Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0222

    Regolament (KE) Nru 222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2009 li temenda r-Regolament (KE) Nru 638/2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn Stati Membri

    ĠU L 87, 31.3.2009, p. 160–163 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32019R2152

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/222/oj

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 87/160


    REGOLAMENT (KE) Nru 222/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta' Marzu 2009

    li temenda r-Regolament (KE) Nru 638/2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn Stati Membri

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet bażiċi għall-istatistika Komunitarja rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri.

    (2)

    Fil-qafas tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2006 dwar it-tnaqqis tal-piż tar-rispons, is-simplifikazzjoni u l-istabbiliment ta' prijoritajiet fil-qasam tal- istatistika Komunitarja, l-Intrastat, is-sistema għall-ġbir ta' statistika Komunitarja rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri, ġie identifikat bħala qasam fejn is-simplifikazzjoni hija possibbli u mixtieqa.

    (3)

    Tista' tittieħed azzjoni immedjata biex tnaqqas il-piż tal-istatistika billi titbaxxa r-rata ta' kopertura tad-data miġbura permezz tal-Intrastat. Dan jista' jsir billi jiġu awmentati l-limiti li taħthom il-partijiet huma eżentati milli jipprovdu informazzjoni dwar l-Intrastat. Konsegwentement, is-sehem tal-istatistika bbażata fuq estimi magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali għandu jiżdied.

    (4)

    Għal effiċjenza fuq tul ta' żmien twil, għandhom jitqiesu passi oħra biex ikompli jitnaqqas il-piż tal-istatistika, filwaqt li tinżamm l-istatistika li tissodisfa l-indikaturi tal-kwalità u l-istandards fis-seħħ. Tali passi jistgħu jinkludu t-tnaqqis ulterjuri tar-rati ta' kopertura minimi obbligatorji tal-ammonti totali li jkunu telqu u li jkunu waslu, kif ukoll l-introduzzjoni futura possibbli ta' sistema ta' fluss waħdieni. Għal dan il-għan, il-valur, il-vijabilità u l-impatt fuq il-kwalità ta' passi bħal dawn għandhom jiġu investigati ulterjorment mill-Kummissjoni.

    (5)

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'data annwali miġbura dwar il-kummerċ imqassma mill-karatteristiċi tal-kummerċ. L-utenti għalhekk se jkunu provduti b'informazzjoni ta' natura statistika ġdida dwar kwistjonijiet ekonomiċi rilevanti, u tip ta' analiżi ġdida se ssir possibbli, per eżempju l-analiżi ta' kif il-kumpaniji Ewropej joperaw fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, mingħajr ma jimponu dawn ir-rekwiżiti l-ġodda tal-istatistika fuq il-kumpaniji li jirrappurtaw. Ir-rabta bejn l-istatistika tan-negozju u tal-kummerċ għandha tiġi stabbilita permezz tal-għaqda tal-informazzjoni mir-reġistru tal-operaturi intra-Komunitarji ma' l-informazzjoni mitluba mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 177/2008 tal-20 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għal reġistri tan-negozji għall-għanijiet tal-istatistika (3).

    (6)

    Is-setgħat implimentattivi biex titnaqqas il-kopertura minima tal-kummerċ għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat implimentattivi għandhom jiżguraw flessibilità għal bidliet possibbli futuri msejsa fuq evalwazzjoni regolari tal-limiti f'kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jinstab kompromess mill-aħjar bejn il-piż tal-istatistika u l-preċizjoni tad-data.

    (7)

    It-tnaqqis tal-kopertura minima tal-kummerċ jitlob miżuri biex jagħmlu tajjeb għall-ġbir mhux daqshekk komplut ta' data li jispjega l-impatt negattiv fuq il-kwalità, speċjalment fuq il-preċiżjoni tad-data. Għandha tingħata setgħa lill-Kummissjoni biex tirrestrinġi l-arranġamenti ta' kwalità tal-Istati Membri u b' mod partikolari biex tiddefinixxi l-kriterja għall-istima tal-kummerċ mhux miġbura permezz tal-Intrastat.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 jipprevedi li ċerti miżuri għandhom ikunu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4).

    (9)

    Id-Deċiżjoni 1999/468/KE hija emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (5), li introduċiet proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta' miżuri ta' ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jitħassru uħud minn dawk l-elementi jew billi jissupplimentaw l-istrument b' elementi ġodda mhux essenzjali.

    (10)

    Skont id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (6) dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, biex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat li diġà huma fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati konformement mal-proċeduri applikabbli.

