EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0258

Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni

ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/258/oj

30.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/1


REGOLAMENT (UE) Nru 258/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Marzu 2012

li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/748/KE tas-16 ta’ Ottubru 2001 dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, anness mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata transnazzjonali (2), il-Kummissjoni f’isem il-Komunità, iffirmat il-Protokoll (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar”) fis-16 ta’ Jannar 2002.

(2)

Il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, li għandu l-għan li jippromwovi, jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet bil-għan li jipprevjeni, jiġġieled u jeqred l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni, daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju 2005.

(3)

Sabiex ikun faċilitat l-ittraċċar tal-armi tan-nar u sabiex jiġi miġġieled b’mod effiċjenti t-traffikar illegali tal-armi tan-nar, tal-partijiet u tal-komponenti essenzjali u l-ammunizzjoni tagħhom, jeħtieġ li jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-użu aħjar tal-mezzi ta’ komunikazzjoni eżistenti.

(4)

L-ipproċessar tad-data personali għandu jkun skont ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4).

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar miżuri biex tiġi żgurata sigurtà akbar fl-isplussivi, detonaturi, tagħmir għall-produzzjoni tal-bombi u armi tan-nar (5), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li timplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar bħala parti mill-miżuri li jeħtieġ jittieħdu sabiex l-Unjoni tkun fil-qagħda li tikkonkludi dak il-Protokoll.

(6)

Il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar jeħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu jew itejbu l-proċeduri amministrattivi jew is-sistemi biex iħaddmu l-kontroll effettiv fuq il-manifattura, l-immarkar, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-armi tan-nar.

(7)

Il-konformità mal-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar teħtieġ ukoll li l-manifattura jew it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali u l-ammunizzjoni tagħhom jiġu stabbiliti bħala reati kriminali, u li jittieħdu miżuri li jawtorizzaw il-konfiska tal-oġġetti li jiġu mmanufatturati jew ittraffikati b’dan il-mod.

(8)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni li huma intiżi speċifikament għal għanijiet militari. Il-miżuri jeħtieġu jissodisfaw il-ħtiġiet tal-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar għandu jiġi adattat biex jipprovdi għal proċeduri ssimplifikati għal armi tan-nar għal użu ċivili. B’riżultat ta’ dan, għandu jiġi żgurat l-iffaċilitar rigward l-awtorizzazzjoni għal spedizzjonijiet multipli, miżuri ta’ transitu u esportazzjonijiet temporanji għal għanijiet legali.

(9)

Dan ir-Regolament la jaffettwa l-applikazzjoni tal-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirreferi għal interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istati Membri, u lanqas m’għandu dan ir-Regolemant kwlunkwe impatt fuq id-Direttiva 2009/43/KE tas-6 ta’ Mejju 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (6), jew fuq id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi (7). Barra minn hekk, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, u għaldaqstant dan ir-Regolament, ma japplikawx għal tranżazzjonijiet bejn Stat u Stat jew għal trasferimenti Statali f’każi fejn l-applikazzjoni tal-Protokoll tippreġudika d-dritt li Stat li hu Parti jieħu azzjoni fl-interess tas-sigurtà nazzjonali konsistenti mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Id-Direttiva 91/477/KEE tindirizza t-trasferimenti ta’ armi tan-nar għal użu ċivili fit-territorju tal-Unjoni, waqt li dan ir-Regolament jiffoka fuq miżuri fir-rigward tal-esportazzjoni mit-territorju doganali tal-Unjoni lejn jew minn pajjiżi terzi.

(11)

L-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni meta jkunu importati minn pajjiżi terzi huma soġġetti għal-liġi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/477/KEE.

(12)

Il-konsistenza rigward id-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma tar-rekords fis-seħħ taħt il-liġi tal-Unjoni għandha tiġi żgurata.

(13)

Sabiex ikun żgurat li dan ir-Regolament jiġi applikat kif suppost, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri li jagħtu setgħat adatti lill-awtoritajiet kompetenti.

(14)

Sabiex tinżamm il-lista tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni li għalihom hija meħtieġa awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-allinjament tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament mal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (8), u mal-Anness I tad-Direttiva 91/477/KEE. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(15)

L-Unjoni adottat korp ta’ regoli doganali, inkorporati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (9) u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (10). Għandu jiġi kkunsidrat ukoll ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (11) li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma applikabbli f’fażijiet differenti skont l-Artikolu 188 tiegħu. M’hemm xejn f’dan ir-Regolament li jikkostrinġi kwalunkwe setgħa taħt u skont il-Kodiċi Doganali Komunitarju u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu.

(16)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli fuq ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(17)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u transitu ta’ oġġetti b’użu doppju stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (12).

(18)

Dan ir-Regolament huwa konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti oħra dwar l-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti essenzjali u ammunizzjoni tagħhom għal użu militari, strateġiji ta’ sigurtà, traffikar illeċitu ta’ armi żgħar u armi leġġeri u l-esportazzjoni ta’ teknoloġija militari, inkluża l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (13).

(19)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda fil-qafas ta’ dan ir-Regolament u dwar informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar dan ir-Regolament.

