Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0812

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 812/2010 tal- 15 ta’ Settembru 2010 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 243, 16.9.2010, p. 40–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/812/oj

    16.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 243/40


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 812/2010

    tal-15 ta’ Settembru 2010

    li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   IL-PROĊEDURA

    1.   Ftuħ

    (1)

    Fis-17 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni ħabbret, b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), il-ftuħ ta’ proċedura anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”).

    (2)

    Il-proċedura nfetħet bħala riżultat ta’ lment imressaq fit-3 ta’ Novembru 2009 mill-APFE, li hija l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Fibra tal-Ħġieġ (“l-ilmentatur”), f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir – f’dan il-każ ta’ aktar minn 50 % – tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping tal-prodott imsemmi kif ukoll ta’ dannu materjali li jirriżulta minnu, u din l-evidenza tqieset suffiċjenti biex tiġġustifika l-ftuħ ta’ proċediment.

    2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċediment

    (3)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment bil-ftuħ tal-proċediment lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufa oħra tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi u lir-rappreżentanti tar-RPĊ, lill-importaturi, il-fornituri u l-utenti magħrufa bħala kkonċernati kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet tagħhom. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż tal-ftuħ ta’ proċedura anti-dumping.

    (4)

    Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex kellhom jinstemgħu ngћataw seduta ta’ smigħ.

    (5)

    Fid-dawl tan-numru apparentement kbir ta’ produtturi esportaturi, ta’ importaturi, u ta’ produtturi tal-Unjoni, fl-avviż tal-ftuħ ta’ proċedura anti-dumping ġie kkunsidrat it-teħid ta’ kampjuni għad-determinazzjoni tad-dumping u tad-dannu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni kienx meħtieġ u, jekk iva, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi, l-importaturi, u l-produtturi tal-Unjoni kollha ntalbu biex jagħmlu lilhom infushom magħrufa lill-Kummissjoni u biex jipprovdu informazzjoni bażika dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-prodott ikkonċernat, kif speċifikat fl-avviż tal-ftuħ ta’ proċedura anti-dumping, matul il-perjodu tal-investigazzjoni (mill-1 ta’ Ottubru 2008 sat-30 ta’ Settembru 2009).

    (6)

    Tmien produtturi esportaturi jew gruppi ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi u seba’ produtturi jew gruppi ta’ produtturi tal-Unjoni pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Wara eżami tal-informazzjoni mressqa u minħabba n-numru kbir ta’ produtturi esportaturi u ta’ produtturi tal-Unjoni li indikaw li huma lesti jikkoperaw, ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjuni kien meħtieġ fir-rigward ta’ dawn il-produtturi (ara l-premessi (12) u (13) hawn taħt).

    (7)

    Fir-rigward ta’ importaturi mhux relatati, fl-istadju tat-teħid ta’ kampjuni fi ħdan l-investigazzjoni, tliet importaturi biss ipprovdew l-informazzjoni mitluba fi ħdan l-iskadenzi stabbiliti fin-notifika tal-inizjazzjoni. Għaldaqstant, ġie deċiż biex ma jitteħdux kampjuni u li jintbagħtu kwestjonarji lill-importaturi kollha li jkunu ppreżentaw ruħhom.

    (8)

    Sabiex il-produtturi esportaturi fir-RPĊ li ffurmaw parti mill-kampjun jingħataw opportunità jitolbu trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jew trattament individwali (“TI”), jekk xtaqu jagħmlu dan, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta’ applikazzjoni lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Il-(gruppi ta’) kumpaniji kollha li ffurmaw parti mill-kampjun talbu TES f’konformità mal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jew TI fil-każ li mill-investigazzjoni jirriżulta li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għat-TES.

    (9)

    Il-Kummissjoni żvelat uffiċjalment ir-riżultati tas-sejbiet relatati mat-TES lill-produtturi esportaturi kkonċernati fir-RPĊ, lill-awtoritajiet tar-RPĊ u lill-ilmentatur. Huma ngħataw ukoll l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ jekk kien hemm raġunijiet partikolari għal xiex jinstemgħu.

    (10)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kif ukoll lill-produtturi tal-Unjoni li kienu jiffurmaw parti minnu, lill-importaturi, u lill-utenti u assoċjazzjonijiet ta’ utenti magħrufa kollha. Risposti sħaħ għall-kwestjonarji waslu mingħand il-produtturi esportaturi fir-RPĊ li ffurmaw parti mill-kampjun, mingħand il-produtturi tal-Unjoni kollha inklużi fih, u mingħand żewġ importaturi u 13-il utent.

    (11)

    Il-Kummissjoni talbet u vverifikat l-informazzjoni kollha li tqieset meħtieġa biex ikun hemm determinazzjoni preliminari tad-dumping, id-dannu jew it-theddida ta’ dannu kkawżati minnu, u l-interess tal-Unjoni. Twettqu żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

    (a)

    Produtturi esportaturi fir-RPĊ

    Chongqing Polycomp International Corporation (“CPIC”)

    Jushi Group (Jushi Group Co., Ltd.; Jushi Group Chengdu Co., Ltd.; Jushi Group Jiujiang Co. Ltd.; Jushi P-D Interglas Co. Ltd.; China National Building Materials & Equipment Import and Export Corporation; CNBM International Corporation; Tongxiang Leishi Mineral Powder Co., Ltd.; Tongxiang Juzhen Mining Co., Ltd.; Tongxiang Jinshi Precious Metal Equipment Co., Ltd.; Zhejiang Songyang Mingshi Mining Co., Ltd. u Zhenshi Group Zhejiang Yushi Int Logistics), u

    New Changhai Group (Changzhou New Changhai Fiberglass Co., Ltd. u Jiangsu Changhai Composite Materials Holding Co., Ltd.)

    (b)

    Produtturi tal-Unjoni

    Johns Manville Slovakia, Trnava, is-Slovakkja

    European Owens Corning Fiberglas, Brussell, il-Belġju

    Owens Corning France, Chambéry, Franza

    PPG Industries BV, Hoogezand, Il-Pajjiżi l-Baxxi

    (c)

    Utenti tal-Unjoni

    Sabic Europe BV, Sittard, il-Pajjiżi l-Baxxi, u Genk, il-Belġju

    Sabic Innovative Plastics BV, Bergen op Zoom, il-Pajjiżi l-Baxxi

    (d)

    Produttur fil-pajjiż analogu

    Cam Elyaf Sanayii A.Ș, it-Turkija.

    3.   It-teħid ta’ kampjuni

    (12)

    Mit-tmien produtturi esportaturi jew gruppi ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li ppreżentaw ruħhom, il-Kummissjoni għażlet kampjun, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ oġġetti esportati li seta’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-kampjun magħżul jikkonsisti fi tliet (gruppi ta’) kumpaniji (relatati) li jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-volum tal-esportazzjoni magħmula mill-partijiet koperanti mir-RPĊ lejn l-UE. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni.

    (13)

    Fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, seba’ produtturi pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Abbażi tal-informazzjoni li waslet mingħand dawn il-produtturi koperanti tal-Unjoni, il-Kummissjoni għażlet kampjun mill-akbar tliet (gruppi ta’) produtturi tal-Unjoni fir-rigward tal-bejgħ u tal-produzzjoni, produtturi li jirrappreżentaw 64 % tal-bejgħ magħmul mill-produtturi koperanti kollha tal-Unjoni.

    4.   Il-perjodu tal-investigazzjoni

    (14)

    L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2008 sat-30 ta’ Settembru 2009 (“perjodu tal-investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-2006 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

    B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    1.   Il-prodott ikkonċernat

    (15)

    Il-prodott ikkonċernat kif deskritt fin-Notifika ta' inizjazzjoni huwa swiegel tal-fibra tal-ħġieġ imqattgħa, ta’ tul ta’ mhux aktar minn 50 mm; fibri mibruma tal-ħġieġ; filaturi u ħjut ta’ filamenti tal-ħġieġ; u twapet magħmula minn filamenti ta’ fibra tal-ħġieġ minbarra twapet tas-suf tal-ħġieġ li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7019 11 00, 7019 12 00, 7019 19 10 u ex 7019 31 00 (“il-prodott ikkonċernat”)..

    (16)

    Il-prodott ikkonċernat huwa l-materjal mhux maħdum li l-aktar jintuża għat-tisħiħ ta’ reżini termoplastiċi u termoriġidi (thermoplastic and thermoset) fl-industrija tal-materjali komposti. Il-materjali komposti li jirriżultaw minn dan il-proċess (plastik irrinfurzat bil-fibri tal-ħġieġ) jintużaw f’għadd kbir ta’ industriji: l-industrija tal-karozzi, l-industrija elettrika u elettronika, tal-paletti tal-imtieħen tar-riħ, tal-bini u l-kostruzzjoni, tat-tankijiet u l-pajpjiet, tal-prodotti għall-konsumaturi, tal-industrija aerospazjali u militari, eċċ.

    (17)

    Hemm erba’ tipi bażiċi ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu li huma koperti minn dan il-proċediment, jiġifieri s-swiegel imqattgħa, il-fibri mibruma, it-twapet (għajr dawk tas-suf tal-ħġieġ), u l-ħjut. L-investigazzjoni wriet li, minkejja xi differenzi li hemm fid-dehra u li jista’ jkun hemm fl-applikazzjonijiet finali tad-diversi tipi, kważi t-tipi kollha differenti tal-prodott ikkonċernat għandhom inkomuni l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi, u essenzjalment jintużaw għall-istess għanijiet. Madankollu instab li l-filaturi m'għandhomx l-istess karatteristiċi kimiċi, fiżiċi u tekniċi bażiċi minħabba li mhumiex fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu, iżda ħjut mhux kontinwi ta' tulijiet differenti. L-investigazzjoni wriet ukoll li xi tipi speċifiċi ħafna ta' ftietel u ċerti tipi speċifiċi ħafna ta' ħjut mibruma li attwalment huma koperti bil-kodiċi NM 7019 12 00 u 7019 19 10 rispettivament għandhom jiġu esklużi minħabb li dawn it-tipi huma ttrattati b'mod speċjali billi jiġu miksija u mdakkra u għandhom telf tat-tkebbis (loss on ignition) ta' iktar minn 3%, u b'hekk jingħataw karatteristiċi fiżiċi u kimiċi.

    (18)

    Għadd ta’ utenti tal-ħjut eqreb lejn il-prodott finali talbu l-esklużjoni kompleta ta’ dawn tal-aħħar mill-ambitu tal-prodott għall-finijiet tal-proċediment peress li fl-Unjoni kważi ma teżistix bażi ta’ produzzjoni kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ sostitwibbiltà bejn il-ħjut u t-tipi l-oħra tal-prodott.

    (19)

    Madankollu, l-investigazzjoni wriet li mill-inqas teżisti sostitwibbiltà unidirezzjonali mill-aspett tad-domanda (jiġifieri l-ħjut jistgħu jintużaw flok tipi oħra f’għadd ta’ applikazzjonijiet anki jekk, minħabba l-prezz relattivament ogħla tal-ħjut, din ma tkunx dejjem għażla ekonomikament vijabbli), u l-bażi ta’ produzzjoni limitata ta’ ċertu tip ta’ prodott fiha nnifisha ma tistax tikkostitwixxi raġuni għall-esklużjoni ta’ tali tip mill-ambitu tal-prodott sakemm ikollu l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi u l-istess użi bħal tipi oħra. Peress li l-ħjut ta’ filamenti tal-ħġieġ għandhom l-istess karatteristiċi essenzjali bħal prodotti oħra tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu u sa ċertu punt huma interkambjabbli magħhom, wieħed ikkonkluda provviżorjament li ma kienx hemm raġunijiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-ħjut mid-definizzjoni tal-prodott. Huwa madankollu nnutat li se tingħata attenzjoni speċjali għall-valutazzjoni ulterjuri ta’ din it-talba.

    2.   Prodott simili

    (20)

    Instab li l-prodott ikkonċernat u l-prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu mmanifatturati u mibjugħa fis-suq domestiku tar-RPĊ u fis-suq domestiku tat-Turkija, li b’mod provviżorju serviet bħala pajjiż analogu, kif ukoll il-prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu mmanifatturati u mibjugħa fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi u l-istess użi. Għaldaqstant, dawn il-prodotti huma provviżorjament meqjusa bħala simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    C.   ID-DUMPING

    1.   Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”)

    (21)

    Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet anti-dumping dwar l-importazzjoni mir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi minn 1 sa 6 tal-Artikolu msemmi fil-każijiet ta’ dawk il-produtturi li nstabu li kienu jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

    (22)

    Fil-qosor, u gћall-faċilità ta’ referenza biss, dawn il-kriterji huma elenkati hawn f’forma mqassra:

    1.

    it-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali u l-infiq għal skopijiet ta’ negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat;

    2.

    il-kotba tal-kontijiet jiġu awditjati b’mod indipendenti skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà u jiġu applikati għall-iskopijiet kollha;

    3.

    m’hemmx tagħwiġ sinifikanti ttrasferit mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

    4.

    il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbiltà legali;

    5.

    il-konverżjonijiet tal-valuta jsiru bir-rata tas-suq.

