Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0356

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 356/2009 tad- 29 ta' April 2009 li jniedi reviżjoni ta’ esportatur ġdid tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 li jimponi dazju definittiv tal-anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ mwejjed tal-mogħdija li joriġinaw, inter alia , fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni

    ĠU L 109, 30.4.2009, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/356/oj

    30.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 109/6


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 356/2009

    tad-29 ta' April 2009

    li jniedi reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 li jimponi dazju definittiv tal-anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ mwejjed tal-mogħdija li joriġinaw, inter alia, fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4),

    Billi:

    A.   TALBA GHAL REVIŻJONI

    (1)

    Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għal reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni tressqet minn Greenwood Houseware (Zuhai) Ltd (“l-applikant”), produttur esportatur fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”).

    B.   Il-PRODOTT

    (2)

    Il-prodott taħt reviżjoni huma mwejjed tal-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b'wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inklużi t-twavel għall-kmiem, u partijiet essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn tpoġġi l-ħadida li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”) li bħalissa huma klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM ex 3924 90 90, ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00.

    C.   MIŻURI EŻISTENTI

    (3)

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju definittiv anti-dumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 (2), li taħtu l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, inkluż il-prodott ikkonċernat prodott mill-applikant, huma suġġetti għal dazju definittiv anti-dumping ta’ 38,1 % bl-eċċezzjoni ta’ bosta kumpaniji msemmija b'mod speċjali li huma suġġetti għal rati ta’ dazju individwali.

    D.   RAĠUNIJIET GHAR-REVIŻJONI

    (4)

    L-applikant jallega li jopera f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq kif iddefiniti fl-Artikolu 2(7) (c) tar-Regolament bażiku jew alternattivament jitlob trattament individwali konformi mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Hu jkompli jallega li ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri anti-dumping, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sat-31 ta’ Diċembru 2005 (“il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali”) u li mhu relatat ma' ebda produttur esportatur tal-prodott li huwa suġġett għall-miżuri anti-dumping imsemmija hawn fuq.

    (5)

    L-applikant jallega wkoll li beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità wara t-tmiem tal-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali.

    E.   PROĊEDURA

    (6)

    Il-produtturi Komunitarji magħrufin li huma kkonċernati ġew mgħarrfa bl-applikazzjoni ta’ hawn fuq u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw. Ma waslu l-ebda kummenti.

    (7)

    Wara li eżaminat il-provi disponibbli, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm provi biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta' reviżjoni ta' “esportatur ġdid”, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku Wara li tasal it-talba msemmija hawn taħt, f'8(c), ikun iddeterminat jekk l-applikant joperax taħt kondizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq kif iddefinit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jew alternattivament jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti biex ikollu dazju individwali stabbilit skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Jekk inhu hekk, il-marġini individwali ta’ dumping tal-applikant ikun ikkalkolat u, jekk jinstab li sar dumping, il-livell tad-dazju li għalih għandha tkun suġġetta l-importazzjoni tieghu fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat għandu jiġi determinat.

    (8)

    Jekk jiġi deċiż li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti biex jiġi stabbilit dazju individwali, jista’ jkun hemm bżonn li ssir emenda għar-rata ta’ dazju applikabbli bħalissa għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpaniji mhux imsemmija individwalment fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 452/2007.

    (a)

    Il-kwestjonarji

    Biex tkun tista' tikseb it-tagħrif li hija tqis neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant.

    (b)

    Il-ġabra tal-informazzjoni u s-smigħ ta’ seduti

    Il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

    Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi minn jekk il-partijiet jippreżentawx ruħhom matul il-perjodu stipulat bir-Regolament attwali.

    (c)

    Trattament ta' ekonomija tas-suq/ trattament individwali

    Fl-eventwalità li l-applikant jipprovdi biżżejjed evidenza li turi li huwa jopera taħt kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri li jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jkun iddeterminat skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, għandhom jintbagħtu talbiet sostanzjati kif xieraq fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(3) ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni se tibgħat formoli ta’ talba lill-applikant, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Din il-formula għat-talbiet tista’ tintuża mill-applikant biex jitlob trattament individwali, jiġifieri li dan jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    L-għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq

    Fl-eventwalità li l-applikant ma jingħatax trattament ta' ekonomija tas-suq iżda jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu dazju individwali stabbilit skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, jintuża pajjiż addattat b'ekonomija tas-suq għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni tipprevedi li terġa' tuża t-Turkija għal dan il-għan kif sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta' miżuri fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm din l-għażla hija xierqa, fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament.

