Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0733

2012/733/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta’ Novembru 2012 ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg u l-istabbiliment mill-ġdid tal-EURES (notifikata bid-dokument numru C(2012) 8548) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 328, 28.11.2012, p. 21–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/05/2016; Imħassar b' 32016D0716

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/733/oj

28.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/21


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Novembru 2012

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg u l-istabbiliment mill-ġdid tal-EURES

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 8548)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/733/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,

Billi:

(1)

Sar ħafna progress minn meta tnieda n-netwerk EURES stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/569/KEE tat-22 ta’ Ottubru 1993 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità rigward, b’mod partikolari, in-netwerk Eures (Servizzi Ewropej tax-Xogħol) (2), biex jiġi implimentat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 (3). In-netwerk ġie riformat u stabbilit mill-ġdid biex jiġi kkonsolidat u msaħħaħ bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/8/KE (4).

(2)

Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 approva l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv filwaqt li sejjaħ għall-mobilizzazzjoni sħiħa tal-istrumenti u l-politiki xierqa tal-UE biex tkun appoġġata l-kisba tal-għanijiet komuni u stieden lill-Istati Membri biex isaħħu azzjoni koordinata.

(3)

Il-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012 iddeċieda dwar “Patt għal Tkabbir u Impjiegi”, u abbażi tal-Komunikazzjoni “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” tat-18 ta’ April 2012 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, indika li l-Portal tal-EURES għandu jkun żviluppat f’għodda Ewropea vera għall-kollokament u r-reklutaġġ.

(4)

Il-EURES għandu jippromwovi t-tħaddim aħjar tas-swieq tax-xogħol u li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ekonomiċi billi jħeffef il-mobbiltà ġeografika transnazzjonali u transkonfinali tal-ħaddiema, filwaqt li jiżgura mobbiltà b’kundizzjonijiet ġusti u li jiġu rispettati l-istandards applikabbli tax-xogħol. Dan għandu jagħti aktar trasparenza fis-swieq tax-xogħol, jiżgura l-iskambju u l-ipproċessar tal-postijiet tax-xogħol battala u l-applikazzjonijiet għall-impjieg (jiġifieri “approvazzjoni” jew “tqabbil” skont it-tifsira tar-Regolament) u jappoġġa attivitajiet fl-oqsma tar-reklutaġġ, il-pariri u l-gwida fuq livell nazzjonali u transkonfinali, u b’hekk ikun qed jagħti sehmu biex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(5)

Fid-dawl tal-esperjenza li nkisbet sa mill-ewwel tnedija fl-1993 u r-riforma fl-2003, u filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet biex in-netwerk jibqa’ jiġi rinforzat u estiż ħalli jappoġġa bis-sħiħ l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, għandhom jerġgħu jitfasslu mill-ġdid il-kompożizzjoni attwali tan-netwerk, it-tqassim tar-responsabbiltajiet u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll il-katalgu tas-servizzi mogħtija.

(6)

Għal dan il-għan il-EURES għandu jingħata orjentazzjoni aktar b’saħħitha dwar tmexxija bl-għanijiet u r-riżultati f’termini ta’ tqabbil, kollokament u reklutaġġ. F’dan il-kuntest, il-kollokament jista’ jinftiehem bħala għoti ta’ servizzi minn intermedjarju bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol bil-għan li jsir reklutaġġ, fejn reklutaġġ jirreferi għall-mili ta’ postijiet tax-xogħol battala.

(7)

It-tneħħija tal-monopolji u żviluppi oħrajn wasslet biex fis-suq tax-xogħol inħolqot firxa wiesgħa ta’ fornituri tas-servizzi tax-xogħol. Biex jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu, il-EURES jeħtieġlu jinfetaħ għall-parteċipazzjoni ta’ dawn l-operaturi, filwaqt li jimpenja ruħu biex jirrispetta bis-sħiħ l-istandards tax-xogħol u r-rekwiżiti legali applikabbli, u standards oħrajn tal-EURES dwar il-kwalità.

(8)

Is-servizzi tal-EURES jeħtieġilhom jiġu definiti b’mod ċar biex jiżguraw li l-obbligi li ngħataw l-Istati Membri b’dan ir-Regolament, jiġifieri li jimpenjaw ruħhom bl-approvazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg, kif ukoll l-iskambju u l-għoti ta’ informazzjoni relatata mas-suq tax-xogħol, jiġu ssodisfati b’mod effiċjenti u effettiv. Din tkun teħtieġ l-involviment ta’ bosta atturi, inklużi l-imsieħba soċjali, fejn xieraq.

