Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H0461

    2013/461/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Settembru 2013 fuq il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 249, 19.9.2013, p. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 249, 19.9.2013, p. 9–14 (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2013/461/oj

    19.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 249/10


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta’ Settembru 2013

    fuq il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2013/461/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 26 tat-TFUE jiddefinixxi s-suq intern bħala żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat. L-Artikolu 4, paragrafu 3 tat-TUE jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni.

    (2)

    Is-suq intern joffri bosta opportunitajiet għal individwi li jixtiequ jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru ieħor u għan-negozji li jixtiequ jespandu s-swieq tagħhom. Minkejja li s-suq intern ġeneralment jaħdem tajjeb, xi kultant jinqalgħu problemi fejn l-awtoritajiet pubbliċi ma jirrispettawx il-liġi tal-Unjoni.

    (3)

    Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/893/KE tas-7 ta’ Diċembru 2001 dwar il-prinċipji għall-użu ta’ “SOLVIT” — in-Netwerk għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern (1), is-SOLVIT inħoloq bħala netwerk ta’ ċentri stabbiliti mill-Istati Membri fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom stess, bħala mezz rapidu u informali għas-soluzzjoni tal-problemi li l-individwi u n-negozji jiltaqgħu magħhom meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fis-suq intern.

    (4)

    Filwaqt li s-SOLVIT huwa ta’ natura informali u pragmatika, it-twaqqif tiegħu jikkontribwixxi biex jiżgura li s-soluzzjonijiet misjuba huma konformi mal-liġi tal-Unjoni. Is-SOLVIT huwa bbażat fuq proċess trasparenti għas-soluzzjoni tal-problemi li jinvolvu żewġ Stati Membri. Filwaqt li l-Kummissjoni mhix normalment involuta fir-riżoluzzjoni tal-każijiet, hi tinsab f’kuntatt mill-qrib maċ-ċentri tas-SOLVIT, toffri taħriġ legali regolari u, f’xi każijiet kumplessi, tipprovdi pariri informali. Il-Kummissjoni timmonitorja wkoll il-ġestjoni u l-eżitu tal-każijiet tas-SOLVIT permezz tal-bażi tad-dejta onlajn u tista’ tintervjeni kull meta tikkunsidra li s-soluzzjonijiet proposti miċ-ċentri tas-SOLVIT ma jkunux konformi mal-liġi tal-Unjoni. L-istruttura msemmija hawn fuq mhux biss tikkontribwixxi għal-legalità tar-riżultati f’każijiet individwali, iżda riżultati tal-evalwazzjoni jindikaw li x-xogħol tas-SOLVIT wassal ukoll għal titjib fil-konformità globali mal-liġi tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali.

    (5)

    Is-SOLVIT evolva b’mod sinifikanti minn mindu beda. Illum il-ġurnata jitratta għaxar darbiet aktar każijiet minn għaxar snin ilu. Dan jitratta wkoll varjetà akbar ta’ każijiet milli kien oriġinarjament previst. Il-maġġoranza assoluta tal-każijiet jiġu solvuti b’suċċess, fi żmien medju ta’ disa’ ġimgħat, li jwassal għal punteġġ għoli ta’ sodisfazzjoni fost dawk l-individwi u n-negozji li użaw is-SOLVIT.

    (6)

    Filwaqt li s-SOLVIT huwa ta’ suċċess, l-iskala akbar tas-servizz amplifikat bosta sfidi. Evalwazzjoni fil-fond tan-netwerk li twettqet matul l-2010 tindika li mhux iċ-ċentri tas-SOLVIT kollha għandhom ir-riżorsi jew il-pożizzjoni xierqa. L-adozzjoni tal-każijiet u l-livell ta’ servizz offrut ivarjaw ukoll madwar in-netwerk. Barra minn hekk, ftit wisq nies u negozji jsiru jafu bis-SOLVIT.

