Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0006

Direttiva 2012/6/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta' Marzu 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji fir-rigward ta' mikroentitajiet Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 81, 21.3.2012, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/07/2013; Imħassar b' 32013L0034

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/6/oj

21.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/3


DIRETTIVA 2012/6/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Marzu 2012

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji fir-rigward ta' mikroentitajiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 fil-konklużjonijiet tiegħu saħaq li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huwa importanti għat-tisħiħ tal-ekonomija tal-Ewropa u li jenħtieġ sforz konġunt b'saħħtu biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

(2)

Il-kontabbiltà ġiet identifikata bħala wieħed mill-oqsma ewlenin li fihom il-piżijiet amministrattivi għall-kumpanniji fi ħdan l-Unjoni jistgħu jitnaqqsu.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (3) tiddefinixxi mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta' daqs medju. Madankollu, il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri wrew li l-kriterji ta' daqs għall-mikroimpriżi f'dik ir-Rakkomandazzjoni jistgħu jkunu wisq għolja għall-finijiet tal-kontabbiltà. Għalhekk, sottogrupp ta' mikroimpriżi, hekk imsejħa “mikroentitajiet”, għandu jiġi introdott biex ikopri kumpanniji bi kriterji ta' daqs għall-karta tal-bilanċ u fatturat nett aktar baxxi minn dawk stipulati għall-mikroimpriżi.

(4)

Il-mikroentitajiet fil-biċċa l-kbira tad-drabi joperaw f'negozju fil-livell lokali jew reġjonali bi ftit, jew xejn, attività transkonfinali. Barra minn hekk, huma għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda, it-trawwim tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda.

(5)

Il-mikroentitajiet għandhom riżorsi limitati biex jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji impenjattivi. Madankollu, huma spiss ikunu soġġetti għall-istess regoli tar-rappurtar finanzjarju bħall-kumpanniji akbar. Dawk ir-regoli jpoġġu fuqhom piż li mhuwiex proporzjonat mad-daqs tagħhom u għalhekk huwa sproporzjonat għall-iżgħar impriżi meta mqabbla ma' dawk akbar. Għalhekk, għandu jkun possibbli li l-mikroentitajiet jiġu eżentati minn ċerti obbligi li jistgħu jimponu fuqhom piż amministrattiv oneruż bla bżonn. Madankollu, il-mikroentitajiet xorta għandhom ikunu soġġetti għal kull obbligu nazzjonali li jżommu reġistri li juru t-transazzjonijiet kummerċjali u l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom.

(6)

Billi n-numru ta’ kumpanniji li għalihom ser japplikaw il-kriterji ta' daqs stipulati f’din id-Direttiva jvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, u billi l-attivitajiet tal-mikroentitajiet ma jħallux impatt, jew iħallu biss impatt limitat, fuq il-kummerċ transkonfinali jew fuq it-tħaddim tas-suq intern, l-Istati Membri għandhom iqisu din id-differenza fl-impatt ta' dawk il-kriterji meta jimplimentaw din id-Direttiva fil-livell nazzjonali.

(7)

L-Istati Membri għandhom iqisu l-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-swieq tagħhom meta jkunu qed jieħdu deċiżjonijiet dwar kif jew jekk jimplimentawx sistema ta' mikroentitajiet fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE (4).

(8)

Il-mikroentitajiet għandhom iqisu d-dħul u l-ispejjeż relatati mas-sena finanzjarja, irrispettivament mid-data ta' meta dak id-dħul jew spejjeż ikunu riċevuti jew imħallsa. Madankollu, il-kalkolu ta' ħlasijiet minn qabel u dħul akkumulat u akkumulazzjonijet u dħul imħolli għal iżjed tard jista' jkun ta' piż għall-mikroentitajiet. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw lill-mikroentitajiet milli jikkalkolaw u jippreżentaw dawk l-entrati, biss safejn dik l-eżenzjoni tirrelata ma' spejjeż oħra li mhumiex l-ispiża għall-materja prima u l-oġġetti ta' konsum, l-aġġustamenti tal-valur, l-ispejjeż tal-persunal u t-taxxa. B'dan il-mod, il-piż amministrattiv involut fil-kalkolu ta' bilanċi relattivament żgħar jista' jitnaqqas.

