Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0236

    2013/236/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 25 ta’ April 2013 indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli

    ĠU L 141, 28.5.2013, p. 32–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/09/2013; Imħassar b' 32013D0463

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/236(1)/oj

    28.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 141/32


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-25 ta’ April 2013

    indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli

    (2013/236/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 136(1), flimkien mal-Artikolu 126(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 136(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bil-ħsieb li jiġi żgurat it-tħaddim kif xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja.

    (2)

    Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE li jgħid li f’Ċipru kien jeżisti defiċit eċċessiv (1) u ħareġ rakkomandazzjoni lil Ċipru skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE bil-ħsieb li tinġieb fi tmiemha s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern u ddikjara li “l-awtoritajiet ta’ Ċipru għandhom iġibu fi tmiemha l-qagħda attwali ta’ żbilanċ eċċessiv mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-2012”.

    (3)

    Fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2012 ta’ Ċipru u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Ċipru, 2012-2015 (2), il-Kunsill irrakkomanda, fost affarijiet oħra, li Ċipru jieħu azzjoni biex tinkiseb korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv tiegħu fl-2012, jiżgura li jsir biżżejjed progress fir-rigward tal-valur referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn tiegħu, jissaħħu d-dispożizzjonijiet regolatorji għar-rikapitalizzazzjoni effiċjenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji u li titjieb il-kompetittività.

    (4)

    Fis-swieq finanzjarji kienet qed issir pressjoni dejjem akbar fuq Ċipru, quddiem l-isfond ta’ tħassib dejjem jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tiegħu, inkluż dwar il-miżuri sinifikanti li jkunu meħtieġa mis-settur pubbliku bħala sostenn għas-settur finanzjarju li jinsab għaddej minn problemi. Xi wħud mill-iżbilanċi tfaċċaw għax il-pajjiż ittieħed minn effetti negattivi li ġew minħabba l-kriżi taż-żona tal-euro, inkluż l-iżviluppi fil-Greċja. Żbilanċi oħrajn, kif speċifikat fir-reviżjoni fil-fond tal-2012 tal-Kummissjoni għal Ċipru u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012, kellhom oriġini domestika u li kienu ilhom hemm. Fost tnaqqis konsekuttiv fil-klassifikazzjoni mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-bonds sovrani Ċiprijotti, il-pajjiż ma baqax f’pożizzjoni li jiffinanzja lilu nnifsu mill-ġdid b’rati kompatibbli ma’ sostenibbiltà fiskali għat-tul. Fl-istess waqt, is-settur bankarju kien qed jinqata’ dejjem aktar mill-finanzjament tas-swieq internazzjonali u diversi istituzzjonijiet finanzjarji kbar irreġistraw telf kapitali sostanzjali.

    (5)

    Fl-isfond ta’ dawn il-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji severment avversi, l-awtoritajiet Ċiprijotti talbu uffiċjalment assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja/il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) fil-25 ta’ Ġunju 2012, kif ukoll mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), bil-għan li tingħata għajnuna biex l-ekonomija ta’ Ċipru terġa’ lura għat-triq li twassal għal tkabbir sostenibbli, biex b’hekk tiġi żgurata sistema bankarja li tiffunzjona sewwa u li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-euro. Fis-27 ta’ Ġunju 2012, il-Grupp tal-euro stieden lill-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), mal-awtoritajiet Ċiprijotti, u mal-FMI biex jaqblu dwar programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru, inklużi l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tiegħu, u li tittieħed l-azzjoni xierqa għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja attwali fl-ambjent diffiċli ħafna fejn hemm riskju ta’ effetti li jinxterdu minħabba taqlib fis-suq sovran. Fi l-25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-euro laħaq ftehim politiku mal-awtoritajiet Ċiprijotti fuq il-pedamenti ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku. Is-settur bankarju kellu jiġu ristrutturat u mċekken u kellhom jitqawwew l-isforzi fuq il-konsolidazzjoni fiskali, ir-riformi strutturali u l-privatizzazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikapitalizzazzjoni tal-akbar żewġ banek kellha tiġi ġġenerata esklussivament minn ħdan dawk il-banek (jiġifieri mill-azzjonisti, detenturi tal-bonds u d-depożitanti).