    (7)

    Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex ikompli jissaħħaħ is-SOLVIT u tiżdied il-viżibbiltà tiegħu onlajn kif ukoll offlajn, kif enfasizzat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ir-Rinfurzar tas-soluzzjoni effettiva tal-problemi fis-Suq Uniku, fil-Komunikazzjoni dwar Governanza Aħjar għas-Suq Uniku (2) u fir-rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza (3). Bħala parti minn dan l-eżerċizzju, ir-Rakkomandazzjoni 2001/893/KE għandha tiġi sostitwita b’waħda ġdida. Din ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida għandha l-għan li tipprovdi ċarezza dwar x’għandu jwassal is-SOLVIT, abbażi tal-aħjar prattika. Din tistabbilixxi miri u standards għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni biex jiġi żgurat li n-negozji u ċ-ċittadini jirċievu assistenza effettiva f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn il-liġi tal-Unjoni mhux qed tiġi rrispettata. Hija għandha wkoll l-għan li tiggarantixxi li ċ-ċentri tas-SOLVIT japplikaw l-istess regoli u jagħtu l-istess tip ta’ servizz konsistenti madwar in-netwerk.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti tal-mandat madwar in-netwerk kollu, din ir-Rakkomandazzjoni tiddefinixxi t-tipi ta’ każijiet li għandhom jiġu ttrattati mis-SOLVIT. Ir-Rakkomandazzjoni 2001/893/KE ddikjarat li s-SOLVIT jittratta każijiet ta’ “applikazzjoni ħażina” tar-“regoli tas-suq uniku”. Id-definizzjoni tal-ambitu b’dan il-mod wasslet għal inkonsistenza. L-ewwel nett ġie argumentat li t-terminu “applikazzjoni ħażina” jimplika li fiċ-ċentri tas-SOLVIT ma jistgħux jiġu trattati każijiet fejn ir-regoli nazzjonali jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni (l-hekk imsejħa “każijiet strutturali”), u t-tieni nett li s-SOLVIT jista’ jaġixxi biss fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni jkollha bażi tas-suq intern.

    (9)

    Illum il-ġurnata, il-każijiet tas-SOLVIT huma ddefiniti bħala l-problemi transkonfinali kollha kkawżati minn ksur potenzjali tal-liġi tal-Unjoni li tirregola s-suq intern minn awtorità pubblika, fejn u sakemm dawn il-problemi mhumiex soġġetti għal proċedimenti legali fuq livell nazzjonali jew tal-UE.

    (10)

    It-terminu ‘ksur’ jintuża biex jispeċifika li ċ-ċentri tas-SOLVIT jadottaw bħala każ tas-SOLVIT is-sitwazzjonijiet kollha fejn l-awtoritajiet pubbliċi ma jirrispettawx il-liġi tal-Unjoni li tirregola s-suq intern, tkun xi tkun il-kawża oriġinali tal-problema. Il-maġġoranza assoluta tal-każijiet trattati mis-SOLVIT jirriflettu sitwazzjonijiet fejn awtorità pubblika tapplika b’mod ħażin il-liġi tal-Unjoni li tirregola s-suq intern. Madankollu, iċ-ċentri tas-SOLVIT urew ukoll li jistgħu joffru għajnuna effettiva fejn jinqalgħu problemi strutturali. Għalkemm il-każijiet strutturali jippreżentaw biss parti żgħira mill-każijiet kollha tas-SOLVIT, l-adozzjoni ta’ każijiet bħal dawn mis-SOLVIT hija importanti biex jiġi żgurat li dawn il-problemi ma jiġux injorati. Dan joffri l-aħjar garanzija li l-problemi strutturali jiġu indirizzati b’mod effettiv fil-livell xieraq.

    (11)

    Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonferma li s-SOLVIT jittratta każijiet li jippreżentaw problema transkonfinali ma’ awtorità pubblika. Il-kriterju transkonfinali jiżgura li każ tas-SOLVIT jiġi ttrattat miċ-ċentri tas-SOLVIT f’żewġ Stati Membri, li jiggarantixxi t-trasparenza u l-kwalità tar-riżultati. Il-kriterju tal-awtorità pubblika huwa marbut mal-fatt li s-SOLVIT huwa parti mill-amministrazzjoni nazzjonali u jaġixxi fuq bażi informali biss.

    (12)

    Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex ukoll li tiċċara l-livell ta’ servizz li l-individwi u n-negozji jistgħu jistennew mis-SOLVIT. Tindika kif l-applikanti għandhom ikunu informati u l-assistenza minima li għandhom jiġu offruti. Din ir-Rakkomandazzjoni tiċċara wkoll il-passi proċedurali u l-iskadenzi varji li għandhom jiġu rispettati meta jkun qed jiġi trattat każ tas-SOLVIT flimkien mas-segwitu li għandu jingħata meta ma jkunx jista’ jiġi solvut każ.

