Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0977

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 977/2009 tad- 19 ta’ Ottubru 2009 li japprova emendi żgħar fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Boerenkaas (STG)]

    ĠU L 274, 20.10.2009, p. 19–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/977/oj

    20.10.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 274/19


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 977/2009

    tad-19 ta’ Ottubru 2009

    li japprova emendi żgħar fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Boerenkaas (STG)]

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (1), u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Olanda għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita msejħa “Boerenkaas”, irreġistrata permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 149/2007 (2).

    (2)

    L-għan tal-applikazzjoni huwa li l-ispeċifikazzjoni tkun emendata sabiex meta l-produzzjoni tkun tal-istaġun, il-verifiki jitwettqu minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat matul il-perjodu tal-produzzjoni. F’każ li, f’impriża, il-produzzjoni ta’ kull sena tal-“Boerenkaas” ma tkunx taqbeż il-25 000 kilogramm, il-verifiki jitwettqu darbtejn fis-sena. Dawn it-tibdiliet qed ikunu proposti sabiex l-impriżi ż-żgħar ma jkollhomx iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż għall-verifiki li jkunu għoljin ferm.

    (3)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda żgħira skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura mogħtija fl-Artikoli 8(2) u 9,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-ispeċifikazzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita msejħa “Boerenkaas” b’dan qed tiġi emendata skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Fl-Anness II għal dan ir-Regolament qed tingħata speċifikazzjoni aġġornata.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 46, 16.2.2007, p. 18.


    ANNESS I

    L-ispeċifikazzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita msejħa “Boerenkaas” għandha tiġi emendata kif ġej:

    Is-sentenzi li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-punt 3.9 tal-ispeċifikazzjoni, li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti minimi u mal-proċeduri sabiex tkun ivverifikata n-natura speċifika tal-prodott:

    “F’każ fejn il-produzzjoni tal-ġobon tat-tip ‘Boerenkaas’ tkun tal-istaġun, il-verifiki jitwettqu minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat matul il-perjodu tal-produzzjoni. F’każ li, f’impriża, il-produzzjoni ta’ kull sena tal-‘Boerenkaas’ ma tkunx taqbeż il-25 000 kilogramm, il-verifiki jitwettqu darbtejn fis-sena.”


    ANNESS II

    “3.   L-ispeċifikazzjoni aġġornata tal-prodott

    3.1.   Isem li għandu jkun irreġistrat/ismijiet li għandhom ikunu rreġistrati (l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

    ‘Boerenkaas’ (bl-Olandiż biss)

    3.2.   Jekk l-isem:

    huwiex speċifiku minnu nnifsu

    Image

    jesprimix in-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    L-isem ‘Boerenkaas’ huwa marbut b’mod speċifiku ma’ prodott li jsir, b’mod tradizzjonali, fir-razzett mill-ħalib mhux ipproċessat u miksub mill-merħla tal-bidwi stess. ‘Boeren’ tfisser bdiewa, allura l-‘Boerenkaas’ huwa ġobon magħmul mill-bdiewa fl-irziezet.

    3.3.   Jekk l-isem hux qed jiġi rriżervat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

    Image

    Reġistrazzjoni bl-isem riżervat

    Reġistrazzjoni bl-isem mhux riżervat

    3.4.   It-tip ta’ prodott [skont il-klassifika tal-Anness II]

    Il-kategorija 1.3.

    Il-ġobon

    3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

    Il-‘Boerenkaas’ huwa ġobon (bejn artab u) iebes magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tal-mogħoż, tan-nagħaġ jew tal-buflu. Il-kontenut tax-xaħam tal-‘Boerenkaas’ ivarja skont il-kontenut tax-xaħam tal-ħalib użat.

    Il-ġobon jista’ jkun fih il-kemmun jew żrieragħ oħra, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar. Iktar ma l-ġobon ikun ilu li sar u iktar ma jkun ilu jimmatura, iktar jibbies u jinxef, u b’hekk isir ġobon iebes.

    Xi eżempji tal-ismijiet tal-prodotti huma l-‘Goudse Boerenkaas’, il-‘Goudse Boerenkaas met kruiden’, l-‘Edammer Boerenkaas’, il-‘Leidse Boerenkaas’, il-‘Boerenkaas van geitenmelk’ u l-‘Boerenkaas van schapenmelk’.