(9)

Il-pubblikazzjoni ta' kontijiet annwali tista' tkun ta' piż għall-mikroentitajiet. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm konformità ma’ din id-Direttiva. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi jeżentaw lill-mikroentitajiet minn rekwiżit ta' pubblikazzjoni ġenerali, bil-kondizzjoni li l-informazzjoni fuq il-karta tal-bilanċ tiġi ffajljata debitament, f'konformità mad-dritt nazzjonali, ma' mill-inqas awtorità kompetenti maħtura waħda u li l-informazzjoni tintbagħat lir-reġistru tan-negozju, sabiex tkun tista’ tinkiseb kopja jekk issir applikazzjoni. F’dawn il-każijiet, ma japplikax l-obbligu stipulat fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 78/660/KEE li jiġi ppubblikat kull dokument tal-kontabilità bi qbil mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/101/KE (5).

(10)

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tippermetti lill-Istati Membri li joħolqu ambjent ta' rapportar finanzjarju sempliċi għall-mikroentitajiet. L-użu ta' valuri ġusti jista' jirriżulta fil-ħtieġa għal żvelar dettaljat biex jispjega l-bażi li fuqha ġie stabbilit il-valur ġust ta' ċerti entrati. Billi s-sistema tal-mikroentitajiet tipprovdi żvelar limitat ħafna permezz ta' noti dwar il-kontijiet, l-utenti tal-kontijiet tal-mikroentitajiet ma jkunux jafu jekk l-ammonti fil-karta tal-bilanċ u fil-kont tal-qligħ u t-telf jinkorporawx valuri ġusti. Għaldaqstant, biex tingħata ċ-ċertezza lil dawn l-utenti f'dan ir-rigward, l-Istati Membri m'għandhomx jippermettu jew jeħtieġu lill-mikroentitajiet li jużaw xi waħda mill-eżenzjonijiet disponibbli lilhom taħt din id-Direttiva li jużaw il-bażi ta' valutazzjoni ġusta meta jkunu qed iħejju l-kontijiet tagħhom. Il-mikroentitajiet li jixtiequ jew jeħtieġu jużaw valur ġust xorta jkunu jistgħu jagħmlu dan billi jużaw sistemi oħra skont din id-Direttiva fejn Stat Membru jippermetti jew jeħtieġ użu bħal dan.

(11)

Meta jiddeċiedu dwar kif jew jekk jimplimentawx sistema ta' mikroentitajiet fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 78/660/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mikroentitajiet li għandhom jiġu kkonsolidati skont id-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE (6) fuq kontijiet konsolidati jagħmlu użu minn data ta' kontabbiltà li tkun iddettaljata biżżejjed għal dak il-għan u li l-eżenzjonijiet f’din id-Direttiva jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jitħejjew kontijiet ikkonsolidati bi qbil mad-Direttiva 83/349/KEE.

(12)

Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis fil-piż amministrattiv għall-mirkoentitajiet, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(13)

Id-Direttiva 78/660/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 78/660/KEE

Id-Direttiva 78/660/KEE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 1a

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjonijiet minn ċerti obbligi skont din id-Direttiva f'konformità mal-paragrafi 2 u 3 fir-rigward tal-kumpanniji li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jkunux jeċċedu l-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji li ġejjin (mirkoentitajiet):

(a)

total tal-karta tal-bilanċ: EUR 350 000;

(b)

fatturat nett: EUR 700 000;

(c)

l-għadd medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: 10.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw kumpanniji msemmija fil-paragrafu 1 minn kwalunkwe jew kull obbligu minn dawn li ġejjin:

(a)

l-obbligu li jippreżentaw ‘Ħlasijiet minn qabel u dħul akkumulat’ u ‘Akkumulazzjonijet u dħul imħolli għal iżjed tard’ f'konformità mal-Artikoli 18 u 21;

(b)

fejn Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, huwa jista' jippermetti lil dawk il-kumpanniji, fir-rigward biss ta' spejjeż oħra f'konformità mal-punt (b)(vi) tal-paragrafu 3, li jitbiegħdu mill-Artikolu 31(1)(d) fir-rigward tar-rikonoxximent ta' ‘Ħlasijiet minn qabel u dħul akkumulat’ u ‘Akkumulazzjonijet u dħul imħolli għal iżjed tard’, bil-kondizzjoni li dan il-fatt jingħata fin-noti dwar il-kontijiet jew, f'konformità mal-punt (c) ta' dan il-paragrafu, f'qiegħ il-karta tal-bilanċ;

(c)

l-obbligu li jħejju noti dwar il-kontijiet f'konformità mal-Artikoli 43 sa 45, bil-kondizzjoni li l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 14 u l-punt (13) tal-Artikolu 43(1) ta' din id-Direttiva u l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 77/91/KEE (*) tingħata f'qiegħ il-karta tal-bilanċ;

(d)

l-obbligu li jħejju rapport annwali f'konformità mal-Artikolu 46 ta' din id-Direttiva, bil-kondizzjoni li l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 77/91/KEE tiġi żvelata fin-noti dwar il-kontijiet jew, f'konformità mal-punt (c) ta' dan il-paragrafu, f'qiegħ il-karta tal-bilanċ;

(e)

l-obbligu li jippubblikaw kontijiet annwali f'konformità mal-Artikoli 47 sa 50a, bil-kondizzjoni li l-informazzjoni fuq il-karta tal-bilanċ li tinsab fihom tiġi ffajljata debitament, f'konformità mad-dritt nazzjonali, ma' mill-anqas awtorità kompetenti waħda maħtura mill-Istat Membru kkonċernat. Kull meta l-awtorità kompetenti ma tkunx ir-reġistru ċentrali, ir-reġistru kummerċjali, jew ir-reġistru tal-kumpanniji, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/101/KE (**), l-awtorità kompetenti hija meħtieġa li tipprovdi reġistru bl-informazzjoni ffajljata.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kumpanniji msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

li jħejju biss karta tal-bilanċ imqassra li turi b'mod separat tal-anqas dawk l-entrati preċeduti minn ittri fl-Artikoli 9 jew 10, fejn applikabbli. Fil-każijiet li għalihom japplika l-punt (a) tal-paragrafu 2, l-entrati E taħt ‘Assi’ u D taħt ‘Passivi’ fl-Artikolu 9 jew l-entrati E u K fl-Artikolu 10 għandhom jiġu esklużi mill-karta tal-bilanċ;

(b)

li jħejju biss kont ta' qligħ u telf imqassar li juri b'mod separat tal-anqas l-entrati li ġejjin, fejn applikabbli:

(i)

fatturat nett;

(ii)

dħul ieħor;

(iii)

spiża għall-materja prima u l-oġġetti tal-konsum;

(iv)

spejjeż tal-persunal;

(v)

aġġustamenti tal-valur;

(vi)

spejjeż oħra;

(vii)

taxxa;

(viii)

qligħ jew telf.

4.   L-Istati Membri m'għandhomx jippermettu jew jeħtieġu l-applikazzjoni tat-Taqsima 7a lil kull mikroentità li tagħmel użu minn waħda mill-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3.

5.   Fir-rigward tal-kumpanniji msemmija fil-paragrafu 1, kontijiet annwali mfassla f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jitqiesu bħala li jagħtu l-istampa vera u ġusta meħtieġa mill-Artikolu 2(3), u konsegwentement, l-Artikolu 2(4) u (5) m'għandux japplika għal kontijiet bħal dawn.