    (13)

    Barra minn hekk, din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi standards minimi li ċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom ikunu konformi magħhom, f’termini ta’ organizzazzjoni, kompetenza legali, u relazzjonijiet ma’ netwerks oħra. Tiċċara wkoll ir-rwol tal-Kummissjoni fi ħdan in-netwerk tas-SOLVIT.

    (14)

    Il-Kummissjoni reċentement bniet mill-ġdid il-bażi ta’ dejta onlajn tas-SOLVIT bħala modulu uniku fis-sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern. Minħabba din l-integrazzjoni teknika, ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (4) dwar l-ipproċessar ta’ dejta personali u informazzjoni kunfidenzjali japplikaw ukoll għall-proċeduri tas-SOLVIT. Din ir-Rakkomandazzjoni tispeċifika wkoll ċerti aspetti tal-ipproċessar tad-dejta personali fis-SOLVIT, skont ir-Regolament tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI).

    (15)

    Din ir-Rakkomandazzjoni ma għandhiex l-għan li tispeċifika kif il-Kummissjoni tittratta l-ilmenti li tirċievi direttament u ma tippreġudikax, bl-ebda mod, ir-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati. Lanqas ma għandha l-għan li tispeċifika r-rwol tal-“EU Pilot” u tal-koordinaturi nazzjonali tal-“EU Pilot”. Dawn l-elementi huma indirizzati fil-linji gwida speċifiċi, li jiġu aġġornati regolarment.

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    I.   OBJETTIV U DEFINIZZJONIJIET

    A.   Objettiv

    Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi prinċipji li jirregolaw il-funzjonament tas-SOLVIT. L-għan tas-SOLVIT hu li jipprovdi soluzzjonijiet f’waqthom, effettivi u informali għall-problemi li l-individwi u n-negozji jiltaqgħu magħhom meta jiġu miċħuda mid-drittijiet tagħhom tal-UE fis-suq intern mill-awtoritajiet pubbliċi. Tikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq uniku billi trawwem u tippromwovi konformità aħjar mal-liġi tal-Unjoni. Biex jinkiseb dan l-għan, iċ-ċentri nazzjonali tas-SOLVIT għandhom jaħdmu flimkien fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni.

    B.   Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.   “Applikant”: persuna naturali jew ġuridika li tiltaqa’ ma’ problema transkonfinali u tissottomettiha għand is-SOLVIT direttament jew permezz ta’ intermedjarju, jew organizzazzjoni li tissottometti problema konkreta f’isem il-membru(i) tagħha;

    2.   “Problema transkonfinali”: problema li jiltaqa’ magħha applikant fi Stat Membru wieħed li tinvolvi ksur potenzjali tal-liġi tal-UE li tirregola s-suq intern minn awtorità pubblika fi Stat Membru ieħor; dan jinkludi problemi kkawżati lill-applikanti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom stess, wara li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment ħieles jew meta jippruvaw jagħmlu dan;

    3.   “Liġi tal-Unjoni li tirregola s-suq intern”: kwalunkwe leġiżlazzjoni, regoli jew prinċipji tal-Unjoni relatati mal-funzjonament tas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 26(2) tat-TFUE. Dan jinkludi regoli li ma jimmirawx li jirregolaw is-suq intern bħala tali iżda li jkollhom impatt fuq il-libertà tal-moviment tal-prodotti, servizzi, persuni u kapital bejn l-Istati Membri;

    4.   “Awtorità pubblika”: kwalunkwe parti tal-amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru, fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, jew kwalunkwe korp, tkun xi tkun il-forma ġuridika tiegħu, li ġie magħmul responsabbli, skont miżura adottata mill-Istat, biex jipprovdi servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-Istat u li jkollu, għal dak l-għan, setgħat speċjali lil hinn minn dawk li jirriżultaw mir-regoli normali applikabbli fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-individwi;

    5.   “Proċedimenti legali”: proċedimenti formali għas-soluzzjoni ta’ tilwima quddiem korp ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju. Dan jeskludi appelli amministrattivi kontra l-istess awtorità li tkun ikkawżat il-problema;

    6.   “Problema strutturali”: ksur ikkawżat minn regola nazzjonali li tmur kontra l-liġi tal-Unjoni;