    (6)

    Fiċ-ċirkostanzi preżenti, Ċipru għandu jadotta pakkett komprensiv ta’ politika biex jiġi implimentat fi ħdan programm ta’ aġġustament makroekonomiku ta’ tliet (3) snin, fuq perjodu minn 2013-Q2 sa 2016-Q1.

    (7)

    Il-pakkett komprensiv ta’ politika għandu jkollu l-għan li terġa tinkiseb il-fiduċja tas-suq finanzjarju, jiġu ristabbiliti bilanċi makroekonomiċi sodi u li jippermetti li l-ekonomija tkun tista’ terġa’ lura għal tkabbir sostenibbli. Għandu jkun strutturat fuq tliet pilastri. L-ewwel pilastru għandu jkun strateġija għas-settur finanzjarju bbażata fuq ir-ristrutturar u t-tiċkin tal-istituzzjonijiet finanzjarji tiegħu u t-tisħiħ tas-sorveljanza tas-settur, bi sforzi biex jiġu indirizzati nuqqasijiet fil-kapital u l-likwidità. It-tieni pilastru għandu jkun strateġija ambizzjuża ta’ konsolidament fiskali li tinbeda b’saħħa li għandha tiġi implimentata, b’mod partikolari, permezz ta’ miżuri mmirati biex jitnaqqas l-infiq primarju attwali, jsaħħaħ id-dħul tal-gvern, jitjieb it-tħaddim tas-settur pubbliku u tinżamm il-konsolidazzjoni fiskali fuq il-medda medja ta’ żmien, filwaqt li jiġi mminimizzat l-impatt fuq persuni żvantaġġjati u tinżamm l-implimentazzjoni tajba ta’ fondi strutturali u fondi oħra tal-Unjoni. It-tielet pilastru għandu jikkonsisti minn aġenda ambizzjuża ta’ riformi strutturali, bil-għan li tiġi sostnuta l-kompetittività u tkabbir sostenibbli u bbilanċjat, li jippermettu t-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi, b’mod partikolari billi tiġi riformata s-sistema tal-indiċizzar tal-pagi, f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u t-tneħħija ta’ ostakli għall-funzjonament mingħajr intoppi tas-swieq. Filwaqt li jfakkru l-ftehim politiku tat-28 ta’ Frar 2013 fuq Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi garanzija għaż-żgħażagħ, għandhom jinżammu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-prospetti tagħhom li jsibu impjieg.

    (8)

    Skont tbassir aġġornat tax-xitwa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (– 0,5 % fl-2012, – 8,2 % fl-2013, – 2,9 % fl-2014, 2,6 % fl-2015 u 3,7 % fl-2016), il-proporzjon tad-dejn għall-PGD se jammonta għal 87 % fl-2012, 109 % fl-2013, 123 % fl-2014, 126 % fl-2015 u 122 % fl-2016. Għaldaqstant, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied malajr sal-2015 u jaqbad xejra ‘l isfel wara dan, u jinżel għal madwar 105 % fl-2020. Id-dinamiċi tad-dejn huma affettwati minn diversi operazzjonijiet esklużi mit-total tal-kont. Skont tbassir aġġornat tax-xitwa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG, l-ewwel Bilanċ ġenerali tal-gvern hu mbassar li jilħaq defiċit ta’ EUR 395 miljun (2,4 % tal-PDG) fl-2013, defiċit ta’ EUR 678 miljun (4,3 % tal-PGD) fl-2014, defiċit ta’ EUR 344 miljun (2,1 % tal-PGD) fl-2015 u bilanċ pożittiv ta’ EUR 204 miljun (1,2 % tal-PGD) fl-2016.

    (9)

    Fattur kritiku għat-tisħiħ tal-istabbilità finanzjarja f’Ċipru huwa li titqawwa r-reżiljenza tas-settur bankarju Ċiprijott u konsegwentement, minħabba r-rabtiet qawwija, li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. Bħalissa qed isir tiċkin u ristrutturar sostanzjali tas-settur bankarju Ċiprijott. Il-Kamra tar-Rappreżentanti Ċiprijotta adottat leġiżlazzjoni li tistabbilixxi qafas komprensiv għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Bl-użu ta’ dak il-qafas il-ġdid, is-settur bankarju Ċiprijott iċċekken b’mod immedjat u b’mod sinifikanti. Għall-preżervazzjoni tal-likwidità fis-settur bankarju Ċiprijott, ġew imposti miżuri amministrattivi temporanji, inkluż kontrolli fuq il-kapital.

