Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0243

    2013/243/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta’ Mejju 2013 dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tas-Sważiland fir-rigward tal-ħawħ, lanġas u ananas (notifikata bid-dokument C(2013) 2906)

    ĠU L 141, 28.5.2013, p. 54–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/243/oj

    28.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 141/54


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-24 ta’ Mejju 2013

    dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tas-Sważiland fir-rigward tal-ħawħ, lanġas u ananas

    (notifikata bid-dokument C(2013) 2906)

    (2013/243/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(4) tal-Anness II tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta’ April 2012 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/213/UE (2) li tagħti deroga temporanja mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tas-Sważiland fir-rigward tal-ħawħ, lanġas u ananas.

    (2)

    Fit-28 ta’ Frar 2013, is-Sważiland talab, f’konformità mal-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, deroga ġdida mir-regoli tal-oriġini stabbiliti f’dak l-Anness għal sentejn mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2014. It-talba tkopri kwantità totali ta’ 780 tunellata ta’ ħawħ, lanġas u taħlitiet ta’ ħawħ u/jew lanġas u/jew ananas f’sugu tal-frott taħt Kodiċi NM ex 2008 70 98, 2008 40 90 u ex 2008 97 98.

    (3)

    Skont l-informazzjoni li waslet mis-Sważiland, dan mhux kapaċi jissodisfa r-regola tal-oriġini speċifika għall-prodott kif stipulat fl-Appendiċi 1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 li fost affarijiet oħrajn tesiġi li l-materjali kollha użati jkunu kklassifikati taħt intestatura oħra għajr dik tal-prodott finali. Is-Sważiland jikseb ħawħ u lanġas imqatta’ mingħajr oriġini f’sugu tal-frott li ma fihx zokkor taħt kodiċijiet NM ex 2008 70 92 u 2008 40 90 mill-Afrika t’Isfel, li huwa pajjiż ġarr, għall-produzzjoni tal-prodott finali billi mhemmx produzzjoni lokali tal-ħawħ u lanġas ta’ skala kummerċjali. Skont l-Artikolu 6(7) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, il-prodotti finali huma esklużi mill-kumulazzjoni mal-Afrika t’Isfel. B’hekk il-prodott finali mhuwiex konformi mar-regoli stipulati f’dak l-Anness.

    (4)

    L-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 jiddikjara li l-Komunità għandha tirrispondi b’mod pożittiv għat-talbiet kollha tal-Istati tal-AKP li huma ġġustifikati f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu u li ma jistgħux jikkawżaw dannu serju lil industrija stabbilita tal-Komunità.

    (5)

    Skont l-Artikolu 36(1)(b) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, is-Sważiland talab aktar żmien biex jipprepara ruħhu ħalli jikkonforma mar-regoli tal-oriġini billi l-operaturi ekonomiċi qed iwettqu esperiment, bl-użu tal-ħawħ u/jew lanġas frisk mill-Afrika t’Isfel, imqaxxra, imqatta’ u ppakkjati fi btieti fl-ilma kiesaħ u ttrasportati lejn is-Sważiland fi stat imkessaħ għal ipproċessar ulterjuri hemmhekk. L-użu ta’ dawn il-materjali, li huma kklassifikati fi ħdan il-Kapitolu 8 tas-Sistema Armonizzata, jista’ jippermetti li l-prodott finali manifatturat fis-Sważiland jikkonforma mar-regola msemmija hawn fuq.

    (6)

    Is-Sważiland spjega l-ħtieġa li jiġu ssodisfati t-talbiet mingħand ix-xerrejja Ewropea għal firxa ta’ prodotti fil-laned, inklużi kwantitajiet limitati ta’ lanġas u ħawħ li ma jitkabbrux fit-territorju tiegħu. Jekk il-bejjiegħa Ewropej fil-livell tal-operaturi ma jkunux jistgħu jixtru l-firxa kollha tal-prodotti mill-fornitur tagħhom fis-Sważiland, dan jista’ jirriżulta fit-telf ta’ kummerċ tal-ġeli, tal-ananas u taċ-ċitru f’tazzi għas-Sważiland.

    (7)

    Billi s-Sważiland jeħtieġ aktar żmien biex jipprepara ruħhu ħalli jikkonforma mar-regoli tal-oriġini, għandha tingħata deroga temporanja. Id-deroga temporanja għandha tkun limitata għat-tul ta’ żmien meħtieġ għall-kumpanija benefiċjarja biex tikkonforma mar-regoli skont l-Artikolu 36(2) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007.

