This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008R1102
Regulation (EC) No 1102/2008 of the European Parliament and of the Council of 22 October 2008 on the banning of exports of metallic mercury and certain mercury compounds and mixtures and the safe storage of metallic mercury (Text with EEA relevance)
Regolament (KE) Nru 1102/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-projbizzjoni tal-merkurju metalliku u ta’ ċerti komposti u taħlitiet tal-merkurju u l-ħżin sikur tal-merkurju metalliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament (KE) Nru 1102/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-projbizzjoni tal-merkurju metalliku u ta’ ċerti komposti u taħlitiet tal-merkurju u l-ħżin sikur tal-merkurju metalliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 304, 14.11.2008, pp. 75–79
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2017; Imħassar b' 32017R0852
|
14.11.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 304/75 |
REGOLAMENT (KE) Nru 1102/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Ottubru 2008
dwar il-projbizzjoni tal-merkurju metalliku u ta’ ċerti komposti u taħlitiet tal-merkurju u l-ħżin sikur tal-merkurju metalliku
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu u, fir-rigward ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 133 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
|
(1) |
Ir-rilaxxi tal-merkurju huma rikonoxxuti bħala theddida globali li titlob azzjoni f’livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u globali. |
|
(2) |
Konformenent mal-Komunikazzjoni, mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, imsejħa “Strateġija Komunitarja dwar il-Merkurju”, mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ġunju 2005 u mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Marzu 2006 (3) dwar l-istrateġija msemmija hawn fuq, huwa meħtieġ li jitnaqqas ir-riskju ta’ l-espożizzjoni tal-bniedem u ta’ l-ambjent għall-merkurju. |
|
(3) |
Il-miżuri li jittieħdu fil-livell Komunitarju jridu jitqiesu bħala parti minn sforz globali sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ espożizzjoni għall-merkurju, partikolarment fil-qafas ta’ Programm dwar il-Merkurju taħt il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(4) |
Il-problemi ambjentali u soċjali jirriżultaw mill-għeluq tal-minjieri tal-merkurju fil-Komunità. Għandu jibqa’ jingħata l-appoġġ għal proġetti u inizjattivi oħra permezz tal-mekkaniżmu disponibbli ta’ finanzjament sabiex iz-żoni milquta jkunu jistgħu jsibu s-soluzzjonijiet vijabbli għall-ambjent lokali, għall-impjiegi u għall-attività ekonomika. |
|
(5) |
Jeħtieġ li l-esportazzjoni tal-merkurju metalliku, taċ-ċinabru mhux maħdum, tal-klorur tal-merkurju (I), ta’ l-ossidu tal-merkurju (II) u tat-taħlitiet tal-merkurju metalliku ma’ sustanzi oħra, fosthom il-liegi tal-merkurju, b’konċentrazzjoni tal-merkurju ta’ mill-inqas 95 % piż b’piż mill-Komunità tiġi pprojbita sabiex il-provvista globali tal-merkurju titnaqqas b’mod sinifikattiv. |
|
(6) |
Il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni ser tirriżulta f’ammonti konsiderevoli ta’ merkurju żejjed fil-Komunità li għandhom jiġu impediti milli jerġgħu jidħlu fis-suq. Għalhekk, il-ħżin sikur ta’ dan il-merkurju fi ħdan il-Komunità għandha tkun żgurata. |
|
(7) |
Sabiex isir provvediment għall-possibbiltajiet ta’ ħżin sikur tal-merkurju metalliku li jkun kunsidrat bħala skart, huwa xieraq li ssir deroga mill-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (4) għal ċerti tipi ta’ terraferma artifiċjali u li l-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2.4 ta’ l-Anness tad-Deċizjoni tal-Kunsill 2003/33/KE tad-19 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi l-kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ skart f’terraferma artifiċjali skond l-Artikolu 16 ta’ u l-Anness II tad-Direttiva 1999/31/KE (5) jiġu dikjarati mhux applikabbli għall-ħżin temporanju rikuperabbli ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena f’faċilitajiet fuq l-art dedikati u mgħammra għal dan il-għan. |
|
(8) |
Id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 1999/31/KE għandhom japplikaw għall-faċilitajiet kollha tal-ħżin għall-merkurju metalliku li jitqies bħala skart. Dawn jinkludu r-rekwiżit, stabbilit fl-Artikolu 8 (a)(iv) ta’ dik id-Direttiva, li l-applikant għal permess jipprovdi adegwatament, permezz ta’ garanzija finanzjarja jew b’mod ekwivalenti ieħor, sabiex jiżgura li l-obbligi (fosthom provvediment għall-kura ta’ wara) stipulati taħt il-permess jitwettqu u li l-proċeduri ta’ l-għeluq jiġu segwiti. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (6) tapplika għal faċilitajiet ta’ ħżin bħal dawn. |