    7.   “Ċentru tad-Domiċilju”: iċ-Ċentru tas-SOLVIT fl-Istat Membru li għandu l-aktar rabtiet mill-qrib mal-applikant abbażi pereżempju tan-nazzjonalità, ir-residenza, l-istabbiliment jew il-post fejn l-applikant akkwista d-drittijiet inkwistjoni;

    8.   “Ċentru Ewlieni”: iċ-Ċentru tas-SOLVIT tal-Istat Membru li fih iseħħ l-allegat ksur tal-liġi tal-Unjoni li tirregola s-suq intern;

    9.   “Bażi ta’ dejta tas-SOLVIT”: l-applikazzjoni onlajn maħluqa fi ħdan is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI) biex tappoġġja l-ġestjoni tal-każijiet tas-SOLVIT.

    II.   IL-MANDAT TAS-SOLVIT

    In-netwerk tas-SOLVIT jittratta problemi transkonfinali kkawżati minn ksur potenzjali tal-liġi tal-Unjoni li tirregola s-suq intern minn awtorità pubblika, fejn u sakemm dawn il-problemi mhumiex soġġetti għal proċedimenti legali fuq livell nazzjonali jew tal-UE. Jikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq uniku billi jrawwem u jippromwovi konformità aħjar mal-liġi tal-Unjoni.

    III.   IS-SERVIZZ OFFRUT MIS-SOLVIT

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jistgħu jibbenefikaw mis-servizz minimu li ġej:

    1.

    Iċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom ikunu disponibbli permezz tat-telefown jew posta elettronika, u għandhom jipprovdu risposta f’waqtha għall-komunikazzjonijiet indirizzati lilhom.

    2.

    L-applikanti għandhom jirċievu fi żmien ġimgħa l-ewwel reazzjoni għall-problema tagħhom, inkluża indikazzjoni dwar jekk is-SOLVIT ikunx jista’ jieħu f’idejh il-każ tagħhom, jekk indikazzjoni bħal din tkun possibbli fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta. Jekk meħtieġ, għandhom fl-istess ħin jiġu mistiedna jissottomettu kull dokumentazzjoni meħtieġa għall-ipproċessar tal-fajl tagħhom. Fi żmien xahar wara din l-ewwel valutazzjoni u jekk il-fajl tagħhom ikun komplut, l-applikanti għandhom jirċievu konferma dwar jekk il-każ tagħhom ikunx aċċettat miċ-Ċentru Ewlieni u għalhekk miftuħ bħala każ tas-SOLVIT.

    3.

    Meta problema ma tistax tiġi aċċettata bħala każ tas-SOLVIT, l-applikanti għandhom jingħataw raġunijiet u parir dwar azzjoni possibbli oħra li tista’ tgħinhom jegħlbu l-problema, inklużi s-sinjalar jew it-trasferiment tal-problema, fejn possibbli, għal netwerk relevanti ieħor ta’ informazzjoni jew netwerk għas-soluzzjoni tal-problemi jew lill-awtorità nazzjonali kompetenti relevanti.

    4.

    Fi żmien għaxar ġimgħat mid-data tal-ftuħ tal-każ, l-applikant għandu jirċievi soluzzjoni għall-problema tiegħu, li tista’ tinkludi kjarifika tal-liġi tal-Unjoni applikabbli. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u b’mod partikolari meta tkun se tinstab soluzzjoni dalwaqt jew meta tkun ikkonċernata problema strutturali, il-każ jista’ jinżamm miftuħ lil hinn mill-iskadenza, dment li jiġi informat l-applikant, sa massimu ta’ għaxar ġimgħat.

    5.

    L-applikanti għandhom ikunu informati dwar in-natura informali tas-SOLVIT u l-proċeduri u l-iskedi li japplikaw. Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar mezz ieħor possibbli ta’ rimedju, twissija li l-ġestjoni ta’ każ tas-SOLVIT ma jipposponix l-iskadenzi nazzjonali għal appell, u li s-soluzzjonijiet offruti mis-SOLVIT huma informali u ma jistgħux jiġu appellati. L-applikanti għandhom ikunu informati wkoll li s-SOLVIT huwa bla ħlas. L-applikanti għandhom ikunu informati b’mod regolari dwar l-istat tal-każ tagħhom.

    6.

    Billi l-proċedimenti tas-SOLVIT huma ta’ natura informali, dawn ma jwaqqfux applikant milli jniedi proċedimenti formali fil-livell nazzjonali, li jirriżulta fl-għeluq tal-każ tas-SOLVIT.