(20)

Dan ir-Regolament ma jimpedixxix l-Istati Membri milli japplikaw ir-regoli kostituzzjonali tagħhom rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali, b’kunsiderazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (14),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, u l-miżuri ta’ importazzjoni u transitu ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni, bil-għan li jiġi implimentat l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl–Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Ammunizzjoni tagħhom, u jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (“il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar”).

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

“arma tan-nar” tfisser kull arma b’kanna portabbli li titfa’ ’l barra, hija disinnjata biex tispara jew tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ splussiv (combustible propellant) kif imsemmi fl-Anness I;

Oġġett għandu jitqies bħala kapaċi li jiġi konvertit biex jispara pretkuni, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ splussiv (combustible propellant) jekk:

ikollu l-apparenza ta’ arma tan-nar, u

bħala riżultat tal-kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li jkun magħmul minnu jkun jista’ jiġi konvertit hekk;

(2)

“partijiet “ tfisser kwalunkwe element jew element ta’ sostituzzjoni kif imsemmi fl-Anness I iddisinjat apposta għal arma tan-nar u li jkun essenzjali sabiex din taħdem, inklużi l-kanna, il-frame jew ir-receiver, is-slide jew iċ-ċilindru, il-bolt jew il-breech block, u kwalunkwe apparat iddisinjat jew adattat biex inaqqas il-ħoss ikkawżat mill-isparar ta’ arma tan-nar;

(3)

“komponenti essenzjali” tfisser il-mekkaniżmu tal-għeluq tal-breech, iċ-chamber u l-kanna tal-arma tan-nar, li filwaqt li huma separati, huma inklużi fil-kategorija tal-armi tan-nar fejn huma mmuntati jew huma maħsuba li jiġu mmuntati;

(4)

“ammunizzjoni” tfisser ir-round sħiħ jew il-komponenti tiegħu, inklużi l-kontenituri tal-iskrataċ, il-kaps, il-porvli ta’ splussiv (propellant powder), il-balal jew il-projettili, li jintużaw f’arma tan-nar, kif imsemmi fl-Anness I, sakemm dawk il-komponenti stess ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni fl-Istat Membru rilevanti;

(5)

“armi tan-nar diżattivati” tfisser oġġetti li b’xi mod jew ieħor jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ arma tan-nar li jkunu saru definittivament mhux tajba għall-użu permezz ta’ diżattivazzjoni, li tiżgura li l-partijiet kollha essenzjali tal-arma tan-nar ikunu saru għal kollox mhux utilizzabbli u li ma jkunux jistgħu jiġu maqlugħa, sostitwiti jew mibdula bil-għan ta’ kwalunkwe riattivazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti biex dawn il-miżuri ta’ diżattivazzjoni jiġu verifikati minn awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fil-kuntest ta’ dik il-verifika, għall-ħruġ ta’ ċertifikat jew ta’ dokument li jixhed li l-arma tan-nar tkun ġiet diżattivata jew li saret marka viżibbli b’mod ċar għal dak il-għan fuq l-arma tan-nar;

(6)

“esportazzjoni” tfisser:

(a)

proċedura ta’ esportazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 161 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(b)

riesportazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 182 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 iżda ma tinkludix prodotti li jiċċaqalqu skont il-proċedura esterna ta’ transitu, kif imsemmi fl-Artikolu 91 ta’ dak ir-Regolament fejn l-ebda formalità ta’ riesportazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 182(2) tiegħu ma tkun ġiet osservata;

(7)

“persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u, meta l-possibbiltà hija pprovduta skont ir-regoli li hemm fis-seħħ, assoċjazzjoni ta’ persuni rikonoxxuta bħala li għandha l-kapaċità li teżegwixxi atti legali iżda li jonqosha l-istat legali ta’ persuna ġuridika;

(8)

“esportatur” tfisser kwalunkwe persuna, stabbilita fl-Unjoni, li tagħmel jew li jsir f’isimha dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, jiġifieri l-persuna li, fil-ħin meta d-dikjarazzjoni hi aċċettata, iżżomm il-kuntratt mal-kunsinnatarju fil-pajjiż terz u għandha l-poter li tiddetermina l-kunsinja tal-oġġett barra t-territorju doganali tal-Unjoni. Jekk ma kien konkluż l-ebda kuntratt ta’ esportazzjoni jew jekk id-detentur tal-kuntratt ma jaġixxix għan-nom tiegħu, l-esportatur għandha tfisser il-persuna li għandha s-setgħa li tiddetermina jekk l-oġġett jintbagħatx barra t-territorju doganali tal-Unjoni.

