EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0080

Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Jannar 2009 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 Test b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 35, 4.2.2009, p. 47–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/05/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/80/oj

4.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/47


REGOLAMENT (KE) Nru 80/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Jannar 2009

dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikoli 71 u 80(2), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 ta’ l-24 ta’ Lulju 1989 dwar kodiċi ta’ kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata (4) ta kontribut kbir biex jiżgura kondizzjonijiet ġusti u mhux preferenzjali għat-trasportaturi bl-ajru f’sistema ta’ riservazzjoni kompjuterizzata (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “CRS”), u b’hekk jiġu mħarsa l-interessi tal-konsumaturi.

(2)

Sehem importanti tar-riservazzjonijiet ta’ l-ajru għadu jsir permezz ta’ CRSs.

(3)

Żviluppi teknoloġiċi u tas-suq jippermettu simplifikazzjoni sostanzjali tal-qafas leġiżlattiv billi jagħtu aktar flessibbiltà lill-bejjiegħa tas-sistema u t-trasportaturi bl-ajru biex jinnegozjaw it-tariffi tar-riservazzjoni u l-kontenut tan-nol. Dan għandu jippermettilhom jadattaw b’mod flessibbli għall-bżonnijiet u t-talbiet ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar u l-konsumaturi u biex iqassmu b’mod aktar effiċjenti l-prodotti tagħhom tat-trasport.

(4)

Madankollu, fil-kuntest attwali tas-suq jibqa’ meħtieġ li jinżammu ċerti dispożizzjonijiet dwar is-CRSs, sakemm ikun fihom prodotti tat-trasport, sabiex ikun prevenut l-abbuż tal-kompetizzjoni u jiġi żgurat il-forniment ta’ tagħrif newtrali lill-konsumatur.

(5)

Meta trasportaturi prinċipali jirrifjutaw li jipprovdu l-istess tagħrif dwar skedi, nollijiet u aċċess għal sistemi oħra barra dawk tagħhom stess, u jirrifjutaw li jaċċettaw riservazzjonijiet magħmula permezz ta’ dawk is-sistemi, dan jista’ jgħawweġ serjament il-kompetizzjoni bejn CRSs.

(6)

Huwa meħtieġ li tinżamm kompetizzjoni effettiva bejn trasportaturi parteċipanti u trasportaturi prinċipali u li jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bejn trasportaturi bl-ajru, irrispettivament mill-parteċipazzjoni tagħhom fis-CRS.

(7)

Sabiex jiġu żgurati pattijiet ta’ kompetizzjoni trasparenti u paragunabbli fis-suq, it-trasportaturi prinċipali għandhom ikunu suġġetti għal regoli speċifiċi.

(8)

Il-bejjiegħa tas-sistema għandhom jisseparaw b’mod ċar is-CRSs minn kwalunkwe sistema interna ta’ linja ta’ l-ajru jew minn kwalunkwe tip ieħor ta’ sistema ta’ riservazzjoni u għandhom iżommu lura milli jirriservaw faċilitajiet ta’ distribuzzjoni għat-trasportaturi prinċipali tagħhom, sabiex jiġi evitat li trasportatur prinċipali jkun jista’ jkollu aċċess privileġġat għas-CRSs.

(9)

Sabiex jitħarsu l-interessi tal-konsumaturi, huwa meħtieġ li jiġi ppreżentat lill-utenti viżwal inizjali ta’ CRS mhux preferenzjali u li jiġi żgurat li t- tagħrif dwar it-trasportaturi parteċipanti kollha jkun aċċessibbli b’mod indaqs sabiex ma jiġix favorit trasportatur wieħed kontra l-ieħor.

(10)

L-użu ta’ viżwali mhux preferenzjali jżid it-trasparenza ta’ prodotti u servizzi tat-trasport offruti mit-trasportaturi parteċipanti u jgħolli l-kunfidenza tal-konsumatur.

(11)

Il-bejjiegħa tas-sistema għandhom jiżguraw li d-data kummerċjali tas-CRS tkun disponibbli għat-trasportaturi parteċipanti kollha mingħajr diskriminazzjoni, u l-fornituri tat-trasport m’għandhomx ikunu jistgħu jużaw tali data sabiex jinfluwenzaw b’mod mhux debitu l-għażla ta’ l-aġent ta’ l-ivvjaġġar jew l-għażla tal-konsumatur.

(12)

Ftehimiet bejn l-abbonati u l-bejjiegħ tas-sistema dwar il-Listi ta’ Data dwar Tagħrif tal-Kummerċjalizzazzjoni (MIDT) jistgħu jinkludu skema ta’ kumpens għall-vantaġġ ta’ l-abbonati.

(13)

Għandu jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ tagħrif dwar servizzi ferrovjarji jew servizzi ferrovjarji u tal-ajru flimkien fuq il-viżwal CRS.

(14)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-funzjonament tas-servizzi bl-ajru fil-Komunità (tfassil mill-ġdid) (5), it-trasportaturi bl-ajru għandhom jippubblikaw in-nollijiet tagħhom, inklużi t-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u t-tariffi li huma inevitabbli u prevedibbli. Il-viżwali tas-CRS għandhom jipprovdu tagħrif dwar nollijiet inklussivi ta’ kategoriji ta’ l-istess prezz biex jiġi żgurat li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar ikunu jistgħu jikkomunikaw dak it-tagħrif lill-klijenti tagħhom.