    7.

    Meta jinkiseb riżultat ta’ suċċess, l-applikant għandu jingħata parir dwar l-azzjonijiet li għandu jieħu sabiex jibbenefika mis-soluzzjoni proposta.

    8.

    Hekk kif jidher li l-każ mhux se jiġi solvut fi ħdan is-SOLVIT, il-każ għandu jingħalaq u l-applikant għandu jkun informat mingħajr dewmien. F’każ bħal dan, is-SOLVIT għandu wkoll javża lill-applikant dwar modi oħra possibbli ta’ rimedju fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-Unjoni. Meta min jilmenta jingħata parir biex iressaq ilment mal-Kummissjoni, iċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom jinkoraġġuh biex jirreferi għal proċedimenti preċedenti fis-SOLVIT (billi jagħti numru ta’ referenza u sommarju ta’ dawn il-proċedimenti). Il-każijiet mhux solvuti għandhom jiġu sistematikament irrappurtati lill-Kummissjoni permezz tal-bażi tad-dejta.

    9.

    Wara l-għeluq tal-każ, l-applikanti għandhom ikunu mistiedna biex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar kif il-każ ġie ttrattat mis-SOLVIT.

    IV.   L-ORGANIZZAZZJONI TAĊ-ĊENTRI TAS-SOLVIT

    1.

    Kull Stat Membru għandu jkollu ċentru tas-SOLVIT.

    2.

    Biex jiġi żgurat li ċ-ċentri tas-SOLVIT jistgħu iwettqu l-kompiti stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċentri tas-SOLVIT:

    (a)

    ikollhom biżżejjed persunal imħarreġ kif xieraq u b’għarfien operazzjonlai ta’ aktar minn lingwa waħda tal-Unjoni fejn meħtieġ biex tiġi żgurata komunikazzjoni rapida u trasparenti ma’ ċentri oħra tas-SOLVIT;

    (b)

    ikollhom kompetenza legali jew esperjenza relevanti xierqa fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jagħmlu valutazzjonijiet legali indipendenti tal-każijiet;

    (c)

    ikunu jinsabu fil-parti tal-amministrazzjoni nazzjonali b’setgħat ta’ koordinazzjoni biżżejjed biex ikunu jistgħu jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni fi ħdan l-amministrazzjoni tagħhom;

    (d)

    ikunu jistgħu jistabbilixxu netwerk fi ħdan l-amministrazzjoni nazzjonali sabiex ikollhom aċċess għall-kompetenza legali speċifika u l-appoġġ meħtieġa sabiex isibu soluzzjonijiet prattiċi għall-każijiet.

    V.   IL-PROĊEDURA TAS-SOLVIT

    A.   Il-prinċipji li jirregolaw it-trattament tal-każijiet tas-SOLVIT

    1.

    Il-każijiet kollha tas-SOLVIT għandhom ikunu trattati minn żewġ ċentri tas-SOLVIT, iċ-Ċentru tad-Domiċilju u ċ-Ċentru Ewlieni.

    2.

    Iċ-Ċentru tad-Domiċilju u ċ-Ċentru Ewlieni għandhom jikkooperaw b’mod miftuħ u trasparenti bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet rapidi u effettivi għall-applikanti.

    3.

    Iċ-Ċentru tad-Domiċilju u ċ-Ċentru Ewlieni għandhom jaqblu dwar liema lingwa għandha tintuża biex jikkomunikaw ma’ xulxin, filwaqt li jżommu f’moħħhom l-għan li jsolvu l-problemi permezz ta’ kuntatti informali bl-iktar mod rapidu u effiċjenti possibbli u jiżguraw trasparenza u rappurtar.

    4.

    Il-problemi kollha rċevuti, il-valutazzjonijiet magħmula miċ-ċentri tas-SOLVIT involuti fil-każ, il-passi meħuda u r-riżultati proposti għandhom jiġu rreġistrati fil-bażi tad-dejta tas-SOLVIT b’mod ċar u komprensiv. Fejn każ jippreżenta problemi strutturali, dan għandu jkun immarkat bħala tali fil-bażi tad-dejta sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja b’mod sistematiku każijiet bħal dawn.

    5.

    Is-soluzzjonijiet proposti kollha jridu jkunu dejjem f’konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni.

    6.

    Iċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom iżommu ma’ dawn ir-regoli dettaljati tal-immaniġġjar tal-każijiet stabbiliti fil-manwal dwar it-trattament tal-każijiet tas-SOLVIT, li l-Kummissjoni se tirrevedi regolarment f’kooperazzjoni maċ-ċentri tas-SOLVIT.

    B.   Iċ-Ċentru tad-Domiċilju

    1.

    Iċ-Ċentru tad-Domiċilju għandu jirreġistra l-problemi legali kollha rċevuti, kemm jekk dawn jikkwalifikaw bħala każ tas-SOLVIT jew le.

    2.

    Ladarba ċ-Ċentru tad-Domiċilju jkun aċċetta li jadotta lment bħala każ tas-SOLVIT, huwa għandu jlesti l-fajl u jwettaq analiżi legali komprensiva tal-problema qabel ma jissotomettih liċ-Ċentru Ewlieni.

    3.

    Meta jirċievi proposta għal soluzzjoni miċ-Ċentru Ewlieni, inkluża kjarifika tal-liġi tal-Unjoni applikabbli, huwa għandu jivverifika li s-soluzzjoni tkun f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

    4.

    Iċ-Ċentru tad-Domiċilju għandu jipprovdi lill-applikant b’tagħrif xieraq u f’waqtu matul il-passi relevanti tal-proċedura.

    C.   Iċ-Ċentru Ewlieni

    1.

    Iċ-Ċentru Ewlieni għandu jikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ każ fi żmien ġimgħa wara li jkun ġie ppreżentat miċ-Ċentru tad-Domiċilju.

    2.

    Iċ-Ċentru Ewlieni għandu jimmira li jsib soluzzjonijiet għall-applikanti, inkluż kjarifiki dwar il-liġi applikabbli tal-Unjoni u għandu jinforma regolarment liċ-Ċentru tad-Domiċilju dwar il-progress tiegħu.

    3.

    Meta l-problema mressqa mill-applikant tkun waħda strutturali, iċ-Ċentru Ewlieni għandu jivvaluta kemm jista’ jkun malajr jekk il-problema tistax tiġi solvuta permezz tal-proċedura tas-SOLVIT. Jekk iqis li dan mhuwiex possibbli, għandu jagħlaq il-każ bħala wieħed mhux solvut u jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali relevanti responsabbli għall-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni fl-Istat Membru, sabiex jiżguraw li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jintemm b’mod effettiv. Il-Kummissjoni għandha tkun informata permezz tal-bażi tad-dejta.

    VI.   IR-RWOL TAL-KUMMISSJONI

    1.

    Il-Kummissjoni tgħin u tappoġġja l-funzjonament tas-SOLVIT billi:

    (a)

    torganizza regolarment sessjonijiet ta’ taħriġ u avvenimenti tan-netwerk f’kooperazzjoni maċ-ċentri nazzjonali tas-SOLVIT;

    (b)

    tabbozza u taġġorna l-manwal dwar it-trattament tal-każijiet tas-SOLVIT f’kooperazzjoni maċ-ċentri nazzjonali tas-SOLVIT;

    (c)

    tipprovdi għajnuna għat-trattament tal-każijiet fuq it-talba ta’ ċentri tas-SOLVIT. F’każijiet kumplessi dan jista’ jinkludi l-għoti ta’ parir legali informali. Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom iwieġbu għar-rikjesti għal parir legali informali fi żmien ġimagħtejn. Dan il-parir huwa informali biss u ma jistax jitqies bħala vinkolanti fuq il-Kummissjoni;

    (d)

    timmaniġġja u żżomm il-bażi tad-dejta tas-SOLVIT u interfaċċja pubblika u tipprovdi taħriġ u materjali speċifiċi biex tiffaċilita l-użu tagħha miċ-ċentri tas-SOLVIT;

    (e)

    timmonitorja l-kwalità u l-prestazzjoni taċ-ċentri tas-SOLVIT u l-każijiet li jittrattaw. F’każijiet li jippreżentaw problema strutturali, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-każ u, fejn meħtieġ, tagħti pariri u assistenza biex ikun żgurat li l-problema strutturali tissolva. Il-Kummissjoni se tqis jekk il-problemi strutturali mhux solvuti jeħtieġux segwitu ulterjuri;

    (f)

    tiżgura l-komunikazzjoni xierqa bejn is-SOLVIT, iċ-CHAP (5) u l-“EU Pilot” (6) sabiex jiġi żgurat segwitu xieraq tal-każijiet tas-SOLVIT mhux solvuti, biex timmonitorja l-każijiet strutturali u tevita t-trattament doppju tal-ilmenti;

    (g)

    tinforma ċ-ċentri tas-SOLVIT, fuq talba tagħhom, dwar is-segwitu mogħti mill-Kummissjoni għall-każijiet mhux solvuti, meta jkun sar ilment mal-Kummissjoni.