    (23)

    Fl-investigazzjoni attwali, it-tliet produtturi esportaturi jew gruppi ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kollha kemm huma talbu TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġbu l-formola ta’ talba tat-TES fil-limitu ta’ żmien stabbilit:

    iċ-Chongqing Polycomp International Corporation (“CPIC”),

    il-Jushi Group, u

    in-New Changhai Group.

    (24)

    Fir-rigward tal-produtturi esportaturi jew gruppi ta’ esportaturi kollha inklużi fil-kampjun li ssemmew hawn fuq, il-Kummissjoni talbet l-informazzjoni kollha li tqieset meħtieġa u vverifikat l-informazzjoni mressqa fil-formoli ta’ talba tat-TES u kull informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa fl-istabbilimenti tal-kumpaniji inkwistjoni.

    (25)

    Mill-investigazzjoni rriżulta li żewġ produtturi esportaturi wieħed/gruppi fir-RPĊ inklużi fil-kampjun ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) għall-għoti ta’ TES.

    (26)

    B’mod partikolari, produttur esportatur/grupp wieħed ma rnexxilux juri li d-deċiżjonijiet kummerċjali tiegħu kienu ħielsa biżżejjed mill-indħil tal-Istat. Il-maġġoranza tad-diretturi li jiffurmaw il-Bord tad-Diretturi tiegħu nħatru minn kumpanija li l-parti l-kbira tagħha tinsab f’idejn l-Istat. B’riżultat ta’ dan, l-Istat kellu l-possibbiltà li jwaqqaf kwalunkwe deċiżjoni milli tittieħed. Għaldaqstant, huwa ċar li l-Istat għandu rwol ewlieni fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan il-kumpanija. B’żieda ma’ dan, il-kumpanija ma rnexxilhiex turi li għandha sett ċar ta’ kotba ta’ kontabbiltà awditjati indipendentement skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà, minħabba l-fatt li l-introjtu taxxabbli tal-kumpanija ma kienx żvelat b'mod korrett fir-rapporti finanzjarji.

    (27)

    Il-produttur esportatur/grupp l-ieħor inkluż fil-kampjun/lanqas ma rnexxilu juri li d-deċiżjonijiet kummerċjali tiegħu kienu ħielsa biżżejjed mill-indħil tal-Istat. Żewġ negozjanti mill-grupp huma intrapriżi Statali. L-Istat jista’ wkoll jindaħal b’mod sinifikanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan wieħed mill-produtturi esportaturi tal-grupp minħabba s-setgħa tal-veto impliċita li jeżerċita permezz tad-direttur li jirrappreżenta lill-kumpanija omm propjetà tal-Istat. Min-naħa tiegħu, dan il-produttur huwa l-kumpanija omm u l-akbar azzjonista ta’ żewġ produtturi esportaturi oħra fi ħdan il-grupp, u għaldaqstant l-Istat jista’ wkoll jindaħal b’mod sinifikanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, tliet produtturi esportaturi mill-grupp ma rnexxilhomx juru li huma jissodisfaw il-kriterju 2 peress li fil-każijiet ta’ tnejn minnhom it-trattament fiskali preferenzjali ma ssemmiex fir-rendikonti finanzjarji filwaqt li fil-każ tat-tielet wieħed, deher li l-awditjar ma kienx indipendenti. Barra minn dan, ħames kumpaniji tal-grupp naqsu li jissodisfaw il-kriterju 3 (primarjament minħabba prezzijiet tad-drittijiet tal-użu tal-art li ma jirriflettux is-suq).

    (28)

    Wieħed mill-produtturi esportaturi li jiffurmaw parti mill-kampjun, li jikkonsisti fi grupp ta’ żewġ kumpaniji relatati ma’ xulxin, wera li kien jissodisfa l-kriterji kollha tal-Artikolu 2(7)(c) u seta’ jingħata t-TES.

    (29)

    Wara l-iżvelar tas-sejbiet tat-TES, waslu kummenti mill-industrija tal-Unjoni u żewġ produtturi esportaturi/gruppi kkampjunati, li ġew proposti biex ma jingħatawx t-TES. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn il-kummenti ma kien ta' natura li tibdel is-sejbiet f'dan ir-rigward.

    2.   Trattament individwali (“TI”)

    (30)

    F’konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, dazju applikabbli għall-pajjiż kollu, jekk ikun hemm, jiġi stabbilit għall-pajjiżi li jaqgħu taħt dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-każijiet fejn il-kumpaniji jkunu f’pożizzjoni juru li huma jissodisfaw il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Fil-qosor, u gћall-faċilità ta’ referenza biss, dawn il-kriterji huma elenkati hawn taћt:

    fil-każ ta’ ditti li huma kompletament jew parzjalment ta’ sidien barranin jew intrapriżi konġunti, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti;

    il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-kwantitajiet u l-kondizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma determinati liberament;

    il-maġġoranza tal-ishma jappartenu lil persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jidhru fuq il-Bord tad-Diretturi jew li għandhom karigi maniġerjali importanti jew huma fil-minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hi xorta waħda indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat;

    il-konverżjonijiet tal-kambju jitwettqu skont ir-rata fis-suq; u

    l-indħil tal-Istat mhux tali li jippermetti ħelsien mir-restrizzjonijiet ta’ miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħatawlhom rati differenti ta’ dazju.

    (31)

    Iż-żewġ (gruppi ta’) kumpaniji inklużi fil-kampjun li ssemmew hawn fuq u li ma ġewx aċċettati għat-TES talbu wkoll TI fil-każ li ma jingħatawx TES.

    (32)

    Abbażi tal-informazzjoni disponibbli nstab li tnejn minn dawn il-(gruppi ta’) kumpaniji kkonċernati naqsu li juru li huma jissodisfaw, b’mod kumulattiv, ir-rekwiżiti kollha għat-TI kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, ġie ppruvat li l-kumpaniji naqsu li jissodisfaw il-kriterju stipulat fl-Artikolu 9(5)(c) tar-Regolament bażiku li jitlob li l-maġġoranza tal-ishma jappartenu lil persuni privati jew li l-kumpaniji jkunu indipendenti biżżejjed mill-Istat ladarba, kif imfisser fil-premessi (26) u (27), instab li l-kumpaniji kollha, bażikament, fil-parti l-kbira minnhom huma proprjetà tal-Istat jew ikkontrollati minnu. Barra minn hekk, kif issemma hawn fuq, instab li dawn iż-żewġ (gruppi ta’) kumpaniji naqsu li juru li huma jissodisfaw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 9(5)(e), jiġifieri li t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom huwa ħieles minn indħil sinifikanti tal-Istat li jippermetti evażjoni tal-miżuri fil-każ ta’ allokazzjoni ta’ rati ta’ dazju differenti lill-kumpaniji. B’konsegwenza ta’ dan, it-talbiet tagħhom għal TI kellhom jiġu rrifjutati.

    (33)

    Għalhekk, ġie konkluż li t-TI ma kellu jingħata lill-ebda waħda mill-produtturi esportaturi/gruppi inklużi fil-kampjun li nċaħdilhom it-TES.

    3.   Il-valur normali

    3.1.   Id-determinazzjoni tal-valur normali għall-produttur esportatur/grupp li ngħata t-TES

    (34)

    F’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, fir-rigward ta’ dak il-produttur esportatur, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk it-total tal-bejgħ domestiku tiegħu ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ dak il-bejgħ kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat magħmul minnu għal skopijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni. Mill-investigazzjoni rriżulta li l-bejgħ domestiku tal-prodott simili kien rappreżentattiv.

    (35)

    Sussegwentement, il-Kummissjoni identifikat dawk it-tipi ta’ prodotti li kienu qed jinbiegħu fis-suq domestiku mill-kumpaniji li kellhom bejgħ domestiku ġeneralment rappreżentattiv u li kienu identiċi għat-tipi mibjugħa għal skopijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni jew simili ħafna għalihom.

    (36)

    Għal kull tip mibjugħ mill-produttur esportatur fis-suq domestiku tiegħu u misjub komparabbli mat-tip ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu mibjugħ għal skopijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni, ġie eżaminat jekk il-bejgħ domestiku kienx rappreżentattiv biżżejjed għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip partikolari ta’ prodott tqies rappreżentattiv biżżejjed fil-każijiet fejn il-volum ta’ dak it-tip ta’ prodott mibjugħ lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku matul il-PI kien jirrappreżenta madwar 5 % tal-volum totali tat-tip ta’ prodott komparabbli mibjugħ għal skopijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni. Mill-investigazzjoni rriżulta li kien hemm bejgħ domestiku rappreżentattiv fil-każijiet tat-tipi kollha tal-prodotti ħlief erbgħa.

    (37)

    Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat jekk kull tip ta’ prodott ikkonċernat li kien jinbiegħ fis-suq domestiku fi kwantitajiet rappreżentattivi setax jitqies li kien jinbiegħ fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ kif iddefinita fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi, għal kull tip ta’ prodott, ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgħ bi qligħ lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

    (38)

    Fil-każijiet fejn il-volum tal-bejgħ ta’ tip ta’ prodott bi prezz nett tal-bejgħ ugwali għall-ispejjeż ikkalkulati tal-produzzjoni jew ogħla minnhom kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dak it-tip u fejn il-medja ppeżata tal-prezzijiet tal-bejgħ kienet daqs l-ispiża għal kull unità jew akbar minnha, il-valur normali, skont it-tip ta’ prodott, ġie kkalkulat bħala l-medja ppeżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu tat-tip inkwistjoni.

    (39)

    Fil-każijiet fejn il-volum tal-bejgħ bi qligħ ta’ tip ta’ prodott kien jirrappreżenta 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dak it-tip ta’ prodott jew inqas jew fejn il-medja ppeżata tal-prezzijiet ta’ dak it-tip kienet iżgħar mill-ispiża għal kull unità, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku attwali, li ġie kkalkulat bħala l-medja ppeżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku bi qligħ biss tat-tip inkwistjoni.

    (40)

    Fejn it-tipi kollha tal-prodotti kienu jinbiegħu b’telf, kien ikkunsidrat li dawn ma kinux jinbiegħu fl-operazzjonijiet ordinarji tal-kummerċ.

    (41)

    Mill-investigazzjoni rriżulta li l-bejgħ bi qligħ tat-tipi ta’ prodotti komparabbli kollha għajr wieħed kien jammonta għal aktar minn 80 % tal-bejgħ domestiku totali, u għaldaqstant, il-bejgħ domestiku kollu ntuża fil-kalkolu tal-prezz medju għall-valur normali. Għal tip wieħed ta’ prodott intuża l-bejgħ bi qligħ biss. Fejn jidħol il-bejgħ tal-erba’ tipi ta’ prodotti li ma kinux jinbiegħu fis-suq domestiku fi kwantitajiet rappreżentattivi, il-Kummissjoni użat għall-valur normali prezzijiet domestiċi rappreżentattivi ta’ tipi simili ħafna, bl-aġġustamenti xierqa.

    3.2.   Id-determinazzjoni tal-valur normali produtturi esportaturi/gruppi li ma ngħatawx TES

    (a)   Il-pajjiż analogu

    (42)

    F’konformità mal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-valur normali tal-kumpaniji li ma setgħux jingħataw TES ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet jew tal-valur maħdum f’pajjiż analogu.

    (43)

    Fl-avviż tal-ftuħ ta’ proċedura anti-dumping, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tuża lit-Turkija bħala pajjiż analogu adegwat biex tistabbilixxi valur normali għar-RPĊ u stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw fuq dan.

    (44)

    Ippreżentaw ruħhom żewġ partijiet interessati li stqarrew li t-Turkija ma kinitx pajjiż analogu adegwat, iżda mingħajr ma ssostanzjaw it-talba tagħhom. Parti interessata oħra kkummentat fuq l-għażla tal-pajjiż analogu u ssuġġeriet li tintuża l-Indja minflok peress, kif qalet, l-Indja kienet tinsab f’livell ta’ żvilupp komparabbli ma’ dak tar-RPĊ, is-swieq kienu komparabbli ladarba fiż-żewġt iswieq l-applikazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ kienu importanti ħafna, u kienu qed jiġu mmanifatturati tipi komparabbli, b’mod simili. Barra minn hekk, is-suq Indjan ġie deskritt bħala suq miftuħ b’ammont sinifikanti ta’ importazzjoni. U fl-aħħar nett, issemma li fiż-żewġ pajjiżi kien komparabbli l-aċċess għall-materja prima.

    (45)

    Il-Kummissjoni talbet il-koperazzjoni tal-produtturi tal-prodott simili fit-Turkija, fil-Kanada, fl-Istati Uniti, ir-Repubblika tal-Korea, u fl-Indja. Madankollu, kien biss l-uniku produttur Tork li esprima r-rieda tiegħu li jikkopera u li wieġeb il-kwestjonarju.