(15)

Tagħrif dwar servizzi tal-karozzi tal-linja għall-prodotti tat-trasport bl-ajru jew prodotti tat-trasport bil-ferrovija inkorporati flimkien ma’ prodotti tat-trasport bl-ajru għandu, fil-ġejjieni, jidher fil-viżwal prinċipali tas-CRSs.

(16)

Fil-ġejjieni, is-CRS għandhom jiġu mħeġġa sabiex, fil-ġejjieni, jinkludu tagħrif li jinftiehem faċilment dwar l-emissjonijiet tas-CO2 u dwar il-konsum tal-fjuwil tat-titjira. Dan għandu jintwera permezz ta’ data dwar il-medja tal-konsum tal-fjuwil għal kull persuna f’litri/100 km u l-medja ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal kull persuna fi grammi/km, u jista’ jitqabbel mad-data ta’ l-aħjar konnessjoni alternattiva bil-ferrovija/karozza tal-linja għal vjaġġi ta’ inqas minn ħames sigħat.

(17)

Trasportaturi bl-ajru mill-Komunità u minn pajjiżi terzi għandhom jingħataw trattament indaqs fir-rigward tas-servizzi CRS.

(18)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħat xierqa ta’ infurzar, inkluża l-possibbiltà li tinvestiga ksur, kemm fuq l-inizjattiva tagħha stess jew abbażi ta’ lment, sabiex tordna l-impriżi kkonċernati biex itemmu tali ksur u biex timponi multi.

(19)

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja regolarment l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari l-effettività tiegħu fil-prevenzjoni ta’ prattiki anti-kompetittivi u diskriminatorji fis-suq għad-distribuzzjoni ta’ sevizzi ta’ l-ivvjaġġar permezz tas-CRSs, b’mod partikolari meta titqies il-preżenza ta’ trasportaturi b’rabtiet mill-qrib ma’ bejjiegħa tas-sistema.

(20)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat. Dan ir-Regolament huwa kumplimentari għar-regoli ġenerali dwar il- kompetizzjoni li jibqgħu applikabbli bis-sħiħ għal abbuż tal-kompetizzjoni bħal ksur ta’ l-antitrust jew abbużi ta’ pożizzjoni dominanti.

(21)

Il-ħarsien ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali huwa rregolat bid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (6). Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jiddettaljaw u jikkomplementaw id-Direttiva 95/46/KE fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ CRS.

(22)

Ir-Regolament (KE) Nru 2299/89 għandu jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe sistema ta’ riservazzjoni kompjuterizzata (“CRS”), sa fejn ikun fiha prodotti ta’ trasport bl-ajru, meta offruti għal użu jew użati fil- Komunità.

Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-prodotti tat-trasport ferrovjarju, li jkunu inkorporati flimkien mal-prodotti tat-trasport bl-ajru fil-viżwali ewlieni ta’ CRS meta offruti għall-użu jew użati fil-Komunità.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“prodott tat-trasport” tfisser il-ġarr ta’ passiġġieri bejn żewġ ajruporti jew stazzjonijiet ferrovjarji;

2.

“servizzi skedati bl-ajru” tfisser serje ta’ titjiriet li jkollhom dawn il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

fuq kull titjira, postijiet u/jew kapaċità tat-trasport tal-merkanzija u/jew posta jkunu disponibbli għax-xiri individwali mill-pubbliku (kemm direttament mit-trasportatur bl-ajru u kemm mill-aġenti awtorizzati tiegħu);

(b)

tkun operata sabiex isservi traffiku bejn l-istess żewġ ajruporti jew aktar:

skond skeda pubblikata; jew

bit-titjiriet tant regolari jew spissi li jikkostitwixxu serje sistematika li tista’ tingħaraf;

3.

“nollijiet” tfisser il-prezzijiet li għandhom jitħallsu mill-passiġġieri lil trasportaturi bl-ajru, operaturi tat-trasport ferrovjarju, l-aġenti tagħhom jew bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta’ dawk il-passiġġieri permezz ta’ servizzi ta’ trasport u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u servizzi awżiljarji oħra;

4.

“sistema ta’ riservazzjoni kompjuterizzata” jew “CRS” tfisser sistema kompjuterizzata li fiha tagħrif dwar, fost l-oħrajn, skedi, disponibbiltà u nollijiet, ta’ aktar minn trasportatur bl-ajru wieħed, bil-faċilitajiet jew mingħajrhom li jagħmlu riservazzjonijiet jew joħorġu biljetti, sa fejn uħud minn dawn is-servizzi jew dawn is-servizzi kollha jkunu disponibbli għall-abbonati;

5.

“bejjiegħ tas-sistema” tfisser kull entità u l-affiljati tagħha li tkun jew ikunu responsabbli għall-operazzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ CRS;

6.