Fejn il-benefiċċju ta’ dritt li wieħed juża armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew ammunizzjoni jaqa’ fuq persuna stabbilita barra l-Unjoni skont il-kuntratt li fuqu hija bbażata l-esportazzjoni, l-esportatur għandu jkun ikkunsidrat bħala l-parti kontraenti stabbilita fl-Unjoni;

(9)

“territorju doganali tal-Unjoni” tfisser it-territorju msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(10)

“dikjarazzjoni tal-esportazzjoni” tfisser l-azzjoni li biha persuna tindika fil-forma u manjiera preskritta l-intenzjoni tagħha li tqiegħed l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom, u l-ammunizzjoni taħt proċedura tal-esportazzjoni;

(11)

“esportazzjoni temporanja” tfisser iċ-ċaqliq ta’ armi tan-nar li jitilqu mit-territorju doganali tal-Unjoni u jkunu intiżi għall-importazzjoni mill-ġdid fi żmien perjodu li ma jaqbiżx l-24 xahar;

(12)

“transitu” tfisser l-operazzjoni tat-trasport ta’ oġġetti li jitilqu mit-territorju doganali tal-Unjoni u li jgħaddu mit-territorju ta’ pajjiż terz jew aktar bid-destinazzjoni finali f’pajjiż terz ieħor;

(13)

“trasbord” tfisser transitu li jinvolvi l-operazzjoni fiżika tal-ħatt ta’ merkanzija mill-mezz ta’ trasport ta’ importazzjoni li jkun segwit minn tagħbija mill-ġdid għall-iskop ta’ esportazzjoni mill-ġdid, ġeneralment fuq mezz ieħor ta’ trasport;

(14)

“awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni” tfisser:

(a)

awtorizzazzjoni unika jew liċenzja mogħtija lil esportatur speċifiku għal spedizzjoni waħda ta’ arma tan-nar waħda jew aktar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni lil utent jew kunsinnatarju wieħed finali identifikat f’pajjiż terz jew;

(b)

awtorizzazzjoni multipla jew liċenzja mogħtija lil esportatur wieħed speċifiku għal spedizzjonijiet multipli ta’ arma jew armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni għal utent jew kunsinnatarju wieħed finali identifikat f’pajjiż terz jew;

(c)

awtorizzazzjoni globali jew liċenzja mogħtija lil esportatur wieħed speċifiku għal spedizzjonijiet multipli ta’ arma jew armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni għal diversi utenti jew kunsinnatarji finali identifikati f’pajjiżi terz wieħed jew iktar;

(15)

“traffikar illegali” tfisser l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, il-konsenja, iċ-ċaqliq jew it-trasferiment tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni minn jew madwar it-territorju ta’ Stat Membru lejn dak il-pajjiż terz, jekk tkun tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat ma jawtorizzax dan skont it-termini ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-armi tan-nar ma jkunux immarkati skont l-Artikoli 4(1) u (2) tad-Direttiva 91/477/KEE;

(c)

l-armi tan-nar importati ma jkunux immarkati fil-waqt tal-importazzjoni mill-inqas b’marka sempliċi li tippermetti l-identifikazzjoni tal-ewwel pajjiż tal-importazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, jew, fejn l-armi tan-nar ma jkollhomx tali marka, marka unika li tidentifika l-armi tan-nar importati;

(16)

“traċċar” tfisser traċċar sistematiku tal-armi tan-nar u, fejn possibbli, tal-partijiet u l-ammunizzjoni tagħhom mill-manifattur sax-xerrej bil-għan li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jiskopru, jinvestigaw u janalizzaw il-manifattura illeċita u t-traffikar illegali.

Artikolu 3

1.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)

Tranżazzjonijiet minn Stat għal Stat ieħor jew trasferimenti tal-Istat;

(b)

armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni jekk ikunu intiżi speċifikament għal użu militari u, f’kull każ, armi tan-nar li jisparaw b’mod kompletament awtomatiku;

(c)

armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni meta jkunu intiżi għall-forzi armati, il-pulizija, jew l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri;

(d)

kollezzjonisti u korpi kkonċernati mill-aspetti kulturali u storiċi tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni u rikonoxxuti bħala tali għall-iskop ta’ dan ir-Regolament mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti, sakemm ikunu żgurati miżuri ta’ traċċar;

(e)

armi tan-nar deattivati;

(f)

armi tan-nar li huma antikità u r-repliki tagħhom kif definiti skont il-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm armi ta’ nar li huma antikità ma jinkludux armi tan-nar manifatturati wara l-1899.

2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (il-Kodiċi Doganali tal-Komunità), ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 (li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità) ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 “(il-Kodiċi Doganali Modernizzat)”, u r-reġim għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 428/2009 (Regolament dwar l-Użu Doppju).

KAPITOLU II

AWTORIZZAZZJONI TAL-ESPORTAZZJONI, PROĊEDURI U KONTROLLI U MIŻURI TA’ IMPORTAZZJONI U TRANSITU

Artikolu 4

1.   Awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni stabbilita b’konformità mal-formula stipulata fl-Anness II għandha tkun meħtiega għall-esportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u komponenti essenzjali tagħhom u ammunizzjoni elenkati fl-Anness I. Tali awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn l-esportatur huwa stabbilit u għandha tinħareġ bil-miktub jew b’mezz elettroniku.

2.   Meta l-esportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni teħtieġ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni skont dan ir-Regolament u dik l-esportazzjoni tkun ukoll soġġetta għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, l-Istati Membri jistgħu jużaw proċedura unika biex iwettqu l-obbligi imposti fuqhom minn dan ir-Regolament u minn dik il-Pożizzjoni Komuni.