    2.

    Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ tressaq ilment li tkun irċeviet lis-SOLVIT bil-ħsieb li tinstab xi soluzzjoni rapida u informali, soġġett għall-kunsens tal-persuna li tkun għamlet l-ilment.

    VII.   IL-KONTROLL TAL-KWALITÀ U R-RAPPURTAR

    1.

    Iċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom iwettqu kontrolli regolari tal-kwalità tal-każijiet li jittrattw bħala Ċentru tad-Domiċilju u bħala Ċentru Ewlieni kif imniżżel fid-dettall fil-manwal dwar it-trattament tal-każijiet.

    2.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni se jwettqu b’mod regolari kontrolli ġenerali tal-kwalità tal-każijiet kollha u jiġbdu l-attenzjoni taċ-ċentri tas-SOLVIT ikkonċernati bil-problemi possibbli, biex dawn jieħdu azzjoni xierqa sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati.

    3.

    Il-Kummissjoni se tirraporta regolarment dwar il-kwalità u l-prestazzjoni tas-SOLVIT. Hija se tirrapporta wkoll dwar it-tip ta’ problemi li rċieva s-SOLVIT u l-każijiet trattati fi ħdan is-SOLVIT, bil-ħsieb li tiddefinixxi x-xejriet u tidentifika l-problemi li għad baqa’ fis-suq intern. Fi ħdan dan il-qafas ta’ rappurtar, il-Kummissjoni se tirraporta separatament dwar il-każijiet strutturali.

    VIII.   IL-VIŻIBILITÀ TAN-NETWERK

    1.

    Il-Kummissjoni se tippromwovi l-għarfien u l-użu tas-SOLVIT ma’ organizzazzjonijiet Ewropej tal-partijiet interessati u mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u se ttejjeb l-aċċessibbiltà u l-preżenza tas-SOLVIT permezz ta’ mezzi onlajn.

    2.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun disponibbli informazzjoni sempliċi dwar is-servizzi tas-SOLVIT u li tali servizzi jkunu faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari fuq is-siti relevanti kollha tal-amministrazzjoni pubblika.

    3.

    L-Istati Membri għandhom ukoll iwettqu attivitajiet li jissensibilizzaw lill-partijiet interessati tagħhom dwar is-SOLVIT. Il-Kummissjoni se tipprovdi assistenza għal dawn l-attivitajiet.

    IX.   IL-KOOPERAZZJONI MA’ NETWERKS OĦRA U PUNTI TA’ KUNTATT

    1.

    Biex jiżguraw li l-applikanti jirċievu għajnuna effettiva, iċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom jikkooperaw ma’ netwerks oħra ta’ informazzjoni u għajnuna Ewropej jew nazzjonali, bħal Ewropa Tiegħek, Europe Direct, Pariri tal-Ewropa Tiegħek, Netwerk Enterprise Europe, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur, EURES, FIN-NET u Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen. Iċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom jistabbilixxu wkoll relazzjonijiet ta’ ħidma tajbin mal-membri nazzjonali rispettivi tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali, sabiex jippermettu trattament effettiv tal-każijiet ta’ sigurtà soċjali.

    2.

    Iċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom ikunu f’kuntatt regolari u jikkooperaw mill-qrib mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom tal-“EU Pilot”, sabiex jiġi żgurat skambju ta’ informazzjoni xieraq dwar il-każijiet u l-ilmenti riċevuti.

    3.

    Il-Kummissjoni se tiffaċilita kooperazzjoni bħal din billi, fost affarijiet oħra, torganizza avvenimenti konġunti tan-netwerk u tistabbilixxi mezzi tekniċi ta’ konnessjoni, ma’ netwerks u punti ta’ kuntatt bħal dawn kif indikat fil-punt 1 (7).