    (11)

    B' mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li taddotta regoli differenti jew speċifiċi li japplikaw għal merkanzija jew movimenti speċifiċi; li tadatta l-perjodu ta' referenza sabiex jittieħed kont tar-rabta mal-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud u tad-dwana; li tiddetermina l-arranġamenti għall-ġbir tal-informazzjoni li għandha tinġabar mill-awtoritajiet nazzjonali, partikolarment il-kodiċijiet li għandhom jitużaw; li tadotta l-kopertura minima tal-Intrastat għall-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi; li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jissimplifikaw l-informazzjoni li għandha tingħata għal tranżazzjonijiet individwali żgħar; li tiddefinixxi d-data aggregata mibġura li għandha tiġi trażmessa u l-kriterji li magħhom iridu jkunu konformi r-riżultati tal-istimi; li tadotta dispożizzjonijiet implimentattivi għall-ġbir tal-istatistika billi torbot id-data dwar il-karatteristiċi tan-negozju rreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 mal-istatistika dwar id-dispaċċ u l-wasla tal-merkanzija; u li tieħu kwalunkwe passi neċessarji biex tiġi żgurata l-kwalità tad-data. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 638/2004, inter alia, billi jissupplimentawh b' elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (12)

    Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DECIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 huwa b'dan emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta regoli differenti jew speċifiċi li japplikaw għal merkanzija speċifika jew għal movimenti speċifiċi. Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”.

    (2)

    Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Il-perjodu ta' referenza jista' jiġi adattat mill-Kummissjoni sabiex jittieħed kont tar-rabta ma' l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u tad-dwana. Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”.

    (3)

    Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Il-partijiet responsabbli li jipprovdu l-informazzjoni għas-sistema Intrastat għandhom ikunu:

    (a)

    il-persuna taxxabbli kif definita fit-Titolu III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (*) fl-Istat Membru tad-dispaċċ, li:

    (i)

    tkun ikkonkludiet kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti tat-trasport, li jagħti lok għal dispaċċ ta' merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

    (ii)

    tibgħat jew tipprovdi għall-dispaċċ tal-merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

    (iii)

    ikollha l-pussess tal-merkanzija li tkun is-suġġett għad-dispaċċ;

    jew ir-rappreżentant tagħha tat-taxxa skont l-Artikolu 204 tad-Direttiva 2006/112/KE; u

    (b)

    il-persuna taxxabbli kif definita fit-Titolu III tad-Direttiva 2006/112/KE, fl-Istat Membru tal-wasla, li:

    (i)

    tkun ikkonkludiet il-kuntratt, bl-eċċezzjoni ta' kuntratti tat-trasport, li jagħti lok għal konsenja ta' merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

    (ii)

    tirċievi l-konsenja jew tipprovdi għal-konsenja tal-merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

    (iii)

    ikollha l-pussess tal-merkanzija li tkun is-suġġett tal-konsenja;

    jew ir-rappreżentant tagħha tat-taxxa skont l-Artikolu 204 tad-Direttiva 2006/112/KE.”.

    (*)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1."

    (4)

    Fl-Artikolu 8(2), il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “(a)

    mill-inqas darba fix-xahar, bil-listi tal-persuni taxxabbli li jkunu ddikjaraw li, matul il-perjodu msemmi, huma jkunu fornew prodotti lil Stati Membri oħra jew akkwistaw prodotti minn Stati Membri oħra. Il-listi għandhom juru l-valuri totali tal-prodotti ddikjarati minn kull wieħed mill-persuni taxxabbli għal raġunijiet fiskali;”;

    (5)

    L-Artikolu 9(1) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandu jiġi emendat kif ġej:

    “(a)

    in-numru ta' identifikazzjoni individwali allokat lill-parti responsabbli biex tiġi provduta l-informazzjoni skont l-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112/KE;”;

    (b)

    it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Id-definizzjonijiet tad-data statistika msemmija fil-punti minn (e) sa (h) huma provduti fl-Anness. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-arranġamenti għall-ġbir ta' dik l-informazzjoni, b'mod partikolari l-kodiċijiet li għandhom jintużaw. Dawk il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”

    (6)

    L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Il-limiti li taħthom il-partijiet huma eżentati milli jipprovdu kwalunkwe informazzjoni dwar l-Intrastat għandhom jiġu ffisati f' livell li jiżgura li jkun kopert il-valur ta' mill-inqas 97 % tat-total tad-dispaċċi u mill-inqas 95 % tat-total tal-wasliet ta' persuni taxxabbli tal-Istati Membri relevanti.

    Il-Kummissjoni għandha tadatta dawk ir-rati ta' kopertura tal-Intrastat għall-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi, kull meta tkun jkun possibli li tnaqqashom filwaqt li żżom statistika li tissodisfa l-indikaturi tal-kwalità u l-istandards fis-seħħ. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”;

    (b)

    fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tispeċifka il-kundizzjonijiet li jiddefinixxu dawk il-limiti. Dawk il-miżuri, mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”;

    (ċ)

    il-paragrafu 5 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   L-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet li jilħqu r-rekwiżiti ta' kwalità, jissimplifikaw l-informazzjoni li għandha tingħata għal tranżazzjonijiet żgħar individwali. Il-kundizzjonijiet għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 14(3).”.