    (10)

    L-implimentazzjoni ta’ riformi komprensiv u ambizzjużi f’oqsma finanzjarji, fiskali u strutturali għandha tissalvagwradaw s-sostenibbiltà, fuq perjodu ta’ żmien medju, tad-dejn pubbliku Ċiprijott.

    (11)

    Il-Kummissjoni Ewropea, b’kooperazzjoni mal-BĊE, u fejn xieraq, mal-FMI għandha tivverifika f’intervalli regolari l-implimentazzjoni rigoruża tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku ta’ Ċipru permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet Ċiprijotti, fuq bażi ta’ kull tliet xhur.

    (12)

    Matul l-implimentazzjoni tal-pakkett komprensiv ta’ politika ta’ Ċipru, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll assistenza teknika f’oqsma speċifiċi.

    (13)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom jinvolvu, skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

    (14)

    Kwalunkwe forma ta’ assistenza finanzjarja riċevuta minn Ċipru sabiex tgħinu fl-implimentazzjoni tal-politiki taħt programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu għandha tkun konformi ma’ rekwiżiti legali u politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni. Interventi ta’ appoġġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe miżura stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim fil-kuntest ta’ assistenza finanzjarja mitluba tal-MES hija kompletament konsistenti ma’ din id-Deċiżjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn tal-ekonomija Ċiprijotta lejn it-triq ta’ tkabbir sostenibbli u ta’ sostenibbilta fiskali u finanzjarja, Ċipru għandu jimplimenta b’mod rigoruż programm ta’ aġġustament makroekonomiku (“il-programm”), li l-elementi prinċipali tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni. Il-programm jindirizza r-riskji speċifiċi li joriġinaw f’Ċipru għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u jkollu l-għan li terġa’ tinkiseb malajr sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika soda u sostenibbli u tiġi restawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu bis-sħiħ fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Il-programm iqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lil Ċipru skont l-Artikoli 121, 126, 136 u 148 tat-TFUE kif ukoll l-azzjonijiet ta’ Ċipru biex jikkonforma magħhom, filwaqt li jimmira lejn it-twessigħ, it-tisħiħ u l-approfondiment tal-miżuri ta’ politika meħtieġa.

    2.   Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-BĊE, u fejn xieraq, mal-FMI, għandha tissorvelja l-progress ta’ Ċipru magħmul fl-implimentazzjoni tal-programm tiegħu. Ċipru għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u mal-BĊE. B’mod partikolari huwa għandu jipprovdilhom l-informazzjoni kollha li jqis neċessarja għall-monitoraġġ tal-programm.

    3.   Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-BĊE u, fejn xieraq, mal-FMI, għandha teżamina mal-awtoritajiet Ċiprijotti kwalunkwe tibdiliet u aġġornamenti għall-programm li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex tqis kif xieraq, inter alia, kwalunkwe diskrepanza sinifikanti bejn il-previżjonijiet makroekonomiċi u fiskali u ċ-ċifri reali (inkluż tal-qgħad), l-effetti negattivi mifruxa kif ukoll ħasdiet makroekonomiċi u finanzjarji.

    Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-programm, u bħala għajnuna biex l-iżbilanċi jiġu kkoreġuti b’mod sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi pariri u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, strutturali u tas-swieq finanzjarji.

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta regolarment l-impatt ekonomiku tal-programm u tirrakkomanda l-korrezzjonijiet neċessarji bil-għan li jissaħħaħ it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tinkiseb il-konsolidazzjoni fiskali meħtieġa, u jiġu minimizzati impatti soċjali li jġibu ħsara.

    Artikolu 2

    1.   L-objettivi prinċipali tal-programm Ċiprijott għandhom ikunu: li tiġi restawrata l-pożizzjoni soda tas-settur bankarju Ċiprijott; li jitkompla l-proċess kontinwu ta’ konsolidazzjoni fiskali; kif ukoll li jiġu implimentati riformi strutturali li jsostnu l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli u bbilanċjat.

    2.   Ċipru għandu jissokta b’konsolidazzjoni fiskali konsistenti mal-obbligi tiegħu skont il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv permezz ta’ miżuri permanenti ta’ kwalità għolja u bil-minimizzazzjoni tal-impatt fuq gruppi vulnerabbli.