    (46)

    Huwa rrikonoxxut li t-Turkija hija pajjiż analogu rappreżentattiv fir-rigward tal-volum tal-bejgħ domestiku. Madankollu, il-valur normali ta’ tip wieħed tal-prodott simili, li mhux qed jiġi mmanifatturat fit-Turkija, jkollu bżonn jinħadem. Wieħed jinnota wkoll li l-investigazzjoni anti-dumping li għaddejja kontra t-Turkija fir-rigward tal-importazzjoni ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu tindika l-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-prezzijiet fis-suq domestiku Tork. Madankollu, billi t-Turkija kienet l-uniku pajjiż li qabel li jikkopera f’din l-investigazzjoni, ġie konkluż b’mod provviżorju li t-Turkija kellha tintuża bħala pajjiż analogu.

    (b)   Id-determinazzjoni tal-valur normali

    (47)

    F’konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-prezz normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES ġie stabbilit abbażi tal-informazzjoni vverifikata li waslet mingħand il-produttur fil-pajjiż analogu, skont il-metodoloġija ġenerali li ġiet deskritta hawn fuq fir-rigward tal-grupp ta’ kumpaniji li ngħata TES. Fil-każijiet fejn fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu xi tip ta’ prodott kien jinbiegħ kollu b’telf jew ma kinux jinbiegħu tipi simili, il-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku.

    4.   Il-prezz tal-esportazzjoni

    (48)

    Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-prodott ikkonċernat ġie esportat lejn klijenti indipendenti fl-Unjoni, u għaldaqstant, il-prezz tal-esportazzjoni ġie kkalkulat skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni attwalment imħallsa jew li kellhom jitħallsu.

    (49)

    Fejn ma kienx isir ħlief ftit bejgħ għal skopijiet ta’ esportazzjoni minn produttur esportatur wieħed lill-kumpaniji relatati miegħu fl-Unjoni, instab li dak kien maħsub għal użu vinkolanti, u konsegwentement ma ntużax għall-kalkolu provviżorju tad-dumping.

    5.   Paragun

    (50)

    Il-paragun tal-valur normali u tal-prezzijiet tal-esportazzjoni sar abbażi tal-prezz tal-prodotti kif ħerġin mill-fabbrika. Sabiex ikun żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ġew ikkunsidrati kif xieraq, f’forma ta’ aġġustamenti, id-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti xierqa fil-każijiet kollha fejn instab li kienu raġonevoli, preċiżi u mirfuda minn xhieda vverifikata. Sar aġġustament fil-każ tat-taxxi indiretti, tat-trasport ta’ merkanzija bil-baħar u l-spejjeż relatati tal-assigurazzjoni, tat-trasport ta’ merkanzija fil-pajjiż esportatur, tal-livell tal-kummerċ (fil-każijiet ta’ differenzi fil-kanal ta’ distribuzzjoni), tal-ispejjeż ta’ garanzija, tal-ispejjeż ta’ kreditu, u tal-ispejjeż bankarji.

    6.   Il-marġnijiet ta’ dumping

    (51)

    Il-marġnijiet provviżorji ta’ dumping ġew espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas.

    (52)

    Għall-grupp ta’ produtturi esportaturi li kien jikkopera u li ngħata TES, ġie stabbilit marġni ta’ dumping individwali abbażi ta’ paragun tal-valur normali medju ppeżat u l-prezz medju ppeżat tal-esportazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

    (53)

    Il-marġni ta’ dumping għall-kumpaniji inklużi fil-kampjun li ma ngħatawx TES jew TI u għall-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun li kkoperaw ġie kkalkulat bħala l-medja tat-tliet kumpaniji/gruppi ta' kumpaniji tal-kampjun.

    (54)

    Minħabba l-livell għoli ta’ koperazzjoni fl-investigazzjoni, billi l-kumpaniji li kienu qed jikkoperaw kienu jirrappreżentaw madwar 100 % tal-importazzjoni kollha mir-RPĊ tul il-PI, għal kwalunkwe kumpanija li ma kinitx qiegħda tikkopera ġie stabbilit il-marġni għall-pajjiż kollu bl-użu tal-ogħla wieħed mill-marġnijiet li nstabu fil-każijiet tal-(gruppi ta’) kumpaniji inklużi fil-kampjun.

    (55)

    Abbażi ta’ dan, il-livelli provviżorji ta’ dumping huma dawn li ġejjin:

    Kumpanija

    Marġni provviżorju ta’ dumping

    New Changhai Group

    8,5  %

    Kumpaniji oħra li kkoperaw

    43,6  %

    Residwali

    43,6  %

    D.   ID-DANNU

    1.   Il-produzzjoni u l-industrija tal-Unjoni

    (56)

    Matul il-PI, fl-Unjoni, il-prodott simili kien qed jiġi mmanifatturat minn 11-il produttur. Minn dan il-11-il produttur, sebgħa kkoperaw fl-investigazzjoni. Dawn is-seba’ produtturi, kollha kemm huma, kienu membri tal-ilmentatur u nstab li jirrappreżentaw proporzjon importanti tat-total tal-produzzjoni tal-prodott simili fl-Unjoni – f’dan il-każ aktar minn 90 %. Mill-erba’ produtturi tal-Unjoni li fadal, wieħed kien ukoll ilmentatur, tnejn appoġġjaw l-ilment b’mod attiv filwaqt li r-raba’ wieħed la appoġġjah u lanqas opponieh. Għaldaqstant, il-11-il produttur jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku u minn hawn ’il quddiem se ssir referenza għalihom bħala l-“industrija tal-Unjoni”.

    (57)

    Kif indikat taħt il-premessa (13) ta’ hawn fuq, ingħażel kampjun ta’ tliet produtturi li kienu jirrappreżentaw madwar 64 % tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni. Peress li tnejn minn dawn il-produtturi kienu gruppi ta’ kumpaniji relatati ma’ xulxin, b’diversi entitajiet ta’ produzzjoni fl-Unjoni, il-kampjun kien magħmul minn total ta’ disa’ kumpaniji individwali.

    (58)

    Xi partijiet interessati allegaw li l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma kellhomx jitqiesu bħala industriji tal-Unjoni ladarba t-tlieta li huma kellhom produtturi Ċiniżi relatati magħhom li kienu qed jimmanifatturaw il-prodott ikkonċernat. L-investigazzjoni kkonfermat li fil-fatt, tnejn mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kellhom kumpaniji ta’ produzzjoni relatati magħhom fiċ-Ċina. Madankollu nstab li, minkejja r-rabta li kien hemm, dawn iż-żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma wrew l-ebda mġiba li kienet taffettwa l-affidabbiltà tar-riżultati tal-investigazzjoni. Il-volum tal-prodotti li dawn il-produtturi tal-Unjoni impurtaw mill-kumpaniji relatati magħhom fir-RPĊ huwa limitat (inqas minn 4 % tal-importazzjoni mir-RPĊ). B’żieda ma’ dan, din l-importazzjoni tista’ titqies bħala negliġibbli meta mqabbla mat-total tal-produzzjoni tal-produtturi kkonċernati tal-Unjoni, li bl-ebda mod m’għandhom jiġu kkunsidrati bħala importaturi peress li jidher ċar li huma produtturi ġenwini tal-fibri tal-ħġieġ. U fl-aħħar, l-indikaturi tad-dannu relatati mal-produtturi kkonċernati tal-Unjoni ma kinux affettwati minn din l-importazzjoni limitata. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li ma kien hemm l-ebda raġuni biex teskludi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, kwalunkwe wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

    2.   Il-konsum tal-Unjoni

    (59)

    Il-konsum tal-Unjoni ġie kkalkulat abbażi tal-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u d-dejta dwar il-volum ta’ importazzjoni mogħtija mill-Ewrostat għas-suq tal-Unjoni.

    (60)

    Bejn l-2006 u l-PI, il-konsum tal-Unjoni tnaqqas bil-kbir, jiġifieri b’24 %. Madankollu, kien hemm żieda żgħira fil-konsum fl-2007 u fl-ewwel nofs tal-2008.

    Tabella 1

    Konsum tal-Unjoni

     

    2006

    2007

    2008

    PI

    Unitajiet (tunnellati)

    982 831

    1 043 611

    1 035 795

    748 045

    indiċjati

    100

    106

    105

    76

    3.   L-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat

    3.1.   Il-volum tal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping

    (61)

    Il-volum tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn is-suq tal-Unjoni kien qed jiżdied b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Ġeneralment, matul il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b’aktar minn 50 %. B’mod partikolari, bejn l-2006 u l-2008, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu aktar mid-doppju. Matul il-PI naqsu meta mqabbla mal-2008, iżda r-rata tat-tnaqqis (25 %) kienet aktar baxxa minn dik tat-tnaqqis fil-konsum (28 %).

    Tabella 2

    Importazzjonijiet mir-RPĊ (volum)

     

    2006

    2007

    2008

    PI

    Unitajiet (tunnellati)

    77 283

    122 190

    155 875

    116 413

    indiċjati

    100

    158

    202

    151

    3.2.   Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping

    (62)

    Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping żdied b’mod kontinwu matul il-perjodu kkunsidrat. Waqt il-PI, l-importazzjonijiet miċ-Ċina kellhom sehem mis-suq ta’ 15,6 %, jiġifieri kien jammonta kważi għad-doppju tas-sehem li kellhom mis-suq fl-2006.

    Tabella 3

    Importazzjonijiet mir-RPĊ (sehem mis-suq)

     

    2006

    2007

    2008

    PI

    Sehem mis-suq (%)

    7,9  %

    11,7  %

    15,0  %

    15,6  %

    indiċjati

    100

    149

    191

    198

    3.3.   Prezzijiet

    (a)   Evoluzzjoni tal-prezzijiet

    (63)

    It-Tabella ta’ hawn taħt turi l-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping, fil-fruntiera Ewropea u bid-dazju mhux imħallas, kif irrappurtat mill-Ewrostat. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ baqa’ sostanzjalment stabbli matul il-perjodu kkunsidrat. Dan wieħed seta’ josservah minkejja żieda sinifikanti madwar id-dinja kollha għall-manifattura tal-fibri tal-ħġieġ ta' filament kontinwu matul il-perjodu kkunsidrat (kif muri wkoll fit-Tabella 18).

    Tabella 4

    Importazzjonijiet mir-RPĊ (prezzijiet)

     

    2006

    2007

    2008

    IP

    Prezz medju/tunnellata (EUR)

    930

    936

    970

    943

    indiċjati

    100

    101

    104

    101

    (b)   Bejgħ bi prezz baxx

    (64)

    Sar tqabbil li fih tqabbel tip ma’ tip bejn il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Għal dan l-iskop, il-prezzijiet li l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun japplikaw fil-bejgħ lil klijenti mhux relatati magħhom tqabblu mal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi tal-pajjiż ikkonċernat li ffurmaw parti mill-kampjun. Sabiex jittieħdu inkonsiderazzjoni d-differenzi fil-livell tal-kummerċ u l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni, ġew applikati aġġustamenti fejn meħtieġ.

    (65)

    It-tqabbil wera li matul il-PI, il-prodotti kkonċernati impurtati mir-RPĊ inbiegħu fl-Unjoni bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni b’rata li tvarja minn 23 % sa 39 %, meta wieħed jesprimihom bħala perċentwali ta’ dawn tal-aħħar.

    4.   Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    4.1.   Rimarki preliminari

    (66)

    F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u indikaturi ekonomiċi rilevanti kollha li għandhom effett fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni. Id-dejta ppreżentata hawn taħt tirreferi għall-industrija tal-Unjoni fl-intier tagħha fejn jidħlu l-bejgħ u s-sehem mis-suq u għall-produtturi tal-kampjun fir-rigward tal-bqija tal-indikaturi.

    4.2.   Il-produzzjoni

    (67)

    Il-volumi tal-produzzjoni tal-Unjoni baqgħu relattivament stabbli mill-2006 sal-2008, iżda naqsu f’daqqa matul il-PI:

    Tabella 5

    Industrija tal-Unjoni - produzzjoni

    produtturi inklużi fil-kampjun

    2006

    2007

    2008

    PI

    Unitajiet (tunnellati)

    495 942

    508 837

    502 729

    312 824

    indiċjati

    100

    103

    101

    63

    4.3.   Il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-utilizzazzjoni tagħha

    (68)

    Il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żviluppat kif ġej:

    Tabella 6

    Industrija tal-Unjoni - kapaċità ta’ produzzjoni

    produtturi inklużi fil-kampjun

    2006

    2007

    2008

    PI

    Kapaċità (tunnellati)

    575 900

    573 600

    585 350

    510 700

    indiċjati

    100

    100

    102

    89

    Utilizzazzjoni tal-kapaċità (%)

    86  %

    89  %

    86  %

    61  %

    indiċjati

    100

    103

    100

    71

    (69)

    Matul il-PI, il-kapaċità ta’ produzzjoni naqset. Fil-fatt, fid-dawl tal-erożjoni tal-prezzijiet u t-telf fir-rigward tas-sehem mis-suq minħabba l-importazzjonijiet mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping, diversi linji ta’ produzzjoni żżarmaw, ingħalqu temporanjament, jew iċċekknu. Minkejja dan it-tnaqqis fil-kapaċità ta’ produzzjoni, ir-rata ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità niżlet minn 86 % għal 61 %, jiġifieri niżlet b’ 29%.

