Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0605

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2012 tal- 4 ta’ Lulju 2012 li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd min-nases irreġistrati fi Spanja u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, u fil-Baħar Mediterran

ĠU L 177, 7.7.2012, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/605/oj

7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 605/2012

tal-4 ta’ Lulju 2012

li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd min-nases irreġistrati fi Spanja u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, u fil-Baħar Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012 tas-17 ta’ Jannar 2012 li jiffissa għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali, jiffissa l-ammont tat-tonn li jista’ jsir sajd għalih fl-2012 fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran li jemeda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (2),, jeħtieġ li l-Istati Membri għall-bastimenti li huma inqas minn 24 m u għan-nases, jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwota allokata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew gruppi ta' bastimenti li jistadu bi rkaptu simili.

(3)

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, fejn il-Kummissjoni ssib li, abbażi tat-tagħrif li jingħata mill-Istati Membri jew ta’ tagħrif ieħor fil-pussess tagħha, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li ntużaw kollha għal irkaptu wieħed jew iktar jew għal flotta waħda jew aktar, hija għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta involuta f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi.

(5)

Mit-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jidher li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran allokati lin-nases li huma rreġistrat fi Spanja qed jitqiesu li ntużaw għal kollox fl-20 ta' Ġunju. Il-Kummissjoni infurmat lil Spanja b'dan.

(6)

Fis-7, fl-14 u fil-21 ta' Ġunju, Spanja infurmat lill-Kummissjoni bil-fatt li kienet imponiet waqfien tal-attivitajiet tas-sajd tal-erba' nases tagħha li matul l-2012, kienu attivi fis-sajd għat-tonn, b'effett mit-8 ta' Ġunju għal żewġ nases, b'effett mill-14 ta' Ġunju għal nassa waħda u b'effett mill-21 ta' Ġunju għall-aħħar nassa, miżura li rriżultat fil-projbizzjoni tal-attivitajiet kollha mill-21 ta' Ġunju 2012 fis-14:00.

(7)

Mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet li ttieħdu minn Spanja msemmija hawn fuq, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tikkonferma l-projbizzjoni tas-sajd għat-tonn mill-21 ta' Ġunju fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 W u fil-Baħar Mediterran min-nases irreġistrati fi Spanja.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran min-nases irreġistrati fi Spanja għandu jkun ipprojbit mill-21 ta’ Ġunju 2012, sa mhux aktar tard mis-14:00.

Minn dik id-data għandu jiġi pprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk in-nases jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni, F’isem il-President,

László ANDOR

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1.


Top