6.   Meta fid-data tal-karta tal-bilanċ, kumpannija teċċedi jew tieqaf milli teċċedi l-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji stipulati fil-paragrafu 1, dak il-fatt għandu jaffettwa l-applikazzjoni tad-deroga prevista fil-paragrafi 2, 3 u 4 fil-każ biss li dan iseħħ kemm fis-sena finanzjarja attwali kif ukoll f'dik preċedenti.

7.   Fil-każ ta’ dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro, l-ammont li fil-munita nazzjonali jkun ekwivalenti għall-ammonti speċifikati fil-paragrafu 1 għandu jkun dak miksub permezz tal-applikazzjoni tar-rata tal-kambju pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' kull Direttiva li tistabbilixxi dawk l-ammonti.

8.   It-total tal-karta tal-bilanċ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jikkonsisti jew fl-attivi msemmija fl-entrati A sa E taħt ‘Assi’ fl-Artikolu 9 jew l-attivi msemmija fl-entrati A sa E fl-Artikolu 10. Jekk japplika l-punt (a) tal-paragrafu 2, it-total tal-karta tal-bilanċ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jikkonsisti jew fl-attivi msemmija fl-entrati A sa E taħt ‘Assi’ fl-Artikolu 9 jew l-attivi msemmija fl-entrati A sa D fl-Artikolu 10.

(*)  It-tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta' Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1).

Nota Editorjali: It-titolu tad-Direttiva 77/91/KEE ġie aġġustat biex jieħu kont tar-rinumerazzjoni tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, skont l-Artikolu 12 tat-Trattat ta' Amsterdam u l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat.

" (**)  Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti. (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).

Nota Editorjali: It-titolu tad-Direttiva 2009/101/KE ġie aġġustat biex jieħu kont tar-rinumerazzjoni tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat.”;

"

(2)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   B'deroga mill-Artikolu 4(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu taqsim speċjali għall-kontijiet annwali ta' kumpanniji ta' investiment u ta' kumpanniji b'parteċipazzjoni finanzjarja bil-kondizzjoni li dan it-taqsim jagħti stampa ta' dawn il-kumpanniji ekwivalenti għal dik prevista fl-Artikolu 2(3). L-Istati Membri m'għandhomx jagħmlu l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1a fir-rigward ta' kumpanniji ta' investiment jew kumpanniji b'parteċipazzjoni finanzjarja.”;

(3)

L-Artikolu 53a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 53a

L-Istati Membri m'għandhomx jagħmlu l-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1a, 11 u 27, il-punti (7a) u (7b) tal-Artikolu 43(1) u l-Artikoli 46, 47 u 51 disponibbli fir-rigward ta' kumpanniji li t-titoli ta' sigurtà tagħhom huma ammessi għan-negozju f'suq regolat fl-ambitu tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva fejn u meta jiddeċiedu li jagħmlu użu minn kwalunkwe alternattiva prevista fl-Artikolu 1a tad-Direttiva 78/660/KEE, filwaqt li jqisu b’mod partikolari l-qagħda fil-livell nazzjonali fir-rigward tan-numru ta’ kumpanniji koperti mill-kriterji ta' daqs stipulati fil-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Rapport

Mhux aktar tard mill-10 ta’ April 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar is-sitwazzjoni tal-mikroentitajiet li jqis b’mod partikolari s-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali rigward in-numru ta’ kumpanniji koperti bil-kriterji tad-daqs u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi li jirriżultaw mill-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Marzu 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 67.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 (ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 111) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-12 ta' Settembru 2011 (ĠU C 337 E, 18.11.2011, p. 1). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2012.

(3)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(4)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

(5)  Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).

Nota Editorjali: It-titolu tad-Direttiva 2009/101/KE ġie aġġustat biex jieħu kont tar-rinumerazzjoni tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat.

(6)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.


Top