    3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

    Il-materja prima li tintuża tista’ tkun:

    a)

    ħalib mhux ipproċessat;

    b)

    krema jew ħalib xkumat għal kollox jew b’mod parzjali miksub direttament mill-ħalib imsemmi fil-punt a;

    ċ)

    l-ilma.

    Il-ħalib li jintuża ma jridx ikun kellu trattament tas-sħana ta’ iktar minn 40 Ċ; l-attività tal-‘phosphatase’ trid tkun kompatibbli ma’ dik tal-ħalib mhux ipproċessat li jkun intuża.

    Il-ħalib irid ikun ipproċessat biex isir ġobon fi żmien 40 siegħa minn x’ħin jinħaleb.

    Il-materjali awżiljarji u l-addittivi

    a)

    Il-kolturi tal-mikroorganiżmi li jiffurmaw l-aċidu lattiku, l-aċidu propjoniku u s-sustanzi aromatiċi (li ma jkunux ġenetikament modifikati)

    b)

    It-tâmes (skont it-tifsira tal-Artikolu 5(a) tad-Digriet dwar il-Prodotti tal-Ħalib (l-Att dwar il-Prodotti))

    ċ)

    Il-klorur tal-kalċju

    d)

    In-nitrat tas-sodju

    e)

    Iż-żrieragħ, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar

    f)

    Il-klorur tas-sodju (permezz tat-tixrib fis-salmura)

    Il-proċess tal-manifattura

    Il-ħalib mhux ipproċessat jitbaqqat f’temperatura ta’ madwar 30 °Ċ fi żmien 40 siegħa minn meta jinħaleb.

    Koltura ta’ tipi differenti ta’ batterji tal-aċidu lattiku twassal għall-aċidifikazzjoni.

    Wara li parti mix-xorrox jitqatta’, jitħawwad u jitneħħa, it-taħlita tax-xorrox u tal-baqta tinħasel darba jew tnejn bil-misħun. B’hekk, it-temperatura tat-taħlita titla’ għal mhux iktar minn 37 °Ċ.

    Wara li tkun ipproċessata, il-baqta titqiegħed fil-forom tal-ġobon.

    Qabel il-proċess tal-ippressar, jew matulu, titpoġġa marka tal-kaseina fuq il-ġobon bl-isem ‘Boerenkaas’, u possibbilment ukoll bl-isem tat-tip tal-ħalib.

    Wara l-proċessi tal-ippressar u tal-aċidifikazzjoni tul għadd ta’ sigħat, il-ġobon jitħalla jixxarrab f’taħlita tas-salmura li 18 sa 22 % minnha tkun melħ komuni (klorur tas-sodju).

    Il-perjodu minimu għall-maturazzjoni fir-razzett huwa ta’ 13-il jum wara l-jum li fih ikun inbeda l-ipproċessar f’temperatura ta’ mill-inqas 12-il °Ċ.

    Sabiex jikseb it-togħma sħiħa li tikkaratterizzah, il-‘Boerenkaas’ jitħalla jimmatura iktar fil-kamra tal-maturazzjoni fir-razzett jew fil-bini tan-negozjant tal-ġobon. It-tul tal-proċess tal-maturazzjoni jvarja minn għadd ta’ ġimgħat għal iktar minn sena.

    3.7.   In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

    Il-‘Boerenkaas’ huwa ġobon magħmul fir-razzett mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tal-mogħoż, tan-nagħaġ jew tal-buflu. Mill-inqas nofs il-ħalib irid ikun ġej mill-merħla tal-bidwi nnifsu. Il-ħalib jista’ jinxtara minn mhux iktar minn żewġt irziezet oħra, imma l-kwantità totali mixtrija ma tistax taqbeż dik prodotta fir-razzett innifsu.