    X.   IL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA PERSONALI U L-KUNFIDENZJALITÀ

    L-ipproċessar ta’ dejta personali għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti tat-trasparenza u d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta, huwa rregolat mir-Regolament dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ir-Regolament tal-IMI). B’konformità ma’ dan ir-Regolament, għandu japplika dan li ġej:

    1.

    L-applikanti għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-ilmenti tagħhom lis-SOLVIT permezz ta’ interfaċċja pubblika marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, magħmula għad-dispożizzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. L-applikanti m’għandhomx aċċess għall-bażi tad-dejta tas-SOLVIT.

    2.

    Iċ-Ċentri tad-Domiċilju u ċ-Ċentri Ewlienin għandu jkollhom aċċess għall-bażi tad-dejta tas-SOLVIT u jkunu jistgħu jittrattaw il-każ li jkunu involuti fih permezz ta’ din il-bażi tad-dejta. Dan jinkludi aċċess għad-dejta personali tal-applikant.

    3.

    Ċentri tas-SOLVIT oħra li ma jkunux involuti f’każ partikolari u l-Kummissjoni għandu jkollhom biss aċċess għall-qari tal-informazzjoni anonima dwar il-każ.

    4.

    Iċ-Ċentru tad-Domiċilju normalment għandu jiżvela l-identità tal-applikant liċ-Ċentru Ewlieni biex jiffaċilita s-soluzzjoni tal-problemi. L-applikant għandu jiġi informat dwar dan fil-bidu tal-proċess u jingħata l-opportunità li joġġezzjona, f’liema każ l-identità tal-applikant m’għandhiex tiġi żvelata.

    5.

    L-informazzjoni pprovduta mill-applikant għandha tintuża miċ-Ċentru Ewlieni u mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati mill-ilment biss għall-iskop tas-soluzzjoni tal-każ. L-uffiċjali li jittrattaw il-każ għandhom jipproċessaw id-dejta personali biss għall-għanijiet li għalihom tkun ġiet trasmessa. Għandhom jittieħdu wkoll il-passi xierqa biex tiġi ssalvagwardjata informazzjoni kummerċjalment sensittiva li ma tinkludux dejta personali.

    6.

    Każ jista’ jiġi ttrasferit lejn netwerk jew organizzazzjoni oħra għas-soluzzjoni tal-problemi biss bil-kunsens tal-applikant.

    7.

    Il-persunal tal-Kummissjoni għandu jkollu aċċess għad-dejta personali tal-applikanti biss fejn dan ikun meħtieġ biex:

    (a)

    jiġi evitat li jkun hemm trattament doppju tal-istess problema ppreżentata lill-Kummissjoni jew istituzzjoni tal-Unjoni oħra permezz ta’ proċedura oħra;

    (b)

    jiġi offrut parir legali informali skontit-Taqsima VI;

    (c)

    jiġi deċiż dwar il-possibbiltà ta’ segwitu għal każijiet diġà ttrattati mis-SOLVIT;

    (d)

    jissolvew kwistjonijiet tekniċi li jaffettwaw il-bażi tad-dejta tas-SOLVIT.

    8.

    Id-dejta personali relatata mal-każijiet tas-SOLVIT għandha tiġi bblukkata fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern 18-il xahar wara l-għeluq ta’ każ tas-SOLVIT. Deskrizzjonijiet anonimizzati ta’ każijiet tas-SOLVIT għandhom jibqgħu fil-bażi tad-dejta tas-SOLVIT u jistgħu jintużaw għal skopijiet ta’ statistika, rappurtar u żvilupp tal-politiki.

    XI.   DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN

    Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni 2001/893/KE. Ir-referenzi kollha għar-Rakkomandazzjoni 2001/893/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din ir-Rakkomandazzjoni.

    XII.   ID-DATA TAL-APPLIKAZZJONI U D-DESTINATARJI

    Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2013.

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Michel BARNIER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 331, 15.12.2001, p. 79.

    (2)  COM(2012) 259 final.

    (3)  COM(2013) 269 final.

    (4)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1.

    (5)  Il-ġestjoni tal-ilmenti/Accueil des Plaignants — Is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ilmenti tal-Kummissjoni.

    (6)  COM(2007) 502 final.

    (7)  Fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-mezzi tekniċi huma stabbiliti permezz ta’ Pariri tal-Ewropa Tiegħek u qed jiġu żviluppati flimkien ma’ Europe Direct.


    Top