(9)

Fil-“Patt għal Tkabbir u Impjiegi”, il-Kunsill Ewropew talab biex tiġi esplorata l-possibbiltà li l-EURES jiġi estiż għall-apprentistat u l-esperjenzi ta’ taħriġ. Biex ikunu żgurati sinerġiji u biex il-EURES ikun jista’ jappoġġa bis-sħiħ l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, b’mod partikolari biex iżid ir-rata tal-impjiegi għal 75 % sal-2020, filwaqt li jirrispetta l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, il-EURES jeħtieġlu jkun jista’ jkopri l-apprentistati u l-esperjenzi ta’ taħriġ sakemm il-persuni konċernati jitqiesu ħaddiema skont it-tifsira tar-Regolament u għandhom 18-il sena jew aktar, ġaladarba approvazzjoni ta’ informazzjoni bħal din skont l-istandards xierqa titqies fattibbli.

(10)

Biex is-servizzi jaslu bl-aktar mod effiċjenti, il-EURES għandu jkun integrat u parti mill-offerta tas-servizz ġenerali tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, li jistgħu jirċievu finanzjament għal attivitajiet nazzjonali u transkonfinali mill-Fond Soċjali Ewropew.

(11)

Biex jagħti sehmu b’mod effettiv ħalli s-swieq tax-xogħol jiffunzjonaw aħjar lejn l-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol Ewropew, il-EURES għandu jaqdi rwol aktar prominenti biex jimtlew postijiet tax-xogħol battala ostakolati u biex gruppi partikolari ta’ ħaddiema u impjegaturi jingħataw l-għajnuna billi jiġi estiż il-EURES ħalli jappoġġa attivitajiet immirati ta’ mobbiltà fuq livell ta’ UE, l-aktar biex jitħeġġeġ l-iskambju ta’ ħaddiema żgħażagħ.

(12)

L-opportunitajiet offruti mill-informazzjoni li toħroġ u l-għodda tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni biex ikomplu jtejbu aktar u jirrazzjonalizzaw is-servizzi provduti għandhom jitqiesu kollha kemm huma.

(13)

Kull ipproċessar ta’ dejta personali li jsir fil-qafas ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun skont il-liġi nazzjonali u tal-UE għall-ħarsien ta’ dejta personali.

(14)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa rakkomandat li jiġi stabbilit mill-ġdid in-netwerk EURES filwaqt li jiġu definiti b’mod aktar ċar il-kompożizzjoni, il-kostituzzjoni u l-funzjonijiet tiegħu.

(15)

Il-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

In-netwerk EURES

Biex tissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 il-Kummissjoni għandha flimkien mal-Istati Membri tistabbilixxi u tħaddem netwerk Ewropew tas-servizzi tax-xogħol, imsemmi EURES.

Artikolu 2

Għanijiet

Għall-ġid ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, il-ħaddiema u l-impjegaturi, il-EURES f’koperazzjoni kif xierqa ma’ servizzi jew netwerks Ewropej oħrajn għandu jippromwovi:

(a)

l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol Ewropew miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jirrispetta l-istandards tax-xogħol u r-rekwiżiti legali applikabbli;

(b)

l-approvazzjoni u kollokament fuq livell transnazzjonali, interreġjonali u transkonfinali permezz tal-iskambju ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg, u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet immirati ta’ mobbiltà fuq livell ta’ UE;

(c)

it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-swieq Ewropej tax-xogħol, inkluż dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u dwar l-opportunitajiet għall-kisba tal-ħiliet;

(d)

l-iżvilupp ta’ miżuri li jħeġġu u jħeffu l-mobbiltà tal-ħaddiema żgħażagħ;

(e)

l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-esperjenzi ta’ taħriġ u l-apprentistati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 u, kif xieraq, il-kollokament ta’ dawk li jitħarrġu u tal-apprentisti;

(f)

l-iżvilupp ta’ metodoloġiji u indikaturi għal dan il-għan.