“faċilitajiet ta’ distribuzzjoni” tfisser il-faċilitajiet ipprovduti minn bejjiegħ ta’ sistema għall-forniment tat- tagħrif dwar skedi ta’ trasportaturi bl-ajru u ta’ operaturi tat-trasport ferrovjarju, disponibbiltà, nollijiet u servizzi relatati u biex isiru r-riservazzjonijiet u/jew jinħarġu biljetti, u għal kwalunkwe servizzi relatati oħra;

7.

“trasportatur prinċipali” tfisser kull trasportatur bl-ajru jew operatur tat-trasport ferrovjarju li direttament jew indirettament, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jikkontrolla, jew jipparteċipa fil-kapital bi drittijiet jew rappreżentazzjoni fuq il-bord tad-diretturi, il-bord ta’ kontroll jew xi entità oħra ta’ tmexxija ta’ bejjiegħ tas-sistema, kif ukoll ta’ kwalunkwe trasportatur bl-ajru jew ta’ operatur tat-trasport ferrovjarju li huwa jikkontrolla;

8.

“parteċipazzjoni fil-kapital bi drittijiet jew rappreżentazzjoni fuq il-bord tad-diretturi, il-bord ta’ kontroll jew xi entità oħra ta’ tmexxija ta’ bejjiegħ tas-sistema” tfisser investiment li miegħu huma marbuta drittijiet jew rappreżentazzjoni fuq il-bord tad-diretturi, il-bord ta’ kontroll jew xi entità oħra ta’ tmexxija ta’ bejjiegħ tas-sistema, u li jagħti l-possibilità li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jeżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tmexxija tan-negozju ta’ bejjiegħ ta’ sistema;

9.

“kontroll” tfisser relazzjoni magħmula minn jeddijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezz ieħor li, separatament jew b’mod konġunt u li meta jitqiesu l-konsiderazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi involuti, jagħtu l-possibilità li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq xi impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

(a)

s-sjieda jew id-dritt li jintużaw l-assi kollha ta’ impriża, jew parti minnhom;

(b)

jeddijiet jew kuntratti li jagħtu influwenza deċiżiva fuq l-għamla, l-votazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ xi impriża;

10.

“trasportatur parteċipant” tfisser trasportatur bl-ajru jew operatur tat-trasport ferrovjarju li jkollu ftehim ma’ bejjiegħ tas-sistema għad-distribuzzjoni ta’ prodotti tat-trasport permezz ta’ CRS;

11.

“abbonat” tfisser persuna jew impriża, ħlief trasportatur parteċipanti, li tuża CRS taħt kuntratt ma’ bejjiegħ tas-sistema bl-iskop li tagħmel riservazzjonijiet ta’ prodotti ta’ trasport bl-ajru u prodotti relatati f’isem xi klijent;

12.

“viżwal ewlieni” tfisser il-viżwal newtrali komprensiv ta’ data dwar servizzi tat-trasport bejn żewġt ibliet, f’perijodu ta’ żmien speċifiku;

13.

“biljett” tfisser dokument validu li jagħti dritt ta’ trasport, jew l-ekwivalenti f’forma mhux fuq il-karta, maħruġ jew awtorizzat mit-trasportatur bl-ajru, l-operatur tat-trasport ferrovjarju jew minn aġent awtorizzat;

14.

“prodotti miġbura” tfisser kumbinazzjonijiet prestabbiliti ta’ trasport flimkien ma’ servizzi oħra mhux anċillari għat-trasport u offruti bi prezz inklussiv;

15.

“tariffa tar-riservazzjoni” tfisser il-prezz li għandu jitħallas mit-trasportatur bl-ajru lill-bejjiegħa tas-sistema għas-servizzi provduti mis-CRS.

TAQSIMA 2

REGOLI TA’ KONDOTTA GĦALL-BEJJIEGĦA TAS-SISTEMI

Artikolu 3

Relazzjonijiet mal-fornituri tat-trasport

1.   Bejjiegħ tas-sistema m’għandux:

(a)

jorbot kondizzjonijiet inġusti u/jew mhux ġustifikati ma’ kwalunkwe kuntratt ma’ trasportatur parteċipant jew jeħtieġ l-aċċettazzjoni ta’ kondizzjonijiet ulterjuri li, min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom ebda rabta mal-parteċipazzjoni fis-CRS tiegħu;

(b)

jagħmel bħala kondizzjoni ta’ parteċipazzjoni fis-CRS tiegħu li trasportatur parteċipant ma jkunx jista’ fl-istess żmien ikun parteċipant f’sistema oħra jew li trasportatur parteċipant ma jkunx jista’ juża liberament sistemi ta’ riservazzjoni alternattivi bħal sistema ta’ riservazzjoni fuq l-Internet u ċentri tat-telefonu tiegħu stess.

2.   Bejjiegħ tas-sistema għandu jdaħħal u jipproċessa data mogħtija minn trasportaturi parteċipanti bl-istess attenzjoni u prontezza, soġġett biss għal-limitazzjonijiet tal-metodu ta’ dħul magħżul minn trasportaturi parteċipanti individwali.

