Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009G1204(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat- 30 ta' Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

4.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 295/1


RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta' Novembru 2009

dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 295/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Billi:

(1)

Fl-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-“Konvenzjoni”) tikkostitwixxi l-bażi komuni għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, li għall-finijiet ta' din ir-Riżoluzzjoni jinkludu l-istadju ta' qabel il-kawża u l-istadju tal-kawża innifisha.

(2)

Barra minn hekk, il-Konvenzjoni, kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hija fondazzjoni importanti għall-Istati Membri biex ikollhom fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin u biex isaħħu din il-fiduċja. Fl-istess waqt, hemm lok għal aktar azzjoni tal-Unjoni Ewropea biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u r-rispett tal-istandards tal-Konvenzjoni, u, fejn adatt, biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-istandards applikabbli u biex jitjiebu l-istandards eżistenti.

(3)

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet b'suċċess qasam ta' libertà tal-moviment u r-residenza, li ċ-ċittadini jibbenefikaw minnu billi jivjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu dejjem aktar f'pajjiżi oħra barra dak tar-residenza tagħhom. Madankollu, it-tneħħija ta' fruntieri interni u l-eżerċizzju dejjem jiżdied tad-drittijiet għal-libertà tal-moviment u r-residenza wasslu, b’konsegwenza inevitabbli, għal żieda fin-numru ta' nies li qed ikunu involuti fi proċedimenti kriminali fi Stat Membru barra dak tar-residenza tagħhom. F'dawk is-sitwazzjonijiet, id-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati huma partikolarment importanti sabiex jiġi salvagwardjat id-dritt għal proċess ġust.

(4)

Fil-fatt, filwaqt li ttieħdu diversi miżuri fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex jiġi ggarantit livell għoli ta' sigurtà għaċ-ċittadini, hemm ħtieġa ugwali li jiġu indirizzati problemi speċifiċi li jistgħu jinħolqu meta persuna tkun suspettata jew akkużata fi proċedimenti kriminali.

(5)

Dan jitlob għal azzjoni speċifika dwar id-drittijiet proċedurali, sabiex tkun żgurata l-ġustizzja tal-proċedimenti kriminali. Tali azzjoni, li tista' tinkludi leġislazzjoni kif ukoll miżuri oħra, ser issaħħaħ il-kunfidenza taċ-ċittadini li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ser jipproteġu u jiggarantixxu d-drittijiet tagħhom.

(6)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-1999 kkonkluda li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, għandha titnieda ħidma wkoll fuq dawk l-aspetti ta' liġi proċedurali li dwarhom huma kkunsidrati meħtieġa standards minimi komuni sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, waqt li jiġu rrispettati l-prinċipji legali fundamentali tal-Istati Membri (Konklużjoni 37).

(7)

Barra minn hekk, il-Programm tal-Aja tal-2004 jiddikjara li r-realizzazzjoni ulterjuri tar-rikonoxximent reċiproku bħala l-bażi fundamentali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja timplika l-iżvilupp ta' standards ekwivalenti għal drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali, ibbażati fuq studji ta' livelli eżistenti ta' protezzjoni fl-Istati Membri u bir-rispett dovut lejn it-tradizzjonijiet legali tagħhom (punt III 3.3.1.).

(8)

Ir-rikonoxximent reċiproku jippresupponi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jafdaw is-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħrajn. Għall-finijiet tat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fl-Unjoni Ewropea, huwa importanti li, flimkien mal-Konvenzjoni, jkun hemm standards tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali li huma implimentati u applikati tajjeb fl-Istati Membri.

(9)

Studji reċenti juru li hemm appoġġ wiesa' fost l-esperti għall-azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet proċedurali, permezz ta' leġislazzjoni u miżuri oħrajn, u li hemm ħtieġa għal fiduċja reċiproka msaħħa bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri (1). Dawn is-sentimenti ġew espressi wkoll mill-Parlament Ewropew (2). Fil-Komunikazzjoni tagħha għall-programm ta' Stokkolma (3), il-Kummissjoni Ewropea tosserva li t-tisħiħ tad-drittijiet ta’ difiża huwa vitali sabiex tinżamm il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja pubblika fl-Unjoni Ewropea.

