe intervista magħmula lill-baħħara.”.

(9)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 18a

Proċeduri tal-MLC 2006 għall-ġestjoni ta’ ilmenti fuq l-art

1.   Ilment minn baħħar li jallega li sar ksur tar-rekwiżiti tal-MLC 2006, (inkluż id-drittijiet tal-baħħara) jista’ jiġi rapportat lil spettur fil-port fejn ikun daħal il-vapur tal-baħħar. F’dawk il-każijiet, l-ispettur għandu jwettaq investigazzjoni inizjali.

2.   Fejn adatt, minħabba n-natura tal-ilment, l-investigazzjoni inizjali għandha tinkludi konsiderazzjoni ta’ jekk ikunux ġew segwiti l-proċeduri għal ilment abbord previsti taħt ir-Regolament 5.1.5 tal-MLC 2006. L-ispettur jista’ wkoll iwettaq spezzjoni aktar dettaljata f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva.

3.   L-ispettur għandu, fejn ikun opportun, ifittex li jippromwovi riżoluzzjoni tal-ilment abbord il-vapur.

4.   Fil-każ li l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni tikxef nuqqas ta’ konformità li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19, għandu japplika dak l-Artikolu.

5.   Fejn il-paragrafu 4 ma japplikax u meta lment minn baħħar b’rabta ma’ kwistjonijiet koperti mill-MLC 2006 ma jkunx ġie solvut abbord il-vapur, l-ispettur għandu jinnotifika minnufih lill-Istat tal-bandiera filwaqt li, fi żmien stipulat, ifittex parir u pjan ta’ azzjoni korrettiv li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istat tal-bandiera. Rapport ta’ kwalunkwe spezzjoni li ssir għandu jintbagħat b’mezz elettroniku lill-bażi tad-data ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 24.

6.   Meta l-ilment ma jkunx ġie solvut wara l-azzjoni meħuda skont il-paragrafu 5, l-Istat tal-port għandu jibgħat kopja tar-rapport tal-ispettur lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol, flimkien ma’ kwalunkwe tweġiba li tasal qabel it-tmiem tal-iskadenza preskritta mill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera. L-organizzazzjonijiet ikkonċernati tal-baħħara u tas-sidien tal-vapuri fl-Istat tal-port għandhom jiġu informati bl-istess mod. Barra minn hekk, l-istatistika u l-informazzjoni dwar ilmenti li ġew solvuti għandhom jintbagħtu regolarment mill-Istat tal-port lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol.

Dawn is-sottomissjonijiet jingħataw sabiex, fuq il-bażi ta’ dik l-azzjoni li tista’ titqies xierqa u espedjenti, jinżamm reġistru ta’ dik l-informazzjoni li jinġieb għall-attenzjoni tal-partijiet, inkluż organizzazzjonijiet tal-baħħara u tas-sidien tal-vapuri, li jista’ jkollhom interess jiddisponu minn proċeduri ta’ rikors rilevanti.

7.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbilment ta’ format u proċedura elettroniċi armonizzati għar-rapportar tal-azzjonijiet ta’ segwitu meħuda mill-Istati Membri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).

8.   Dan l-Artikolu għandu jkun bla ħsara għall-Artikolu 18. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 18 għandu japplika għal ilmenti relatati ma’ kwistjonijiet koperti mill-MLC 2006.”.

(10)

L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   F’każ ta’ kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord li huma ċarament perikolużi għas-sikurezza, is-saħħa jew is-sigurtà tal-baħħara jew nuqqasijiet li jikkostitwixxu ksur serju jew ripetut tar-rekwiżiti tal-MLC 2006 (inkluż id-drittijiet tal-baħħara), l-awtorità kompetenti ta’ Stat tal-port fejn qed jiġi spezzjonat il-vapur għandha tiżgura li l-vapur jinżamm jew li l-operazzjoni li matulha jinkixfu n-nuqqasijiet titwaqqaf.

L-ordni taż-żamma jew tat-twaqqif ta’ operazzjoni m’għandhiex titneħħa sakemm dawk in-nuqqasijiet jiġu ratifikati jew jekk l-awtorità kompetenti tkun aċċettat pjan ta’ azzjoni li jirrettifika dawk in-nuqqasijiet u tkun sodisfatta li l-pjan ser jiġi implimentat bla dewmien. Qabel ma jaċċetta pjan ta’ azzjoni, l-ispettur jista’ jikkonsulta l-Istat tal-bandiera.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Fil-każ ta’ detenzjoni, l-awtorità kompetenti għandha minnufih tavża, bil-miktub u tinkludi r-rapport tal-ispezzjoni, lill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera jew, meta dan ma jkunx possibbli, lill-Konslu jew, fin-nuqqas tiegħu, lill-eqreb rappreżentant diplomatiku ta’ dak l-Istat, dwar iċ-ċirkostanzi kollha li fihom l-intervent kien meqjus meħtieġ. Barra minn hekk, spetturi maħtura jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-klassifikazzjoni jew ċertifikati statutorji f’konformità mal-Konvenzjonijiet għandhom ukoll jiġu nnotifikati fejn dan huwa rilevanti. Barra minn hekk, jekk vapur ma jitħalliex ibaħħar minħabba ksur serju jew repetut tar-rekwiżiti tal-MLC 2006 (inkluż id-drittijiet tal-baħħara) jew minħabba kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord li huma ċarament perikolużi għas-sikurezza, is-saħħa jew is-sigurtà tal-baħħar, l-awtorità kompetenti għandha minnufih tinnotifika lill-Istat tal-bandiera dwar dan u tistieden rappreżentant tal-Istat tal-bandiera jkun preżenti, jekk possibbli, waqt li l-Istat tal-bandiera jintalab iwieġeb fi żmien stipulat. L-awtorità kompetenti għandha wkoll tinforma minnufih lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati tal-baħħara u tas-sidien tal-vapuri fl-Istat tal-port fejn twettqet l-ispezzjoni.”.