Artikolu 3

Kompożizzjoni

Il-EURES għandu jinkludi dawn il-kategoriji li ġejjin:

(a)

l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni biex Jikkoordina l-Approvazzjoni ta’ Postijiet tax-Xogħol Battala u Applikazzjonijiet għall-Impjiegi, skont l-Artikoli 18, 19 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011;

(b)

il-Membri tal-EURES, li għandhom ikunu s-servizzi speċifiċi ta’ speċjalisti maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, (“l-Uffiċċji Nazzjonali għall-Koordinazzjoni”) kif stabbilit fl-Artikolu 5;

(c)

l-Imsieħba tal-EURES, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011. L-Imsieħba tal-EURES jinħatru mill-Membru rispettiv tal-EURES u jistgħu jinkludu fornituri pubbliċi jew privati tas-servizz attivi fil-qasam rilevanti tal-kollokament u l-impjiegi, u trejdunjins u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi. Biex jikkwalifika, Imsieħeb tal-EURES irid jimpenja ruħu li jissodisfa r-rwoli u r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 7;

(d)

l-Imsieħba Assoċjati tal-EURES, li f’konformità mal-Artikolu 6 jagħtu servizzi limitati taħt is-sorveljanza u r-responsabbiltà ta’ Msieħeb tal-EURES jew tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni.

Artikolu 4

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mit-tmexxija tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni.

2.   L-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni għandu jissorvelja l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 u għandu jassisti n-netwerk biex iwettaq l-attivitajiet tiegħu.

3.   Dan għandu, b’mod parikolari, jieħu ħsieb:

(a)

ifassal approċċ ġenerali koerenti u jagħti appoġġ orizzontali għall-ġid tan-netwerk EURES u l-utenti tiegħu bħal:

(1)

it-tħaddim u l-iżvilupp ta’ portal web Ewropew għall-mobbiltà tal-impjiegi, (“il-portal tal-EURES”), u servizzi relatati tal-IT, inklużi s-sistemi u l-proċeduri għall-iskambju ta’ postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għall-impjieg fl-għamla ta’ ittri tal-applikazzjoni, CVs, passaporti tal-ħiliet u simili, u informazzjoni oħra, f’koperazzjoni ma’ servizzi jew networks Ewropej oħrajn;

(2)

attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar l-EURES;

(3)

taħriġ lill-persunal involut fil-EURES;

(4)

it-tħaffif tan-netwerking, l-iskambju tal-aħjar prattika u tagħlim reċiproku fost il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES;

(5)

il-parteċipazzjoni tal-EURES f’attivitajiet immirati ta’ mobbiltà fuq livell ta’ UE.

(b)

jagħmel analiżi tal-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali, fid-dawl tal-kisba ta’ bilanċ bejn il-provvista u d-domanda, u l-iżvilupp ta’ approċċ ġenerali għall-mobbiltà skont l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol;

(c)

jissorvelja u jevalwa b’mod ġenerali l-attività tal-EURES, id-definizzjoni tal-prestazzjoni, il-kollokament u indikaturi oħra tar-riżultat kif ukoll azzjonijiet biex jivverifika li titwettaq skont ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 u din id-Deċiżjoni.

4.   Dan għandu jadotta programmi tiegħu ta’ ħidma u l-għanijiet tiegħu għan-netwerk EURES f’koperazzjoni mal-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-EURES u wara konsultazzjoni mal-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES.

Artikolu 5

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċji Nazzjonali għall-Koordinazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina servizz speċjalista kif previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 li għandu jkun fdat jorganizza l-ħidma tan-netwerk EURES fl-Istat Membru rispettiv.

2.   L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni għandu jiżgura li l-obbligi kollha tal-Istat Membru stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 492/2011, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-iskambju ta’ informazzjoni kif stabbilit fl-Artikoli 12, 13 u 14, ikunu ssodisfati, billi

(a)

jsiru l-istabbiliment u l-manutenzjoni tas-sistema u l-infrastruttura teknika u funzjonali kollha meħtieġa biex l-Imsieħba tal-EURES u l-Imsieħba Assooċjati tal-EURES ikunu jistgħu jieħdu sehem fis-sistema ta’ skambju;

(b)

tingħata l-informazzjoni meħtieġa, minnu stess jew mill-Imsieħba tal-EURES taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

3.   Dan għandu f’koperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew tal-Koordinazzjoni u mal-Uffiċċji l-oħra għall-Koordinazzjoni Nazzjonali, b’mod partikolari, jieħu ħsieb:

(a)

il-ħatra ta’ Msieħeb tal-EURES jew aktar, skont is-sistema għall-gћażla u l-akkreditament stabbilita fl-Artikolu 10(2)(b)(vii), u s-superviżjoni tal-attivitajiet tagħhom;

(b)

l-ippjanar u rappurtar regolari dwar l-attivitajiet u r-riżultati tan-network EURES nazzjonali lill-Uffiċċju Ewropew tal-Koordinazzjoni;

(c)

il-koordinazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-EURES f’attivitajiet immirati ta’ mobbiltà rilevanti fuq livell ta’ UE.

4.   Meta jkun se jaħtar l-Imsieħba tal-EURES, l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni għandu jagħmel ħiltu biex isir l-aħjar ilħuq ġeografiku possibbli u l-aħjar kopertura tas-suq tax-xogħol, u biex jingħata l-aħjar servizz lil dawk li qed ifittxu xogħol, lill-ħaddiema u lill-impjegaturi billi tkun żgurata parteċipazzjoni adegwata tas-servizzi rilevanti tal-impjiegi u l-atturi tas-suq tax-xogħol.

5.   Abbażi tal-għanijiet operattivi maqbula b’mod komuni, l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni għandu jfassal programmi ta’ ħidma għan-netwerk nazzjonali tiegħu li jrid jitressaq quddiem l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni. Il-programm ta’ ħidma għandu jispeċifika b’mod partikolari:

(a)

l-attivitajiet ewlenin li jrid jidħol għalihom l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni, l-Imsieħba tal-EURES u l-Imsieħba Assoċjati tal-EURES taħt ir-responsabbiltà tiegħu fil-qafas tan-network EURES, inklużi l-attivitajiet transnazzjonali, transkonfinali u settorjali stabbiliti fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011;

(b)

ir-riżorsi umani u finanzjarji allokati għall-implimentazzjoni tal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 492/2011;

(c)

l-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet ippjanati.

Il-programmi ta’ ħidma għandhom jinkludu wkoll valutazzjoni tal-attivitajiet u r-riżultati miksuba matul il-perjodu ta’ qabel.

L-Imsieħba soċjali u partijiet interessati tal-EURES rilevanti oħrajn għandhom jiġu kkonsultati dwar il-programmi ta’ ħidma fil-livell xieraq.

6.   L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni jista’ jagħżel li jagħti s-servizzi tal-EURES huwa stess direttament lil dawk li qed ifittxu xogħol u lill-impjegaturi u għandu f’dan ir-rigward, ikunu soġġetti għar-regoli li japplikaw għall-Imsieħba tal-EURES li jagħtu l-istess servizzi. F’każ bħal dan, l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni għandu jitlob l-akkreditament bħala Msieħeb tal-EURES mingħand l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni.

7.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni jirċievi l-persunal u riżorsi oħra meħtieġa biex iwettaq ħidmietu.

8.   L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni huwa mmexxi mill-Koordinatur Nazzjonali tal-EURES kif previst fl-Artikolu 10(2)(b)(iii).

Artikolu 6

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Imsieħba tal-EURES

1.   Organizzazzjoni li tixtieq issir Imsieħeb tal-EURES għandha tapplika mal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni tagħha, li jista’ jaħtarha skont l-Artikolu 3(b), bil-kundizzjoni li, taħt is-superviżjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Koordinazzjoni, din tieħu ħsieb tikkopera fuq livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej fi ħdan in-netwerk EURES u tagħti mill-anqas is-servizzi universali kollha kif imsemmi fl-Artikolu 7.

2.   Imsieħeb tal-EURES għandu, waħdu jew f’koperazzjoni ma’ Msieħba oħra tal-EURES jaħtar punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar, bħal uffiċċji tal-kollokament u r-reklutaġġ, ċentri telefoniċi, għodod self-service, u simili, fejn dawk li qed ifittxu xogħol, il-ħaddiema u l-impjegaturi jistgħu jaċċessaw is-servizzi tiegħu.

3.   Imsieħeb tal-EURES għandu jindika b’mod ċar liema huma s-servizzi tal-Katalgu tas-Servizzi tal-EURES li dan joffri. Il-livell u l-kontenut tas-servizzi jistgħu jvarjaw minn punt ta’ kuntatt għal ieħor sakemm il-pakkett ta’ servizzi kollu kemm hu ta’ Msieħeb tal-EURES jinkludi kull servizz universali meħtieġ.