3.   Bejjiegħ ta’ sistema għandu jiżvela pubblikament, ħlief jekk dan ikun diġà ġie żvelat, l-eżistenza u l-ammont ta’ ishma kapitali diretti jew indiretti ta’ trasportatur bl-ajru jew operatur tat-trasport ferrovjarju f’bejjiegħ tas-sistema, jew ta’ bejjiegħ ta’ sistema fi trasportatur bl-ajru jew operatur tat-trasport ferrovjarju.

Artikolu 4

Faċilitajiet tad-distribuzzjoni

1.   Bejjiegħ tas-sistema m’għandux jirriserva xi proċedura speċifika ta’ dħul u/jew proċessar, jew xi faċilità ta’ distribuzzjoni oħra, jew kwalunkwe bidliet għal dawn, għal trasportatur parteċipant wieħed jew aktar, inkluż it-trasportatur(i) prinċipali tiegħu. Il-bejjiegħ tas-sistema għandu jipprovdi tagħrif dwar bidliet fil-faċilitajiet ta’ distribuzzjoni tiegħu u fil-proċeduri ta’ dħul/proċessar għat-trasportaturi parteċipanti kollha.

2.   Bejjiegħ tas-sistema għandu jiżgura li l-faċilitajiet ta’ distribuzzjoni tiegħu jkunu separati, mill-anqas permezz ta’ software u b’mod ċar u verifikabbli, mill-inventarju privat u l-faċilitajiet ta’ ġestjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ kwalunkwe trasportatur.

Artikolu 5

Viżwal

1.   Bejjiegħ tas-sistema għandu jipprovdi viżwal jew viżwali ewlenin għal kull tranżazzjoni individwali permezz tas-CRS tiegħu u għandu jinkludi fih id-data pprovduta minn trasportaturi parteċipanti b’mod newtrali u komprensiv u mingħajr diskriminazzjoni jew preferenzi. Il-kriterji li għandhom jintużaw fil-prijoritizzazzjoni m’għandhomx ikunu bbażati fuq xi fattur direttament jew indirettament relatat ma’ l-identità ta’ trasportatur u għandhom jiġu applikati fuq bażi mhux diskriminatorja għat-trasportaturi parteċipanti kollha. Il-viżwal jew viżwali ewlenin m’għandhomx jiżgwidaw lill-utent, għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u għandhom iħarsu r-regoli stipulati fl-Anness I.

2.   Fil-każ ta’ tagħrif provdut minn CRS lill-konsumatur, l-abbonat għandu juża viżwal newtrali skond il-paragrafu 1 ħlief jekk viżwal ieħor ikun meħtieġ biex jissodisfa l-preferenza indikata minn xi konsumatur.

3.   Titjiriet operati minn trasportaturi bl-ajru soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar skond ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera (7) għandhom ikunu identifikati b’mod ċar u speċifiku fil-viżwal.

4.   Il-bejjiegħ tas-sistema għandu jintroduċi simbolu speċifiku fil-viżwal tas-CRS li għandu jkun identifikat mill-utenti għal skopijiet ta’ tagħrif dwar l-identità tal-kumpanija ta’ l-ajru li topera skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) 2111/2005.

5.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal CRS użat minn trasportatur bl-ajru, jew operatur tat-trasport ferrovjarju, jew grupp ta’ trasportaturi bl-ajru, jew ta’ operaturi tat-trasport ferrovjarju, fl-uffiċċju jew l-uffiċċji tagħhom stess u fil-punti tal-bejgħ jew fil-websajts tagħhom stess identifikati b’mod ċar bħala tali.

Artikolu 6

Relazzjonijiet ma’ l-abbonati

1.   Bejjiegħ tas-sistema m’għandux jagħmel kondizzjonijiet inġusti u/jew mhux ġustifikati għal kuntratt ma’ abbonat, bħal projbizzjoni lil abbonat milli jabbona għal jew juża kwalunkwe sistema jew sistemi oħra, li jeħtieġu l-aċċettazzjoni ta’ kondizzjonijiet supplimentari li m’għandhom l-ebda rabta ma’ l-abbonament fis-CRS tiegħu, jew jimponi obbligu li jaċċetta offerta ta’ tagħmir tekniku jew software.

2.   Meta abbonat ikun intrapriża awtonoma li timpjega anqas minn 50 persuna u li l-fatturat annwali tiegħu u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ annwali ma jkunx jeċċedi l-EUR 10 miljuni, dan jista’ jittermina l-kuntratt tiegħu ma’ bejjiegħ tas-sistema billi jagħti avviż, li mhux meħtieġ jeċċedi tliet xhur, biex jiskadi mhux qabel it-tmiem ta’ l-ewwel sena ta’ dak il-kuntratt. F’dan il-każ, bejjiegħ tas-sistema m’għandux ikun intitolat li jieħu lura aktar milli l-ispejjeż direttament relatati mat-terminazzjoni tal-kuntratt.

