Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0386

Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ April 2012 li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b’ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta’ rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 129, 16.5.2012, pp. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/386/oj

16.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/1


REGOLAMENT (UE) Nru 386/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ April 2012

li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b’ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta’ rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-benesseri ekonomiku tal-Unjoni jiddependi fuq il-kreattività u l-innovazzjoni kostanti. Għaldaqstant, huma inddispensabbli miżuri għall-protezzjoni effikaċi tagħhom sabiex tiġi żgurata l-prosperità futura tagħha.

(2)

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma assi vitali tan-negozju li jgħinu sabiex jiżguraw li l-inventuri u l-innovaturi jiksbu qligħ ġust għax-xogħol tagħhom u li l-investiment tagħhom fir-riċerka u fl-ideat ġodda jkun protett.

(3)

Approċċ tajjeb, armonizzat u progressiv lejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa fundamentali fl-isforz sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, inkluża l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

(4)

Iż-żieda kostanti ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hija theddida ġenwina mhux biss għall-ekonomija tal-Unjoni, iżda wkoll, f’bosta każijiet, għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi tal-Unjoni. Għalhekk, hemm bżonn ta’ azzjoni effikaċi, immedjata u kkoordinata fuq livell nazzjonali, Ewropew u dak globali sabiex jingħeleb dan il-fenomenu.

(5)

Fil-kuntest tal-istrateġija ġenerali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali prevista mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar pjan Ewropew komprensiv kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija (3), il-Kunsill talab lill-Kummissjoni sabiex tniedi Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija. Għalhekk il-Kummissjoni ffurmat netwerk ta’ esperti mis-settur pubbliku u dak privat u ddeskriviet il-kompiti ta’ dak in-netwerk fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu “It-titjib tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern”. L-isem tal-Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija għandu jinbidel għall-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (“l-Osservatorju”).

(6)

Dik il-Komunikazzjoni tgħid li l-Osservatorju għandu jkun riżorsa ċentrali għall-ġbir, għall-monitoraġġ u għar-rappurtar ta’ informazzjoni u data relatati mal-ksur kollu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għandu jintuża bħala pjattaforma għall-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati fejn jaqsmu ideat u esperjenzi dwar l-aqwa prattika u jagħmlu rakkomandazzjonijiet lil min ifassal il-politika għal strateġiji konġunti ta’ infurzar. Il-Komunikazzjoni speċifikat li l-Osservatorju għandu jkun organizzat u mmexxi mis-servizzi tal-Kummissjoni.

(7)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (4), il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija sabiex jipprovdu lill-Osservatorju b’data affidabbli u komparabbli disponibbli dwar il-falsifikazzjoni u l-piraterija u sabiex jiżviluppaw u jaqblu flimkien, fil-kuntest tal-Osservatorju, dwar pjanijiet sabiex jiġbru aktar informazzjoni. Il-Kunsill stieden ukoll lill-Osservatorju sabiex kull sena jippubblika rapport annwali komprensiv li jkopri l-ambitu, l-iskala u l-karatteristiċi ewlenin tal-falsifikazzjoni u l-piraterija kif ukoll l-impatt tagħhom fuq is-suq intern. Dak ir-rapport annwali għandu jitħejja bl-użu tal-informazzjoni rilevanti pprovduta f’dak ir-rigward mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-settur privat fil-limiti tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, dwar l-ambitu, l-iskala u l-karatteristiċi ewlenin tal-falsifikazzjoni u l-piraterija kif ukoll l-impatt tagħhom fuq is-suq intern. Il-Kunsill għaraf ukoll l-importanza li jiġu żviluppati mudelli ġodda ta’ negozju kompetittiv li jkabbru l-offerta legali ta’ kontenut kulturali u kreattiv u fl-istess ħin jipprevjenu u jiġġieldu l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bħala mezz neċessarju għat-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u d-diversità kulturali.