4.   L-Imsieħba kollha tal-EURES għandhom jintrabtu li jieħdu sehem bis-sħiħ fl-iskambju ta’ postijiet tax-xogħol battala kif ukoll applikazzjonijiet għall-impjieg minn dawk li qed ifittxu xogħol u li huma interessati jaħdmu fi Stat Membru ieħor, skont l-Artikolu 13(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 u l-Artikolu 4(a)(i) ta’ din id-Deċiżjoni. Dan għandhom jiżguraw li l-persunal parteċipanti kollu fl-għoti ta’ servizzi tal-EURES ikollu aċċess sħiħ għall-IT u għodod oħra tal-komunikazzjoni mogħtija għan-netwerk.

5.   Imsieħeb tal-EURES li ma jagħtix servizz komplementari partikolari inkluż fil-Katalgu tas-Servizzi tal-EURES għandu jiżgura li t-talbiet għal dak is-servizz jiġu riferiti lil Imsieħba oħra tal-EURES li joffru dak is-servizz.

6.   Imsieħeb tal-EURES jista’ jħalli l-għoti ta’ servizzi li qed iżidu l-valur tas-servizzi tiegħu stess f’idejn organizzazzjoni oħra. Dik l-organizzazzjoni għandha titqies f’dan ir-rigward bħala Imsieħeb Assoċjat tal-EURES li qed jaħdem taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Imsieħeb tal-EURES li hija assoċjata miegħu.

7.   Sabiex jaqdi r-rwol tiegħu, Imsieħeb tal-EURES jista’ jibni relazzjonijiet ma’ Msieħeb tal-EURES wieħed jew aktar fi Stati Membri oħra.

8.   Imsieħeb tal-EURES jew Imsieħeb Assoċjat tal-EURES jista’ jintalab jagħti sehmu fl-infrastruttura teknika u funzjonali u fis-sistemi msemmijin fl-Artikolu 5(2)(a).

9.   Sabiex iżomm l-akkreditament tiegħu, Imsieħeb tal-EURES għandu jibqa’ jissodisfa l-obbligi tiegħu u jagħti s-servizzi miftehma, u jgħaddi minn reviżjonijiet regolari kif inhuwa stabbilit fis-sistema għall-gћażla u l-akkreditament stipulata fl-Artikolu 10(2)(b)(vii).

Artikolu 7

Is-Servizzi tal-EURES

1.   Il-firxa sħiħa ta’ servizzi tal-EURES għandha tinkludi r-reklutaġġ, it-tqabbil tal-impjiegi u l-kollokazzjoni, li jkopru l-fażijiet kollha tal-kollokament mit-tħejjija ta’ qabel ir-reklutaġġ sal-għajnuna wara l-kollokament, u informazzjoni u pariri relatati.

2.   Dawn għandhom jingħataw f’aktar dettall fil-Katalgu tas-Servizzi tal-EURES li għandu jkunu parti mill-Karta tal-EURES kif inhu stabbilit fl-Artikolu 10 u għandu jkun fih is-servizzi universali li jagħtu l-Imsieħba kollha tal-EURES u servizzi komplementari.

3.   Is-servizzi universali huma dawk stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, b’mod partikolari l-Artikoli 12(3) u 13. Is-servizzi komplementari mhumiex obbligatorji skont it-tifsira tal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, iżda jaqdu ħtiġijiet importanti tas-suq tax-xogħol.

4.   Is-servizzi kollha għal dawk li qed ifittxu xogħol u għall-ħaddiema għandhom ikunu bla ħlas. Jekk l-Imsieħba tal-EURES jitolbu xi miżati għas-servizzi lil utenti oħra, ma għandhiex issir differenza bejn il-miżati ċċarġjati għas-servizzi tal-EURES u dawk applikabbli għal servizzi komparabbli oħra mogħtija minn dak l-Imsieħeb tal-EURES. Kull finanzjament mill-Unjoni Ewropea li jappoġġa l-għoti ta’ servizzi tal-EURES għandu jitqies waqt li jkun qed jiġu ffissati l-miżati sabiex jiġi evitat finanzjament doppju possibbli.