(11)

Fl-Artikolu 23, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tadotta miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi proċeduri armonizzati għar-rapportar ta’ anomaliji apparenti minn bdoti u awtoritajiet jew korpi tal-port u tal-azzjonijiet ta’ segwitu mwettqa mill-Istati Membri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).”.

(12)

Fl-Artikolu 27, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, il-kriterji għall-aggregazzjoni tad-data rilevanti u l-frekwenza tal-aġġornamenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).”.

(13)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 30a

Atti ddelegati

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b, rigward l-emendi għall-Anness VI, sabiex mal-lista stabbilita f’dak l-Anness tkun tista’ żżid aktar struzzjonijiet relatati mal-kontroll mill-Istat tal-port adottati mill-Organizzazzjoni tal-MtQ ta’ Pariġi.

Artikolu 30b

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotatta atti ddelegati kif imsemmi fl-Artikolu 30a għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Awwissu 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodu ta’ żmien identiku, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux għal tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 30a tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att iddelegat, għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 30a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(14)

L-Artikolu 31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 31

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri (COSS – ‘Committee on Safe Seas and the Prevention of Pollution from Ships’) stabbilit mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni dwar abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikoli 10(3), 23(5) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 rispettivament, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.”."

(15)

L-Artikolu 32 huwa mħassar.

(16)

L-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33

Regoli ta’ implimentazzjoni

Meta tistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 10(3), 14(4), 15(4), 18a(7), 23(5) u 27 skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 31(3), il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb speċifikament li dawk ir-regoli jqisu l-għarfien espert u l-esperjenza miksuba bis-sistema tal-ispezzjonijiet fl-Unjoni u fuq il-bażi tal-għarfien espert tal-MtQ ta’ Pariġi.”.

(17)

Fl-Anness I, Parti II, il-punt 2B huwa emendat kif ġej:

(a)

il-ħames inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

Vapuri li kienu s-suġġett ta’ rapport jew ta’ lment, inkluż ilment fuq l-art, mill-kaptan, membru tal-ekwipaġġ, jew xi persuna jew organizzazzjoni b’interess leġittimu fl-operat b’sikurezza tal-vapur, kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord jew il-prevenzjoni tat-tinġis, sakemm l-Istat Membru kkonċernat iqis li r-rapport jew l-ilment ikun manifestament mingħajr bażi.”.

(b)

jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

Vapuri li għalihom sar qbil dwar pjan ta’ azzjoni li jirrettifika nuqqasijiet kif imsemmi fl-Artikolu 19(2a) iżda li fir-rigward tagħhom l-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan ma ġietx ivverifikata minn spettur.”.

(18)

L-Anness IV huwa emendata kif ġej:

(a)

il-punti 14, 15 u 16 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“14.

Ċertifikati mediċi (ara l-MLC 2006).

15.

Skema ta’ arranġamenti ta’ ħidma abbord il-vapur (ara MLC 2006 u l-STCW 78/95).

16.

Reġistrazzjonijiet ta’ sigħat ta’ ħidma u mistrieħ tal-baħħara (ara l-MLC 2006).”

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“45.

Ċertifikat tax-xogħol marittimu.

46.

Dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu, partijiet I u II.

47.

Ċertifikat tas-Sistema Internazzjonali dwar l-Anti-Fouling.

48.

Ċertifikat tal-assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-ħsara mit-tinġis taż-żejt tal-bunker.”.

(19)

Fl-Anness V, Parti A, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“16.

Id-dokumenti meħtieġa taħt l-MLC 2006 mhumiex ippreżentati jew miżmuma jew inkella jinżammu b’mod falz jew id-dokumenti ppreżentati ma fihomx l-informazzjoni meħtieġa mill-MLC 2006 jew inkella mhumiex validi b’xi mod ieħor.

17.

Il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fuq il-vapur ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-MLC 2006.

18.

Hemm raġunijiet validi biex wieħed jemmen li l-vapur bidel il-bandiera għall-fini li jevita l-konformità mal-MLC 2006.

19.

Hemm ilment li jallega li l-kondizzjonijiet speċifiċi tal-għajxien u tax-xogħol fuq il-vapur ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-MLC 2006.”.

(20)

Fl-Anness X, il-punt 3.10. huwa emendata kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’li ġej:

“Żoni taħt l-MLC 2006”;

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“8.

Il-kondizzjonijiet abbord huma ta’ perikolu b’mod ċar għas-sikurezza, is-saħħa jew is-sigurtà tal-baħħara.

9.

In-nuqqas ta’ konformità tikkostitwixxi ksur serju jew ripetut tar-rekwiżiti tal-MLC 2006 (inklużi d-drittijiet tal-baħħara) li jirrigwardaw il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara fuq il-vapur, kif stipulat fiċ-ċertifikat tax-xogħol marittimu tal-vapur u d-dikjarazzjonijiet tal-konformità tax-xogħol marittimu”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-21 ta’ Novembru 2014. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru referenzi bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni dak it-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Awwissu 2013, id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-MLC 2006.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 153.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Lulju 2013 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2013.

(3)  ĠU L 161, 22.6.2007, p. 63.

(4)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.

(5)  ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30.

(6)  ĠU L 167, 2.7.1999, p. 33.

(7)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


Top