EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1137

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1137/2010 tas- 7 ta’ Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

ĠU L 322, 8.12.2010, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1137/oj

8.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/2


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1137/2010

tas-7 ta’ Diċembru 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 (2) jimponi projbizzjoni ġenerali fuq il-provvista ta’ parir tekniku, assistenza, taħriġ, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja.

(2)

Permezz tal-paragrafu 7 tar-Riżoluzzjoni 1907 (2009), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għamel sejħa lill-Istati Membri biex jispezzjonaw kull tagħbija lejn u mis-Somalja, fejn huma jemmnu li t-tagħbija jkun fiha oġġetti projbiti jew mill-paragrafi 5 u 6 ta’ dik ir-Riżoluzzjoni jew mill-embargo ġenerali u komplet tal-armi kontra s-Somalja, bl-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni stretta ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tipprevedi l-ispezzjoni ta’ ċerti tagħbijiet lejn u mis-Somalja u, fil-każ ta’ inġenji tal-ajru u bastimenti, għall-provvista ta’ informazzjoni addizzjonali ta’ qabel il-wasla u ta’ qabel it-tluq rigward oġġetti li ddaħħlu fl-Unjoni jew inħarġu minnha. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta konformement mad-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (3).

(4)

Din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, notevolment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, tinħtieġ leġiżlazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni sabiex tkun tista’ tiġi implimentata.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 għandu jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit fir-Regolament (KE) Nru 147/2003:

“Artikolu 3a

1.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni stretta tal-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (*), l-oġġetti kollha li jiddaħħlu jew li joħorġu mit-territorju doganali tal-Unjoni lejn u mis-Somalja għandhom ikunu soġġetti għall-provvista ta’ informazzjoni ta’ qabel il-wasla u ta’ qabel it-tluq li għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

2.   Ir-regoli li jirregolaw l-obbligu tal-provvista ta’ informazzjoni ta’ qabel il-wasla jew ta’ qabel it-tluq, b’mod partikolari rigward il-persuna li tipprovdi dik l-informazzjoni, il-limiti ta’ żmien li għandhom jiġu rispettati u d-data meħtieġa, għandhom jiġu ddeterminati fid-dispożizzjonijiet rilevanti rigward id-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tad-dwana stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (**) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (***).

3.   Barra minn dan, il-persuna li tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għandha tiddikjara jekk l-oġġetti humiex koperti mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (****) u, jekk l-esportazzjoni tagħhom hija soġġetta għal eżenzjoni, tispeċifika l-partikolaritajiet tal-liċenzja tal-esportazzjoni mogħtija.

4.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010 d-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ u l-elementi addizzjonali meħtieġa kif imsemmi f’dan l-Artikolu jistgħu jiġu ppreżentati bil-miktub bl-użu ta’ dokumentazzjoni kummerċjali, portwali jew ta’ trasport, sakemm dawn ikun fihom id-dettalji neċessarji.

5.   Mill-1 ta’ Jannar 2011 l-elementi addizzjonali meħtieġa, kif imsemmi fil-paragrafu 3, għandhom jiġu ppreżentati jew bil-miktub jew bl-użu ta’ dikjarazzjoni tad-dwana kif adatt.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.

(2)  OJ L 24, 29.1.2003, p. 2.

(3)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


Top