    4.4.   Ħażniet

    (70)

    It-Tabella ta’ hawn taħt turi li l-ħażniet l-ewwel naqsu fl-2007, meta l-konsum kien fl-aqwa tiegħu, imma mbagħad, fl-2008, irreġistraw żieda qawwija fid-dawl tal-waqgħa għal għarrieda fid-domanda li seħħet fir-raba’ kwart ta’ dik is-sena. Matul il-PI, il-ħażniet reġgħu lura għal livelli aktar normali.

    Tabella 7

    Industrija tal-Unjoni – ħażniet

    produtturi inklużi fil-kampjun

    2006

    2007

    2008

    PI

    Unitajiet (tunnellati)

    88 968

    73 018

    123 910

    82 160

    indiċjati

    100

    82

    139

    92

    4.5.   Il-volum ta’ bejgħ (total tal-industrija tal-Unjoni)

    (71)

    Il-volum tal-bejgħ tal-produtturi kollha tal-Unjoni fis-suq tal-UE, inkluż dak maħsub għal użu vinkolanti, żviluppa kif ġej:

    Tabella 8

    Industrija tal-Unjoni - bejgħ fl-UE (volum)

    il-produtturi kollha tal-UE

    2006

    2007

    2008

    PI

    Unitajiet (tunnellati)

    737 818

    743 784

    706 746

    520 064

    indiċjati

    100

    101

    96

    70

    (72)

    Il-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-intier tagħha naqset bi 30 %. Fl-2007, filwaqt li l-konsum tal-Unjoni żdied b’6 % (kif muri fit-Tabella 1 ta’ hawn fuq), il-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat magħmul mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni żdied b’1 % biss. Dan ifisser li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika mill-konsum miżjud ta’ dak il-perjodu. Sussegwentement, fl-2008 u fil-PI, il-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas bil-kbir.

    4.6.   Is-sehem mis-suq (total tal-industrija tal-Unjoni)

    (73)

    Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni tnaqqas bil-kbir fl-2007 u l-2008, u mbagħad irkupra ftit fil-PI. Madankollu, b’mod ġenerali, matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni tilfet 5,6 punti perċentwali mis-sehem tagħha mis-suq filwaqt li, kif jidher fit-Tabella 3 ta’ hawn fuq, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping kważi rdoppja matul il-perjodu kkunsidrat.

    Tabella 9

    Industrija tal-Unjoni - sehem mis-suq tal-UE

    il-produtturi kollha tal-UE

    2006

    2007

    2008

    PI

    Sehem mis-suq tal-UE (%)

    75,1  %

    71,3  %

    68,2  %

    69,5  %

    indiċjati

    100

    95

    91

    93

    4.7.   Il-prezzijiet tal-bejgħ

    (74)

    Fejn jidħlu l-prezzijiet medji tal-bejgħ, it-Tabella ta’ hawn taħt turi li matul il-perjodu eżaminat, l-industrija tal-Unjoni ma rnexxilhiex iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati. Għall-kuntrarju, il-prezzijiet medji tal-bejgħ naqsu bi 2 %, u dan il-fatt jidher saħansitra aktar eċċezzjonali fil-kuntest ta’ żieda fil-prezzijiet tal-materja prima. Fil-fatt, l-industrija tal-Unjoni ma kellhiex il-possibbiltà li fil-prezzijiet tal-bejgħ tirrifletti ż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima, minħabba l-pressjoni ’l isfel fuq il-livelli tal-prezzijiet fl-Unjoni li saret mill-importazzjonijiet mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping.

    Tabella 10

    Industrija tal-Unjoni - bejgħ fl-UE (prezz medju)

    produtturi inklużi fil-kampjun

    2006

    2007

    2008

    PI

    EUR/tunnellata

    1 179

    1 166

    1 192

    1 159

    indiċjati

    100

    99

    101

    98

    4.8.   L-impjiegi

    (75)

    Il-livelli tal-impjiegi tal-produtturi tal-Unjoni juru li matul il-perjodu kkunsidrat kollu, l-industrija tal-Unjoni rrazzjonalizzat il-produzzjoni, bil-għan li tnaqqas l-ispejjeż tal-manifattura u li tikkontrabilanċja ż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima. Fil-fatt, in-numru tal-impjegati tnaqqas b’20 punt perċentwali għall-perjodu kollu, bi tnaqqis bi 15-il punt perċentwali jikkonċentra ruħu fil-perjodu ta’ bejn l-2007 u l-PI.

    Tabella 11

    Industrija tal-Unjoni – impjiegi

    produtturi inklużi fil-kampjun

    2006

    2007

    2008

    PI

    Numru ta’ impjegati

    4 114

    3 890

    3 705

    3 302

    indiċjati

    100

    95

    90

    80

    4.9.   Il-produttività

    (76)

    B’riżultat tal-isforzi tal-industrija tal-Unjoni li ġew deskritti fil-premessa ta’ qabel, il-produttività tal-ħaddiema fil-produzzjoni tal-Unjoni żdiedet b’mod sinifikanti fl-2007 u l-2008. Dan l-iżvilupp pożittiv inbidel ta’ taħt fuq matul il-PI u rriżulta f’telf ġenerali ta’ produttività ta’21 % matul il-perjodu kkunsidrat. Din il-bidla fil-produttività kienet dovuta, f’parti minnha, għall-kollass tad-domanda, u f’parti oħra għall-prodotti impurtati mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping u li kienu jinbiegħu bi prezzijiet ħafna inqas minn dawk tal-industrija tal-Unjoni, u wassal għal tnaqqis sostanzjali fil-produzzjoni, u b’hekk anki għal żieda fl-impjiegi għal kull unità tal-fibra tal-ħġieġ immanifatturata.

    Tabella 12

    Industrija tal-Unjoni – produttività

    produtturi inklużi fil-kampjun

    2006

    2007

    2008

    PI

    tunnellata/impjegat(a)

    121

    131

    136

    95

    indiċjata

    100

    108

    113

    79

    4.10.   Il-paga

    (77)

    Matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tikkontrolla l-bidla fl-ispejjeż tax-xogħol. Fil-fatt, it-Tabella ta’ hawn fuq turi li fl-2007 u l-2008, kien hemm żieda żgħira fil-paga medja annwali, iżda tnaqqis fil-PI. Tul il-perjodu kollu, l-ispejjeż tax-xogħol għal kull unità tnaqqsu bi 3 %. Madankollu, dan it-tnaqqis kien ikun aktar espliċitu kieku l-ammonti ta’ kumpens għat-terminazzjoni tal-impjieg kienu esklużi mit-tendenza msemmija.

    Tabella 13

    Industrija tal-Unjoni - spejjeż tax-xogħol

    produtturi inklużi fil-kampjun

    2006

    2007

    2008

    PI

    paga annwali (EUR)

    42 649

    43 257

    43 991

    41 394

    indiċjati

    100

    101

    103

    97

    4.11.   Profittabbiltà u redditu fuq l-investimenti (ROI)

    (78)

    Il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ġiet ikkalkulata billi l-qligħ nett ta’ qabel it-taxxa mill-bejgħ tal-prodott simili ġie espress bħala perċentwali tal-fatturat ta’ dan il-bejgħ. Waqt il-kalkolu tal-profitabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni, iċ-ċifri vverifikati ġew ikkoreġuti bil-għan li ma jkunx possibbli li din l-analiżi tkun influwenzata minn kwistjonijiet straordinarji speċifiċi għal kumpaniji partikolari li ħallew impatt sproporzjonat fuq iċ-ċifri tal-qligħ ta’ dawk il-kumpaniji f’perjodu partikolari. Skont dawn il-korrezzjonijiet, il-profittabbiltà tal-produtturi inklużi fil-kampjun u r-redditu fuq l-investimenti mwettqa minnhom b’rabta mal-bejgħ tal-prodott simili fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 14

    Industrija tal-Unjoni - profittabbiltà u redditu fuq l-investimenti (ROI)

    produtturi inklużi fil-kampjun

    2006

    2007

    2008

    PI

    qligħ nett (% tal-fatturat)

    0,3  %

    4,7  %

    3,5  %

    –15,0  %

    ROI

    2,5  %

    6,2  %

    3,0  %

    –16,8  %

    (79)

    Bħalma turi t-Tabella ta’ hawn fuq, matul il-parti l-kbira tal-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tilħaq livelli limitati ta’ qligħ – b’xi eċċezzjoni fis-sena 2007, meta r-rata medja ta’ profittabbiltà laħqet l-4,7 %. Matul il-PI, il-qligħ inqaleb f’telf enormi, bir-rata medja tat-telf tal-industrija tal-Unjoni titbaxxa sa 15 %.

    (80)

    Fejn jidħol ir-redditu fuq l-investimenti (ROI), espress bħala l-qligħ f’perċentwali tal-valur nett fuq il-kotba tal-investimenti, jidher li dan l-indikatur segwa x-xejra tal-profittabbiltà. Ġeneralment, ir-redditu fuq l-investimenti baqa’ pjuttost limitat matul il-perjodu kkunsidrat kollu, bl-eċċezzjoni tal-2007. U fl-aħħar, fil-PI, l-ROI tal-industrija tal-Unjoni niżel għal – 16,8 %.

    (81)

    Is-sitwazzjoni finanzjarja delikata msemmija seħħet minkejja l-konsum miżjud matul il-perjodu ta’ bejn l-2006 u l-2008, kif ġie deskritt fil-premessa (60) ta’ hawn fuq, u l-isforzi tal-industrija tal-Unjoni għar-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni, kif deskritti fil-premessi (75) u (76) ta’ hawn fuq. Matul il-perjodu kkunsidrat, it-tkabbir qawwi fil-volumi ta’ prodotti impurtati mir-RPĊ bi prezzijiet baxxi li kienu l-oġġett ta’ dumping affettwa l-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u rriżulta wkoll f’erożjoni serja tal-prezzijiet. Dawn il-fatturi ħallew impatt fuq il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni. Dan jista’ jintwera aħjar bit-telf drammatiku ta’ 15 % matul il-PI.

    4.12.   Il-likwidità u l-ħila ta’ tkabbir tal-kapital

    (82)

    Il-likwidità netta minn attivitajiet operattivi żviluppat kif ġej:

    Tabella 15

    Industrija tal-Unjoni – likwidità

    produtturi inklużi fil-kampjun

    2006

    2007

    2008

    PI

    likwidità (EUR)

    34 261 986

    17 230 139

    7 452 912

    –22 001 723

    indiċjati

    100

    50

    22

    –64

    (83)

    It-Tabella ta’ hawn fuq tikkonferma l-qagħda finanzjarja delikata tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu 2006-2008 u d-deterjorament drammatiku li rriżulta minnha fil-PI.

    4.13.   L-investimenti

    (84)

    Matul il-perjodu kkunsidrat, l-investimenti tal-produtturi tal-kampjun żviluppaw kif ġej:

    Tabella 16

    Industrija tal-Unjoni – investimenti

    produtturi inklużi fil-kampjun

    2006

    2007

    2008

    PI

    investimenti netti (EUR)

    40 089 991

    20 804 311

    43 613 463

    28 387 044

    indiċjati

    100

    52

    109

    71

    (85)

    Fl-2006 u l-2008, li kienu l-aqwa snin, il-livell tal-investimenti kien relattivament għoli minħabba l-bini mill-ġdid ta’ kalkari. F’din l-industrija li titlob investimenti kapitali kbar, il-kalkari għandhom jinbnew mill-ġdid kull 7 sa 10 snin, u l-ispejjeż marbuta mal-bini mill-ġdid ta’ kalkara jistgħu jammontaw għal bejn € 8 miljuni u € 13-il miljun (jingħata marġni għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità). Il-parti l-kbira tal-ispejjeż għoljin l-oħra tal-investiment, li huma aktar strutturali, hija marbuta mal-konsum tal-ligi użati għall-mekkaniżmi bil-bushings u r-rikostruzzjoni konsegwenti tagħhom.

    4.14.   Id-dimensjoni tal-marġni reali ta’ dumping

    (86)

    Il-marġnijiet ta’ dumping li jikkaratterizzaw l-importazzjoni mir-RPĊ, kif speċifikati hawn fuq fil-premessa (55), huma għoljin ħafna. Minħabba l-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-prodotti impurtati li huma l-oġġett ta’ dumping, l-impatt tal-marġnijiet ta’ dumping ma jistax jitqies negliġibbli.

    5.   Konklużjoni dwar id-dannu

    (87)

    Minkejja sforzi serji mill-industrija tal-Unjoni għaż-żieda tal-kompetittività tagħha, il-parti l-kbira tal-indikaturi tad-dannu li jikkaratterizzaw l-industrija tal-Unjoni żviluppaw b’mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat. Dan wieħed ma jistax ma jinnutahx, partikolarment meta janalizza l-indikaturi relatati mal-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri r-redditu fuq l-investimenti, il-likwidità, u l-profittabbiltà, li kollha kemm huma żviluppaw b’mod drammatiku. B’żieda ma’ dan, l-indikaturi li jirrigwardaw il-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volumi ta’ bejgħ, u s-sehem mis-suq ikkonfermaw ukoll xejra ċara għall-agħar.