|
(9) |
Għal ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena waħda f’faċilitajiet fuq l-art dedikati u mgħammra għal dan il-għan, għandha tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (7). |
|
(10) |
Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (8). Madankollu, sabiex jippermettu r-rimi b’mod adegwat tal-merkurju metalliku fil-Komunità, l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u d-dispaċċ huma mħeġġin jevitaw li jqajmu oġġezzjonijiet għal vjeġġi ta’ merkurju metalliku li jkun meqjus bħala skart abbażi ta’ l-Artikolu 11(1)(a) ta’ dak ir-Regolament. Hu nnutat li, skond l-Artikolu 11(3) tiegħu, fil-każ ta’ skart perikoluż prodott fi Stat Membru tad-dispaċċ fi kwantità totali kull sena tant żgħira li l-provvediment ta’ installazzjonijiet speċjalizzati ġodda għar-rimi f’dak l-Istat Membru ma jkunx ekonomiku, l-Artikolu 11(1)(a) tiegħu ma japplikax. |
|
(11) |
Sabiex jiġi żgurat ħżin sikur għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, il-valutazzjoni ta’ sikurezza għall-ħżin taħt l-art skond id-Deċiżjoni 2003/33/KE għandha tkun komplementata b’rekwiżiti speċifiċi u għandha wkoll issir applikabbli għall-ħżin mhux taħt l-art. L-ebda operazzjoni ta’ rimi finali m’għandha tiġi permessa sakemm għad iridu jiġu adottati r-rekwiżiti speċjali u l-kriterji ta’ aċċettazzjoni. Il-kondizzjonijiet tal-ħżin f’minjiera tal-melħ jew f’formazzjonijiet ta’ blat iebes taħt l-art fil-fond, adattati għar-rimi tal-merkurju metalliku, għandhom notevolment jissodisfaw il-prinċipji tal-protezzjoni ta’ l-ilma ta’ l-art kontra l-merkurju, tal-prevenzjoni ta’ emissjonijiet vaporifiċi ta’ merkurju, ta’ l-impermeabbiltà ta’ l-inħawi għall-gassijiet u l-likwidi u – fil-każ ta’ ħżin permanenti – tas-siġillar sikur ta’ l-iskart fit-tmiem tal-proċess ta’ deformazzjoni tal-minjiera. Dawk il-kriterji għandhom jiġu introdotti fl-Annessi tad-Direttiva 1999/31/KE, meta jiġu emendati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. |
|
(12) |
Il-kondizzjonijiet tal-ħżin fuq l-art għandhom notevolment jissodisfaw il-prinċipji tar-reversibbiltà tal-ħżin, tal-protezzjoni tal-merkurju kontra l-ilma meteoriku, ta’ l-impermeabbiltà lejn il-ħamrija u tal-prevenzjoni ta’ emissjonijiet vaporifiċital-merkurju. Dawk il-kriterji għandhom jiġu introdotti fl-Annessi tad-Direttiva 1999/31/KE meta jiġu emendati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-ħżin fuq l-art ta’ merkurju metalliku għandu jitqies bħala soluzzjoni temporanja. |
|
(13) |
L-industrija tal-kloro-alkali għandha tibgħat id-data kollha relatata mad-diżattivazzjoni ta’ ċelluli tal-merkurju fl-impjanti tagħhom lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Is-setturi ta’ l-industrija li jiksbu l-merkurju mit-tindif tal-gass naturali jew bħala prodott sekondarju minn attivitajiet ta’ tħaffir għal metalli li ma jkunx fihom ħadid jew minn attivitajiet ta’ tidwib għandhom ukoll jipprovdu d-data rilevanti lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. |
|
(14) |
L-Istati Membri għandhom jippreżentaw informazzjoni dwar permessi maħruġa għal faċilitajiet ta’ ħżin kif ukoll dwar l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta’ dan ir-Regolament, sabiex eventwalment tkun tista’ ssir valutazzjoni tiegħu. L-importaturi, l-esportaturi u l-operaturi għandhom jippreżentaw informazzjoni dwar il-movimenti u l-użu tal-merkurju mettaliku, taċ-ċinabru mhux maħdum, tal-klorur tal-merkurju (I), ta’ l-ossidu tal-merkurju (II) u tat-taħlitiet tal-merkurju metalliku ma’ sustanzi oħra, fosthom il-liegi tal-merkurju, b’konċentrazzjoni tal-merkurju ta’ mill-inqas 95 % piż b’piż. |
|
(15) |
L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jkunu imponibbli fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
|
(16) |
Huwa kunsiljabbli li jkun organizzat l-iskambju ta’ informazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti sabiex tiġi valutata l-ħtieġa potenzjali għal miżuri supplimentari relatati ma’ l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-ħżin tal-merkurju u ma’ taħlitiet ta’ merkurju u ma’ prodotti li jkollhom fihom il-merkurju mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat, b’mod partikolari għall-Artikolu 81 tiegħu. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-għoti ta’ assistenza teknika lil pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u lil pajjiżi li l-ekonomija tagħhom għaddejja minn tranżizzjoni, speċjalment assistenza li tiffaċilita l-bidla għal teknoloġiji alternattivi ħielsa mill-merkurju u t-tneħħija eventwali ta’ l-użu u r-rilaxx tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju. |
