EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1223

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1223/2011 tat- 28 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament Nru 1688/2005 fir-rigward tal-kampjunar ta' qatgħat ta' oriġini mill-bajd u l-eżami mikrobijoloġiku ta' kampjuni bħal dawn u kampjuni ta' ċertu laħam maħsub għall-Finlandja u l-Isvezja Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 314, 29.11.2011, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1223/oj

29.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1223/2011

tat-28 ta’ Novembru 2011

li jemenda r-Regolament Nru 1688/2005 fir-rigward tal-kampjunar ta' qatgħat ta' oriġini mill-bajd u l-eżami mikrobijoloġiku ta' kampjuni bħal dawn u kampjuni ta' ċertu laħam maħsub għall-Finlandja u l-Isvezja

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistipula regoli speċifiċi dwar l-iġjene tal-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi tan-negozju tal-ikel. Dak ir-Regolament jipprovdi garanziji speċjali għall-ikel ta' oriġini mill-annimali maħsuba għas-swieq Finlandiżi u Svediżi. Għalhekk, l-operaturi fin-negozju tal-ikel li jkunu bi ħsiebhom iqiegħdu bajd fis-suq f'dawk l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma' ċerti regoli fir-rigward tas-Salmonella.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1688/2005 tal-14 ta’ Ottubru 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ garanziji speċjali li jikkonċernaw is-salmonella għall-konsenji lejn il-Finlandja u l-Iżvezja ta’ ċertu laħam u bajd (2), jistipula r-regoli ta’ kampjunar ta' qatgħat ta' oriġini mill-bajd, maħsuba għall-Finlandja u l-Isvezja. Jippreskrivi wkoll regoli dwar metodi mikrobijoloġiċi għall-eżami ta' dawk il-kampjuni kif ukoll kampjuni ta' ċertu laħam maħsuba għal dawk iż-żewġ Stati Membri minn annimali bovini u porċini u minn tjur.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-salmonella u aġenti Zoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel (3) jistipula regoli li jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi għall-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra. Dawk il-miżuri jinkludu rekwiżiti minimi tal-kampjuni fil-qatgħat kollha ta’ tiġieġ li jbidu fi ħdan il-qafas tal-programmi nazzjonali ta’ kontroll għas-Salmonella.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 517/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerti serotipi tas-Salmonella fit-tiġieġ għall-bajd tat-tip Gallus gallus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 u r-Regolament (UE) Nru 200/2010 (4) jistipula regoli li jikkonċernaw l-iskema ta’ ttestjar għall-verifika tal-progress fil-kisba tal-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-prevalenza ta' dawk is-serotipi fil-qatgħat tat-tiġieġ li jbidu.

(5)

Ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 u (UE) Nru 517/2011 japplikaw għall-qatgħat kollha ta’ tiġieġ li jbidu fl-Unjoni. Għaldaqstant, fl-interess tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kampjuni, ir-regoli tal-kampjunar stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 2160/2003, (KE) Nru 1688/2005 u r-Regolament (UE) Nru 517/2011 għandhom ikunu armonizzati.

(6)

Partikolarment, ir-regoli tal-kampjunar applikabbli għall-qatgħat stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1688/2005 għandha tiġi mibdula b'regoli korrispondenti stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 2160/2003 u (UE) Nru 517/2011. Minħabba li r-regoli preskritti f'dawk iż-żewġ Regolamenti huma aktar stretti, il-garanziji speċjali lejn il-Finlandja u l-Isvezja mhux se jiġu mhedda b'din l-emenda. L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1688/2005 għandu għalhekk jitħassar.

(7)

Barra minn hekk, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni adottat standard ġdid speċifiku għall-individwazzjoni tas-Salmonella spp. fir-rawt tal-annimali u fil-kampjuni ambjentali mill-istadju primarju ta’ produzzjoni, partikolarment l-istandard tal-EN/ISO 6579-2002/Amd1: 2007 Anness D: L-individwazzjoni tas-Salmonella spp. fil-rawt tal-annimali u fil-kampjuni ambjentali mill-istadju primarju ta’ produzzjoni. Dak l-istandard għandu jintuża għall-kampjuni meħuda f’qatgħat ta’ oriġini tal-bajd fl-Unjoni. Għalhekk, ir-regoli tal-kampjunar stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1688/2005 għandhom jiġu emendati sabiex jirreferu għal dak l-istandard.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1688/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1688/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 4 u 5 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Kampjunar ta' qatgħat ta’ oriġini mill-bajd

Il-kampjunar tal-qatgħat tal-oriġini mill-bajd intenzjonat għall-Finlandja u għall-Isvezja u li hu soġġett għall-ittestjar mikrobijoloġiku kif previst fl-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandu jitwettaq skont:

(a)

ir-rekwiżiti minimi tal-kampjuni għal qatgħat tal-bajd stabbiliti fit-tabella stipulata fil-punt 1 tal-Parti B tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003;

(b)

ir-rekwiżiti għall-monitoraġġ għal qatgħat li jbidu stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 517/2011.

Artikolu 5

Metodi mikrobijoloġiċi għall-eżami tal-kampjuni

1.   Testjar mikrobijoloġiku għas-Salmonella tal-kampjuni meħuda skont l-Artikoli 1 sa 4 għandu jsir skont il-metodi deskritti fid-dokumenti li ġejjin:

(a)

f’każ ta’ kampjuni ta’ laħam kif imsemmi fl-Artikoli 1, 2 u 3:

(i)

EN/ISO 6579: Mikrobijoloġija tal-ikel u tal-għalf tal-annimali – Metodu orizzontali għall-individwazzjoni tas-Salmonella spp.

(ii)

NMKL (Nordic Committee on Food Analysis – Kumitat Nordiku tal-Analiżi dwar l-Ikel) metodu Nru 71: Salmonella. Individwazzjoni fl-ikel; jew

(iii)

metodi vvalidati għal-laħam kontra l-metodi msemmija f'(i) u (ii) jew protokolli oħra li huma aċċettati internazzjonalment, sakemm ikunu:

jintużaw fuq laħam minn annimali bovini u porċini u mit-tjur, u

iċċertifikati minn parti terza bi qbil mal-protokoll stipulat fl-istandard EN/ISO 16140 Mikrobijoloġija tal-ikel u l-għalf tal-annimali — il-Protokoll għall-validazzjoni ta' metodi alternattivi (EN/ISO 16140).

(b)

fil-każ ta' kampjuni ta' qatgħat kif imsemmi fl-Artikolu 4: EN/ISO 6579-2002/Amd1: 2007 Anness D: L-individwazzjoni tas-Salmonella spp. fir-rawt tal-annimali u fil-kampjuni ambjentali mill-istadju primarju ta’ produzzjoni”.

2.   Meta r-riżultati tat-testijiet mikrobijoloġiċi msemmija fil-paragrafu 1(a) huma kkontestati bejn l-Istati Membri, l-edizzjoni l-iktar reċenti tal-EN/ISO 6579 għandha titqies bħala l-metodu ta’ referenza.”

(2)

L-Anness III jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  ĠU L 271, 15.10.2005, p. 17.

(3)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 138, 26.5.2011, p. 45.


Top