    (88)

    Fl-istess ħin, il-fibri tal-ħġieġ impurtati mir-RPĊ kienu qed jinbiegħu bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni anke b’differenza ta’ 39 % matul il-PI, u l-industrija tal-Unjoni tilfet 5 punti perċentwali fir-rigward tas-sehem mis-suq fi żmien inqas minn erba’ snin.

    (89)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, qed jiġi konkluż b’mod provviżorju li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

    E.   KAWŻALITÀ

    1.   Daħla

    (90)

    F’konformità mal-Artikolu 3(6) u 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping ikkawżawx dannu lill-industrija tal-Unjoni sa grad li jippermetti li jkun ikklassifikat bħala materjali. Fatturi magħrufa oħra, barra l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping, li possibbilment matul l-istess perjodu kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, ġew eżaminati wkoll biex ikun żgurat li d-dannu possibbilment ikkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jiġix attribwit lill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping.

    2.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

    (91)

    Bejn l-2006 u l-PI, il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li kienu l-oġġett ta’ dumping żdied b’51 %, u dan wassal għal żieda fis-sehem mis-suq tal-Unjoni bi 98 %, minn 7,9 % għal 15,6 %.

    (92)

    Iż-żieda matul il-perjodu kkunsidrat fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping ikkoinċidiet ma’ xejra ta’ tnaqqis fir-rigward tal-parti l-kbira tal-indikaturi tad-dannu li jikkaratterizzaw l-industrija tal-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni tilfet 5,6 punti perċentwali mis-sehem tagħha mis-suq, u l-prezzijiet tagħha tal-bejgħ naqsu bi 2 % minħabba l-pressjoni li eżerċitaw fuq is-suq tal-Unjoni importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi li kienu l-oġġett ta’ dumping. It-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet ma ppermettiex lill-industrija tal-Unjoni titrasferixxi, sa grad aċċettabbli, iż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni, u dan il-fatt irriżulta f’livelli ta’ profittabbiltà baxxi u, matul il-PI, saħansitra negattivi.

    (93)

    Ta’ min jinnota wkoll li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ li huma l-oġġett ta’ dumping baqa’ jiżdied anki matul il-PI. Fi kliem ieħor, kif issemma wkoll fil-premessa (62) ta’ hawn fuq, il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ li huma l-oġġett ta’ dumping tnaqqas aktar bil-mod mill-konsum tal-Unjoni.

    (94)

    Ċerti partijiet interessati sostnew li ma kienx hemm rabta bejn l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Wieħed mill-argumenti mqajma f’dan ir-rigward kien li d-differenza li hemm bejn il-prezzijiet tal-bejgħ Ċiniżi u dawk tal-Unjoni baqgħet pjuttost kostanti matul il-perjodu kkunsidrat kollu filwaqt li kien hemm fluttwazzjoni fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fl-istess perjodu. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu li mhuwiex biss il-livell tal-prezzijiet, iżda wkoll il-volum tal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping, bil-prezz tagħhom diġà baxx, , li eżerċita pressjoni qawwija fuq il-bejgħ magħmul mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, anki jekk possibbilment fatturi oħra kellhom ċertu rwol fl-aggravament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri affettwaw ukoll sa ċertu punt il-profittabbiltà tagħha, dan il-fatt bl-ebda mod ma jista’ jtaffi l-impatt tal-importazzjonijiet mir-RPĊ li huma l-oġġett ta’ dumping u li b’mod kostanti kienu qed jitwettqu bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk tal-Unjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dan kien qed iseħħ b’rata relattivament stabbli minkejja t-tibdiliet fis-suq, bħal pereżempju żieda jew tnaqqis fil-konsum jew fit-tibdil fil-prezzijiet tal-materja prima.

    (95)

    Argument simili ġie ppreżentat fir-rigward tan-nuqqas allegat ta’ rabta bejn iċ-ċifri tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni u l-iżvilupp tas-sehem tagħha mis-suq. Fil-fatt, pereżempju, il-livelli ta’ profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ttejbu temporanjament mill-2006 għall-2007 minkejja t-tnaqqis li kien hemm fis-sehem tagħha mis-suq. Dan kien, sa ċertu punt, dovut għall-kundizzjonijiet imtejba fis-suq tal-Unjoni fis-sena 2007 (ara ż-żieda ta’ 6 % fil-konsum tal-Unjoni msemmija fil-premessa (60) ta’ hawn fuq). Aktar importanti, però, huwa l-fatt li fis-snin 2006 u 2007, l-industrija tal-Unjoni ffukat fuq ir-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni tagħha bis-saħħa ta’ tnaqqis fl-ispejjeż tal-manifattura, u dan l-isforz ħalla wkoll impatt fuq il-livelli tagħha ta’ profittabbiltà. Bħala eżempju ieħor wieħed jista’ jsemmi l-fatt li bejn l-2008 u l-PI, kien hemm żieda żgħira fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni filwaqt li l-profittabbiltà tagħha waqgħet u rreġistrat telf gravi ta’ 15 %. Madankollu, tul l-istess perjodu, l-importazzjonijiet mir-RPĊ li huma l-oġġett ta’ dumping irnexxielhom iżidu s-sehem tagħhom mis-suq filwaqt li fil-parti l-kbira tagħhom baqgħu jsiru bi prezzijiet tal-bejgħ inqas milli kien hawn fl-Unjoni. Dan wassal għat-telf kbir li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, iż-żewġ każijiet juru li indikatur separat wieħed jew tnejn ma jistgħux jiġu kkunsidrati weħidhom meta wieħed ikejjel l-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni.

    (96)

    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, qed jiġi konkluż b’mod provviżorju li l-importazzjonijiet bi prezz baxx mir-RPĊ li huma l-oġġett ta’ dumping, li daħlu fis-suq tal-Unjoni b’volumi kbar, li qed jiżdiedu b’mod kostanti u li matul il-perjodu kkunsidrat kollu kienu qed jitwettqu bi prezzijiet sinifikantement inqas minn dawk tal-industrija tal-Unjoni, ħallew impatt konsiderevolment negattiv fuq il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

    3.   L-effett ta’ fatturi oħra

    3.1.   L-importazzjoni minn pajjiżi terzi

    (97)

    Matul il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra kienet limitata. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi oħra għajr ir-RPĊ tnaqqas b’2 punti perċentwali, minn 17 % għal 15 %. It-tieni l-akbar sors ta’ importazzjoni, in-Norveġja, kellu sehem mis-suq ta’ 3,3 % matul il-PI. It-Turkija kellha sehem mis-suq ta’ 2,5 % matul il-PI, u r-raba’ l-akbar sors ta’ importazzjoni, l-Istati Uniti, kellu sehem mis-suq ta’ inqas minn 2 % matul il-PI.

    Tabella 17

    L-importazzjoni minn pajjiżi oħra

    Pajjiż

     

    2006

    2007

    2008

    PI

    In-Norveġja

    Volum (tunnellati)

    34 990

    28 834

    35 410

    24 993

    Sehem mis-suq (%)

    3,6  %

    2,8  %

    3,4  %

    3,3  %

    Prezz medju (EUR)

    1 254

    1 412

    1 360

    1 256

    It-Turkija

    Volum (tunnellati)

    28 981

    25 035

    20 658

    18 874

    Sehem mis-suq (%)

    2,9  %

    2,4  %

    2,0  %

    2,5  %

    Prezz medju (EUR)

    1 097

    1 155

    1 202

    1 077

    L-Istati Uniti

    Volum (tunnellati)

    22 921

    24 246

    20 447

    13 569

    Sehem mis-suq (%)

    2,3  %

    2,3  %

    2,0  %

    1,8  %

    Prezz medju (EUR)

    2 309

    2 101

    2 506

    2 615

    Il-Malasja

    Volum (tunnellati)

    9 541

    25 569

    35 200

    12 601

    Sehem mis-suq (%)

    1,0  %

    2,5  %

    3,4  %

    1,7  %

    Prezz medju (EUR)

    979

    1 019

    1 022

    1 025

    It-Tajwan

    Volum (tunnellati)

    19 318

    18 150

    14 655

    11 285

    Sehem mis-suq (%)

    2,0  %

    1,7  %

    1,4  %

    1,5  %

    Prezz medju (EUR)

    1 193

    1 146

    1 069

    975

    L-Indja

    Volum (tunnellati)

    4 365

    11 231

    3 757

    5 361

    Sehem mis-suq (%)

    0,4  %

    1,1  %

    0,4  %

    0,7  %

    Prezz medju (EUR)

    1 308

    1 232

    1 315

    1 240

    Ir-Repubblika tal-Korea

    Volum (tunnellati)

    7 959

    5 974

    13 934

    5 116

    Sehem mis-suq (%)

    0,8  %

    0,6  %

    1,3  %

    0,7  %

    Prezz medju (EUR)

    1 430

    1 607

    894

    1 004

    Il-Ġappun

    Volum (tunnellati)

    21 671

    10 727

    11 174

    4 609

    Sehem mis-suq (%)

    2,2  %

    1,0  %

    1,1  %

    0,6  %

    Prezz medju (EUR)

    1 197

    1 315

    1 401

    1 804

    Il-Messiku

    Volum (tunnellati)

    4 894

    9 713

    7 226

    3 689

    Sehem mis-suq (%)

    0,5  %

    0,9  %

    0,7  %

    0,5  %

    Prezz medju (EUR)

    1 488

    1 204

    1 289

    1 359

    Il-Kanada

    Volum (tunnellati)

    4 136

    3 309

    2 196

    2 244

    Sehem mis-suq (%)

    0,4  %

    0,3  %

    0,2  %

    0,3  %

    Prezz medju (EUR)

    1 303

    2 025

    1 761

    2 146

    Pajjiżi oħra

    Volum (tunnellati)

    8 954

    14 848

    8 519

    9 227

    Sehem mis-suq (%)

    0,9  %

    1,4  %

    0,8  %

    1,2  %

    Prezz medju (EUR)

    1 517

    1 527

    1 891

    1 615

    (98)

    Kif diġà ġie spjegat fil-qosor fil-premessa (63), it-Tabella ta’ hawn fuq, li hija bbażata fuq dejta tal-Ewrostat, turi wkoll li l-livelli medji tal-prezzijiet fil-fruntiera tal-Unjoni ta’ importazzjonijiet oħra huma ħafna ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ. Mill-paragun bejn dawn il-prezzijiet tal-Ewrostat u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, kif irrappurtati fil-premessa (74) ta’ hawn fuq, deher li matul il-PI, l-importazzjonijiet mit-Turkija kienu qed jitwettqu bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, fil-PI, l-importazzjonijiet mit-Turkija rrappreżentaw sehem mis-suq ta’ 2,5 % biss, jiġifieri inqas mis-sehem tagħhom mis-suq fl-2006. Barra minn hekk, il-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet, b’mod kostanti, kienu fil-parti l-kbira minnhom ogħla mil-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, jiġifieri kienu jaqbżu lil dawn tal-aħħar b’ammont li jvarja minn 14 % sa 23 %. Jidher li anki l-importazzjonijiet mill-Malasja, it-Tajwan, u r-Repubblika tal-Korea ma jilħqux il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, iżda s-sehem tagħhom mis-suq huwa limitat u saħansitra qed jonqos. Għaldaqstant, ma tqiesx li importazzjonijiet mit-Turkija, il-Malasja, it-Tajwan u r-Repubblika tal-Korea, jew minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor, kellhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, hija raġonevoli l-konklużjoni provviżorja li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra ma kkanċellawx ir-rabta kawżali bejn is-sejba ta’ dumping u d-dannu materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

    3.2.   L-impatt tal-kriżi ekonomika

    (99)

    Diversi partijiet sostnew li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-kriżi ekonomika li kienet irriżultat f’waqgħa f’daqqa tad-domanda.

    (100)

    Fil-fatt, kif imsemmi fil-premessa (60) ta’ hawn fuq, wieħed seta’ josserva waqgħa qawwija fil-konsum tal-Unjoni bejn l-2008 u l-PI. Dan it-tnaqqis ammonta għal 28 %, u huwa rrikonoxxut li huwa kkawżat mill-kriżi ekonomika li laqtet lill-Unjoni matul dak il-perjodu. Il-parti l-kbira tas-setturi li jużaw prodotti li fihom il-prodott taħt l-investigazzjoni (l-industrija tal-karozzi, l-enerġija mir-riħ, il-kostruzzjoni, eċċ.) kienu affettwati serjament mill-kriżi, u fil-bidu tal-katina, dan wassal għal tnaqqis fid-domanda għal fibri tal-ħġieġ.

