Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0880

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 880/2012 tat- 28 ta’ Ġunju 2012 li jissuplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kooperazzjoni transnazzjonali u n-negozjati kuntrattwali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

ĠU L 263, 28.9.2012, pp. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2012/880/oj

28.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/8


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 880/2012

tat-28 ta’ Ġunju 2012

li jissuplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kooperazzjoni transnazzjonali u n-negozjati kuntrattwali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 126e(1) tiegħu,

Billi:

(1)

It-Taqsima IIA tal-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 mdaħħla permezz tar-Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fiha regoli dwar organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, partikolarment fir-rigward tar-rikonoxximent u n-negozjati kuntrattwali tagħhom. Dawk ir-regoli jeħtieġ li jiġu ssupplimentati fir-rigward tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali rikonoxxuti, filwaqt li tiġi ċċarata r-responsabbiltà tal-Istati Membri involuti u, filwaqt li tiġi rrispetta l-libertà ta’ stabbiliment, fejn ikun żgurat li r-regoli applikabbli huma dawk tal-Istat Membru fejn isseħħ parti sinifikanti tal-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet bħal dawn.

(2)

Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli fir-rigward tal-istabbiliment u l-kundizzjonijiet tal-għajnuna amministrattiva li għandha tingħata fil-każ ta’ kooperazzjoni transnazzjonali. Assistenza bħal din għandha b’mod partikolari tinkludi t-trasferiment ta’ informazzjoni li tkun tippermetti lill-Istat Membru kompetenti sabiex jivvaluta jekk organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti hijiex konformi mat-termini tar-rikonoxximent. Informazzjoni bħal din hija meħtieġa biex tippermetti lill-Istat Membru kompetenti biex jieħu azzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

(3)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli addizzjonali fir-rigward tal-kalkolu tal-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert min-negozjati bejn organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u proċessuri jew kolletturi ta’ ħalib mhux ipproċessat. Biex titqies il-varjabbiltà staġonali tal-produzzjoni tal-ħalib, il-kalkolu għandu jqabbel il-volum tal-ħalib kopert min-negozjati għall-perjodu taż-żmien tal-kunsinna mal-volum stmat tal-produzzjoni tal-ħalib rappreżentattiv għal dak il-perjodu, biex tiġi vvalutata l-konformità mal-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 126c tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kwartieri ġenerali

1.   Organizzazzjoni tal-produtturi transnazzjonali għandha tistabbilixxi l-kwartieri ġenerali tagħha fl-Istat Membru li fih jkollha għadd sinifikanti ta’ membri jew volum sinifikanti ta’ produzzjoni kummerċjabbli.

2.   Assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali rikonoxxuti, minn hawn ’il quddiem magħrufa bħala “assoċjazzjoni transnazzjonali”, għandha tistabbilixxi l-kwartieri ġenerali tagħha fl-Istat Membru fejn ikollha għadd sinifikanti ta’ organizzazzjonijiet membri jew volum sinifikanti ta’ produzzjoni kummerċjabbli.

Artikolu 2

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

1.   L-Istat Membru li fih il-kwartieri ġenerali ta’ organizzazzjoni tal-produtturi transnazzjonali jew assoċjazzjoni transnazzjonali huma stabbiliti għandu jkun responsabbli għal dawn li ġejjin:

(a)

ir-rikonoxximent tal-organizzazzjoni tal-produtturi transnazzjonali jew l-assoċjazzjoni transnazzjonali skont l-Artikolu 126a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u t-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 126a(4) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

l-istabbilment tal-kollaborazzjoni amministrattiva neċessarja mal-Istati Membri l-oħra li fihom il-membri jew l-organizzazzjonijiet membri jinsabu fir-rigward tal-verifika tal-konformità mat-termini tar-rikonoxximent msemmija fl-Artikolu 126a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007;

(c)

il-forniment, fuq talba mill-Istati Membri l-oħra, tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha lill-Istati Membri l-oħra li fihom jinsabu l-membri jew l-organizzazzjonijiet membri.

2.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri l-oħra għandhom jagħtu l-għajnuna amministrattiva neċessarja kollha lill-Istat Membru li fih huma stabbiliti l-kwartieri ġenerali tal-organizzazzjoni tal-produtturi transnazzjonali jew l-assoċjazzjoni transnazzjonali, inkluż it-trasferiment tal-informazzjoni kollha rilevanti.

3.   Fejn organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti twettaq negozjati kif jissemma fl-Artikolu 126c tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fi Stat Membru għajr dak li fih huma stabbiliti l-kwartieri ġenerali tiegħu, l-Istati Membri involuti għandhom jiżguraw li tingħata l-għajnuna amministrattiva reċiproka kollha meħtieġa.

Artikolu 3

Kalkolu tal-ammonti ta’ ħalib mhux ipproċessat għan-negozjati

Għall-finijiet tal-Artikolu 126c(2)(c) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-limiti tan-negozjati għandhom ikunu kkalkulati billi jitqisu l-perjodu tat-twassil tal-ħalib mhux ipproċessat kopert minn negozjati kuntrattwali u l-varjabbiltà staġonali fil-produzzjoni tal-ħalib, fejn dik il-varjabbiltà hija sinifikanti.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 94, 30.3.2012, p. 38.


Top