(8)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2010 dwar ir-reviżjoni futura tas-sistema tat-Trade Marks fl-Unjoni Ewropea (5), il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi bażi legali għall-involviment tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (“l-Uffiċċju”) f’attivitajiet relatati mal-infurzar, inkluż fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tiegħu mal-uffiċċji nazzjonali tat-trademarks u mal-Osservatorju. F’dak ir-rigward, id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (6) tipprovdi inter alia għal ċerti miżuri li jippromwovu l-kooperazzjoni, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni, fost l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(9)

Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u l-libertajiet fundamentali fuq l-Internet (7), il-Parlament Ewropew irrakkomanda li l-Kunsill iżomm l-aċċess sħiħ u sikur għall-Internet filwaqt li titħeġġeġ il-kooperazzjoni privata/pubblika fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi.

(10)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (8), il-Parlament Ewropew stieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jestendu l-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà intellettwali sabiex jinkludi l-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(11)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi (9) il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis il-problemi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju meta jinfurzaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom u jiġu promossi l-aqwa prattika u l-metodi effikaċi biex jiġu rrispettati dawk id-drittijiet.

(12)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar approċċ komprensiv għall-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni Ewropea (10), il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tiżgura l-armonizzazzjoni sħiħa u ċ-ċertezza legali, biex ikun ipprovdut livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni ta’ individwi fiċ-ċirkostanzi kollha.

(13)

Minħabba l-firxa ta’ kompiti assenjati lill-Osservatorju, hemm bżonn ta’ soluzzjoni sabiex tkun żgurata infrastruttura adegwata u sostenibbli għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(14)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark Komunitarja (11) jipprovdi għal kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Uffiċċju u l-qrati jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri, u l-iskambju ta’ pubblikazzjonijiet bejn l-Uffiċċju u l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri. Fuq dik il-bażi, l-Uffiċċju stabbilixxa kooperazzjoni mal-uffiċċji nazzjonali li huma attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Konsegwentement, l-Uffiċċju diġà għandu, sa ċertu punt, l-esperjenza u l-għarfien meħtieġa sabiex jipprovdi infrastruttura adegwata u sostenibbli fil-qasam tal-kompiti tal-Osservatorju.

(15)

Għalhekk l-Uffiċċju huwa f’pożizzjoni tajba sabiex ikun inkarigat li jwettaq dawn il-kompiti.

(16)

Dawn il-kompiti għandhom jirrigwardaw kull dritt tal-proprjetà intellettwali kopert mid-Direttiva 2004/48/KE minħabba li f’bosta każijiet, l-atti ta’ ksur jaffettwaw ħafna drittijiet tal-proprjetà intellettwali msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, l-informazzjoni u l-iskambju tal-aqwa prattika huma meħtieġa għall-firxa sħiħa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, sabiex tinkiseb stampa sħiħa tas-sitwazzjoni u jkunu jistgħu jitfasslu strateġiji komprensivi bil-ħsieb li jitnaqqas il-ksur ta’ proprjetà intellettwali.

(17)

Il-kompiti li l-Uffiċċju għandu jwettaq jistgħu jkunu marbuta mal-miżuri ta’ infurzar u ta’ rappurtar stabbiliti bid-Direttiva 2004/48/KE. Għalhekk, l-Uffiċċju għandu jipprovdi servizzi lill-awtoritajiet jew lill-operaturi nazzjonali li jaffettwaw, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni omoġenea tad-Direttiva u li aktarx jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-kompiti tal-Uffiċċju għandhom jitqiesu li huma marbuta mill-qrib mas-suġġett ta’ atti li japprossimizzaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri.

(18)

Organizzat mill-Uffiċċju, l-Osservatorju għandu jsir ċentru ta’ eċċellenza dwar informazzjoni u data relatati mal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, billi jibbenefika mill-għarfien, l-esperjenza u r-riżorsi tal-Uffiċċju.