3.   Jekk l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni ikunu jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar għajr dak fejn saret l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, dan il-fatt għandu jiġi indikat fuq dik l-applikazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li saritilhom l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandhom immedjatament jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat jew l-Istati Membri inkwistjoni u jipprovdu l-informazzjoni rilevanti. L-Istat jew l-Istati Membri kkonsultati għandhom jgħarrfu fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol kwalunkwe oġġezzjoni li huwa jew huma jista’ jkollhom għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni bħal din, li għandha torbot lill-Istat Membru fejn saret l-applikazzjoni.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 6 biex temenda l-Anness I fuq il-bażi tal-emendi għall-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 u abbażi tal-emendi għall-Anness I tad-Direttiva 91/477/KEE.

Artikolu 6

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 7

1.   Qabel ma toħroġ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u ammunizzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jivverifika li:

(a)

il-pajjiż terz li jimporta jkun awtorizza l-importazzjoni relevanti u,

(b)

il-pajjiżi terzi ta’ transitu, jekk hemm, ikunu taw in-notifika bil-miktub – u qrib id-data tal-ispedizzjoni – li ma għandhom ebda oġġezzjoni għat-transitu. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal:

spedizzjonijiet bil-baħar jew bl-ajru u minn ġo portijiet jew ajruporti ta’ pajjiżi terzi, sakemm ma jkunx hemm trasbordi jew tibdil fil-mezz ta’ trasport;

fil-każ ta’ esportazzjonijiet temporanji għal skopijiet legali verifikabbli, li jinkludu kaċċa, sparar minn dilettanti, evalwazzjoni minn esperti, wirjiet mingħajr bejgħ, u tiswija.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, jekk ma tasal ebda oġġezzjoni għat-transitu fi żmien 20 jum ta’ xogħol mill-jum tat-talba bil-miktub għall-approvazzjoni għat-transitu ppreżentata mill-esportatur, il-pajjiż terz ta’ transitu kkonsultat għandu jiġi kkunsidrat bħala li ma għandu ebda oġġezzjoni għat-transitu.

3.   L-esportatur għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli biex joħroġ l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni bid-dokumenti meħtieġa li jikkonfermaw li l-pajjiż terz li qed jimporta awtorizza l-importazzjoni u li l-pajjiż terz ta’ transitu ma għandu ebda oġġezzjoni għat-transitu.

4.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni f’perjodu taż-żmien determinat mil-liġi jew il-prattika tal-pajjiż, li m’għandux jaqbeż is-60 jum ta’ xogħol, mid-data li fiha lill-awtoritajiet kompetenti tkun ingħatatilhom l-informazzjoni kollha rikjesta. F’ċirkustanzi eċċezzjonali u minħabba raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż għal 90 jum ta’ xogħol.

5.   Il-perjodu ta’ validità ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni m’għandux jaqbeż il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni. Fejn l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni ma tispeċifikax perjodu ta’ validità, ħlief f’ċerti ċirkustanzi straordinarji u minħabba raġunijiet iġġustifikati b’mod xieraq, il-perjodu ta’ validità ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandu jkun ta’ mhux inqas minn disa’ xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn dokumenti elettroniċi għall-għan ta’ pproċessar tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

Artikolu 8

1.   Għall-fini ta’ traċċar, l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni u l-liċenzja tal-importazzjoni jew l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni maħruġa mill-pajjiż terz importatur u dokumentazzjoni mehmuża għandhom flimkien ikollhom informazzjoni li tinkludi:

(a)

id-dati tal-ħruġ u ta’ skadenza;

(b)

il-post tal-ħruġ;

(c)

il-pajjiż esportatur;

(d)

il-pajjiż importatur;

(e)

fejn applikabbli, il-pajjiż jew pajjiżi terzi ta’ transitu;

(f)

il-kunsinnatarju;

(g)

id-destinatarju finali, jekk magħruf fil-ħin tal-ispedizzjoni;

(h)

il-partikularitajiet li jippermettu l-identifikazzjoni tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni, u l-kwantità tagħhom, inkluża l-marka applikata mal-armi tan-nar, sa mhux aktar tard minn qabel l-ispedizzjoni.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jekk inkluża fil-liċenzja tal-importazzjoni jew fl-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni, għandha tiġi pprovduta mill-esportatur bil-quddiem lill-pajjiżi terzi ta’ transitu, sa mhux aktar tard minn qabel l-ispedizzjoni.

Artikolu 9

1.   Proċeduri ssimplifikati għall-esportazzjoni temporanja jew ir-riesportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni għandhom japplikaw kif ġej:

(a)

ebda awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni m’għandha tkun meħtieġa għal

(i)

esportazzjoni temporanja minn kaċċaturi jew dilettanti tal-isparar bħala parti mill-effetti personali li jieħdu magħhom, matul vjaġġ lejn pajjiż terz, sakemm huma jissostanzjaw lill-awtoritajiet kompetenti r-raġunijiet tal-vjaġġ, b’mod partikolari billi jipperżentaw stedina jew prova oħra tal-attivitajiet ta’ kaċċa jew sparar bħala sport fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, ta’:

arma jew armi tan-nar;

il-komponenti essenzjali tagħhom, jekk immarkati, kif ukoll il-partijiet;

l-ammunizzjoni relatat tagħhom, limitat għal massimu ta’ 800 round għall-kaċċaturi u massimu ta’ 1 200 round għad-dilettanti tal-isparar.