    (101)

    Madankollu, l-effett negattiv tat-tnaqqis ekonomiku u tat-tiċkin tad-domanda tqawwa miż-żieda fil-importazzjonijiet mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping u li kienu qed isiru bi prezzijiet sinifikantement inqas minn dawk tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, anki jekk it-tnaqqis ekonomiku jista’ jitqies li qed jikkontribwixxi lejn id-dannu mġarrab matul il-PI, dan il-fatt bl-ebda mod ma jista’ jnaqqas l-effetti dannużi tal-ħsara kkawżata matul il-perjodu kkunsidrat kollu mill-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi fis-suq tal-Unjoni mir-RPĊ li huma l-oġġett ta’ dumping. Saħansitra f’sitwazzjoni ta’ tnaqqis fil-bejgħ, l-industrija tal-Unjoni setgħet tkun kapaċi żżomm livell aċċettabbli ta’ volumi u prezzijiet u b’hekk tillimita l-effetti negattivi ta’ tnaqqis fil-konsum. Madankollu, dan kien ikun possibbli biss fl-assenza tal-kompetizzjoni inġusta mill-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi fis-suq li huma l-oġġett ta’ dumping. Barra minn hekk, l-impatt tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-PI li kienu l-oġġett ta’ dumping u li fil-parti l-kbira tagħhom kienu qed jitwettqu bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni jista’ jitqies saħansitra aktar dannuż waqt perjodu ta’ kriżi ekonomika.

    (102)

    Fid-dawl taċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq, it-tnaqqis ekonomiku ma jistax jitqies bħala kawża possibbli li tista’ tikkanċella r-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping.

    3.3.   L-evoluzzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi u l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni

    (103)

    Ċerti partijiet interessati sostnew li ma kien hemm l-ebda rabta bejn l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping u l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni ladarba din tal-aħħar laħqet l-ogħla rati tagħha ta’ profittabbiltà fis-snin meta l-importazzjonijiet mir-RPĊ tal-prodott ikkonċernat kienu fl-aqwa tagħhom u wriet l-agħar prestazzjoni tagħha meta l-importazzjonijiet mir-RPĊ niżlu għall-aktar livell baxx tagħhom tul il-perjodu kkunsidrat.

    (104)

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi nnutat li minħabba l-karattru globali tal-kriżi, l-iżvilupp tal-konsum, u b’mod partikolari t-tnaqqis ekonomiku matul il-PI, bla dubju ta’ xejn kellu effett kemm fuq il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u kemm fuq il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

    (105)

    Madankollu, kif diġà ntqal hawn fuq, fil-PI, jiġifieri matul it-tnaqqis ekonomiku, l-importazzjonijiet mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping fil-parti l-kbira tagħhom kienu qed isiru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Dan ġie aggravat mill-fatt li l-produtturi esportaturi mir-RPĊ, saħansitra f’perjodu ta’ tnaqqis ekonomiku rnexxielhom iżidu ftit aktar is-sehem tagħhom mis-suq filwaqt li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet telf gravi peress li ma kinitx f’pożizzjoni tbigħ bi prezzijiet li kienu aktar ta’ ġid għaliha.

    (106)

    Fil-fatt, jista’ jitqies li l-bejgħ imsemmi bi prezzijiet aktar baxxi, flimkien maż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ li huma l-oġġett ta’ dumping, ikkawża dannu saħansitra akbar lill-industrija tal-Unjoni milli dak li kien ikun ikkawżat f’perjodu mingħajr il-volatilità fil-konsum li tnaqqis ekonomiku jaf joħloq.

    (107)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, bl-ebda mod ma jista’ jiġi konkluż li l-paragun bejn ix-xejriet sempliċi tal-volumi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping u l-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni jista’ jiġi interpretat bħala fattur li jikkanċella r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

    3.4.   Tnaqqis fil-bejgħ li sar mill-industrija tal-Unjoni għal skopijiet ta’ esportazzjoni u/jew għal użu vinkolanti

    (108)

    Minn ċerti partijiet interessati ġie allegat li d-deterjorament tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ġie kkawżat aktar mit-tnaqqis tal-bejgħ għal skopijiet ta’ esportazzjoni jew mit-tnaqqis tal-produzzjoni għal użu vinkolanti milli mit-tnaqqis tal-bejgħ tagħha fi ħdan l-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett wieħed għandu jiftakar li, bl-eċċezzjoni tal-volumi tal-bejgħ, l-indikaturi kollha tad-dannu, inkluża l-profittabbiltà, ġew ivvalutati abbażi tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni lil partijiet mhux relatati. Fi kliem ieħor, kemm il-bejgħ għal skopijiet ta’ esportazzjoni u kemm il-bejgħ għal użu vinkolanti ġew esklużi minn dak il-kalkolu. It-tieni, huwa minnu li l-volumi tal-bejgħ għal skopijiet ta’ esportazzjoni tnaqqsu b’pass naqra aktar mgħaġġel mill-bejgħ fi ħdan l-Unjoni, iżda dan ma japplikax fil-każ tal-produzzjoni maħsuba għal użu vinkolanti, li matul il-perjodu kkunsidrat kollu, irrappreżentat bejn 22,4 % u 24,4 % tal-bejgħ totali fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza limitata tal-bejgħ għal skopijiet ta’ esportazzjoni meta mqabbel mal-bejgħ li sar mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-UE (kien qed ivarja bejn 10 % u 14 % tul il-perjodu kkunsidrat kollu), dan il-bejgħ ma jistax jitqies bħala sinifikanti fis-sens li jkun jista’ jqiegħed f’dubju r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan l-argument qed jiġi eliminat.

    3.5.   Iż-żieda fil-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni u fl-ispejjeż tal-produzzjoni

    (109)

    Waħda mill-partijiet interessati qajmet l-argument li d-deterjorament tal-qagħda tal-industrija tal-Unjoni Ewropea kien dovut għal deċiżjoni żbaljata favur żieda fil-kapaċitajiet. F’dan ir-rigward, għandu jissemma l-ewwel li għal ċertu ammont ta’ snin, is-suq tal-fibri tal-ħġieġ kien suq li kien qed jikber u li f’sitwazzjoni ta’ żieda fil-konsum, id-deċiżjoni favur tkabbir tal-kapaċità ta’ ċerti impjanti ma tistax titqies bħala ppjanar tan-negozju mhux raġonevoli. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li fl-intier tagħha, fir-realtà, il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni naqset matul il-perjodu kkunsidrat (ara l-premessa (68) ta’ hawn fuq).

    (110)

    F’kull każ, ta’ min wieħed jinnota li l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tnaqqas l-ispiża tal-materja prima ewlenija għal kull unità minkejja ż-żieda li kien hemm fil-prezzijiet tax-xiri tal-materja prima matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 18

    L-ispejjeż tal-materja prima inġenerali u għal kull unità prodotta tal-fibri tal-ħġieġ

     

    2006

    2007

    2008

    PI

    Prezz/tunnellata materja prima (*)

    100

    106

    104

    102

    L-ispejjeż tal-materja prima/tunnellata fibri tal-ħġieġ (*)

    100

    99

    97

    94

    (111)

    L-iżvilupp muri hawn fuq tal-ispejjeż tal-materja prima għal kull unità mmanifatturata tal-fibri tal-ħtieġ kien dovut għal investimenti mmirati għal żieda fl-effiċjenza u l-kompetittività. Fil-fatt, matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni implimentat diversi miżuri għat-tisħiħ u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċessi u l-ispejjeż tal-produzzjoni.

    (112)

    Fejn jidħlu l-ispejjeż tax-xogħol, kif diġà ntqal fil-premessi minn (75) sa (77) ta’ hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni naqqset in-numru tal-impjegati tagħha b’20 % matul il-perjodu kkunsidrat filwaqt li l-paga medja hija mnaqqsa saħansitra jekk wieħed ma jeskludix l-impatt ta’ kumpensi mdaqqsa għat-terminazzjoni tal-impjieg.

    (113)

    Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-argument li jsostni li d-deterjorament fil-qagħda tal-industrija tal-Unjoni fir-realtà kien ikkawżat mill-ispejjeż miżjuda tal-produzzjoni, possibbilment dovuti għal nuqqas ta’ effiċjenza jew spejjeż għoljin tax-xogħol, qed jiġi eliminat.

    3.6.   Il-kompetittività tal-importazzjonijiet mir-RPĊ li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu kkawżat lilhom infushom minn produtturi Ċiniżi relatati magħhom

    (114)

    Ġie sostnut li d-dannu aktar ġie kkawżat mill-iskala ta’ produzzjoni u t-teknoloġija moderna applikata mill-esportaturi Ċiniżi milli mid-dumping tal-prodott taħt l-investigazzjoni. Fir-realtà, kollox ma’ kollox, jista’ jintwera li anki l-produtturi tal-Unjoni għandhom produzzjoni fuq skala kbira kif ukoll proċessi avvanzati ta’ produzzjoni.

    (115)

    Parti interessata stqarret li jista’ jkun li l-industrija tal-Unjoni kkawżat dannu lilha nnifisha permezz tal-importazzjoni mill-produtturi Ċiniżi relatati magħha. F’dan il-kuntest għandu jiġi nnutat li, kif intqal fil-premessa (58) ta’ hawn fuq, il-volum ta’ tali importazzjonijiet kien limitat ħafna f’relazzjoni kemm mal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u kemm mal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ.

    (116)

    Għaldaqstant, la n-nuqqas ta’ kompetittività u lanqas l-importazzjoni minn produtturi Ċiniżi relatati ma jistgħu jitqiesu bħala fattur li jikkanċella r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mir-RPĊ li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu stabbilit.

    4.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

    (117)

    Bħala konklużjoni, l-analiżi ta’ hawn fuq uriet li tul il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjoni ta’ fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ żdiedet sostanzjalment fir-rigward tal-kwantitajiet u kkawżat erożjoni gradwali tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kwantitajiet miżjuda li daħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping, kienu kkaratterizzati minn differenza serja mill-prezzijiet ogħla minnhom tal-industrija tal-Unjoni u b’hekk ma ħallewhiex tgħaddi lill-konsumaturi ż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima. Minkejja li għal ċertu perjodu ta’ żmien, l-industrija tal-Unjoni kienet f’pożizzjoni tikkumpensa l-effetti negattivi ta’ din il-pressjoni bi qligħ mill-operat milħuq bis-saħħa tal-effiċjenza, dan ma kienx possibbli iżjed meta l-kriżi ekonomika naqqset sostanzjalment il-livell tad-domanda.

    (118)

    Ġew analizzati wkoll fatturi oħra li setgħu jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, instab li l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, l-impatt tal-kriżi ekonomika, l-żvilupp tal-bejgħ l-ieħor magħmul mill-industrija tal-Unjoni, u fatturi oħra, inklużi dawk imsemmija fil-premessi minn (97) sa (116) ta’ hawn fuq, ma jidhrux ta’ tali natura li jħassru r-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

    (119)

    Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, li ddistingwiet kif xieraq bejn il-fatturi kollha magħrufa li jħallu effett fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni u sseparat l-impatt tagħhom mill-effett dannuż tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, qed jiġi konkluż b’mod provviżorju li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

    (120)

    F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar id-dumping, id-dannu u l-kawżalità, kinux jeżistu raġunijiet kostrinġenti li jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f’dan il-każ partikolari. Għal dan l-iskop u f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni qieset l-impatt mistenni tal-miżuri possibbli fuq il-partijiet kollha involuti kif ukoll il-konsegwenzi mistennija fil-każ li ma jittiħdux miżuri.

    (121)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil importaturi indipendenti u utenti. Bħala total, intbagħtu 60 kwestjonarju. Eventwalment, żewġ importaturi u 13-il utent ppreżentaw kwestjonarju mwieġeb fil-limiti ta’ żmien stabbiliti. B’żieda ma’ dan, matul il-proċediment, diversi importaturi u utenti esprimew fehmithom permezz ta’ ittri billi oġġezzjonaw għal kwalunkwe miżuri possibbli f’dan il-każ.

    1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

    (122)

    Kif indikat fil-premessa (56), il-prodott simili kien qed jiġi mmanifatturat minn 11-il produttur fl-Unjoni. It-tmien ilmentaturi kienu jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-produzzjoni tal-Unjoni; tnejn oħra appoġġjaw l-ilment filwaqt li l-11-il kumpanija la appoġġjatu u lanqas opponietu.

    (123)

    It-tliet kumpaniji tal-kampjun, li kienu jikkorrispondu għal madwar 60 % tal-produzzjoni tal-Unjoni, kienu jimpjegaw 3 300 persuna direttament involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ u fl-amministrazzjoni tal-prodott simili. Ta’ min wieħed ifakkar li l-indikaturi tad-dannu wrew xejra ġeneralment negattiva u li, b’mod partikolari, l-indikaturi tad-dannu relatati mas-sehem mis-suq u l-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni, bħalma huma l-profittabbiltà, ir-redditu fuq l-investiment u l-likwidità, kienu affettwati serjament. Partikolarment matul il-perjodu kkunsidrat, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni mill-livell diġà baxx ħafna ta’ 0,3 % niżlet għal – 15,0 % filwaqt li s-sehem tagħha mis-suq naqas b’5,6 punti perċentwali.