    3.   Ċipru għandu jadotta l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 4 sa 15.

    4.   Sabiex jitnaqqas id-defiċit għal inqas minn 3 % tal-PDG kemm jista’ jkun malajr, Ċipru għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni. B’mod speċifiku, f’każ ta’ prestazzjoni inadegwata minn intrjoti jew minħabba bżonnijiet ta’ nfiq soċjali ogħla minħabba effetti makroekonomiċi negattivi, il-Gvern Ċiprijott ikun lest li jieħu miżuri addizzjonali biex jippreserva l-objettivi tal-programm, inkluż permezz tat-tnaqqis fl-infiq diskrezzjonarju, filwaqt li jimminimizzaw l-impatt fuq persuni żvantaġġjati. Matul il-perjodu tal-programm, l-introjtu f’kontanti li jeċċedi l-previżjonijiet fil-programm, inkluż kwalunkwe qligħ mhux mistenni, irid jitfaddal jew jintuża biex jitnaqqas id-dejn. Jekk, minflok dan, ikun hemm prestazzjoni aħjar milli mistenni, sal-punt li din titqies permanenti, dan jista’ jnaqqas il-ħtieġa ta’ miżuri addizzjonali fis-snin ta’ wara.

    5.   Ċipru għandu jżomm mal-implimentazzjoni tajba ta’ fondi strutturali u fondi oħra tal-Unjoni.

    6.   Bil-għan li tiġi rrestawrata l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tiegħu, Ċipru għandu jkompli bir-riforma u r-ristrutturar mill-qiegħ tas-settur bankarju u jsaħħaħ il-banek vijabbli billi jirrestawra l-kapital tagħhom, jindirizza s-sitwazzjoni tal-likwidità tagħhom u jsaħħaħ is-superviżjoni tagħhom. Il-programm għandu jipprevedi dawn il-miżuri u riżultati:

    (a)

    li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-likwidità tas-settur bankarju tiġi ssorveljata mill-qrib. Ir-restrizzjonijiet temporanji li ġew imposti dan l-aħħar fuq il-moviment ħieles tal-kapital (fost affarijiet oħra, limiti fuq il-ġbid ta’ flus kontanti, fuq il-ħlasijiet elettroniċi u fuq it-trasferimenti magħmula barra mill-pajjiż) għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib. L-għan huwa li l-kontrolli għandhom jibqgħu fis-seħħ biss sakemm ikunu strettament meħtieġa sabiex jipprevjenu riskji serji u immedjati għall-istabbiltà finanzjarja. Il-pjanijiet ta’ finanzjament u ta’ kapital, fuq perijodu ta’ żmien medju, tal-banek lokali li jiddependu fuq il-finanzjament mingħand il-banek ċentrali jew li jirċievi l-għajnuna mill-Istat għandhom jirriflettu b’mod realistiku t-tnaqqis fl-ingranaġġ li hu antiċipat li jseħħ fis-settur bankarju, u jnaqqsu d-dipendenza fuq self minn banek ċentrali, filwaqt li jiġu evitati bejgħ bl-għaġġla tal-assi u kriżi tal-kreditu. Ir-regolamenti dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ likwidità għandhom jiġu aġġornati biex ma jkunx hemm konċentrazzjoni eċċessiva ta’ emittenti fil-futur;

    (b)

    li ssir valutazzjoni indipendenti tal-assi tal-Bank of Cyprus u tas-Cyprus Popular Bank u li jiġu integrati malajr l-operazzjonijiet tas-Cyprus Popular Bank ma’ dawk tal-Bank of Cyprus. Il-valutazzjoni trid isseħħ malajr sabiex il-konverżjoni tad-depożiti f’azzjonijiet tkun tista’ titlesta fil-Bank of Cyprus;

    (c)

    li jiġu adottati r-rekwiżiti regolatorji meħtieġa rigward żieda fil-proporzjon minimu tal-adegwatezza kapitali ewlieni għal-Livell minimu ċentrali 1 għal 9 % sal-aħħar tal-2013;

    (d)

    li jittieħdu passi biex jiġi minimizzat il-kost tar-ristrutturar tal-banek għall-kontribwenti. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu kummerċjali u koperattivi sottokapitalizzati jgħollu, sal-ogħla livell possibbli, il-kapital minn sorsi privati qabel ma jkunu awtorizzati miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Kwalunkwe pjan ta’ ristrutturar għandu jiġi formalment approvat taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, qabel tiġi pprovduta tali għajnuna mill-Istat. Istituzzjonijiet ta’ kreditu kummerċjali u kooperattivi b’nuqqas ta’ kapital jistgħu, jekk miżuri oħrajn ma jkunux biżejjed, jitolbu għajnuna ta’ rikapitalizzazzjoni mill-Istat f’konformità ma’ proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat.