    Sommarju tal-karatteristiċi tipiċi u tal-kompożizzjoni tal-‘Boerenkaas’

    Karatteristiċi

    ‘Goudse Boerenkaas’

    ‘Leidse Boerenkaas’

    ‘Edammer Boerenkaas’

    ‘Boerenkaas (van geitenmelk)’, ‘Boerenkaas (van schapenmelk)’, ‘Boerenkaas (van buffelmelk)’

    Il-materja prima

    Ħalib tal-baqar

    Ħalib tal-baqar

    Ħalib tal-baqar

    Ħalib tal-mogħoż, ħalib tan-nagħaġ u ħalib tal-buflu

    Il-forma

    Bħall-‘Gouda’ (fil-forma ta’ ċilindru ċatt bit-truf ittundjati)

    Bħal-‘Leiden’ (fil-forma ta’ ċilindru ċatt bit-truf bil-ponta)

    Fil-forma ta’ ballun jew ta’ ħobża

     

    Il-qoxra

    Qoxra li tagħti mill-abjad għall-isfar, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon

    Qoxra ħamra, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon

    Qoxra li tagħti mill-abjad għall-isfar, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon

    Qoxra li tagħti mill-abjad għall-isfar, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon

    Il-konsistenza

    Minn sod sa artab u li jista’ jinħadem

    Minn sod sa iebes, u li jista’ jinqata’ fi bċejjeċ

    Minn artab sa sod jew iebes, u li jista’ jinqata’ fi bċejjeċ

    Minn sod sa artab u li jista’ jinħadem

    Il-formazzjoni tat-toqob

    Toqob fil-ġobon kollu, b’kull toqba jkollha dijametru ta’ 2 mm. sa madwar 15-il mm.; l-ebda qasma (li tkun itwal minn ċentimetru)

    Għadd limitat ta’ toqob żgħar li jiġu ffurmati meta jkun qed jiġi prodott il-ġobon, li jinsabu fil-ġobon kollu, b’kull toqba jkollha dijametru ta’ 1 sa 3 mm.; l-ebda qasma

    Għadd limitat ta’ toqob, li jinsabu fil-ġobon kollu, b’kull toqba jkollha dijametru ta’ 2 sa madwar 8 mm.; l-ebda qasma

    Toqob li jinsabu mqassmin bl-istess mod fil-ġobon kollu, jew inkella ġobon mingħajr toqob

    Il-pH

    pH ta’ bejn 5,20 u 5,40 wara 12-il jum

    pH ta’ bejn 5,20 u 5,30 wara 12-il jum

    pH ta’ bejn 5,20 u 5,30 wara 12-il jum

    pH ta’ bejn 5,10 u 5,30 wara 12-il jum

    Il-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa (f’perċentwal):

    Il-kontenut kollu tax-xaħam, mill-inqas 48 %

    30 % u iktar, kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa ta’ iktar minn 30 % imma ta’ inqas minn 35 %; jew 35 % u iktar, kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa ta’ iktar minn 35 % imma ta’ inqas minn 40 %

    40 % u iktar, kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa ta’ iktar minn 40 % imma ta’ inqas minn 45 %

    mill-inqas 45 % u iktar

    Il-kontenut massimu tal-indewwa

    42.5 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat)

    45 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat)

    47 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat)

    46 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat)

    Il-kontenut tal-melħ (f’perċentwal)

    Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 4 % fil-ġobon niexef

    Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 4 % fil-ġobon niexef

    Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 5 % fil-ġobon niexef

    Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 4 % fil-ġobon niexef

    L-ingredjenti miżjuda

    Possibbilment il-kemmun, iż-żrieragħ, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar

    Il-kemmun

    Possibbilment il-kemmun

    Possibbilment iż-żrieragħ, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar

    It-tul minimu taż-żmien tal-maturazzjoni

    13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura

    13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura

    13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura

    13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura

    It-temperatura minima tal-maturazzjoni

    12-il °Ċ

    12-il °Ċ

    12-il °Ċ

    12-il °Ċ

    L-attività tal-‘phosphatase’

    Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat

    Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat

    Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat

    Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat

    3.8.   In-natura tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

    L-isem ‘Boerenkaas’ huwa marbut b’mod speċifiku ma’ prodott li jsir, b’mod tradizzjonali, fir-razzett mill-ħalib mhux ipproċessat u miksub mill-merħla tal-bidwi stess.