(10)

Id-diskussjonijiet dwar id-drittijiet proċedurali fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea f'dawn l-aħħar ftit snin ma wasslu għall-ebda riżultat konkret. Madankollu, sar ħafna progress fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija dwar miżuri li jiffaċilitaw il-prosekuzzjoni. Issa huwa l-waqt li tittieħed azzjoni biex jittejjeb il-bilanċ bejn dawn il-miżuri u l-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-individwu. Għandhom isiru sforzi biex jissaħħu l-garanziji proċedurali u r-rispett tal-istat ta' dritt fil-proċedimenti kriminali, ikun fejn ikun fl-Unjoni Ewropea fejn iċ-ċittadini jiddeċiedu li jivjaġġaw, jistudjaw, jaħdmu jew jgħixu.

(11)

Waqt li nżommu f'moħħna l-importanza u l-kumplessità ta' dawn il-kwistjonijiet, jidher adatt li dawn jiġu indirizzati f'approċċ gradwali, filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza ġenerali. Billi jiġu indirizzati l-azzjonijiet futuri qasam wieħed wara l-ieħor, tista' tingħata attenzjoni ffokata lil kull miżura individwali, sabiex il-problemi jkunu jistgħu jiġu identifikati u indirizzati b'mod li jagħti valur miżjud lil kull miżura.

(12)

Minħabba n-natura non-eżawrjenti tal-katalogu ta' miżuri mniżżla fl-Anness għal din ir-Riżoluzzjoni, il-Kunsill għandu jikkunsidra wkoll il-possibbiltà li jindirizza l-kwistjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali barra minn dawk elenkati f'dak il-katalogu.

(13)

Kwalunkwe att leġislattiv ġdid tal-UE f'dan il-qasam għandu jkun konsistenti mal-istandards minimi stabbiliti mill-Konvenzjoni, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

B'DAN JADOTTA R-RIŻOLUZZJONI LI ĠEJJA:

1.

Għandha tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex jissaħħu d-drittijiet ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Tali azzjoni tista' tinkludi leġislazzjoni kif ukoll miżuri oħra.

2.

Il-Kunsill japprova l-“Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali” (minn issa msejjaħ “il-Pjan direzzjonali”), imniżżel fl-Anness għal din ir-Riżoluzzjoni, bħala l-bażi għal azzjoni futura. Id-drittijiet inklużi f'dan il-pjan direzzjonali, li jistgħu jiġu kkomplimentati bi drittijiet oħrajn, huma meqjusin bħala drittijiet proċedurali fundamentali u azzjoni fir-rigward ta' dawn id-drittijiet f'dan l-istadju għandha tingħata prijorità.

3.

Il-Kummissjoni hi mistiedna tippreżenta proposti dwar il-miżuri stabbiliti fil-Pjan direzzjonali, u tikkunsidra li tippreżenta l-Green Paper imsemmija taħt il-punt F.

4.

Il-Kunsill ser jeżamina l-proposti kollha ppreżentati fil-kuntest tal-Pjan direzzjonali u jwiegħed li jittrattahom bħala kwistjonijiet ta' prijorità.

5.

Il-Kunsill ser jaġixxi f'kooperazzjoni sħiħa mal-Parlament Ewropew, skont ir-regoli applikabbli, u ser jikkollabora kif suppost mal-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  Ara inter alia l-“Analiżi tal-futur tar-rikonoxximent reċiproku f'materji kriminali fl-Unjoni Ewropea”, rapport tal-20 ta' Novembru 2008 mill-Université Libre de Bruxelles.

(2)  Ara pereżempju r-“Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta' qasam tal-ġustizzja kriminali tal-UE”, 2009/2012(INI), punt 1 a).

(3)  “Qasam ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li jservi liċ-ċittadini”, COM(2009) 262/4 (punt 4.2.2.).