    (e)

    li jiġi żgurat li jinħoloq reġistru ta’ kreditu, li l-qafas regolatorju kurrenti fuq proċessi ta’ oriġini u ġestjoni ta’ self jiġi rivedut u emendat, jekk ikun hemm bżonn, u li tiġi adottata leġiżlazzjoni għat-tisħiħ tal-governanza ta’ banek kummerċjali;

    (f)

    li tissaħħaħ il-governanza tal-banek, inkluż billi jiġi pprojbit is-self lil membri indipendenti tal-bord jew lil partijiet relatati magħhom;

    (g)

    li jiġi mmassimizzat l-irkupru għal self mhux produttiv, filwaqt li jiġu minimizzati l-inċentivi għal inadempjenza strateġika minn min jissellef. Dan għandu jinkludi t-tnaqqis ta’ limitazzjonijiet fuq il-qbid ta’ kollateral u l-monitoraġġ xieraq u l-ġestjoni ta’ self improduttiv. Il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru għandu joħroġ gwida il-klassifikazzjoni tas-self kollu li jkun għadu ma tħallasx wara 90 jum bħala “improduttiv”;

    (h)

    li jiġu allineati r-regolazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet koperattivi ta’ kreditu ma’ dawk tal-banek kummerċjali;

    (i)

    li tiġi aċċertata l-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu u tiġi żviluppata, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoniil-BĊE u l-FMI, strateġija għall-istruttura, il-funzjonament u l-vijabbiltà fil-ġejjieni tas-settur tal-istituzzjonijiet koperattivi ta’ kreditu. L-implimentazzjoni ta’ dik l-istrateġija għandha titlesta sa nofs l-2015;

    (j)

    li jissaħħaħ il-monitoraġġ fuq id-djun tas-settur korporattiv u dak domestiku u li jiġi stabbilit qafas ta’ ristrutturar immirat tad-dejn tas-settur privat sabiex ikun iffaċilitat self ġdid u jitnaqqsu l-limiti fuq il-kreditu;

    (k)

    li jitkompla jittejjeb il-qafas ta’ kontra l-ħasil ta’ flus, u li tiġi żgurata trasparenza sħiħa tal-entitajiet (persuni ġuridiċi u arranġamenti legali oħrajn, bħal trusts), f’konformità mal-aħjar prassi;

    (l)

    li tiġi introdotta superviżjoni obligatorja ibbażata fuq il-livelli ta’ kapitalizzazzjoni;

    (m)

    li jiġi integrat l-ittestjar tal-istress f’superviżjoni regolari ta’ banek mhux fuq il-post; u

    (n)

    li tiġi implimentata sistema unika ta’ rappurtar ta’ data għall-banek u istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    7.   Matul l-2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom jimplimentaw b’mod rigoruż il-Liġi tal-Baġit tal-2013 ta’ Ċipru b’miżuri permanenti addizzjonali ta’ mill-inqas EUR 351 miljun (2,1 % tal-PGD). Ċipru għandu jimplimenta permezz ta’ miżuri leġislattivi u oħrajn, inkluż jekk meħtieġ l-emendar tal-Liġi tal-Baġit tal-2013, il-miżuri ta’ konsolidament addizzjonali. Ċipru għandu jadotta l-miżuri li ġejjin:

    (a)

    fuq in-naħa tan-nefqa, il-baġit tiegħu għandu jinkludi, it-tnaqqis tan-nefqa fuq skemi ta’ djar b’mill-inqas EUR 36 miljun, tnaqqis ulterjuri skalat tal-pagi tas-settur pubbliku, u r-razzjonalizzazzjoni ta’ ċerti benefiċċji soċjali;

    (b)

    fuq in-naħa tad-dħul, il-miżuri addizzjonali għandhom jinkludu żidiet fit-taxxi fuq il-proprjetà, ir-rata tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv statutorju, fir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu mill-imgħax, fil-levy bankarja, u l-ħlasijiet għal servizzi pubbliċi;