|
(18) |
Għaddejja riċerka dwar ir-rimi sikur ta’ merkurju, anke dwar metodi tekniċi differenti għall-istabbilizzazzjoni jew modi oħrajn għall-immobilizzazzjoni tal-merkurju. Bħala prijorità, l-Kummissjoni għandha żżomm din ir-riċerka taħt reviżjoni u tippreżenta rapport malajr kemm jista’ jkun. Din l-informazzjoni hija importanti billi tipprovdi bażi soda għal reviżjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex jinkiseb l-għan tiegħu. |
|
(19) |
Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra din l-informazzjoni meta tippreżenta rapport ta’ valutazzjoni sabiex tidentifika l-ħtiġijiet li jistgħu jkunu possibbli għall-emendament ta’ dan ir-Regolament. |
|
(20) |
Il-Kummissjoni għandha ssegwi ukoll l-iżviluppi internazzjonali rigward il-provvista u d-domanda ta’ merkurju, partikolarment negozjati multilaterali, u tirrapporta fuqhom sabiex tippermetti l-valutazzjoni tal-konsistenza ta’ l-approċċ globali. |
|
(21) |
Il-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-ħżin temporanju tal-merkurju metalliku f’ċerti faċilitajiet imsemmija hawn għandhom jiġu adottati skond id-Direttiva 1999/31/KE b’kont meħud tal-konnessjoni diretta bejn dan ir-Regolament u dik id-Direttiva. |
|
(22) |
Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tnaqqis ta’ l-espożizzjoni għall-merkurju permezz ta’ projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni u ta’ obbligu ta’ ħżin, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk, minħabba l-impatt fuq il-moviment ta’ merkanzija u l-funzjonament tas-suq intern kif ukoll in-natura transkonfinali tat-tniġġis bil-merkurju, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-esportazzjoni ta’ merkurju metalliku (Hg, CAS RN 7439-97-6)), tal-mineral taċ-ċinabru, tal-klorur tal-merkurju (I) (Hg2Cl2, CAS RN 10112-91-1), ta’ l-ossidu tal-merkurju (II) (HgO, CAS RN 21908-53-2) u ta’ taħlitiet tal-merkurju metalliku ma’ sustanzi oħra, inklużi liegi tal-merkurju, b’konċentrazzjoni tal-merkurju ta’ mill-inqas 95 % piż b’piż mill-Komunità hija b’dan projbita mill-15 ta’ Marzu 2011.
2. Il-projbizzjoni m’għandhiex tapplika għall-esportazzjonijiet tal-komposti msemmija fil-paragrafu 1 għar-riċerka u l-iżvilupp u għal raġunijiet mediċi jew ta’ analiżi.
3. It-taħlit tal-merkurju metalliku ma’ sustanzi oħra għar-raġuni unika ta’ l-esportazzjoni tal-merkurju metalliku għandu jiġi pprojbit mill-15 ta’ Marzu 2011.
Artikolu 2
Mill-15 ta’ Marzu 2011, dan li ġej għandu jitqies bħala skart u jintrema skond id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (9) b’mod li jkun sikur għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent:
|
(a) |
merkurju metalliku li ma jkunx użat aktar fl-industrija tal-kloro-alkali; |
|
(b) |
merkurju metalliku miksub mit-tindif ta’ gass naturali; |
|
(ċ) |
merkurju metalliku miksub mit-tħaffir għal minerali li ma jkollhomx fihom ħadid u minn attivitajiet ta’ tidwib; u |
|
(d) |
merkurju metalliku estratt mill-mineral taċ-ċinabru fil-Komunità mill-15 ta’ Marzu 2011. |
Artikolu 3
1. B’deroga mill-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 1999/31/KE, il-merkurju metalliku li jitqies bħala skart jista’, f’konteniment adatt, jiġi
|
(a) |
maħżun temporanjament għal aktar minn sena jew maħżun permanentement (operazzjonijiet ta’ rimi D 15 jew D 12 rispettivament, kif definiti fl-Anness II A tad-Direttiva 2006/12/KE) f’minjieri tal-melħ adattati għar-rimi ta’ merkurju metalliku, jew f’formazzjonijiet ta’ blat iebes taħt l-art fil-fond li jipprovdu livell ta’ sigurtà u iżolament ekwivalenti għal dak tal-minjieri tal-melħ, jew |
|
(b) |
maħżun temporanjament (operazzjoni ta’ rimi D 15, kif definita fl-Anness II A tad-Direttiva 2006/12/KE) għal aktar minn sena f’faċilitajiet fuq l-art dedikati u mgħammra għall-ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku. F’dan il-każ, m’għandhomx japplikaw il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2.4 ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 2003/33/KE. |
Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tad-Direttiva 1999/31/KE u tad-Deċiżjoni 2003/33/KE għandhom japplikaw għall-punti (a) u (b).