(19)

L-Uffiċċju għandu joffri forum li jlaqqa’ lill-awtoritajiet pubbliċi u lis-settur privat, filwaqt li jiżgura l-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta’ data oġġettiva rilevanti, komparabbli u affidabbli dwar il-valur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ksur ta’ dawk id-drittijiet, jidentifika u jippromwovi l-aqwa prattika u strateġiji għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u t-trawwim tal-għarfien pubbliku dwar l-impatt tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, l-Uffiċċju għandu jwettaq kompiti oħrajn, bħal per eżempju jtejjeb il-fehim tal-valur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, irawwem l-iskambju ta’ informazzjoni dwar mudelli ġodda tan-negozju kompetittivi li jkabbru l-offerta legali ta’ kontenut kulturali u kreattiv, itejjeb l-għarfien espert ta’ persuni involuti fl-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali permezz ta’ miżuri ta’ taħriġ adegwat, iżid l-għarfien dwar it-teknika għall-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni, u jtejjeb il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata mal-attivitajiet imwettqa mill-Uffiċċju skont dan ir-Regolament.

(20)

L-Uffiċċju għandu għalhekk jiffaċilita u jappoġġa l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali, is-settur privat u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni marbuta mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u b’mod partikolari l-attivitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-ksur ta’ dawk id-drittijiet. L-eżerċizzju mill-Uffiċċju tas-setgħat tiegħu skont dan ir-Regolament ma jżommx lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom. Il-kompiti u l-attivitajiet tal-Uffiċċju skont dan ir-Regolament ma jestendux għall-parteċipazzjoni fit-tħaddim jew l-investigazzjonijiet inidividwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti.

(21)

Sabiex dawk il-kompiti jitwettqu bl-ikbar mod effiċjenti, l-Uffiċċju għandu jikkonsulta u jikkoopera ma’ awtoritajiet oħra fil-livell nazzjonali, Ewropew u, fejn xieraq, dak internazzjonali, joħloq sinerġiji mal-attivitajiet imwettqa minn awtoritajiet bħal dawn u jevita kwalunkwe tip ta’ dupplikazzjoni ta’ miżuri.

(22)

L-Uffiċċju għandu jimplimenta l-kompiti u l-attivitajiet relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali billi juża l-mezzi tal-baġit tiegħu stess.

(23)

Fir-rigward tar-rappreżentanti tas-settur privat, l-Uffiċċju għandu, meta jlaqqa’ l-Osservatorju fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, jinvolvi għażla rappreżentattiva tas-setturi ekonomiċi, — inklużi l-industriji kreattivi — l-aktar milquta minn jew li għandhom l-iktar esperjenza fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari r-rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet, inklużi awturi u inventuri oħrajn, kif ukoll l-intermedjarji tal-Internet. Għandu jkun hemm ukoll rappreżentanza xierqa tal-konsumaturi u tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(24)

L-obbligi tal-informazzjoni imposti fuq l-Istati Membri u s-settur privat minn dan ir-Regolament m’għandhomx joħolqu piżijiet amminisatrattivi żejda u għandhom jippruvaw li jevitaw li jkun hemm data doppja li tkun diġà ġiet ipprovduta mill-Istati Membri u mir-rappreżentanti tas-settur privat għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont ir-rekwiżiti ta’ rappurtar eżistenti tal-Unjoni.

(25)

Billi l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li l-Uffiċċju jiġi fdat b’ċerti kompiti relatati mal-infurzar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, bis-saħħa tal-effett tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit b’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jinkariga lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (“l-Uffiċċju”) b’ kompiti li għandhom l-għan li jiffaċilitaw u jappoġġaw l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali, is-settur privat u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti mid-Direttiva 2004/48/KE. Fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti l-Uffiċċju għandu jorganizza, jamministra u jappoġġa l-laqgħa ta’ esperti, awtoritajiet u partijiet interessati li jinġabru taħt l-isem ta’ “Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali” (“l-Osservatorju”).

