This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0811(02)
Commission Decision of 10 August 2010 setting up the Expert Group on the Internet of Things
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Awwissu 2010 li twaqqaf il-grupp ta’ esperti dwar l-internet tal-oġġetti
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Awwissu 2010 li twaqqaf il-grupp ta’ esperti dwar l-internet tal-oġġetti
ĠU C 217, 11.8.2010, p. 10–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012
11.8.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 217/10 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-10 ta’ Awwissu 2010
li twaqqaf il-grupp ta’ esperti dwar l-internet tal-oġġetti
2010/C 217/08
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “L-Internet tal-Oġġetti – pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Komunikazzjoni”), jeħtieġ li jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu fil-livell Ewropew li jkun jinkludi diversi partijiet interessati biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-tfassil tal-istrateġija li l-UE għandha ssegwi hija u twettaq id-diversi azzjonijiet imsemmija fil-Komunikazzjoni. |
(2) |
Għalhekk jeħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tal-Internet tal-Oġġetti u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu. |
(3) |
Il-grupp għandu jiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet interessati. |
(4) |
Il-grupp għandu jkun magħmul minn organizzazzjonijiet li huma kompetenti fl-oqsma tal-liġi, tal-ekonomija u tat-teknoloġija kif dawn japplikaw għall-internet tal-oġġetti. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu għaqdiet tal-industrija jew tan-negozju, organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni, msieħba internazzjonali, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u s-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet tar-riċerka u akkademiċi, kif ukoll osservaturi mill-Istati Membri tal-UE u minn istituzzjonijiet interessati tal-UE bħalma huma l-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. |
(5) |
Għandu jkun hemm dispożizzjoni dwar ir-regoli dwar l-iżvelar tat-tagħrif mill-membri tal-grupp, li tkun bla ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif imniżżlin fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (1). |
(6) |
Id-dejta personali li għandha x’taqsam mal-membri tal-grupp għandha tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE)oNru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta] (2). |
(7) |
Huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni se tikkunsidra jkunx għaqli li dan il-perjodu jittawwal, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-suġġett
Il-grupp ta’ esperti dwar l-internet tal-oġġetti, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-grupp”, b’dan qed jitwaqqaf b’seħħ mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Il-kompiti
Il-kompiti tal-grupp se jkunu:
(a) |
li jagħti pariri lill-Kummissoni dwar kif l-aħjar li jiġu indirizzati l-isfidi legali u tekniċi kif ukoll dawk ta’ organizzazzjoni fil-livell Ewropew; |
(b) |
li jwassal għal skambju tal-esperjenza u ta’ prattiki tajbin, u li jitlob il-kontributi bil-kliem u bil-miktub ta’ grupp magħmul minn diversi partijiet interessati, inkluż kontribut internazzjonali fejn dan ikun meħtieġ; |
(c) |
li jagħti kontribut għal viżjoni komuni għall-iżvilupp u l-użu tal-internet tal-oġġetti fil-qafas tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, li hija element ewlieni tal-istrateġija msejħa “Ewropa 2020”. |
Artikolu 3
Il-konsultazzjoni
1. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni li tqis li hija rilevanti għall-iżvilupp tal-internet tal-oġġetti fl-Ewropa, filwaqt li tħeġġeġ lill-membri jissuġġerixxu iktar suġġetti għad-diskussjoni.
Artikolu 4
Is-sħubija u l-ħatra
1. Il-grupp għandu jkun magħmul minn għadd ta’ membri, li ma jistgħux ikunu iktar minn 45.
2. Il-membri għandhom ikunu organizzazzjonijiet li huma kompetenti fl-oqsma tal-liġi, tal-ekonomija u tat-teknoloġija kif dawn japplikaw għall-internet tal-oġġetti.
3. Il-Kummissjoni għandha tagħżel għadd ta’ organizzazzjonijiet li għandhom jaħtru r-rappreżentanti tagħhom kif ukoll rappreżentanti alternattivi.
4. Il-membri tal-grupp għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jinbidlu jew sakemm jintemm il-mandat tagħhom.
5. Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-diskussjonijiet tal-grupp, dawk li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew dawk li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistgħu jinbidlu għall-kumplament tal-mandat tagħhom.
6. L-ismijiet tal-organizzazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi tal-esperti.
7. L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 5
It-tħaddim
1. Il-president tal-grupp għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni.
2. Bil-ftehim tal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi skont it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom, dawn is-sottogruppi għandhom jiġu xolti.
3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’, fuq bażi ad hoc, jistieden esperti minn barra l-grupp li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jagħti l-istat ta’ osservaturi lil individwi u korpi speċifiċi.
4. Il-membri tal-gruppi tal-esperti u r-rappreżentanti tagħhom kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-siġurtà li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tat-tagħrif ikklassifikat tal-UE u li huma mniżżlin fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom. Jekk huma ma jħarsux din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri kollha xierqa b’rabta ma’ dan.
5. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi tas-segretarjat. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu.
6. Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.
7. Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-tagħrif rilevanti dwar l-attivitajiet li jwettaq il-grupp, jew billi tinkludih fir-Reġistru jew billi tinkludih f’sit tal-internet speċifiku ddedikat għall-grupp li jkun hemm referenza għalih fir-Reġistru.
Artikolu 6
L-ispejjeż tal-laqgħat
1. Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.
2. L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien li jagħmlu dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp għandhom jitħallsu lura mill-Kummissjoni skont id-disposizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.
3. Dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu lura fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mid-dipartimenti tal-Kummissjoni inkarigati minn dan.
Artikolu 7
L-applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2012.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.