Artikolu 7

Listi ta’ Data dwar Tagħrif tal-Kummerċjalizzazzjoni (“MIDT”)

1.   Il-bejjiegħa tas-sistema jistgħu jagħmlu disponibbli kwalunkwe data kummerċjali, data dwar riservazzjoni jew data dwar bejgħ kemm-il darba tali data tkun offruta bl-istess prontezza u fuq bażi mhux diskriminatorja lit-trasportaturi parteċipanti kollha, inklużi trasportatur prinċipali. Id-data tista’ u, fuq talba, għandha tkopri t-trasportaturi parteċipanti u/jew abbonati kollha;

2.   It-trasportaturi parteċipanti m’għandhomx jużaw data bħal din sabiex jinfluwenzaw l-għażla ta’ l-abbonat.

3.   Meta tali data tirriżulta mill-użu ta’ faċilitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ CRS minn abbonat stabbilit fil-Kommunità, din ma għandha tinkludi l-ebda identifikazzjoni direttament jew indirettament ta’ dak l-abbonat ħlief jekk l-abbonat u l-bejjiegħ tas-sistema jaqblu dwar il-kundizzjonijiet għall-użu xieraq ta’ data bħal din. Dan japplika wkoll għall-provvista ta’ tali data mill-bejjiegħa ta’ sistema lil kwalunkwe parti oħra għall-użu minn din il-parti minbarra għal ħlas ta’ kontijiet.

4.   Ftehimiet bejn l-abbonat(i) u l-bejjiegħ(a) tas-sistema dwar l-MIDT għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal- pubbliku.

Artikolu 8

Trattament ekwivalenti f’pajjiżi terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet internazzjonali li fihom huma parti l-Kummissjoni jew l-Istati Membri, meta t-trattament ta’ trasportaturi bl-ajru Komunitarji minn bejjiegħ tas-sistema li jopera f’pajjiż terz ma jkunx ekwivalenti għat-trattament ta’ trasportaturi parteċipanti mill-pajjiz terz fir-rigward ta’ kwalunkwe materja f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ il-bejjiegħa tas-sistema kollha li joperaw fil-Komunità li jittrattaw it-trasportaturi bl-ajru ta’ dak il-pajjiż terz bl-istess mod li huwa ekwivalenti għat-trattament ta’ trasportaturi bl-ajru Komunitarji f’dak il-pajjiż terz.

2.   Il-Kummissjoni għandha timmoniterja l-applikazzjoni tat-trattament diskriminatorju jew mhux ekwivalenti tal-kumpaniji ta’ l-ajru tal-Komunità mill-bejjiegħa tas-sistema fil-pajjiżi terzi. Fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tinvestiga każijiet potenzjali ta’ diskriminazzjoni kontra trasportaturi bl-ajru tal-Komunità f’CRSs ta’ pajjiżi terzi. Fejn tinstab tali diskriminazzjoni, qabel ma tittieħed deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u l-partijiet interessati u tfittex il-kummenti tagħhom, inkluż biż-żamma ta’ laqgħa ta’ esperti rilevanti mill-Istati Membri.

TAQSIMA 3

REGOLI TA’ KONDOTTA GĦALL-FORNITURI TAT-TRASPORT

Artikolu 9

Data provduta minn trasportaturi parteċipanti

Trasportaturi parteċipanti, u intermedjarji li jitrattaw id-data, għandhom jiżguraw li d-data li jippreżentaw lil CRS tkun preċiża u li d-data tippermetti lill-bejjiegħ tas-sistema li jirrispetta r-regoli stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 10

Regoli speċifiċi għat-trasportaturi prinċpali

1.   It-trasportatur prinċipali ma għandux, suġġett għar-reċiproċità hekk kif imsemmija fil-paragrafu 2, jiddiskrimina kontra CRS kompetitur billi jirrifjuta li jipprovdi lil dan ta’ l-aħħar, fuq talba u bl-istess prontezza, l-istess data dwar skedi, nollijiet u disponibbiltà dwar il-prodotti tiegħu tat-trasport bħal dawk li dan jipprovdi lis-CRS tiegħu, jew li jiddistribwixxi l-prodotti tat-trasport tiegħu permezz ta’ CRS ieħor, jew billi jirrifjuta li jaċċetta jew jikkonferma bl-istess prontezza riservazzjoni magħmula permezz ta’ CRS kompetitur għal xi wieħed mill-prodotti tat-trasport tiegħu li jkun distribwit permezz tas-CRS tiegħu. It-trasportatur prinċipali għandu jkun obbligat li jaċċetta u li jikkonferma biss dawk il-riservazzjonijiet li jkunu konformi man-nollijiet u kundizzjonijiet tiegħu.

2.   CRS li jikkompeti ma għandux jirrifjuta li jżomm data rigward skedi, nollijiet u postijiet disponibbli fir-rigward tas-servizzi tat-trasport offruti minn trasportatur prinċipali u għandu jdaħħal u jipproċessa d-data bl-istess attenzjoni u prontezza bħal dik mogħtija lill-klijenti u lill-abbonati l-oħra tagħhom għal kull wieħed mis-swieq, soġġett biss għal-limitazzjonijiet tal-metodu ta’ dħul magħżul minn trasportaturi parteċipanti individwali.