Il-kompiti u l-attivitajiet tal-Uffiċċju skont dan ir-Regolament m’għandhomx jestendu għall-parteċipazzjoni fit-tħaddim jew l-investigazzjonijiet inidividwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 2

Kompiti u attivitajiet

1.   L-Uffiċċju għandu jkollu dawn il-kompiti li ġejjin:

(a)

itejjeb il-fehim dwar il-valur tal-proprjetà intellettwali;

(b)

itejjeb il-fehim dwar l-ambitu u l-impatt ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(c)

isaħħaħ l-għarfien dwar l-aqwa prattika fis-settur pubbliku u dak privat għall-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(d)

jgħin biex iżid l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-impatt ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(e)

isaħħaħ l-għarfien espert ta’ persuni involuti fl-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(f)

isaħħaħ l-għarfien dwar għodod tekniċi għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi sistemi ta’ osservazzjoni u traċċar li jgħinu fid-distinzjoni bejn prodotti ġenwini u dawk foloz;

(g)

jipprovdi mekkaniżmi li jgħinu fit-titjib tal-iskambju elettroniku, bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jaħdmu fil-qasam involuti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ta’ informazzjoni relatata mal-infurzar ta’ dawn id-drittijiet, u jrawwem il-kooperazzjoni ma’ u bejn dawn l-awtoritajiet;

(h)

jaħdem, bil-konsultazzjoni tal-Istati Membri, biex irawwem il-kooperazzjoni internazzjonali ma’ uffiċċji tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżi terzi sabiex jinbnew strateġiji u jiġu żviluppati tekniki, ħiliet u għodod għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

2.   Fit-twettiq tal-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Uffiċċju għandu jwettaq dawn l-attivitajiet skont il-programm ta’ ħidma adottat b’konformità mal-Artikolu 7, u skont il-liġi tal-Unjoni:

(a)

jistabbilixxi metodoloġija trasparenti għall-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar ta’ data indipendenti, oġġettiva, komparabbli u affidabbli relatata mal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(b)

jiġbor, janalizza u jxerred data indipendenti, oġġettiva, komparabbli u affidabbli dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(c)

jiġbor, janalizza u jxerred data oġġettiva rilevanti, komparabbli u affidabbli dwar il-valur ekonomiku tal-proprjetà intellettwali u l-kontribut tagħha għat-tkabbir ekonomiku, il-benesseri, l-innovazzjoni, il-kreattività, id-diversità kulturali, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ta’ kwalità għolja fi ħdan l-Unjoni;

(d)

jipprovdi valutazzjonijiet regolari u rapporti speċifiċi skont is-settur ekonomiku, iż-żona ġeografika u t-tip ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali miksur, li jevalwaw, inter alia, l-impatt tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq is-soċjetà u l-ekonomija, inkluża valutazzjoni tal-effetti fuq l-intrapriżi zgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll fuq is-saħħa, l-ambjent, is-sigurtà u s-sikurezza;

(e)

jiġbor, janalizza u jxerred informazzjoni dwar l-aqwa prattika bejn ir-rappreżentanti li jiltaqgħu bħala Osservatorju, u, jekk applikabbli, jagħmel rakkomandazzjonijiet għal strateġiji bbażati fuq tali prattika;

(f)

ifassal rapporti u pubblikazzjonijiet sabiex iżid l-għarfien fost iċ-ċittadini tal-UE dwar l-impatt tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u għal dak il-għan jorganizza konferenzi, avvenimenti u laqgħat fil-livell Ewropew u dak internazzjonali u jgħin f’azzjonijiet nazzjonali u pan-Ewropej, inklużi kampanji onlajn u offlajn, prinċipalment billi jiġu pprovduti data u informazzjoni;

(g)

jimmonitorja l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ negozju kompetittivi li jespandu l-offerta legali ta’ kontenut kulturali u kreattiv, iħeġġeġ l-iskambju ta’ informazzjoni u t-tqajjim tal-kuxjenza f’dan ir-rigward;

(h)

jiżviluppa u jorganizza taħriġ onlajn u forom oħra ta’ taħriġ għall-uffiċjali nazzjonali involuti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(i)

jorganizza laqgħat ta’ esperti ad hoc, inklużi laqgħat ta’ esperti akkademiċi u laqgħat ta’ rappreżentanti rilevanti tas-soċjetà ċivili, sabiex jappoġġaw ix-xogħol tiegħu taħt dan ir-Regolament;

