Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0015(01)

    2010/574/UE: Deċiżjoni tal-bank ċentrali Ewropew tal- 21 ta’ Settembru 2010 dwar l-amministrazzjoni ta’ self ESFS lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2010/15)

    ĠU L 253, 28.9.2010, p. 58–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/11/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/574/oj

    28.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 253/58


    DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tal-21 ta’ Settembru 2010

    dwar l-amministrazzjoni ta’ self ESFS lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

    (BĊE/2010/15)

    (2010/574/UE)

    IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment l-Artikoli 17 u 21 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 17 tal-Istatut tas-SEBĊ, sabiex imexxi l-operat tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista’ jiftaħ kontijiet għal istituzzjonijiet ta’ kreditu, entitajiet pubbliċi u parteċipanti oħra tas-suq.

    (2)

    Skont l-Artikolu 21.1 u 21.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊE jista’ jaċixxi bħala aġent fiskali għal istituzzjonijiet, entitajiet, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew awtoritajiet pubbliċi oħrajn, entitajiet oħrajn irregolati minn liġi pubblika, jew impriżi pubbliċi ta’ Stati Membri.

    (3)

    Qed issir referenza għall-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-Faċilità Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja, kumpannija b’responsabbiltà limitata (EFSF), kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata mwaqqfa fil-Lussemburgu, u bl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bħala l-azzjonisti tagħha. Il-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF daħal fis-seħħ u sar jorbot fl-4 ta’ Awwissu 2010.

    (4)

    Skont il-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF u bi qbil mal-liġijiet lokali tal-ESFS, l-ESFS għandu jipprovdi finanzjament fil-forma ta’ ftehim għall-faċilità ta’ self (minn hawn ’il quddiem il-“Ftehim għall-Faċilità ta’ Self”) lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fejn dawn l-Istati Membri jinsabu f’diffikultajiet finanzjarji u jkunu daħlu f’memorandum ta’ ftehim mal-Kummissjoni Ewropea li jkun fih kundizzjonalità tal-politika.

    (5)

    L-Artikolu 3(5) tal-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF jistipula illi l-iżburżar tas-self mogħti mill-EFSF lil Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandu jsir permezz tal-kontijiet tal-EFSF u tal-Istat Membru li jkun qed jissellef li jkunu nfetħu mal-BĊE għall-finijiet tal-Fteħim dwar il-Faċilità tas-Self. Skont l-Artikolu 12(2) tal-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF, l-EFSF jista’ jqabbad lill-BĊE biex jagħmilhielu tal-aġent għall-ħlas u jista’ jaħtar lill-BĊE sabiex iżommlu l-kontijiet tal-bank u tat-titoli tiegħu.

    (6)

    Huwa meħtieġ li jiġu stabbility dispożizzjonijiet dwar il-kont tal-flus tal-EFSF li għandu jinfetaħ mal-BĊE għat-tħaddim tal-Ftehim dwar il-Faċilità tas-Self,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ftuħ ta’ kont tal-flus

    Il-BĊE għandu, skont il-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF u b’konnessjoni mal-Ftehim dwar il-Faċilità tas-Self, jiftaħ kont tal-flus f’isem l-EFSF.

    Artikolu 2

    Aċċettazzjoni tal-ħlasijiet fil-kont tal-flus

    Il-BĊE għandu jaċċetta biss ħlasijiet li għandhom isiru lil jew mill-kont tal-flus miftuħ f’isem l-EFSF, jekk dawk il-ħlasijiet isiru b’konnessjoni mal-Ftehim dwar il-Faċilità tas-Self.

    Artikolu 3

    Aċċettazzjoni ta’ istruzzjonijiet u ġestjoni tal-kont tal-flus

    Il-BĊE għandu, b’rabta mal-kont tal-flus miftuħ f’isem l-EFSF, jaċċetta u jaġixxi biss fuq l-istruzzjonijiet esklussivi jew tal-EFSF jew ta’ kull aġent li l-EFSF jista’ jaħtar taħt il-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF sabiex jaġixxi f’ismu. Jekk jinħatar aġent u l-EFSF ikun talab lill-BĊE sabiex jaċċetta lil dan l-aġent, l-aġent għandu jaġixxi b’rabta mal-attivitajiet li ġejjin: (a) jagħti istruzzjoni marbutin mal-kont tal-flus f’isem l-EFSF, u (b) jiġġestixxi dan il-kont fuq bażi esklussiva u permanenti.

    Artikolu 4

    Bilanċ tal-kont tal-flus

    M’għandu jkun hemm ebda ammont fil-kreditu tal-kont tal-flus miftuħ f’isem l-EFSF wara li jkunu saru ħlasijiet b’rabta ma Ftem għall-Faċilità tas-Self, u lanqas m’għandhom jiġu trasferiti ammonti li dan il-kont tal-flus qabel il-jum li fih il-ħlasijiet iridu jsiru b’rabta ma’ xi Ftehim għall-Faċilità tas-Self. Fl-ebda ħin m’għandu jkun hemm ammont fid-debitu tal-kont tal-flus miftuħ f’isem l-EFSF. Għalhekk, ebda ħlasijiet m’għandhom isiru mill-kont tal-flus miftuħ f’isem l-EFSF minbarra l-ammonti li hemm fil-kreditu ta’ dak il-kont.

    Artikolu 5

    Remunerazzjoni

    Bla ħsara għall-Artikolu 4 hawn fuq, f’każ li xi ammonti jibqgħu bħala kreditu mil-lum għal għada fil-kont tal-flus miftuħ f’isem l-EFSF, il-BĊE għandu jħallas l-imgħax fuq dan il-bilanċ f’ammont ekwivalenti għar-rata applikabbli tal-faċilità tad-depożitu tal-BĊE fuq bażi attwali/360. Ammonti ta’ imgħax imħallsin mill-BĊE lill-kont tal-flus m’għandhomx ikunu milqutin mill-Artikolu 2.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta’ Settembru 2010.

    Il-President tal-BĊE

    Jean-Claude TRICHET


    Top