Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0258(01)

    2013/258/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Mejju 2013 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP u tal-UE dwar l-istatus tar-Repubblika Federali tas-Somalja fir-rigward tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

    ĠU L 150, 4.6.2013, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/258(2)/oj

    4.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 150/26


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-27 ta’ Mejju 2013

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP u tal-UE dwar l-istatus tar-Repubblika Federali tas-Somalja fir-rigward tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

    (2013/258/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (2), kif emendat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (3) u emendat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (4) (“il-Ftehim AKP-UE”) jistipula li kull talba għall-adeżjoni ta’ Stat għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill tal-Ministri AKP-KE u approvata minnu.

    (2)

    Fil-25 ta’ Frar 2013, ir-Repubblika Federali tas-Somalja ppreżentat talba ta’ adeżjoni skont l-Artikolu 94 tal-Ftehim AKP-UE.

    (3

    L-approvazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika Federali tas-Somalja mill-Kunsill tal-Ministri AKP-l-UE għandha tkun appoġġjata mill-Unjoni.

    (4)

    Ir-Repubblika Federali tas-Somalja għandha tiddepożita l-Att ta’ Adeżjoni tagħha fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Istati AKP, bħala d-Depożitarji tal-Ftehim AKP-UE.

    (5)

    Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE dwar it-talba tar-Repubblika Federali tas-Somalja għall-istatus ta’ osservatur fir-rigward ta’, u l-adeżjoni sussegwenti mal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005, u emendat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet formali u minuri għall-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE anness mingħajr il-ħtieġa li tiġi emendata din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

    (2)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif rettifikat minn ĠU L 385, 29.12.2004, p. 88.

    (3)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

    (4)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI TAL-ISTATI TAL-AKP U L-UE

    ta’ …

    dwar it-talba magħmula mir-Repubblika Federali tas-Somalja għall-istatus ta’ osservatur fir-rigward ta’, u l-adeżjoni sussegwenti għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-MINISTRI TA’ BEJN L-ISTATI TAL-AKP U L-UE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), kif emendat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2) u kif emendat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (3) (“il-Ftehim AKP-UE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/2005 tat-8 ta’ Marzu 2005 tal-Kunsill tal-Ministri tal-Istati tal-AKP u l-UE dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Ministri tal-AKP u l-UE (4) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 8(2) tagħha,

    Billi

    (1)

    Il-Ftehim ta’ Cotonou daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008 skont l-Artikolu 93(3) tiegħu. Ġie emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005, u għat-tieni darba f’Ouagadougou fil-22 ta’ Ġunju 2010. It-tieni reviżjoni ilha tiġi applikata b’mod provviżorju sa mill-31 ta’ Ottubru 2010 (5).

    (2)

    L-Artikolu 94 tal-Ftehim AKP-UE jistipula li kwalunkwe talba li ssir minn Stat biex jissieħeb għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP u l-UE, biex dan japprovaha.

    (3)

    Fil-25 ta’ Frar 2013, ir-Repubblika Federali tas-Somalja ppreżentat talba għall-istatus ta’ osservatur u l-adeżjoni sussegwenti skont l-Artikolu 94 tal-Ftehim AKP-UE.

    (4)

    Ir-Repubblika Federali tas-Somalja għandha tiddepożita l-Att ta’ Adeżjoni għand id-Depożitarji tal-Ftehim AKP-UE, jiġifieri s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Istati tal-AKP.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni tat-talbiet għas-sħubija u għall-istatus ta’ osservatur

    It-talba magħmula mir-Repubblika Federali tas-Somalja biex tissieħeb fil-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 u kif emendat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010, hija b’dan approvata.

    Ir-Repubblika Federali tas-Somalja tiddepożita l-Att ta’ Adeżjoni għand id-Depożitarji tal-Ftehim AKP-UE, jiġifieri s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Istati tal-AKP.

    Sad-data tal-adeżjoni tagħha, ir-Repubblika Federali tas-Somalja tista’ tattendi s-sessjonijiet tal-Kunsill bħala osservatur.

    Artikolu 2

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi,

    Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-UE

    Il-President


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    (2)  Ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27).

    (3)  Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

    (4)  ĠU L 95, 14.4.2005, p. 44

    (5)  Deċiżjoni Nru 2/2010 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tal-21 ta’ Ġunju 2010, ĠU L 287, 4.11.2010, p. 68.


    Top