(j)

jidentifika u jippromwovi għodod tekniċi għall-professjonisti u tekniki ta’ referenza, inklużi sistemi ta’ osservazzjoni u traċċar li jgħinu fid-distinzjoni bejn prodotti ġenwini u dawk foloz;

(k)

jaħdem ma’ awtoritajiet nazzjonali u mal-Kummissjoni sabiex jiżviluppa netwerk elettroniku biex jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali bejn l-amministrazzjonijiet, l-entitajiet u l-organizzazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri li jittrattaw il-protezzjoni u l-infurzar ta’ dawk id-drittijiet;

(l)

jaħdem b’kooperazjoni ma’ u jibni sinerġiji bejn uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri, inkluż l-Uffiċċju għall-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux, u awtoritajiet oħra tal-Istati Membri li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bil-ħsieb li jiġu żviluppati tekniki, ħiliet u għodod relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi programmi ta’ taħriġ u kampanji ta’ għarfien;

(m)

jiżviluppa, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, programmi għall-għoti ta’ għajnuna teknika għal pajjiżi terzi kif ukoll jiżviluppa u jwassal programmi u avvenimenti ta’ taħriġ speċifiku għal uffiċjali minn pajjiżi terzi li jkunu involuti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(n)

jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, abbażi tat-talba mill-Kummissjoni;

(o)

iwettaq attivitajiet simili meħtieġa sabiex l-Uffiċċju jkun jista’ jwettaq il-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.   Fit-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Uffiċċju għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 3

Finanzjament

L-Uffiċċju għandu jiżgura f’kull ħin li l-attivitajiet fdati lilu minn dan ir-Regolament isiru billi jagħmel użu mill-mezzi baġitarji tiegħu stess.

Artikolu 4

Laqgħat tal-Osservatorju

1.   Sabiex jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2), l-Uffiċċju għandu tal-inqas darba fis-sena jistieden lil rappreżentanti minn amministrazzjonijiet pubbliċi, korpi u organizzazzjonijiet fl-Istati Membri li jittrattaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u rappreżentanti mis-settur privat, għal-laqgħat tal-Osservatorju, bl-għan tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-Uffiċċju skont dan ir-Regolament.

2.   Ir-rappreżentanti tas-settur privat mistiedna għal laqgħat tal-Osservatorju għandhom jinkludu firxa wiesgħa, rappreżentattiva u bbilanċjata ta’ korpi tal-Unjoni u korpi nazzjonali li jirrappreżentaw id-diversi setturi ekonomiċi, inklużi l-industriji kreattivi, l-aktar milquta u bl-iktar esperjenza fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, awturi u inventuri oħrajn għandhom ikunu rrappreżentati kif xieraq.

3.   L-Uffiċċju għandu jistieden kull Stat Membru biex jibgħat tal-inqas rappreżentant wieħed mill-amministrazzjoni pubblika tiegħu għal-laqgħat tal-Osservatorju. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kontinwità fil-ħidma tal-Osservatorju.

4.   Il-laqgħat imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu supplimentati minn gruppi ta’ ħidma fi ħdan l-Osservatorju magħmula minn rappreżentanti mill-Istati Membri u rappreżentanti mis-settur privat.

5.   Meta jkun xieraq, u minbarra l-laqgħat imsemmija fil-paragrafu 1, l-Uffiċċju għandu jorganizza laqgħat bil-preżenza ta’:

(a)

rappreżentanti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, entitajiet u organizzazzjonijiet fl-Istati Membri; jew

(b)

rappreżentanti tas-settur privat.

6.   Il-Membri jew ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat koperti minn dan l-Artikolu, jew bħala parteċipanti jew osservaturi, skont kif ikun xieraq.

7.   L-ismijiet tar-rappreżentanti preżenti, l-aġenda u l-minuti tal-laqgħat imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Uffiċċju.