(ii)

ir-riesportazzjoni minn kaċċaturi jew dilettanti tal-isparar bħala parti mill-effetti personali li jieħdu magħhom wara l-ammissjoni temporanja għal attivitajiet ta’ kaċċa jew sparar bħala sport, sakemm l-armi tan-nar jibqgħu l-proprjetà ta’ persuna stabbilita barra t-territorju doganali tal-Unjoni u l-armi tan-nar jiġu riesportati lil dik il-persuna.

(b)

Meta jitilqu t-territorju doganali tal-Unjoni permezz ta’ Stat Membru li mhux l-Istat Membru tar-residenza tagħhom, il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti l-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar skont l-Artikoli 1 u 12 tad-Direttiva 91/477/KEE. Fil-każ ta’ vjaġġi bl-ajru, il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar għandu jiġi pprovdut lill-awtoritajiet kompetenti meta l-oġġetti rilevanti jingħataw lill-kumpanija tal-ajru għat-trasport barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

Meta jitilqu t-territorju doganali tal-Unjoni mill-Istat Membru tar-residenza tagħhom, il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar jistgħu minflok il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar, jagħżlu li jipprovdu dokument ieħor ikkunsidrat validu għal dan l-iskop mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.

(c)

L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom, għal perjodu li ma jaqbiżx l-10 ijiem, jissospendu l-proċess ta’ esportazzjoni jew, jekk ikun meħtieġ, jipprevjenu l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni milli jitilqu t-territorju doganali tal-Unjoni minn dak l-Istat Membru, meta jkollhom raġunijiet għal suspett li r-raġunijiet ipprovduti mill-kaċċaturi jew dilettanti tal-isparar ma jkunux konformi mal-konsiderazzjonijiet u l-obbligi rilevanti stipulati fl-Artikolu 10. F’ċirkustanzi straordinarji u minħabba raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, il-perjodu msemmi f’dan il-punt jista’ jiġi estiż għal 30 jum.

2.   L-Istati Membri għandhom, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, jistabbilixxu proċeduri ssimplifikati għal:

(a)

ir-riesportazzjoni tal-armi tan-nar wara ammissjoni temporanja għall-evalwazzjoni jew għall-wiri mingħajr bejgħ, jew ipproċessar intern għat-tiswija, sakemm l-armi tan-nar jibqgħu l-proprjetà ta’ persuna stabbilita barra mit-territorju doganali tal-Unjoni u jiġu riesportati lil dik il-persuna;

(b)

ir-riesportazzjoni tal-armi tan-nar, il-partijiet tagħhom u l-komponenti essenzjali u l-ammunizzjoni jekk ikunu miżmuma f’ħażna temporanja mill-mument meta jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni sakemm joħorġu;

(c)

l-esportazzjoni temporanja tal-armi tan-nar għall-iskop ta’ evalwazzjoni u tiswija u wiri mingħajr bejgħ, sakemm l-esportatur jissostanzja l-pussess legali ta’ dawn l-armi tan-nar u jesportahom skont il-proċeduri doganali ta’ pproċessar estern jew esportazzjoni temporanja.

Artikolu 10

1.   F’deċiżjoni ta’ jekk għandhiex tingħata awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-konsiderazzjonijiet rilevanti kollha inklużi, fejn xieraq:

(a)

l-obbligi u l-impenji tagħhom bħala partijiet għal arranġamenti internazzjonali rilevanti tal-kontroll tal-esportazzjoni jew trattati internazzjonali rilevanti;

(b)

kunsiderazzjonijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà nazzjonali, inklużi dawk koperti mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

(c)

kunsiderazzjonijiet fuq użu finali intenzjonat, il-kunsinnatarju, id-destinatarju finali identifikat u r-riskju ta’ devjazzjoni.

2.   Barra l-kunsiderazzjonijiet rilevanti stipulati fil-paragrafu 1, meta jkunu qed jivvalutaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal esportazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-applikazzjoni mill-esportatur ta’ mezzi u proċeduri proporzjonati u adegwati biex tkun żgurata konformità mad-dispożizzjonijiet u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni.

Meta jiddeċiedu li jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi tagħhom rigward is-sanzjonijiet imposti permezz ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill jew b’deċiżjoni tal-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) jew b’riżoluzzjoni vinkolanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari fir-rigward tal-embargoes tal-armi.

Artikolu 11

1.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jirrifjutaw li joħorġu awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni jekk l-applikant jkollu rekords kriminali rigward kondotta li tikkostitwixxi reat imniżżel fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (15) jew rigward kwalunkwe kondotta oħra, sakemm tkun tikkostitwixxi reat punibbli bid-deprivazzjoni massima tal-libertà ta’ mill-anqas erba’ snin jew piena aktar serja;

(b)

iħassru, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni jekk il-kundizzjonijiet biex din tingħata ma jiġux sodisfatti jew ma jibqgħux issodisfati.