    (c)

    riforma tas-sistema tat-taxxa għal vetturi bil-mutur tiegħu, abbażi ta’ prinċipji ekoloġiċi u bil-għan li jkun hemm introjti addizzjonali;

    (d)

    miżuri għall-kontroll tal-ispejjeż fuq is-saħħa u jtejjeb il-kosteffiċjenza fis-settur tal-kura tas-saħħa permezz tat-tisħiħ tal-effiċjenza, il-kompetittività u l-kosteffettività tal-isptarijiet pubbliċi. Barra minn hekk, Ċipru għandu jintroduċi sistema ta’ kopagamenti għal numru limitat ta’ servizzi mediċi u ta’ farmaċewtiċi; kif ukoll

    (e)

    implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni adottati sa minn Diċembru 2012.

    8.   Il-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2014:

    (a)

    fuq in-naħa tan-nefqa, il-baġit għandu jinkludi: tnaqqis fl-infiq totali għal trasferimenti soċjali permezz ta’ immirar aħjar, liema miżura għandha trendi mill-inqas EUR 28,5 miljun; tnaqqis ulterjuri fil-pagi tas-settur pubbliku, u dak pubbliku usa’; l-introduzzjoni ta’ tariffa imposta fuq il-karta tat-trasport pubbliku għal studenti u pensjonanti; kif ukoll miżuri għal riforma strutturali fis-settur edukattiv biex titnaqqas in-nefqa fuq il-pagi; kif ukoll

    (b)

    fuq in-naħa tal-introjti, il-baġit għall-2014 għandu jinkludi: estensjoni tal-kontribuzzjoni temporanja fuq il-qligħ gross ta’ impjegati tas-settur pubbliku u dak privat sal-31 ta’ Diċembru 2016; żidiet fil-VAT; żidiet fid-dazji tas-sisa; kif ukoll żieda fil-kontribuzzjonijiet għall-Iskema Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali.

    9.   Sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, Ċipru għandu jimplimenta riformi fiskali-strutturali, li jinkludu, fost affarijiet oħra, dawn il-miżuri u riżultati:

    (a)

    riformi fis-sistema tal-pensjonijiet ġenerali u dik tas-settur pubbliku sabiex is-sistema tal-pensjoni titqiegħed fuq it-triq tas-sostenibbiltà, filwaqt li tiġi indirizzata l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Jekk meħtieġ, ir-riformi jiġu msaħħa aktar;

    (b)

    jiġi kkontrollat it-tkabbir tan-nefqa fuq is-saħħa sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-istruttura ta’ finanzjament u l-effiċjenza tal-provvista ta’ kura tas-saħħa pubblika;

    (c)

    titjib fl-effiċjenza tal-infiq pubbliku u tal-proċess baġitarju permezz ta’ qafas baġitarju effettiv għal perjodu ta’ żmien medju bħala parti mill-ġestjoni mtejba tal-finanzi pubbliċi, konformi bis-sħiħ mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (3) u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, iffirmat fi Brussell fit-2 ta’ Marzu 2012;

    (d)

    l-adozzjoni ta’ qafas legali u istituzzjonali xieraq għal sħubiji pubbliċi privati mfassla b’mod konformi mal-aħjar prattiki;

    (e)

    it-tfassil ta’ programm biex tinkiseb sistema ta’ governanza korporattiva solida għal intrapriżi li huma proprjetà tal-Istat u semipubbliċi u l-bidu ta’ pjan ta’ privatizzazzjoni bħala għajnuna biex tittejjeb l-effiċjenza ekonomika u tiġi restawrata s-sostenibbiltà tad-dejn;

    (f)

    it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pjan komprensiv ta’ riforma biex tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxa u tal-amministrazzjoni, inklużi miżuri biex jiġu salvagwardjati l-applikazzjoni sħiħa u f’waqtha tal-liġijiet u l-istandards li jirregolaw il-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-taxxa u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa;

    (g)

    riforma fis-sistema tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli;

    (h)

    riforma tal-amministrazzjoni pubblika biex jittejbu t-tħaddim u l-kosteffettività tagħha, notevolment billi jiġi rivedut id-daqs, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-organizzazzjoni funzjonali tas-servizz pubbliku sabiex ikun żgurat użu effiċjenti tar-riżorsi tal-gvern u provvista ta’ servizz ta’ kwalità għall-popolazzjoni; kif ukoll

    (i)

    riformi tal-istruttura ġenerali u l-livelli ta’ benefiċċji soċjali, bil-għan li jsir użu effiċjenti tar-riżorsi u jinkiseb bilanċ xieraq bejn l-għajnuna soċjali u l-inċentivi biex wieħed jibda jaħdem.