    (8)

    Sabiex is-Sważiland jitħalla juża bis-sħiħ il-kwantitajiet mogħtija, u filwaqt li jitqies il-fatt li s-Sważiland jista’ juża l-aħħar deroga biss fit-tieni semestru tal-2012, deroga temporanja għandha jkollha effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2013.

    (9)

    Skont l-Artikolu 36(4) ta’ Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, id-deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini ma għandhiex tikkawża dannu serju għal industrija tal-Unjoni stabbilita, bil-kundizzjoni li ċerti kundizzjonijiet relatati mal-kwantitajiet, is-sorveljanza u t-tul ta’ żmien jiġu rispettati.

    (10)

    Huwa għalhekk iġġustifikat li tirrispondi b’mod pożittiv għat-talba tas-Sważiland u li tingħata deroga temporanja skont l-Artikolu 36(1)(b) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007.

    (11)

    Skont l-informazzjoni li waslet mis-Sważiland, l-esportazzjonijiet taħt id-deroga ta’ prodotti tal-intestatura HS 2008 kienu madwar 250 tunnellata għall-perjodu minn Lulju sa Diċembru 2012. Il-kwantitajiet li għandhom jiġu allokati għal 2013 u 2014 għandhom ikunu konsistenti ma’ dan l-użu. Huwa xieraq li jkun hemm provvediment għal 500 tunnellata fis-sena li jirrispetta l-ħila tal-industrija eżistenti li tkompli l-esportazzjoni tagħha lejn l-Unjoni.

    (12)

    Għalhekk, għandha tingħata deroga temporanja għal sentejn lis-Sważiland fir-rigward ta’ 500 tunnellata fis-sena ta’ ħawħ, lanġas u taħlitiet ta’ ħawħ u/jew lanġas u/jew ananas f’sugu tal-frott taħt Kodiċi NM ex 2008 70 98, 2008 40 90 u ex 2008 97 98.

    (13)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (3), jistipula r-regoli marbuta mal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti mwettqa b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tas-Sważiland, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, dawk ir-regoli għandhom japplikaw għall-kwantitajiet importati skont id-deroga mogħtija b’din id-Deċiżjoni.

    (14)

    Sabiex ikun hemm sorveljanza effiċjenti tal-operat tad-deroga, l-awtoritajiet tas-Sważiland għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni b’mod regolari d-dettalji taċ-ċertifikati ta’ moviment tal-EUR.1 maħruġin.

    (15)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u skont l-Artikolu 36(1)(b) ta’ dak l-Anness, il-ħawħ, il-lanġas u taħlitiet ta’ ħawħ u/jew lanġas u/jew ananas f’sugu tal-frott taħt Kodiċi NM ex 2008 70 98, 2008 40 90 u ex 2008 97 98 li fil-manifattura tagħhom jintużaw ħawħ imqatta’ mingħajr oriġini f’sugu tal-frott li ma fihx zokkor taħt kodiċijiet NM ex 2008 70 92 u lanġas imqatta’ mingħajr oriġini f’sugu tal-frott li ma fihx zokkor taħt kodiċijiet NM 2008 40 90, għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw mis-Sważiland skont it-termini stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti u l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness li huma dikjarati għal rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera lejn l-Unjoni mis-Sważiland matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2014.

    Artikolu 3

    Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    Artikolu 4

    L-awtoritajiet doganali tas-Sważiland għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jitwettqu l-kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

    Iċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 kollha maħruġa għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jinkludu referenza għal din id-Deċiżjoni.

    Qabel it-tmiem tal-aħħar tax-xahar ta’ kull perjodu ta’ tliet xhur, l-awtoritajiet kompetenti tas-Sważiland għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni kull tliet xhur tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati ta’ moviment EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta’ dawk iċ-ċertifikati.

    Artikolu 5

    Il-kaxxa Nru 7 taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 li nħarġu skont din id-Deċiżjoni għandha tinkludi dan li ġej:

    “Derogation — Implementing Decision 2013/243/EU”.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2014.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Mejju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 113, 25.4.2012, p. 12.

    (3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


    ANNESS

    Numru tas-serje

    Kodiċi NM

    Isem il-prodotti

    Perjodu

    Kwantità totali annwali

    (tunnellati)

    09.1628

    2008 40 90

    Preparazzjonijiet tal-lanġas

    1.1.2013 sal-31.12.2013

    500

    ex 2008 70 98

    Preparazzjonijiet tal-ħawħ

    ex 2008 97 98

    Preparazzjonijiet tal-frott Taħlitiet ta’ ħawħ u/jew lanġas u/jew ananas f’sugu tal-frott

    1.1.2014 sal-31.12.2014

    500


    Top