    (7)

    L-Artikolu 11 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “l-Artikolu 11

    Il-kunfidenzalità tal-istatistika

    Fil-każ uniku fejn il-parti jew il-partijiet li jkunu pprovdew l-informazzjoni hekk jitolbu, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeċiedu jekk ir-riżultati tal-istatistika, li permezz tagħhom huwa possibli li jista' jkun identifikati l-imsemmija fornituri, għandhomx jiġu disseminati jew emendati b'tali mod li d-disseminazzjoni tagħhom ma jippreġudikax il-konfidenzalità tal-istatistika.”.

    (8)

    L-Artikolu 12 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “(a)

    40 jum kalendarju wara t-tmiem tax-xahar ta' referenza għad-data miġbura biex tiġi definita mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja biv skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, għandhom jiżdiedu s-sentenzi li ġejjin:

    “Ir-riżultati tal-estimi għandhom jikkonformaw mal-kriterji li għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”;

    (ċ)

    għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) l-istatistika annwali dwar il-kummerċ mill-karatteristiċi tan-negozju, jiġifieri l-attività li tkun saret mill-impriża skont is-sezzjoni jew il-livell ta' 2 ċifri tal-klassifikazzjoni komuni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi fil-Komunita' Ewropea (NACE), kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) u l-klassifikazzjoni skont id-daqs kkalkulat abbażi tan-numru ta' ħaddiema.

    Din l-istatistika għandha tinġabar permezz tar-rabta bejn id-data dwar il-karatteristiċi tan-negozju rreġistrata skont ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri tan-negozji għall-għanijiet ta' statistika (***) mal-istatistika msemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

    Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għall-ġbir tal-istatistika għandhom jiġu determinati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

    (**)  ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1."

    (***)  ĠU L 61, 5.3.2008, p. 6.”"

    (9)

    L-Artikolu 13 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Kwalità

    1.   Għar-raġuni ta' dan ir-Regolament, il-kriterji ta' kwalità li ġejjin għandhom japplikaw għall-istatistika li għandha tiġi trażmessa:

    (a)

    ‘rilevanza’ li tirriferi għall-grad sa fejn l-istatistika tissodisfa ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti;

    (b)

    ‘preċiżjoni’ li tirriferi għall-viċinanza tal-estimi għall-valuri reali mhux magħrufa;

    (ċ)

    ‘tempestività’ li tirriferi għad-dewmien bejn id-disponibbiltà tal-informazzjoni u l-avveniment jew fenomenu li hija tiddeskrivi;

    (d)

    ‘puntwalità’ li tirriferi għad-dewmien bejn id-data tar-rilaxx tad-data u d-data mmirata meta hija kellha tkun provduta;

    (e)

    ‘aċċessibbiltà’ u ‘ċarezza’ li jirriferu għall-kundizzjonijiet u modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jakkwistaw, jużaw u jinterpretaw data;

    (f)

    ‘komparabbiltà’ li tirriferi għad-daqs tal-impatt ta' differenzi f'kunċetti applikati ta' statistika u strumenti u proċeduri ta' kejl meta l-istatistika tiġi mqabbla bejn zoni ġeografiċi, oqsma settorali jew fuq medda ta' żmien;

    (g)

    ‘koerenza’ li tirriferi għall-adegwatezza tad-data sabiex din tiġi affidabbilment kombinata b'modi differenti u għal użi varji.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'rapport dwar il-kwalità tal-istatistika trażmessa kull sena.

    3.   Fl-applikazzjoni tal-kriterji ta' kwalità stabbiliti fil-paragrafu 1 għall-istatistika koperta minn dan ir-Regolament, il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapporti tal-kwalità għandhom jiġu definiti konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 14(2).

    Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tal-istatistika trażmessa.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina kwalunkwe miżura neċessarja biex tiżgura l-kwalità tal-istatistika trażmessa konformement mal-kriterji tal-kwalità. Dawk il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”.

    (10)

    Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”.

    (11)

    Fl-Anness, it-Taqsima 3, il- punt (a) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “(a)

    l-ammont taxxabbli, li huwa l-valur li jrid jiġi determinat għal raġunijiet ta' taxxa skont id-Direttiva 2006/112/KE;”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strażburgu, il-11 ta' Marzu 2009.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. VONDRA


    (1)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-19 ta' Frar 2009.

    (2)  ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1.

    (3)  ĠU L 61, 5.3.2008, p. 6.

    (4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (5)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.

    (6)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.


    Top