    (124)

    Jekk ikunu imposti miżuri, huwa mistenni li t-tnaqqis tal-prezzijiet u t-telf tas-sehem mis-suq se jaslu fi tmiemhom u li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni se jibdew jirkupraw u se jaslu biex itejbu b’mod sinifikanti l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

    (125)

    Min-naħa l-oħra, huwa probabbli li l-qagħda tas-suq u dik finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni se tkompli tiħżien fil-każ li ma jiġux imposti miżuri anti-dumping. F’xenarju bħal dan, huwa mistenni li l-industrija tal-Unjoni se titlef aktar mis-sehem mis-suq u mhux se tkun f’pożizzjoni iżjed li timxi mal-prezzijiet tas-suq stabbiliti mill-importazzjonijiet mir-RPĊ. L-effett ta’ dan x’aktarx ikun aktar tnaqqis fil-produzzjoni u fl-investimenti u l-għeluq ta’ aktar faċilitajiet ta’ produzzjoni fl-Unjoni, u dan jirriżulta fit-telf ta’ammont kbir ta’ impjiegi.

    (126)

    Għal din ir-raġuni qed jiġi konkluż b’mod provviżorju li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping tkun ċarament fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

    2.   L-interess tal-importaturi mhux relatati fl-Unjoni

    (127)

    Bħalma ġie indikat hawn fuq, ma ttiħidx kampjun fil-każ tal-importaturi mhux relatati, u żewġ importaturi mhux relatati kkoperaw bis-sħiħ f’din l-investigazzjoni billi ppreżentaw kwestjonarju mwieġeb. Parti żgħira biss mill-fatturat ta’ dawn iż-żewġ importaturi (7 % u 25 % rispettivament) kienet iġġenerata permezz tal-attivitajiet tagħhom b’rabta mal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ. It-tnejn opponew l-impożizzjoni eventwali ta’ miżuri anti-dumping billi qiesu li din setgħet twassal għal waqfien tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ.

    (128)

    Iżda l-importazzjonijiet iddikjarati minn dawn iż-żewġ importaturi rrappreżentaw proporzjon żgħir ħafna mit-total tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fil-PI (inqas minn 1 %). L-ebda importaturi oħra ma kkoperaw billi ppreżentaw kwestjonarju mwieġeb jew kummenti ssostanzjati. Abbażi ta’ dan, qed jiġi konkluż b’mod provviżorju li l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji mhux se tħalli effetti negattivi fi grad sinifikanti fuq l-interess tal-importaturi tal-UE.

    3.   L-interess tal-utenti

    (129)

    Il-fibri tal-ħġieġ tal-filament li huma suġġetti għal dan il-proċediment qed jintużaw għal għadd kbir ta’ applikazzjonijiet. Intlaħqet koperazzjoni mil-lat tal-gruppi li ġejjin ta’ utenti: nissieġa (kemm ta’ tessuti avvanzati għall-ispeċjalisti u kemm ta’ tessuti aktar standard, pereżempju għat-turbini tar-riħ, it-trasport bil-baħar, l-ajruspazju, u applikazzjonijiet infrastrutturali); produtturi ta’ inforor; manifatturi ta’ materjali komposti użati, fost oħrajn, mill-industrija tal-karozzi; produtturi ta’ prodotti nofshom lesti jew prodotti finali magħmula minn materjali komposti.

    (130)

    Il-volumi tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ li jinxtraw mill-utenti li kienu f’koperazzjoni jirrappreżentaw madwar 20 % tal-importazzjonijiet ta’ fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ matul il-PI. Barra minn hekk, l-informazzjoni ppreżentata permezz tal-kwestjonarju turi li l-industrija tal-utenti tal-Unjoni timpjega numru sinifikanti ta’ persuni. Għalkemm f’dan ir-rigward, f’dan l-istadju, ma tressqitx dejta komprensiva u ssostanzjata, wieħed jista’ jikkalkula, b’mod provviżorju, li n-numru ta’ persuni li jaħdmu mal-industrija downstream tal-UE jammonta għal 50 000 – 75 000, abbażi tal-informazzjoni inkluża fir-risposti għall-kwestjonarju. Fuq l-istess bażi, wieħed jista’ jikkalkula li l-impjiegi tat-taqsimiet ta’ dawk il-kumpaniji li jużaw fibri tal-ħġieġ u li matul il-PI użaw fibri tal-ħġieġ miċ-Ċina jammontaw għal madwar 27 000.

    (131)

    Il-parti l-kbira tal-utenti li kienu f’koperazzjoni rrappurtaw li jixtru fibri tal-ħġieġ kemm minn sorsi Ċiniżi u kemm minn sorsi oħra, inklużi produtturi Ewropej. Ftit biss minnhom kienu jixtru l-fibri tagħhom tal-ħġieġ esklussivament mir-RPĊ. Dan is-settur fih mhux biss firxa wiesgħa ta’ attivitajiet tal-industrija downstream, iżda d-daqs ta’ dawn il-kumpaniji jista’ wkoll ivarja b’mod sinifikanti – u xi wħud minnhom jiffurmaw parti minn gruppi akbar ta’ kumpaniji li joperaw internazzjonalment filwaqt li oħrajn huma għalkollox indipendenti.

    3.1.   L-impatti possibbli tal-miżuri fuq il-profittabbiltà tal-utenti

    (132)

    Mir-risposti għall-kwestjonarju jidher li l-industrija tal-utenti tal-fibri tal-ħġieġ tinsab fi stat relattivament b’saħħtu. Fil-fatt, il-parti l-kbira tal-utenti koperanti rrappurtaw qligħ mill-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodotti tagħhom li fihom il-prodott taħt l-investigazzjoni għall-perjodu kkunsidrat kollu, inkluża l-PI. Madankollu, għadd żgħir ta’ utenti rrappurtaw telf minn din l-attività tul il-PI għalkemm il-qligħ ta’ diversi kumpaniji oħrajn kien tal-livell ta’ bejn 5 % u 10 %.

    (133)

    Ġeneralment, l-ispejjeż tax-xiri tal-fibri tal-ħġieġ jirrappreżentaw parti sinifikanti mill-ispejjeż tal-manifattura tal-prodotti tal-industrija tal-utenti. Skont id-dejta rrappurtata, dan il-porzjon jista’ jvarja bejn 10 % u aktar minn 50 %, skont il-prodott immanifatturat minnhom. Għaldaqstant, għal ċerti utenti, żieda fl-ispejjeż tax-xiri tal-fibri tal-ħġieġ miċ-Ċina jista’ jkollha impatt konsiderevoli fuq l-ispejjeż.

    (134)

    Skont l-informazzjoni inkluża fir-risposti tal-utenti koperanti għall-kwestjonarju, bħala medja, l-impatt possibbli, fuq il-qligħ, tal-miżuri anti-dumping jista’ jiġi stmat madwar 1 % tal-fatturat ta’ dawk it-taqsimiet tal-kumpaniji utenti li jużaw fibri tal-ħġieġ, iżda inqas minn 0,5 % tal-fatturat tal-kumpaniji b’taqsimiet li jużaw fibri tal-ħġieġ fl-intier tagħhom. Fi kliem ieħor, il-profittabbiltà ta’ taqsima li tuża fibri tal-ħġieġ, u ta’ kumpanija sħiħa, kienet tkun affettwata, bħala medja, b’madwar punt perċentwali u inqas minn nofs punt perċentwali rispettivament.

    (135)

    Ta’ min wieħed jinnota però li fil-każijiet ta’ ċerti kumpaniji utenti, l-impatt imsemmi hawn fuq jista’ jkun akbar, sa madwar 5 % tal-fatturat tal-kumpanija. Fid-dawl tal-livelli ta’ qligħ ta’ ċerti utenti u s-sehem tal-fibri tal-ħġieġ mill-ispejjeż tagħhom tal-produzzjoni, ma jistax jiġi eskluż li l-profittabbiltà tagħhom tista’ tkun affettwata minn żieda qawwija fil-prezz tal-fibri tal-ħġieġ sakemm tali żieda ma tkunx tista’ tiġi trasferita lill-klijenti jew kollha kemm hi jew mill-inqas parti kbira minnha.

    (136)

    Kollox ma’ kollox, jista’ jiġi konkluż b’mod provviżorju li, filwaqt li jista’ jkun li xi kumpaniji utenti jkunu affettwati aktar mill-impatt possibbli tal-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping, l-impatt fuq utenti oħra x’aktarx se jkun wieħed moderat.

    3.2.   Nuqqas ta’ interkambjabbiltà

    (137)

    Ġie sostnut minn diversi utenti li ħafna mill-fibri tal-ħtieġ neċessarji għall-industriji tal-utenti ma jistgħux jinxtraw bil-lest. Minflok, jeħtieġ li l-fornituri jgħaddu minn proċess ta’ kwalifikazzjoni fit-tul u kkumplikat, li jista’ jdum bejn sitt xhur u 12-il xahar, mingħajr garanzija ta’ suċċess. Għaldaqstant, li wieħed ibiddel fornitur bil-għan li jevita l-ħlas ta’ dazji anti-dumping kien ikun kostuż, impossibbli fuq medda qasira ta’ żmien, u riskjuż mill-aspett teknoloġiku.

    (138)

    F’dan ir-rigward, huwa rrikonoxxut li f’applikazzjonijiet partikolari, il-karatteristiċi tal-prodott taħt l-investigazzjoni jista’ jkun li jwasslu għal proċess ta’ kwalifikazzjoni fit-tul li jinkludi t-testjar. Madankollu, fid-dawl anki tal-kummenti li waslu mingħand diversi utenti, jidher li fil-parti l-kbira tal-każijiet huma disponibbli sorsi multipli. Ta’ min wieħed jiftakar li l-miżuri anti-dumping mhumiex intiżi biex iċaħħdu ċerti fornituri mill-aċċess għas-suq tal-Unjoni ladarba kwalunkwe miżura hija maħsuba biss sabiex treġġa’ lura l-kummerċ ġust u biex tikkorieġi sitwazzjoni ta’ tagħwiġ li hemm fis-suq.

    (139)

    Għaldaqstant, qed jiġi konkluż b’mod provviżorju li l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-fibri tal-ħġieġ miċ-Ċina x’aktarx mhux se tirriżulta ħlief f’waqfien temporanju tal-provvista ta’ materjal mhux maħdum lill-industrija tal-utenti.

    3.3.   Nuqqas ta’ possibbiltà li wieħed jgħaddi lill-konsumatur iż-żidiet fil-prezzijiet u żieda fil-kompetizzjoni minn prodotti downstream minn pajjiżi mhux membri tal-UE

    (140)

    Diversi utenti ressqu l-kumment li ma kinux ikunu f’pożizzjoni jgħaddu lill-konsumaturi tal-prodotti tagħhom iż-żidiet fil-prezzijiet tal-fibri tal-ħġieġ. Dawn l-utenti semmew li kien hemm kompetizzjoni ħarxa fis-swieq tal-prodotti tagħhom u li l-klijenti tagħhom kienu jibdlu l-fornitur faċilment kieku huma jżidu l-prezzijiet.

    (141)

    Minħabba d-diversità tal-kumpaniji tal-utenti huwa diffiċli biex wieħed jivvaluta b’mod ġenerali l-possibbiltà tal-utenti li jgħaddu lill-klijenti tagħhom żidiet potenzjali fil-prezzijiet tax-xiri. Madankollu, abbażi tad-dejta inkluża fir-risposti tal-utenti għall-kwestjonarju, wieħed jista’ jassumi li anki fil-każ li ċertu utent individwali ma jkunx jista’ jgħaddi lill-klijenti porzjon kbir miż-żieda fil-prezzijiet tax-xiri li jkun ġarrab hu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dan se jaffettwa l-fatturat u l-profittabbiltà tiegħu b’mod limitat biss.

    (142)

    Fejn tidħol il-kompetizzjoni, diversi utenti esprimew ukoll it-tħassib tagħhom dwar il-fatt li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping kienet se twassal għal żieda fil-kompetizzjoni fis-suq downstream mingħand il-fornituri mill-pajjiżi mhux membri tal-UE peress li l-prodotti downstream ma jkunu suġġetti għall-ebda miżuri protettivi, u l-bidla fl-importazzjonijiet mir-RPĊ mill-fibri tal-ħġieġ għal prodotti downstream bħalma huma l-materjali komposti, it-tessuti u l-paletti komposti għat-turbini tar-riħ. Fil-fatt, fejn tidħol ir-RPĊ, tressaq il-kumment li kien hemm diġà kompetizzjoni mir-RPĊ f’ħafna minn dawn is-swieq u li kien loġikament mistenni li l-kompetizzjoni se tiżdied bis-saħħa tal-impożizzjoni ta’ miżuri kontra l-fibri tal-ħġieġ. B’hekk, skont l-argument imqajjem, l-industrija tal-utenti mhux biss ikollha tħallas prezzijiet ogħla għall-fibri tagħha tal-ħġieġ, iżda jkollha tiffaċċja wkoll żieda fil-kompetizzjoni. Skont l-istess argument, f’ambjent kummerċjali bħal dan, ma kienx ikun possibbli li wieħed jgħaddi lill-konsumaturi parti sinifikanti minn kwalunkwe żieda fil-prezzijiet.