3.   It-trasportatur prinċipali m’għandux ikun obbligat li jaċċetta xi spejjeż f’dan ir-rigward minbarra dawk għal riproduzzjoni tad-data li għandha tingħata u għall-riservazzjonijiet aċċettati. It-tariffa tar-riservazzjoni pagabbli lil CRS għal riservazzjoni aċċettata magħmula skont il-paragrafu 1 għandha tkun konformi mat-tariffa mitluba mill-istess CRS lil trasportaturi parteċipanti oħra għal tranżazzjonijiet ekwivalenti.

4.   Trasportatur prinċipali m’għandux, la direttament u lanqas indirettament, jiddiskrimina favur is-CRS tiegħu stess billi jorbot l-użu ta’ xi CRS speċifika minn abbonat ma’ l-akkwist ta’ xi senserija jew inċentiv jew disinċentiv ieħor għall-bejgħ ta’ prodotti tat-trasport tiegħu.

5.   It-trasportatur prinċipali m’għandux, la direttament u lanqas indirettament, jiddiskrimina favur is-CRS tiegħu stess billi jeħtieġ l-użu ta’ xi CRS speċifika minn abbonat għal bejgħ jew ħruġ ta’ biljetti għal kwalunkwe prodott tat-trasport fornut kemm direttament jew indirettament minnu.

TAQSIMA 4

PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI

Artikolu 11

L-ipproċessar, l-aċċess u l-ħżin ta’ data personali

1.   Id-data personali miġbura matul l-attivitajiet ta’ CRS esklussivament għall-fini li ssir riservazzjoni jew jinħarġu biljetti għal prodotti tat-trasport għandha biss tiġi pproċessata b’mod kompatibbli ma’ dawn il-finijiet. Fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ tali data, bejjiegħ tas-sistema għandu jitqies bħala kontrollur tad-data skond l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE.

2.   Id-data personali għandha biss tiġi pproċessata sakemm l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt.

3.   Meta jkunu involuti kategoriji speċjali ta’ data msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE, tali data għandha biss tiġi pproċessata meta s-suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu jew tagħha għall-ipproċessar ta’ dik id-data fuq bażi infurmata.

4.   It- tagħrif taħt il-kontroll tal-bejjiegħ tas-sistema dwar riservazzjonijiet individwali identifikabbli għandha tiġi maħżuna offline fi żmien tnejn u sebgħin siegħa mit-tlestija ta’ l-aħħar element fir-riservazzjonitazzjoni individwali u għandha tinqered fi żmien tliet snin. L-aċċess għal tali data għandu jkun permess biss għal raġunijiet ta’ tilwim dwar il-kontijiet.

5.   Data ta’ kummerċjalizzazzjoni, ta’ riservazzjoni u ta’ bejgħ li ssir disponibbli minn bejjiegħ ta’ sistema m’għandha tinkludi l-ebda identifikazzjoni, kemm direttament jew indirettament, ta’ persuni fiżiċi jew, fejn applikabbli, ta’ l-organizzazzjonijiet jew kumpaniji li f’isimhom ikunu qed jaġixxu.

6.   Fuq talba, abbonat għandu jinforma lill-konsumatur dwar l-isem u l-indirizz tal-bejjiegħ tas-sistema, l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, it-tul taż-żamma tad-data personali u l-mezzi disponibbli għas-suġġett tad-data biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu jew tagħha ta’ aċċess.

7.   Suġġett tad-data għandu jkun intitolat li jkollu aċċess mingħajr ħlas għad-data li tirrelata miegħu irrispettivament minn jekk id-data tkunx maħżuna mill-bejjiegħ tas-sistema jew mill-abbonat.

8.   Id-drittijiet rikonoxxuti f’dan l-Artikolu huma kumplimentari għal u għandhom jeżistu b’żieda mad-drittijiet tas-suġġett tad-data stipulati bid-Direttiva 95/46/KE, bid-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond l-istess Direttiva u bid-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali li għalihom il-Komunità hija parti.

9.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jiddettaljaw u jikkumplementaw id-Direttiva 95/46/KE għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Għajr fejn speċifikat xorta oħra, id-definizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva għandhom japplikaw. Meta d-dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ CRS stipulati f’dan l-Artikolu ma japplikawx, dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond l-istess Direttiva u d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali li għalihom il-Komunità hija parti.

10.   Fejn bejjiegħ ta’ sistema jopera ġabriet ta’ data f’kapaċitajiet differenti bħal, bħala CRS, jew bħala servizz ospitanti għall-kumpaniji ta’ l-ajru, għandhom jittieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiġi evitat li wieħed idur mar-regoli tal-protezzjoni tad-data personali permezz ta’ l-interkonnessjoni bejn il-ġabriet ta’ data, u biex jiġi żgurat li d-data personali tkun aċċessibbli biss għar-raġuni speċifika li għaliha tkun inġabret.

TAQSIMA 5

AWDITJAR

Artikolu 12

Awditur u rapport awditjat

1.   Kull erba’ snin u, barra minn hekk, kull meta issir talba mill-Kummissjoni, kull bejjiegħ tas-sistema għandu jressaq rapport ivverifikat b’mod indipendenti bid-dettalji dwar l-istruttura tas-sjieda u dwar il-mudell ta’ governanza. L-ispejjeż relatati mar-rapport ivverifikat għandhom jinġarru mill-bejjiegħ tas-sistema.