Dan il-paragrafu huwa mingħajr ħsara għal regoli aktar stretti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.   Meta Stati Membri jirrifjutaw, iħassru, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, dawn għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati u jaqsmu l-informazzjoni relevanti magħhom. Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jkunu ssospendew awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, l-evalwazzjoni finali tagħhom għandha tkun ikkomunikata lill-Istati Membri l-oħra fl-aħħar tal-perjodu ta’ sospensjoni.

3.   Qabel ma l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, joħorġu awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni skont dan ir-Regolament, dawn għandhom jikkunsidraw ir-rifjuti kollha skont dan ir-Regolament li dwarhom ġew notifikati, sabiex jiżguraw jekk awtorizzazzjoni ġietx irrifjutata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jew Stati Membri għal tranżazzjoni essenzjalment identika (dwar oġġett essenzjalment bl-istess parametri jew karatteristiċi tekniċi u fir-rigward tal-istess importatur jew kunsinnatarju).

Huma l-ewwel jistgħu jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew Stati Membri li jkunu ħarġu rifjut, annulamenti, sosspensjonijiet, modifikazzjonijiet jew revokazzjonijiet taħt il-paragrafi 1 u 2. Jekk, wara konsultazzjoni bħal din, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jiddeċiedu li jagħtu awtorizzazzjoni, huma għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra billi, jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha biex jispjegaw id-deċiżjoni.

4.   L-informazzjoni kollha kkondiviża skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandha tkun f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) rigward il-konfidenzjalità tagħha.

Artikolu 12

Skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika fis-seħħ tagħhom, l-Istati Membri għandhom iżommu – għal mhux inqas minn 20 sena – l-informazzjoni kollha rigward l-armi tan-nar u, fejn xieraq u fattibbli, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni, li hija neċessarja għat-traċċar u l-identifikazzjoni ta’ dawk l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni, u għall-prevenzjoni u s-sejbien tat-traffiku illegali fi ħdanhom. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-post, id-dati tal-ħruġ u tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni; il-pajjiż esportatur; il-pajjiż importatur; fejn appikabbli, il-pajjiż terz ta’ transitu; il-kunsinnatarju; id-destinatarju finali jekk magħruf fil-ħin tal-esportazzjoni; u d-deskrizzjoni u l-kwantità tal-oġġetti, inkluż kwalunkwe marka applikata fuqhom.

Dan l-Artikolu ma għandux jgħodd għal esportazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 9.

Artikolu 13

1.   L-Istati Membri għandhom, fil-każ ta’ suspett, jitolbu lill-pajjiż terz importatur biex jikkonferma li l-kunsinja li tkun telqet ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-kompenenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni tkun waslet.

2.   Fuq talba ta’ pajjiż terz tal-esportazzjoni li huwa parti mil-Protokoll tal-NU tal-Armi tan-Nar fil-ħin tal-esportazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw bil-wasla fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni tal-kunsinja tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni, li fi prinċipju għandha tiġi żgurata billi jippreżentaw id-dokumenti doganali rilevanti ta’ importazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom josservaw paragrafi 1 u 2 skont il-liġijiet jew prattika nazzjonali li jkunu fis-seħħ. B’mod partikolari, rigward l-esportazzjonijiet, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tista’ tiddeċiedi jew li tindirizza lill-esportatur jew li tagħmel kuntatt dirett mal-pajjiż terz importatur.

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jieħdu tali miżuri kif meħtieġ biex jiżguraw li l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tagħhom ikunu siguri u li l-awtentiċità tad-dokumenti ta’ awtorizzazzjoni tista’ tkun ivverifikata jew ivvalidata.

Il-verifika u l-validazzjoni jistgħu wkoll, fejn xieraq, jiġu żgurati permezz tal-mezzi diplomatiċi.

Artikolu 15

Sabiex ikun assigurat li dan ir-Regolament huwa applikat kif suppost, l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex ikun permess lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li:

(a)

jiġbru informazzjoni dwar kwalunkwe ordni jew tranżazzjoni li tinvolvi l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni; u

(b)

jistabbilixxu li l-miżuri ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni huma applikati kif suppost, li jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu l-poter għad-dħul fil-postijiet ta’ persuni b’interess fi tranżazzjoni ta’ esportazzjoni.

Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament, u jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

KAPITOLU III

FORMALITAJIET DOGANALI

Artikolu 17

1.   Meta jikkompleta l-formalitajiet doganali għall-esportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni fl-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni, l-esportatur għandu jagħti prova li kiseb kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni meħtieġa.

2.   L-esportatur jista’ jintalab jipprovdi traduzzjoni f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni ġiet ippreżentata ta’ kwalunkwe dokument mogħti bħala prova.

3.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe setgħa mogħtija lilhom skont ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92, l-Istati Membri għandhom, għal perjodu li ma jeċċedix 10 ijiem, jissospendu l-proċess ta’ esportazzjoni mit-territorju tagħhom, jew, jekk meħtieġ, b’mod ieħor jipprevjenu armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni li huma koperti minn awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni valida milli joħorġu mit-territorju doganali tal-Unjoni mit-territorju tagħhom, fejn ikollhom raġunijiet biex jissuspettaw li:

(a)

ma tteħidx kont ta’ informazzjoni rilevanti meta ngħatat l-awtorizzazzjoni, jew

(b)

iċ-ċirkustanzi nbidlu materjalment minn meta ngħatat l-awtorizzazzjoni.