    (143)

    F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed jinnota li l-fatt li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping tista’ twassal għal aktar kompetizzjoni ma jistax jitqies bħala raġuni kontra l-impożizzjoni ta’ tali miżuri, jekk ikunu ġustifikati. L-industrija Ewropea tal-utenti tal-fibri tal-ħġieġ tgawdi mill-istess drittijiet bħall-industrija tal-manifattura tal-fibri tal-ħġieġ u għandha kull dritt tirrikorri għal-liġi tal-kummerċ tal-UE u titlob investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-prodotti tagħha jekk ikollha interess ġuridiku u tkun f’pożizzjoni tippreżenta evidenza prima facie dwar dumping dannuż.

    (144)

    Għaldaqstant, l-argument ta’ hawn fuq dwar żieda potenzjali fil-kompetizzjoni minn prodotti downstream minn pajjiżi mhux membri tal-UE ma jistax jiġġustifika nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping.

    3.4.   Nuqqas ta’ provvisti

    (145)

    Diversi utenti ppreżentaw l-argument li wara l-PI, kien hemm diġà nuqqas ta’ provvista fis-suq tal-Unjoni u li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping kieku taggrava s-sitwazzjoni peress li kienet twassal għal tnaqqis fl-importazzjonijiet mir-RPĊ filwaqt li dawn l-importazzjonijiet huma meħtieġa fid-dawl dad-domanda qawwija u dejjem tikber.

    (146)

    L-ilmentaturi għarfu li kien hemm ċerta diffikultà biex wieħed isib provvisti ta’ ċerti gruppi ta’ prodotti mmanifatturati mill-industrija tal-Unjoni, iżda huma qisuha temporanja u dovuta għal nuqqas ta’ ħażniet b’riżultat tal-irkupru tas-suq wara l-kriżi ekonomika. Ippreżentaw ukoll l-argument li, kieku jerġgħu jmorru lura għal-livelli b’saħħithom ta’ profittabbiltà, kieku l-industrija tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni tiffaċċja ż-żieda mbassra fid-domanda mil-lat tal-industriji downstream tal-UE, b’mod partikolari bl-użu tal-kapaċitajiet mhux utilizzati tagħha, li jistgħu jerġgħu jibdew jiġu utilizzati faċilment, ta’ aktar titjib fit-teknoloġija u ta’ bini mill-ġdid ta’ kalkari.

    (147)

    F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed l-ewwel jinnota li l-għan tal-miżuri anti-dumping huwa li jinstab rimedju għall-prattiki inġusti tal-kummerċ li jħallu effett dannuż fuq l-industrija tal-Unjoni kif ukoll li tiġi stabbilita mill-ġdid sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-UE, biex ma tkunx imfixkla l-importazzjoni. Għaldaqstant, minkejja li huwa probabbli ħafna li l-livelli tal-prezzijiet fl-UE tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ se jiżdiedu wara l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping, il-miżuri kif proposti mhumiex tali li se jagħlqu s-suq tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi mir-RPĊ, u b’hekk se jippermettu l-preżenza kontinwa tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ għas-suq tal-Unjoni.

    (148)

    Fejn tidħol il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tissupplimenta kwalunkwe nuqqas potenzjali ta’ provvisti ta’ fibri tal-ħġieġ Ċiniżi, ta’ min wieħed jinnota li l-livell attwali tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni jidher li jiżgura li tista’ tintlaħaq bis-sħiħ id-domanda kollha li hawn fis-suq. Fil-fatt, teoretikament, saħansitra l-ammont totali tal-116 413-il tunnellata ta’ importazzjonijiet ta’ fibri tal-ħġieġ miċ-Ċina li ġew rrekordjati matul il-PI jista’ jiġi ssupplimentat mill-kapaċitajiet mhux utilizzati tal-industrija tal-Unjoni, li ġew stmati li kważi kienu jammontaw għal 200 000 matul il-PI.

    (149)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jista’ jiġi konkluż b’mod provviżorju li l-kwistjoni ta’ nuqqas potenzjali ta’ provvisti tista’ tkun indirizzata permezz ta’ utilizzazzjoni estiża tal-kapaċitajiet tal-industrija tal-Unjoni, permezz ta’ importazzjonijiet oħra kif ukoll permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ li mhumiex l-oġġett ta’ dumping.

    4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

    (150)

    Bħala konklużjoni, huwa mistenni li l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq importazzjonijiet mir-RPĊ tal-prodott ikkonċernat li huma l-oġġett ta’ dumping tipprovdi opportunità lill-industrija tal-Unjoni li ttejjeb il-qagħda tagħha permezz ta’ żieda fil-volumi tal-bejgħ, fil-prezzijiet tal-bejgħ u fis-sehem mis-suq. Filwaqt li jistgħu jseħħu ċerti effetti negattivi f’għamla ta’ żieda fl-ispejjeż ta’ ċerti utenti, dawn x’aktarx ikunu ssuperati mill-benefiċċji mistennija għall-produtturi u għall-fornituri tagħhom.

    (151)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, qed jiġi konkluż b’mod provviżorju li kollox ma’ kollox, ma jeżistux raġunijiet kostrinġenti biex ma jiġux imposti miżuri provviżorji fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ. Madankollu, din il-valutazzjoni preliminari jista’ jkun li titlob analiżi ulterjuri bir-reqqa wara li jitressqu kummenti mill-partijiet interessati.

    G.   MIŻURI ANTI-DUMPING PROVVIŻORJI

    (152)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, u tal-interess tal-Unjoni, ikun xieraq li jiġu imposti miżuri provviżorji fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, bil-għan li jiġi evitat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

    1.   Il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu

    (153)

    Il-miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jiġu imposti f’livell suffiċjenti biex jeliminaw id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni minn dawn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, mingħajr ma jinqabeż il-marġni tad-dumping misjub. Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont ta’ dazju meħtieġ għat-tneħħija tal-effetti tad-dumping dannuż, jitqies li kwalunkwe miżura għandha tippermetti lill-industrija tal-Unjoni tkopri l-ispejjeż tagħha ta’ produzzjoni u, b’mod ġenerali, tikseb tali qligħ ta’ qabel it-taxxa li jista’ jintlaħaq raġonevolment f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

    (154)

    L-industrija tal-Unjoni sostniet li biex ikun iddeterminat il-livell suffiċjenti għal-eliminazzjoni tad-dannu, għandha tintuża mira ta’ qligħ minn 12 % sa 15 %. Madankollu, l-evidenza pprovduta sa issa ma turix b'konvinzjoni li dan il-livell ta’ qligħ huwa l-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata attività kummerċjali vijabbli tal-industrija tal-Unjoni f’dan is-settur ta’ negozju. Fin-nuqqas ta' evidenza soda li ssostni livell ogħla ta' mira ta' qligħ, ġie provviżorjament meqjus li mira ta’ qligħ ta’ 5 % tidher xierqa għad-determinazzjoni tal-livell li jippermetti l-eliminazzjoni tad-dannu.

    (155)

    Fuq din il-bażi, ġie kkalkulat prezz mhux dannuż għall-industrija tal-prodott simili fl-Unjoni. Il-prezz mhux dannuż ġie stabbilit billi tnaqqas il-marġni ta’ qligħ attwali mill-prezz ta’ kif il-prodott joħroġ mill-fabbrika u mal-prezz li ġie kkalkolat biex ma jsirx telf żdiedet il-mira ta’ marġni ta’ qligħ imsemmija hawn fuq.

    (156)

    Bħala riżultat, ġew stabbiliti, b’mod provviżorju, il-livelli ta’ eliminazzjoni tad-dannu li ġejjin:

    Kumpanija

    Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu

    New Changhai Group

    61,4  %

    Kumpaniji oħra li kkoperaw

    104,2  %

    Residwali

    104,2  %

    2.   Miżuri provviżorji

    (157)

    Fid-dawl ta’ dak li ssemma aktar ’il fuq u skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, jitqies li gћandu jiġi impost dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ fil-livell tal-marġni ta’ dumping jew tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu misjub, skont liema wieħed minn dawn tal-aħħar ikun l-aktar baxx, jiġifieri skont ir-regola tal-inqas dazju, u dan fil-każijiet kollha jikkorrispondi għall-marġni ta’ dumping.

    (158)

    Minħabba r-rata għolja ħafna ta’ koperazzjoni fost il-produtturi esportaturi Ċiniżi, ir-rata provviżorja ta’ dazju għall-produtturi esportaturi li kkoperaw u ma ngħatawx trattament jew eżami individwali u għal kwalunkwe produtturi esportaturi li ma kkoperawx hija l-istess. Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati ta’ dazju proposti huma:

    Kumpanija

    Dazju provviżorju

    New Changhai Group

    8,5  %

    Kumpaniji oħra li kkoperaw

    43,6  %

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    43,6  %

    (159)

    Ir-rati ta’ dazju anti-dumping għall-kumpaniji individwali li huma speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti abbażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni preżenti. Għaldaqstant, jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Għal din ir-raġuni, dawn ir-rati ta’ dazju (għall-kuntrarju tad-dazju madwar il-pajjiż kollu applikabbli għall-“bqija tal-kumpaniji”) huma applikabbli esklussivament għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u huma mmanifatturati minn dawn il-kumpaniji, u għalhekk mill-entitajiet ġuridiċi speċifiċi msemmija. Prodotti impurtati li ġew immanifatturati minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament, fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“bqija tal-kumpaniji”.

    (160)

    Kull talba għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju anti-dumping intiżi għall-kumpaniji individwali (pereżempju wara tibdil f’isem l-entità jew wara l-istabbiliment ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ) għandha tiġi indirizzata minnufih lill-Kummissjoni (3), bl-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u mal-bejgħ domestiku u dak maħsub għall-esportazzjoni li jkunu marbuta, pereżempju, ma’ bidla fl-isem jew fl-entitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali.

    (161)

    Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazju anti-dumping, il-livell ta’ dazju għall-bqija tal-kumpaniji m’għandux japplika biss għall-produtturi esportaturi li ma kkoperawx, iżda wkoll għal dawk il-produtturi li ma kinux iwettqu esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-PI.

    H.   DISPOŻIZZJONI FINALI

    (162)

    Fl-interess tal-amministrazzjoni tajba, għandu jiġi ffissat perjodu li matulu l-partijiet interessati li għamlu lilhom infushom magħrufa fiż-żmien speċifikat fl-avviż tal-ftuħ jistgħu jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub jew jitolbu seduta ta’ smigħ. Barra minn hekk, irid jiġi ddikjarat li s-sejbiet fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ dazji gћall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huma provviżorji u jista’ jkun hemm bżonn li jitqiesu mill-ġdid għall-finijiet ta’ kwalunkwe miżura definittiva,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Qed jiġi impost dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjoni ta’ swiegel tal-fibra tal-ħġieġ imqattgħa, ta’ tul ta’ mhux aktar minn 50 mm; fibri mibruma tal-ħġieġ minbarra fibri mibruma tal-ħġieġ li huma miksija u mdakkra u għandhom telf tat-tkebbis ta' aktar minn 3 % (kif determinat mill-ISO Standard 1887); ħjut ta’ fibra tal-ħġieġ tal-filament, minbarra ħjut li huma miksija u mdakkra u għandhom telf tat-tkebbis ta' aktar minn 3 % (kif determinat mill-ISO Standard 1887); u twapet magħmula minn filamenti tal-fibra tal-ħġieġ, minbarra twapet tas-suf tal-ħġieġ li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7019 11 00, 7019 12 00, 7019 19 10 u ex 7019 31 00 (kodiċijiet TARIC 7019310029, 7019120021, 7019120022, 7019120023, 7019120024, 7019120039, 7019191061, 7019191062, 7019191063, 7019191064, 7019191065, 7019191066, 7019191079 u 7019310099) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    2.   Ir-rata ta’ dazju anti-dumping provviżorja applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

    Kumpanija

    Dazju anti-dumping (%)

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Changzhou New Changhai Fiberglass Co., Ltd. u Jiangsu Changzhaiz Composite Materials Holding Co., Ltd., Tangqiao, Yaoguan Town, Changzhou City, Jiangsu

    8,5

    A983

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    43,6

    A999

    3.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, fl-Unjoni, tal-prodott li saret referenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għall-provvediment ta’ garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.

    4.   Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    Bla ħsara għall-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-iżvelar tad-dettalji li hemm wara l-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie adottat dan ir-Regolament, jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u japplikaw sabiex jinstemgħu oralment mill-Kummissjoni, sa xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkummentaw dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Settembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51

    (2)  ĠU C 307, 17.12.2009, p. 39.

    (*)  indiċjati

    (3)  

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

    Id-Direttorat H

    Uffiċċju Nerv - 105

    B-1049 Brussell


    Top