Artikolu 8

Il-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES

1.   Il-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES għandu jassisti lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju Ewropew tiegħu tal-Koordinazzjoni u lill-Uffiċċji Nazzjonali għall-Koordinazzjoni fil-promozzjoni u s-sorveljanza tal-iżvilupp tal-EURES.

2.   Il-Bord tal-Ġestjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru.

3.   Fejn meħtieġ, jekk l-attivitajiet tal-EURES fi Stat Membru huma ffinanzjati minn strument finanzjarju tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew, l-awtorità nazzjonali li tipprovdi dan il-finanzjament tista tkun assoċjata.

4.   Rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-imsieħba soċjali għandhom ikunu mistiedna biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tal-Ġestjoni bħala osservaturi.

5.   Il-Grupp tal-Ġestjoni għandu jistabbilixxi l-metodi tiegħu ta’ ħidma u r-regoli ta’ proċedura. Bħala regola ġenerali, dan għandu jiltaqa’ darbtejn fis-sena mill-president. Dan għandu jagħti l-opinjonijiet tiegħu b’maġġoranza sempliċi.

6.   Il-Bord tal-Ġestjoni għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Uffiċċju Ewropew tal-Koordinazzjoni, li għandu jagħti appoġġ segretarjali.

7.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Bord tal-Ġestjoni tal-EURES dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ippjanar strateġiku, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-servizzi u l-attivitajiet imsemmija f’din id-Deċiżjoni, inkluż:

(a)

il-Karta tal-EURES, skont l-Artikolu 10;

(b)

l-istrateġiji, l-għanijiet operattivi u l-programmi ta’ ħidma għan-netwerk EURES;

(c)

ir-rapporti tal-Kummissjoni mitluba bl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011.

Artikolu 9

Il-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-EURES

1.   Sabiex jassistih fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-EURES, l-Uffiċċju Ewropew tal-Koordinazzjoni għandu jistitwixxi Grupp tal-Koordinazzjoni kompost mill-Koordinaturi Nazzjonali tal-EURES, u kull wieħed jirrappreżenta membru tal-EURES. L-Uffiċju Ewropew tal-Koordinazzjoni jista’ jistieden lir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali Ewropej u, fejn xieraq, lil rappreżentanti ta’ Msieħba oħra tal-EURES u esperti, biex jattendu għal-laqgħat tal-Grupp tal-Koordinazzjoni.

2.   Il-Grupp tal-Koordinazzjoni għandu jieħdu sehem b’mod attiv fit-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom.

3.   Il-Grupp tal-Koordinazzjoni jista’ jwaqqaf gruppi ta’ ħidma permanenti jew ad hoc, b’mod partikolari għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ appoġġ orizzontali.

4.   L-Uffiċċju Ewropew tal-Koordinazzjoni għandu jorganizza l-ħidma tal-Grupp tal-Koordinazzjoni.

Artikolu 10

Il-Karta tal-EURES

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-Karta tal-EURES skont il-proċeduri preskritti fl-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 19(1), u l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, wara konsultazzjoni mal-Grupp tal-Ġestjoni tal-EURES stabbilit bl-Artikolu 8 ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Abbażi tal-prinċipju li l-postijiet tax-xogħol battala u l-applikazzjonijiet għall-impjieg li jsiru pubbliċi minn xi Membri tal-EURES għandhom ikunu aċċessibbli fl-Unjoni kollha, il-Karta tal-EURES għandha b’mod partikolari tistabbilixxi:

(a)

il-Katalgu tas-Servizzi tal-EURES li jiddeskrivi s-servizzi universali u komplementari li jridu jingħataw mill-Membri u l-Imsieħba tal-EURES, inklużi s-servizzi ta’ tqabbil tal-impjiegi, bħall-għoti personalizzat ta’ konsulenza u pariri lill-klijenti, sew jekk ikunu persuni jfittxu xogħol, ħaddiema jew impjegaturi;

(b)

l-iżvilupp ta’ koperazzjoni transnazzjonali u transkonfinali innovattiva bejn is-servizzi tax-xogħol bħal aġenziji tal-kollokament komuni, bil-ħsieb li jittejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, l-integrazzjoni tagħhom u mobbiltà aħjar. Il-koperazzjoni tista’ tinkludi s-servizzi soċjali, l-imsieħba soċjali u istituzzjonijiet oħrajn konċernati;

(c)

il-promozzjoni ta’ monitoraġġ u valutazzjoni kkoordinati tal-ħiliet li hemm nuqqas jew iżżejjed minnhom.