F’ċirkustanzi straordinarji u minħabba raġunijiet issostanzjati kif xieraq, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż għal 30 jum.

4.   Matul il-perjodu jew il-perjodu estiż msemmi fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jew jirrilaxxa l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni jew jieħu azzjoni skont l-Artikolu 11(1)(b).

Artikolu 18

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-formalitajiet tad-dwana għall-esportazzjoni tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni jistgħu jitlestew biss f’uffiċċji tad-dwana mogħtija s-setgħa għal dik il-fini.

2.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla stipulata fil-paragrafu 1 għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-uffiċċji doganali debitament mogħtija s-setgħa jew dwar bidliet f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna dik l-informazzjoni kull sena fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU IV

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 19

1.   L-Istati Membri għandhom, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u skont l-Artikolu 21(2), jieħdu l-miżuri kollha adatti biex ikunu stabbiliti kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti bil-ħsieb li tissaħħaħ l-effiċjenza tal-miżuri stabbiliti minn dan ir-Regolament. Informazzjoni bħal din tista’ tinkludi:

(a)

dettalji tal-esportaturi li l-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni ġiet rifjutata, jew esportaturi li huma s-soġġett ta’ deċiżjonijiet li jkunu ħadu Stati Membri skont l-Artikolu 11;

(b)

data dwar kunsinnatarji jew atturi oħra involuti f’attivitajiet suspettużi, u, fejn disponibbli, ir-rotot użati.

2.   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 (16) dwar għajnuna reċiproka, u b’mod partikulari d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, għandhom japplikaw mutatis mutandis għal miżuri skont dan l-Artikolu, mingħajr ħsara għall-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 20

1.   Għandu jitwaqqaf Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-Esportazzjoni tal-Armi tan-Nar (“Grupp ta’ Koordinazzjoni”) ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant għalih.

Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni għandu jeżamina kwalunkwe kwistjoni rigward l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li tista’ titqajjem jew mill-president jew minn rappreżentant ta’ Stat Membru. Dan għandu jkun marbut bir-regoli tal-kunfidenzjalità tar-Regolament (KE) Nru 515/97.

2.   Il-President tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni jew il-Grupp ta’ Koordinazzjoni għandu, kull meta jkun meħtieġ, jikkonsulta lill-partijiet interessati, ikkonċernati minn dan ir-Regolament.

Artikolu 21

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati biex ikun implimentat dan ir-Regolament, inklużi l-miżuri msemmija fl-Artikolu 16.

2.   Sad-19 ta' April 2012, kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 7, 9, 11 u 17. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna lista ta’ dawk l-awtoritajiet kull sena fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Sad-19 ta' April 2017, u minn dak inhar il-quddiem fuq talba tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni u fi kwalunkwe każ kull għaxar snin, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tiegħu, li jista’ jinkludi proposti biex jiġi emendat. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha adatta għat-tħejjija tar-rapport, inkluża l-informazzjoni dwar l-użu tal-proċedura unika provduta fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 22

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit-30 ta' Settembru 2013.

Madankollu, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 13 għandhom japplikaw mit-tletint-il jum wara d-data li fiha l-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar jidħol fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea, wara li dan jiġi konkluż skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Marzu 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ottubru 2011 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Marzu 2012.

(2)  ĠU L 280, 24.10.2001, p. 5.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(5)  COM(2005) 329. Il-Komunikazzjoni ħabbret ukoll il-modifika teknika tad-Direttiva 91/477/KEE bil-għan li tintegra d-dispożizzjonijiet xierqa rikjesti mill-Protokoll tan-NU rigward it-trasferimenti fi ħdan il-Komunità tal-armi msemmija fid-Direttiva, kif emendata fl-aħħar bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 (ĠU L 179, 8.7.2008, p. 5).

(6)  ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.

(7)  ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51.

(8)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(9)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(10)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

(11)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(12)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.

(13)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(14)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(15)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).


ANNESS I (1)

Lista ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali u l-ammunizzjoni tagħhom

 

Deskrizzjoni

KODIĊI NM (2)

1

Armi tan-nar qosra semiawtomatiċi jew li jirrepetu.

ex 9302 00 00

2

Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’centre-fire percussion.

ex 9302 00 00

3

Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’rim fire percussion li t-tul kollu tagħhom huwa inqas minn 28 cm.

ex 9302 00 00

4

Armi tan-nar semiawtomatiċi li l-kompartiment għall-iskrataċ u r-rukkell tagħhom flimkien jieħdu aktar minn tliet tiri.

ex 9303 20 10

ex 9303 20 95

ex 9303 30 00

ex 9303 90 00

5

Armi tan-nar twal u semiawtomatiċi li l-kompartiment għall-iskrataċ u r-rukkell tagħhom flimkien ma jeħdux aktar minn tliet tiri, fejn il-mezz sabiex l-arma tiġi kkargata jista’ jitneħħa jew fejn mhux żgur jekk l-arma tistax tinbidel jew le b’ għodda normali f’arma li l-kompartiment għall-iskrataċ u r-rukkell tagħha flimkien jieħdu aktar minn tliet tiri.

