Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0299

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 299/2009 tat- 8 ta’ April 2009 rigward il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 95, 9.4.2009, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/299/oj

    9.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 95/37


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 299/2009

    tat-8 ta’ April 2009

    rigward il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenaklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati ma’ kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-merkanizja msemmija fil-kolonna 1 tat-tabella mfassla fl-Anness għandha tkun ikklassifikata taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna 2, għar-raġunijiet imsemmija fil-kolonna 3 ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stiplulat li informazzjoni tariffarja li torbot li tkun inħarġet mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella stabbilita fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna 2 ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Informazzjoni tariffarja li torbot, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tkun invokata għall-perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 8 ta’ April 2009.

    Għall-Kummissjoni

    László KOVÁCS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7 9 1987, p 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi tan-NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Sett li għandu jitpoġġa għall-bejgħ bl-imnut f’kaxxa tal-kartun li tikkonsisti fi:

    żibeġ varji tal-plastik u biċċiet ta’ ġojjellerija artifiċjali biex jindammu,

    roll ta’ ħajt sintetiku,

    kubi manjetiċi,

    istruzzjonijiet,

    u borża tad-drapp li tinqafel b’lazz li jinġibed.

    Is-sett huwa maħsub għat-tfal biex jagħmlu ġoielli artifiċjali li jistgħu jiġu modifikati bl-użu tal-kubi manjetiċi.

    Il-borża tista' tintuża biex fiha jinżammu kemm il-biċċiet varju kif ukoll il-ġojjelli ladarba jiġu armati.

    9503 00 70

    Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u l-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 9503 00 u 9503 00 70 .

    Il-mod kif il-prodott huwa ppreżentat u l-valur tal-elementi individwali jindika b’mod ċar li s-sett għandu jintuża bħala ġugarell (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tal-HS għall-intestatura 9503 , il-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar).

    Klassifikazzjoni bħala ġojjellerija artifiċjali taħt l-intestatura 7117 hija eskluża, minħabba li l-prodott ladarba jkun immuntat għandu d-dehra u l-karatteristiċi ta’ ġugarell.

    Għalhekk is-sett huwa kklassifikat bħala ġugarelli oħra li jiġu armati f’settijiet jew pakki taħt il-kodiċi NM 9503 00 70 .


    Top