    10.   Ċipru għandu jimplimenta riforma tas-sistema tal-indiċizzar tal-pagi, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u konformi mal-għanijiet li tittejjeb il-kompetittività tal-ekonomija u li tirrifletti l-iżviluppi fil-produttività tax-xogħol. Ir-riforma ppjanata fl-assistenza pubblika għandha tiżgura li l-assistenza soċjali sservi bħala xibka ta’ sikurezza biex jiġi żgurat dħul minimu għal dawk li mhux kapaċi jmantnu livell bażiku ta’ għajxien, filwaqt li jiġu salvagwardjati l-inċentivi biex wieħed jibda jaħdem. Kwalunkwe bidla fil-paga minima għandha tkun f’konformità ma’ żviluppi ekonomiċi u fis-suq tax-xogħol, u wara għandha tkun adottata wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.

    11.   Ċipru għandu jadotta l-emendi li fadal għal leġiżlazzjoni speċifika għas-settur meħtieġa sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (4). Ostakli mhux ġustifikati fis-swieq tas-servizzi, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ professjonijiet regolati, jiġu eliminati. Il-qafas tal-kompetizzjoni jittejjeb billi jitjieb l-iffunzjonar tal-awtorità kompetenti għall-kompetizzjoni u billi jiġu msaħħa l-indipendenza u s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

    12.   Sa tmiem l-2014, Ċipru għandu jnaqqas għal inqas minn 2 000, l-għadd ta’ titoli ta’ proprjetà li jkunu għadhom pendenti u għandu jimplimenta skedi garantiti ta’ żmien għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-bini u ta’ titoli tal-proprjetà.

    13.   Sa tmiem l-2013, Ċipru għandu jemenda r-regoli dawr il-bejgħ sfurzat ta’ proprjetà ipotekata u jippermetti l-bejgħ bl-irkant privat fl-aqsar perjodu ta’ żmien possibbli. Il-pass ta’ pproċessar ta’ każijiet fil-qorti għandu jitħaffef u l-ammont ta’ kawżi pendenti fil-qorti għandu jkun eliminat sa tmiem il-programm.

    14.   Ċipru għandu jieħu inizjattivi biex issaħħaħ il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu. Dawk l-inizjattivi jinkludu reviżjoni tal-Istrateġija tat-Turiżmu għall-2011-2015, ibbażata fuq studju dwar kif jista’ jittejjeb il-mudell tan-negozju tas-settur tat-turiżmu, kif ukoll analiżi bir-reqqa tal-aħjar mod sabiex tinkiseb biżżejjed konnettività bl-ajru għal Ċipru.

    15.   Fis-settur tal-enerġija, Ċipru għandu jittrasponi u jimplimenta bis-sħiħ it-tielet pakkett tal-enerġija. Barra minn hekk, għandu jitfassal pjan ta’ żvilupp komprensiv għall-irranġar mill-ġdid tas-settur tal-enerġija Ċiprijott. Dak il-pjan għandu jinkludi:

    (a)

    pjan ta’ tnedija tal-infrastruttura meħtieġa għall-esplojtazzjoni tal-gass;

    (b)

    il-punti prinċipali ta’ reġim regolatorju u tal-organizzazzjoni tas-suq għas-settur tal-enerġija u l-esportazzjonijiet tal-gass; kif ukoll

    (c)

    pjan biex jiġi stabbilit qafas istituzzjonali għall-ġestjoni ta’ riżorsi ta’ idrokarburi, inkluż fond għar-riżorsi, li għandu jirċievi u jiġġestixxi d-dħul pubbliku mill-isfruttament tal-gass lil hinn mill-kosta u li jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-aħjar prattiki rikonoxxuti internazzjonalment.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ April 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. NOONAN


    (1)  ĠU L 186, 20.7.2010, p. 30.

    (2)  ĠU C 219, 24.7.2012, p. 13.

    (3)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.

    (4)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.


    Top