2.   Il-bejjiegħ tas-sistema għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-identità ta’ l-awditur qabel ma tiġi kkonfermata l-ħatra. Il-Kummissjoni tista’ toġġezzjona u, fi żmien xahrejn u wara konsultazzjoni ma’ l-awditur, mal-bejjiegħ tas-sistema u ma’ kwalunkwe parti oħra li tiddikjara interess leġittimu, għandha tiddeċiedi jekk l-awditur għandux jinbidel jew le.

TAQSIMA 6

KSUR U PENALI

Artikolu 13

Ksur

Fejn il-Kummissjoni, li taġġixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva tagħha, issib li hemm ksur ta’ dan ir-Regolament, hi tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi kkonċernati jġibu fit-tmiem dan il-ksur. Investigazzjonijiet dwar ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament għandhom iqisu b’mod sħiħ ir-riżultati ta’ kwalunkwe inkjesta skond l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.

Artikolu 14

Setgħat investigattivi

Sabiex twettaq id-doveri assenjati lilha b’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, sempliċiment b’talba jew b’deċiżjoni, tirrikjedi l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi biex jipprovdu t- tagħrif kollu meħtieġ, inkluż il-forniment ta’ verifiki speċifiċi b’mod partikolari dwar kwistjonijiet koperti mill-Artikoli 4, 7, 10 u 11.

Artikolu 15

Multi

1.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi multi ta’ mhux aktar minn 10 % tal-fatturat totali fis-sena preċedenti tan-negozju fejn, intenzjonalment jew b’negliġenza, jiksru dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi multi ta’ mhux aktar minn 1 % tal-fatturat totali fis-sena preċedenti tan-negozju fejn, intenzjonalment jew b’negliġenza, dawn jipprovdu tagħrif mhux korrett jew mhux komplet jew ma jipprovdux tagħrif fiż-żmien rikjest fi tweġiba għal talba magħmula b’deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 14.

3.   Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi għandhom jitqiesu kemm il-gravità kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-ksur.

4.   Il-multi m’għandhomx ikunu ta’ natura kriminali.

5.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu biex tirrevedi deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni tkun imponiet multa. Hija tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa.

Artikolu 16

Proċeduri

1.   Qabel ma tieħu deċiżjonijiet skond l-Artikoli 13 u 15, il-Kummissjoni għandha toħroġ lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi kkonċernati dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u tagħtihom opportunità jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u, jekk huma hekk jitolbu, waqt seduta ta’ smiegħ.

2.   Il-Kummissjoni m’għandhiex tiżvela tagħrif tat-tip kopert mill-obbligu tas-sigriet professjonali li tkun kisbet skond dan ir-Regolament.

Kull persuna li tippreżenta tagħrif lill-Kummissjoni skond dan ir-Regolament għandha b’mod ċar tidentifika kull materjal li tikkunsidra kunfidenzjali, waqt li tagħti raġunijiet, u tipprovdi verżjoni separata mhux kunfidenzjali sad-data stabbilita mill-Kummissjoni.

3.   Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li abbażi tat- tagħrif fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex taġixxi dwar ilment, hija għandha tgħarraf lil min jagħmel l-ilment bir-raġunijiet tagħha u tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih min jagħmel l-ilment jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu bil-miktub.

Jekk min jagħmel l-ilment jgħarraf il-fehmiet tiegħu fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni u s-sottomissjonijiet bil-miktub magħmula minn min jagħmel l-ilment ma jwasslux għal valutazzjoni differenti ta’ l-ilment, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-ilment b’deċiżjoni. Jekk min jagħmel l-ilment jonqos li jagħti tagħrif dwar il-fehmiet tiegħu fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, l-ilment għandu jitiqies li kien irtirat.

Meta l-Kummissjoni toħroġ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, għandha tipprovdi lil min qed jilmenta b’kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali u tistipula limitu ta’ żmien sa meta min qed jilmenta jkun jista’ jressaq il-fehmiet tiegħu bil-miktub.

4.   Jekk tintalab dan, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-partijiet li lilhom tkun indirizzat id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u lil min qed jilmenta. L-aċċess għandu jkun mogħti wara n-notifika tal-istqarrija ta’ l-oġġezzjonijiet. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl m’għandux jinkludi aċċess għas-sigrieti tan-negozju, tagħrif kunfidenzjali ieħor u dokumenti interni tal-Kummissjoni.

5.   Jekk il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ, tista’ wkoll tisma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra.

TAQSIMA 7

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Taħsir

1.   Ir-Regolament (KE) 2299/89 huwa b’dan imħassar.

2.   Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir- Regolament u jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness II.

Artikolu 18

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, fuq bażi regolari, tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jekk meħtieġ, bl-assistenza ta’ verifiki speċifiċi kif previst fl-Artikolu 14. B’mod partikolari, hija għandha, teżamina l-effettività ta’ dan ir-Regolament fl-iżgurar tan-non-diskriminazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fis-suq għal servizzi tas-CRS.