ex 9303 20 10

ex 9303 20 95

ex 9303 30 00

ex 9303 90 00

6

Armi tan-nar twal li jirrepetu t-tiri u li huma semiawtomatiċi b’kanen lixxi li ma jaqbżux is-60 cm tul.

ex 9303 20 10

ex 9303 20 95

7

Armi tan-nar semiawtomatiċi li jixbħu lill-armi b’mekkaniżmi semiawtomatiċi għal użu ċivili.

ex 9302 00 00

ex 9303 20 10

ex 9303 20 95

ex 9303 30 00

ex 9303 90 00

8

Armi tan-nar twal li jirrepetu, barra dawk imniżżla fil-punt 6.

ex 9303 20 95

ex 9303 30 00

ex 9303 90 00

9

Armi tan-nar twal b’kanen li jisparaw tir wieħed.

ex 9303 30 00

ex 9303 90 00

10

Armi tan-nar twal u semiawtomatiċi barra dawk tal-punti 4 sa 7.

ex 9303 90 00

11

Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom huwa inqas minn 28 cm.

ex 9302 00 00

12

Armi tan-nar twal b’tir wieħed u kanen lixxi.

9303 10 00

ex 9303 20 10

ex 9303 20 95

13

Partijiet imfassla apposta għal arma tan-nar u li jkunu essenzjali sabiex din taħdem, inklużi l-kanna, il-frame jew ir-receiver, is-slide jew iċ-ċilindru, il-bolt jew il-breech block, u kwalunkwe apparat imfassal jew adattat biex inaqqas il-ħoss ikkawżat mill-isparar ta’ arma tan-nar.

Kull komponent essenzjali ta’ dawn l-armi: il-mekkaniżmu tal-għeluq, ir-rukkell u l-kanna tal-arma tan-nar, li filwaqt li huma separati, huma inklużi fil-kategorija tal-armi tan-nar fejn huma jew huma maħsuba li jiġu mmuntati

ex 9305 10 00

ex 9305 21 00

ex 9305 29 00

ex 9305 99 00

14

Ammunizzjoni: ir-round sħiħ jew il-komponenti tiegħu, inklużi l-kontenituri tal-iskrataċ, il-kaps, il-porvli ta’ splussiv (propellant powder), il-balal jew il-projettili, li jintużaw f’arma tan-nar, sakemm dawk il-komponenti stess ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni fl-Istat Membru rilevanti

ex 3601 00 00

ex 3603 00 90

ex 9306 21 00

ex 9306 29 00

ex 9306 30 10

ex 9306 30 90

ex 9306 90 90

15

Kollezzjonijiet u oġġetti tal-kollezzjoni ta’ interess storiku

Antikitajiet ta’ ’l fuq minn mitt sena

ex 9705 00 00

ex 9706 00 00

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness:

(a)

“arma tan-nar qasira” tfisser arma tan-nar b’kanna li ma taqbiżx it-30 ċentimetri jew li t-tul kollu tagħha ma jaqbiżx is-60 ċentimetri;

(b)

“arma tan-nar twila” tfisser kull arma tan-nar għajr arma tan-nar qasira;

(c)

“arma tan-nar awtomatika” tfisser arma tan-nar li terġa’ tikkarga b’mod awtomatiku kull darba li jiġi sparat tir u li tista’ tispara aktar minn tir wieħed b’għafsa waħda tal-grillu;

(d)

“arma tan-nar semiawtomatika” tfisser arma tan-nar li terġa’ tikkarga b’mod awtomatiku kull darba li jiġi sparat tir u li tista’ tispara tir wieħed biss b’għafsa waħda tal-grillu;

(e)

“arma tan-nar li tirrepeti” tfisser arma tan-nar li wara li jiġi sparat tir hija ddisinjata sabiex terġa’ tiġi kkargata minn kompartiment għall-iskrataċ jew ċilindru permezz ta’ azzjoni li ssir manwalment;

(f)

“arma tan-nar b’tir wieħed” tfisser arma tan-nar mingħajr kompartiment għall-iskrataċ li tikkarga qabel kull tir billi wieħed bl-id idaħħal tir fir-rukkell jew rokna għall-ikkargar fil-breech tal-kanna.


(1)  Ibbażat fuq in-Nomenklatura Magħquda tal-oġġetti kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni.

(2)  Fejn jidher il-kodiċi l-“ex”, l-ambitu għandu jiġi stabbilit permezz tal-applikazzjoni tal-kodiċi tan-NM u d-deskrizzjoni li tikkorrispondi magħha meħudin flimkien.


ANNESS II

(mudell għall-formoli tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni)

(imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament)

Meta jagħtu awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni, l-Istati Membri għandhom jirsistu biex jiżguraw il-viżibbiltà tan-natura tal-awtorizzazzjoni fuq il-formola maħruġa.

Din hija awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni valida fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea sad-data ta’ skadenza tagħha.

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Top