    Sal-1874 il-ħalib kollu kien ikun ipproċessat fl-irziezet stess. Wara, bil-mod il-mod il-ħalib beda jiġi pproċessat b’mod industrijali. Il-ħalib li jintuża biex isir il-ġobon minnu beda jkun ippasturizzat fl-ewwel ftit snin tas-seklu għoxrin. Il-proċess tal-pasturizzazzjoni wassal għat-telf tan-natura tal-ġobon magħmul fil-maħleb. Fl-irziezet, kompla jintuża l-metodu tradizzjonali għall-ipproċessar tal-ħalib mhux ipproċessat.

    Minħabba fl-enżimi li wieħed isib b’mod naturali fil-ħalib, jiġifieri l-‘lipase’ tal-ħalib, u l-preżenza ta’ flora tal-batterji li tidħol fil-ħalib waqt li jkun qed jinħaleb u wara, il-ġobon li jsir minn dan il-ħalib mhux ipproċessat għandu iktar togħma, li hija deskritta bħala togħma iktar sħiħa u ħafna iktar qawwija. Għal ħafna konsumaturi, dan huwa dak li jiddistingwi t-togħma tal-‘Boerenkaas’ minn dik tal-ġobon li jkun ‘sar b’mod industrijali’. Iktar ma jimmatura, iktar it-togħma tal-ġobon issir qawwija.

    Fl-1982 iddaħħlu regoli ġodda bid-Deċiżjoni u d-Digriet dwar il-Prodotti tal-Ġobon abbażi tal-Att dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli. Dawn ir-regoli jkopru l-kwalità tal-ġobon, minn fejn ikun ġej il-ħalib, u l-metodu tal-produzzjoni. Il-marka nazzjonali relatata tiżgura li l-‘Boerenkaas’ huwa prodott tar-razzett, u li huwa magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat li jkun inżamm għal żmien qasir biss, u li jkun ġej, fil-biċċa l-kbira tiegħu, mill-merħla tal-bidwi nnifsu.

    Din il-leġiżlazzjoni ddaħħal ukoll il-possibbiltà li wieħed juża l-ħalib tal-mogħoż, tan-nagħaġ u tal-buflu, minbarra l-ħalib tal-baqar. Tagħmilha wkoll possibbli li wieħed jagħmel il-ġobon minn ħalib mhux ipproċessat li jkun fih inqas kontenut tax-xaħam.

    Dan ta’ hawn fuq juri biċ-ċar in-natura speċifika tal-materja prima użata u tal-metodu tal-produzzjoni.

    3.9.   Ir-rekwiżiti minimi u l-proċeduri sabiex tkun ivverifikata n-natura speċifika (l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

    Ir-rekwiżiti ta’ din l-ispeċifikazzjoni, kif deskritti fit-taqsima 3.6 (Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1 u fit-tabella mogħtija fit-taqsima 3.7 (In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)), japplikaw għall-‘Boerenkaas’ bħala speċjalità tradizzjonali garantita skont ir-Regolament (KE) Nru 509/2006.

    Minn kull sitt ġimgħat sa tmienja, kull razzett ikun spezzjonat sabiex ikun żgurat li l-ħalib mhux ipproċessat li jintuża biex isir il-ġobon ikun frisk (li ma jkunx ilu iktar minn 40 siegħa li nħaleb) u sabiex ikun iċċekkjat l-użu tal-marka tal-kaseina. Darba fis-sena jsiru verifiki amminsitrattivi sabiex ikun ivverifikat minn liema rziezet ikun ġej il-ħalib użat. Il-verifiki tal-konformità mar-rekwiżiti tal-kompożizzjoni jkopru l-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa, il-kontenut tal-indewwa u l-kontenut tal-melħ fil-materja niexfa. Fl-istess ħin, dawn il-parametri jiġu ċċekkjati minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat (*).

    Barra minn hekk, il-proċedura tal-ispezzjoni hija mfassla b’tali mod biex tiġi ċċekkjata l-konformità mal-karatteristiċi tipiċi l-oħrajn tad-diversi tipi ta’ ‘Boerenkaas’ mogħtija fit-tabella fit-taqsima 3.7. Dawn il-verifiki dwar il-karatteristiċi tipiċi jitwettqu b’mod viżwali u jitwettqu wkoll fl-istess waqt minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat.



    Top