ANNESS

PJAN DIREZZJONALI GĦAT-TISĦIĦ TAD-DRITTIJIET PROĊEDURALI TA' PERSUNI SUSPETTATI JEW AKKUŻATI FI PROĊEDIMENTI KRIMINALI

L-ordni tad-drittijiet indikati f'dan il-Pjan direzzjonali hija indikattiva. Huwa enfasizzat li l-ispjegazzjonijiet provduti hawn taħt iservu biss biex jagħtu indikazzjoni tal-azzjoni proposta, u m'għandhomx l-għan li jirregolaw minn qabel l-ambitu u l-kontenut preċiż tal-miżuri kkonċernati.

Miżura A:   Traduzzjoni u Interpretazzjoni

Spjegazzjoni qasira:

Il-persuna suspettata jew akkużata għandha tkun kapaċi tifhem x'qed jiġri u tinftiehem hija stess. Persuna suspettata jew akkużata li ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa użata fil-proċedimenti ser tkun teħtieġ interpretu u traduzzjoni ta' dokumenti proċedurali essenzjali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll għall-ħtiġijiet ta' persuni suspettati jew akkużati li għandhom problemi ta' smigħ.

Miżura B:   Informazzjoni dwar id-Drittijiet u Informazzjoni dwar l-Akkużi

Spjegazzjoni qasira:

Persuna li hija suspettata jew akkużata b'reat għandha tikseb informazzjoni dwar id-drittijiet bażiċi tagħha bil-fomm jew, fejn adattat, bil-miktub, pereżempju permezz ta' Ittra tad-Drittijiet. Barra minn hekk, dik il-persuna għandha wkoll tirċievi informazzjoni minnufih dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontriha. Persuna li tkun ġiet ikkundannata għandha tkun intitolata, fil-ħin xieraq, għall-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tad-difiża tagħha, bl-intendiment li dan ma jippreġudikax il-kors kif suppost tal-proċedimenti kriminali.

Miżura C:   Parir Legali u Għajnuna Legali

Spjegazzjoni qasira:

Id-dritt għal parir legali (permezz ta’ avukat) għall-persuna suspettata jew akkużata fi proċedimenti kriminali fil-fażi xierqa l-aktar possibbli ta' tali proċedimenti huwa fundamentali sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċedimenti; id-dritt għal għajnuna legali għandu jiżgura aċċess effettiv għad-dritt għal parir legali msemmi hawn fuq.

Miżura D:   Komunikazzjoni ma' Qraba, ma' Min Iħaddem u ma' Awtoritajiet Konsulari

Spjegazzjoni qasira:

Persuna suspettata jew akkużata li tiġi miċħuda mil-libertà tagħha għandha tiġi informata minnufih bid-dritt li jkollha tal-inqas persuna waħda, bħal membru tal-familja jew min iħaddimha, informata biċ-ċaħda tal-libertà, bl-intendiment li dan m'għandux jippreġudika l-kors kif suppost tal-proċedimenti kriminali. Barra minn hekk, persuna suspettata jew akkużata li tiġi miċħuda mil-libertà tagħha fi Stat ieħor barra minn dak tagħha stess għandha tiġi informata bid-dritt li l-awtoritajiet konsulari kompetenti jiġu informati biċ-ċaħda tal-libertà.

Miżura E:   Salvagwardji Speċjali għal Persuni Suspettati jew Akkużati u li jkunu Vulnerabbli

Spjegazzjoni qasira:

Sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċedimenti, huwa importanti li tingħata attenzjoni speċjali lil persuni suspettati jew akkużati li ma jistgħux jifhmu jew isegwu l-kontenut jew it-tifsira tal-proċedimenti, minħabba pereżempju l-età tagħhom, il-kondizzjoni mentali jew fiżika.

Miżura F:   Green Paper dwar Detenzjoni Qabel il-Proċess

Spjegazzjoni qasira:

Iż-żmien li persuna tistà tqatta' f'detenzjoni qabel ma tiġi pproċessata fil-qorti u matul il-proċedimenti tal-qorti jvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri. Perjodi eċċessivament twal ta' detenzjoni ta' qabel il-proċess huma detrimentali għall-individwu, jistgħu jippreġudikaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u ma jirrappreżentawx il-valuri li tħaddan l-Unjoni Ewropea. Miżuri adatti f'dan il-kuntest għandhom ikunu eżaminati f'Green Paper.


Top