(d)

l-għanijiet operattivi tan-netwerk EURES, l-istandards tal-kwalità li jridu jiġu applikati kif ukoll l-obbligi tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES, li jinkludu:

(i)

l-interoperabbiltà ta’ bażijiet tad-dejta rilevanti tal-postijiet tax-xogħol battala u l-applikazzjonijiet għall-impjieg, bil-mekkaniżmu tal-EURES għall-iskambju ta’ postijiet tax-xogħol battala u l-livelli ta’ servizz li japplikaw;

(ii)

it-tip ta’ informazzjoni, bħal informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, informazzjoni dwar offerti u talbiet għax-xogħol, informazzjoni dwar esperjenzi ta’ taħriġ u apprentistati, miżuri biex jħeġġu l-mobbiltà taż-żgħażagħ, il-kisba tal-ħiliet, u ostakli għall-mobbiltà, li jridu jagħtu lill-klijenti tagħhom u lill-bqija tan-netwerk, f’koperazzjoni ma’ servizzi jew networks Ewropej oħra rilevanti;

(iii)

id-deskrizzjonijiet tal-ħidma u l-kriterji biex jinħatru l-koordinaturi nazzjonali, il-konsulenti tal-EURES u l-persunal ewlieni ieħor fuq livell nazzjonali;

(iv)

it-taħriġ u l-kwalifiki meħtieġa għall-persunal tal-EURES u l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-organizzazzjoni ta’ żjarat u assenjamenti għall-uffiċjali u l-persunal speċjalizzat;

(v)

it-tfassil, is-sottomissjoni lill-Uffiċċju Ewropew tal-Koordinazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-programmi ta’ ħidma;

(vi)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-logo tal-EURES mill-Membri u l-Imsieħba tal-EURES;

(vii)

is-sistema għall-gћażla u l-akkreditament tal-Imsieħba tal-EURES;

(viii)

il-prinċipji għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-EURES.

(e)

il-proċeduri biex jinħolqu sistema uniformi u mudelli komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol u relatata mal-mobbiltà, fi ħdan in-netwerk EURES, kif inhu stabbilit fl-Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, inkluża informazzjoni dwar l-impjieg u l-opportunitajiet tat-tagħlim fl-Unjoni Ewropea, li għandha tiddaħħal fil-Portal tal-EURES.

Artikolu 11

Promozzjoni tal-EURES

1.   Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom attivament jippromwovu l-EURES.

2.   Dawn għandhom jinvolvu ruħhom fi strateġija ġenerali ta’ komunikazzjoni mfassla biex tiżgura l-konsistenza u l-koeżjoni tan-netwerk fejn għandhom x’jaqsmu l-utenti tagħha u għandhom jieħdu sehem f’attivitajiet komuni ta’ informazzjoni u promozzjoni.

3.   L-akronimu EURES għandu jintuża biss għal attivitajiet fi ħdan il-EURES. Dan għandu jintwera b’logo standard, definit bi skema ta’ disinn grafiku, adottat mill-Uffiċċju Ewropew tal-Koordinazzjoni.

4.   Il-logo, reġistrat bħala Trade Mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), għandu jintuża mill-Membri u l-Imsieħba tal-EURES fl-attivitajiet kollha tagħhom relatati mal-EURES sabiex jiżguraw identità viżwali komuni.

Artikolu 12

Koperazzjoni ma’ servizzi u netwerks oħra

Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jikkollaboraw b’mod attiv ma’ servizzi u netwerks oħra Ewropej ta’ informazzjoni u konsultattivi fuq livelli Ewropew, nazzjonali u reġjonali sabiex jinkisbu sinerġiji u jkun evitat xogħol doppju.

Artikolu 13

Revoka

Id-Deċiżjoni 2003/8/KE hija b’dan revokata. Madanakollu, din għandha tibqa’ tapplika għal operazzjonijiet li fir-rigward tagħhom tressqet applikazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Id-data tal-applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

László ANDOR

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 274, 6.11.1993, p. 32.

(3)  ĠU L 257, 19.10.1968, p. 2.

(4)  ĠU L 5, 10.1.2003, p. 16.


Top