    Barra minn hekk, fl-eventwalità li l-applikant jingħata trattament ta' ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tista', jekk ikun meħtieġ, anke tuża sejbiet li jikkonċernaw il-valur normali stabbilit f'pajjiż adattat b'ekonomija tas-suq, eż. bl-għan li jinbidel kull prezz li mhux kredibbli jew elementi ta' prezz fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina meħtieġa biex jiġi stabbilit il-valur normali, jekk id-dejta meħtieġa u kredibbli ma tkunx disponibbli fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-Kummissjoni tipprevedi li tuża wkoll lit-Turkija għal din il-fini.

    F.   REVOKA TAD-DAZJU FIS-SEHH U REĠISTRAZZJONI TA' IMPORTAZZJONIJIET

    (9)

    Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju anti-dumping fis-seħħ għandu jiġi revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li huma prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità mill-applikant. Fl-istess ħin, dawn l-importazzjonijiet għandhom isiru suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi assigurat li, jekk ir-riżultat tar-reviżjoni juri sejba ta' dumping fir-rigward tal-applikant, id-dazji anti-dumping jistgħu jiġu imposti retroattivament mid-data tal-bidu ta' din ir-reviżjoni. L-ammont li għalih l-applikant jista' jkun responsabbli fil-futur ma jistax jiġi stmat f'dan l-istadju tal-proċediment.

    G.   LIMITI TA' ŻMIEN

    (10)

    Fl-interess ta' amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu stabbiliti limiti ta' żmien li fi ħdanhom:

    (a)

    il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw rwieħhom lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju msemmi fil-premessa 8(a) ta’ dan ir-Regolament jew jipprovdu kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies matul l-investigazzjoni,

    (b)

    il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub li tinstema' mill-Kummissjoni.

    H.   NON-KOOPERAZZJONI

    (11)

    F’każijiet fejn parti interessata tirrifjuta l-aċċess għat-tagħrif meħtieġ jew ma tipprovdihx fil-limiti ta’ żmien jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (12)

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha titwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u s-sejbiet ikunu għalhekk ibbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

    I.   IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI

    (13)

    Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dejta bħal din (3).

    J.   UFFIĊJAL GĦAS-SEDUTI TAS-SMIGĦ

    (14)

    Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ Trade. Huwa jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn meħtieġ, medjazzjoni fi kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’din l-investigazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament ta' preżentazzjoni tal-fehmiet orali u/jew bil-miktub. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Trade (http://ec.europa.eu/trade),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B'dan jingħata bidu għal reviżjoni tar-Regolament (KE) No 452/2007 skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) No 384/96 sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa fejn l-importazzjonijiet ta' mwejjed tal-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b'wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inklużi t-twavel għall-kmiem, u partijiet essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn tpoġġi l-ħadida, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3924 90 90, ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00 (Kodiċijiet TARIC 3924909010, 4421909810, 7323939010, 7323999110, 7323999910, 8516797010 u 8516900051), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiġu prodotti u jinbiegħu għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn Greenwood Houseware (Zuhai) Ltd. (kodiċi addizzjonali TARIC A953) għandhomx ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping impost bir-Regolament (KE) No 452/2007.

    Artikolu 2

    Id-dazju anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 452/2007 huwa b'dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet tad-dwana huma b'dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    1.   Biex jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw rwieħhom lill-Kumissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju msemmi fil-premessa 8(a) ta' dan ir-Regolament jew kwalunkwe tagħrif ieħor, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, fi żmien 40 jum mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien l-istess limitu ta' 40 jum.

    2.   Il-partijiet involuti fl-investigazzjoni li jridu jikkummentaw dwar l-adegwatezza tat-Turkija, li huwa previst bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, għandhom iressqu l-kummenti tagħhom fi żmien 10 ijiem mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Talbiet sostanzjati kif xieraq għal trattament ta' ekonomija tas-suq u/jew trattament individwali għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    4.   Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati jridu jsiru bil-miktub (mhux b’format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Kull sottomissjoni bil-miktub, li tinkludi l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun immarkata bħala “Ristretta” (4) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, għandha tkun akkumpanjata b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

    Kwalunkwe tagħrif li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni u/jew kwalunkwe talba għal seduta għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

    Id-Direttorat H

    Uffiċċju: N105 4/92

    B-1049 Brussell

    IL-BELĠJU

    Faks +32 2 295 65 05

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 29 ta’ April 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Catherine ASHTON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

    (2)  ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.

    (3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (4)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Il-Ftehim Anti-dumping).


    Top