Artikolu 5

Obbligi ta’ informazzjoni

1.   Skont kif ikun xieraq, u skont il-liġi nazzjonali, inkluża l-liġi li tirregola l-ipproċessar tad-data personali, l-Istati Membri għandhom, fuq talba mill-Uffiċċju jew fuq inizjattiva tagħhom stess:

(a)

jinfurmaw lill-Uffiċċju dwar il-politika ġenerali u l-istrateġiji tagħhom dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kull tibdil li jsirilhom;

(b)

jipprovdu statistiċi disponibbli dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(c)

jinfurmaw lill-Uffiċċju dwar każistika importanti.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi li tirregola l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, ir-rappreżentanti tas-settur privat li jiltaqgħu bħala Osservatorju għandhom, meta jkun possibbli, fuq talba tal-Uffiċċju:

(a)

jinfurmaw lill-Uffiċċju dwar il-politika u l-istrateġiji fil-qasam ta’ attività tagħhom dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kull tibdil li jsirilhom;

(b)

jipprovdu statistika dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qasam ta’ attività tagħhom.

Artikolu 6

L-Uffiċċju

1.   Id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu XII tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandu japplika għat-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet koperti f’dan ir-Regolament.

2.   Bis-setgħat mogħtija permezz tal-Artikolu 124 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, il-President tal-Uffiċċju għandu jadotta l-istruzzjonijiet amministrattivi interni u għandu jippubblika l-avviżi meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti kollha fdati lill-Uffiċċju b’dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Kontenut tal-programm ta’ ħidma u tar-rapport ta’ ġestjoni

1.   L-Uffiċċju għandu jfassal programm ta’ ħidma annwali li jipprijoritizza kif jixraq l-attivitajiet taħt dan ir-Regolament u għal-laqgħat tal-Osservatorju, b’konformità mal-politika u l-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u b’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-Osservatorju msemmija fil- punt (a) tal-Artikolu 4(5).

2.   Il-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ppreżentat lill-Bord Amministrattiv tal-Uffiċċju għall-informazzjoni.

3.   Ir-rapport ta’ ġestjoni stipulat fl-Artikolu 124(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja dwar il-kompiti u l-attivitajiet tal-Uffiċċju taħt dan ir-Regolament:

(a)

ħarsa lejn l-attivitajiet ewlenin imwettqa matul is-sena kalendarja preċedenti;

(b)

ir-riżultati miksuba matul is-sena kalendarja preċedenti, flimkien ma’, fejn hu xieraq, rapporti settorjali li janalizzaw is-sitwazzjoni fis-setturi differenti tal-industrija u l-produzzjoni;

(c)

evalwazzjoni globali tat-twettiq tal-kompiti tal-Uffiċċju kif ipprovdut f’dan ir-Regolament u fil-programm ta’ ħidma mfassal skont il-paragrafu 1;

(d)

ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet li l-Uffiċċju għandu ppjanat għall-futur;

(e)

osservazzjonijiet dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u politika u strateġiji ġejjienin potenzjali, inkluż dwar kif tista’ titjieb il-kooperazzjoni effikaċi ma’ u bejn l-Istati Membri;

(f)

valutazzjoni ġenerali tar-rappreżentazzjoni xierqa fl-Osservatorju tal-atturi kollha msemmija fl-Artikolu 4(2).

Qabel jippreżenta r-rapport ta’ ġestjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Bord Amministrattiv, il-President tal-Uffiċċju għandu jikkonsulta lir-rappreżentanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4(5) dwar il-partijiet rilevanti tar-rapport.

Artikolu 8

Evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta rapport li jevalwa l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sal-6 ta’ Ġunju 2017.

2.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jevalwa t-tħaddim ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tiegħu fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta, waqt it-tħejjija tar-rapport ta’ evalwazzjoni, mal-Uffiċċju, l-Istati Membri u r-rappreżentanti mar-rappreżentanti li jiltaqgħu bħala Osservatorju dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u għandha twettaq konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ April 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)   ĠU C 376, 22.12.2011, p. 62.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Frar 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)   ĠU C 253, 4.10.2008, p. 1.

(4)   ĠU C 56, 6.3.2010, p. 1.

(5)   ĠU C 140, 29.5.2010, p. 22.

(6)   ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45. Verżjoni korretta f’ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16.

(7)   ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 206.

(8)   ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 48.

(9)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(10)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(11)   ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1.


Top