2.   Meta jkun il-każ, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8 dwar it-trattament ekwivalenti fil-pajjiżi terzi u għandha tipproponi kwalunkwe miżura xierqa sabiex jittaffew l-kundizzjonijiet diskriminatorji, inklużi l-konklużjoni jew il-modifika tal-ftehimiet bilaterali tat-trasport bl-ajru bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi.

3.   Sad-29 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li għandu jivvaluta l-ħtieġa li jinżamm, jiġi emendat jew jitħassar dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Jannar 2009.

Għall-Parlament Ewropew,

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


(1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 57.

(2)  ĠU C 233, 11.9.2008, p. 1.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Settembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008

(4)  ĠU L 220, 29.7.1989, p. 1.

(5)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(6)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31

(7)  ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15.


ANNESS I

REGOLI APPLIKABBLI GĦALL-VIŻWALI EWLENIN

1.   Meta l-prezzijiet jintwerew fil-viżwal ewlieni, u/jew meta tintgħażel ordni ibbażata fuq il-prezzijiet, il-prezzijiet għandhom jinkludu n-nollijiet kollha u t-taxxi, l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u t-tariffi kollha applikabbli li għandhom jitħallsu lit-trasportatur bl-ajru jew lill-operatur tat-trasport ferrovjarju, u li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli f’dak il-mument li jidhru fuq il-viżwal.

2.   M’għandha ssir l-ebda diskriminazzjoni abbażi ta’ l-ajruporti jew stazzjonijiet ferrovjarji li jservu l-istess belt meta jiġu stabbiliti u magħżula l-prodotti tat-trasport bejn żewġt ibliet partikolari biex jidħlu f’viżwal ewlieni.

3.   Titjiriet li ma jkunux servizzi a’ l-ajru skedati tgħandhom ikunu identifikabbli b’mod ċar. Konsumatur għandu jkun intitolat li, fuq talba, ikollu viżwal ewlieni limitat għal servizzi skedati jew mhux skedati biss.

4.   It-titjiriet li jkun fihom waqfiet matul il-vjaġġ għandhom ikunu identifikabbli b’mod ċar.

5.   Meta t-titjiriet jiġu operati minn trasportatur bl-ajru li ma jkunx it-trasportatur bl-ajru identifikat mill-kodiċi nominattiv tat-trasportaturi, l-operatur reali tat-titjira għandu jkun identifikat b’mod ċar. Dan ir-rikwiżit għandu jgħodd fil-każijiet kollha, minbarra f’arranġamenti ad hoc għal żmien qasir.

6.   Tagħrif dwar prodotti miġbura m’għandux jidher fil-viżwal ewlieni.

7.   Fuq l-għażla ta’ l-abbonat, għażliet ta’ vjaġġar fil-viżwal ewlieni għandhom ikunu klassifikati skont in-nollijiet jew fl-ordni li ġejja:

(i)

għażliet ta’ vjaġġar bla waqfien skond il-ħin tat-tluq;

(ii)

l-għażliet ta’ vjaġġar l-oħra kollha skond it-tul ta’ ħin totali tal-vjaġġ.

8.   Ħlief kif stipulat fil-punt 10, l-ebda għażla ta’ vjaġġar ma tista’ tidher aktar minn darba fi kwalunkwe viżwal ewlieni.

9.   Meta għażliet ta’ vjaġġar huma klassifikati b’konformità mal-punt 7(i) u (ii), u meta servizzi diretti tal-ferrovija bejn l-istess żewġt ibliet ikunu offruti fis-CRS, ta’ l-anqas is-servizz tal-ferrovija jew is-servizz tal-ajru u tal-ferrovija flimkien li jkun ikklassifikat l-aħjar għandu jidher fl-ewwel skrin tal-viżwal ewlieni.

10.   Meta żewġ trasportaturi bl-ajru joperaw taħt arranġamenti ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi, kull wieħed mit-trasportaturi bl-ajru kkonċernat — mhux aktar minn tnejn — għandu jitħalla jkollu viżwal separat li juża l-kodiċi nominattiv tat-trasportatur tiegħu. Meta aktar minn żewġ trasportaturi jkunu involuti, l-għażla taż-żewġ trasportaturi għandha tkun tat-trasportatur li jkun qiegħed fil-fatt jopera t-titjira.


ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KEE) Nru 2299/89

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3(1) u (2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(4)

Artikolu 4(1)

Artikolu 3a

Artikolu 10(1) u (3)

Artikolu 4(1)

Artikolu 9

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 3(2)

l-Artikolu 4a(1) u (2)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4a(3)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4a(4)

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

L-Artikoli 7 u 11

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 10(4) u (5)

Artikolu 9

Artikolu 6

Artikolu 9a

Artikoli 5(2) u 11

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 13

Artikolu 12

Artikolu 14

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 16(2)

Artikolu 15

Artikolu 14

Artikolu 16

Artikolu 15(1) sa (4)

Artikolu 17

Artikolu 15(5)

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 16(1) u (5)

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 21a

Artikolu 21b

Artikolu 22

Artikolu 11

Artikolu 23

Artikolu 18

Anness I

Anness I


Top