2. Id-Direttiva 96/82/KE għandha tapplika għall-ħżin imsemmi fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 4
1. Il-valutazzjoni ta’ sigurtà li trid issir konformenent mad-Deċiżjoni 2003/33/KE għar-rimi ta’ merkurju metalliku skond l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għandha tiżgura li r-riskji partikularili jirriżultaw min-natura u l-karatteristiċi għat-terminu twil tal-merkurju metalliku u mill-konteniment tiegħu jkunu koperti.
2. Il-permess imsemmi fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 1999/31/KE għall-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament għandu jinkludi rekwiżiti għal ispezzjonijiet viżwali regolari tal-kontenituri u ta’ l-installazzjoni ta’ tagħmir adatt ta’ rilevament ta’ vaporożità sabiex tiġi skoperta kwalunkwe tnixxija.
3. Ir-rekwiżiti għal faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament kif ukoll il-kriterji ta’ aċċettazzjoni għall-merkurju metalliku, li jemendaw l-Annessi I, II u III tad-Direttiva 1999/31/KE, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta adatta mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2010, b’kont meħud ta’ l-eżitu ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni skond l-Artikolu 8(1) u tar-rapport dwar ir-riċerka ta’ l-opzjonijiet ta’ rimi sikur skond l-Artikolu 8(2).
Kwalunkwe operazzjoni ta’ rimi finali (operazzjoni ta’ rimi D 12, kif definita fl-Anness II A tad-Direttiva 2006/12/KE) li tikkonċerna l-merkurju metalliku għandha tkun permessa biss wara d-data li fiha tkun giet adottata l-emenda ta’ l-Annessi I, II u III tad-Direttiva 1999/31/KE.
Artikolu 5
1. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni kopja ta’ kwalunkwe permess maħruġ għall-faċilità magħżula għal ħżin temporanju jew permanenti tal-merkurju metalliku (operazzjonijiet ta’ rimi D 15 jew D 12 rispettivament, kif definiti fl-Anness II A tad-Direttiva 2006/12/KE), akkumpanjata mill-valutazzjoni ta’ sikurezza rispettiva tiegħu skond l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament.
2. Sa l-1 ta’ Lulju 2012, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta’ dan ir-Regolament fit-territorji rispettivi tagħhom. L-Istati Membri għandhom, fuq talba mill-Kummissjoni, jippreżentaw dik l-informazzjoni qabel dik id-data.
3. Sa l-1 ta’ Lulju 2012, l-importaturi, l-esportaturi u l-operaturi ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, skond il-każ, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti d-data li ġejja:
|
(a) |
volumi, prezzijiet, pajjiż ta’ oriġini u pajjiż ta’ destinazzjoni kif ukoll l-użu intenzjonat tal-merkurju metalliku li jidħol fil-Komunità; |
|
(b) |
volumi, pajjiż ta’ oriġini u pajjiż ta’ destinazzjoni tal-merkurju metalliku meqjus bħala skart li jiġi transkonfinalment negozjat ġewwa l-Komunità. |
Artikolu 6
1. Il-kumpaniji konċernati fl-industrija tal-klor-alkali għandhom jibagħtu d-data li ġejja relatata mad-diżattivazzjoni tal-merkurju f’sena partikolari lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati:
|
(a) |
l-aħjar kalkolu ta’ l-ammont totali tal-merkurju li għadu jintuża fiċ-ċellula tal-klor-alkali; |
|
(b) |
l-ammont totali tal-merkurju maħżun fil-faċilità; |
|
(ċ) |
l-ammont ta’ l-iskart tal-merkurju mibgħut f’faċilitajiet individwali, temporanji jew permanenti, tal-ħżin, il-pożizzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. |
2. Il-kumpaniji konċernati fis-setturi ta’ l-industrija li jiksbu l-merkurju mit-tindif tal-gass naturali jew bħala prodott sekondarju mit-tħaffir għall-metall li ma jkollux fih ħadid u attivitajiet ta’ tidwib għandhom jibagħtu d-data, li ġejja, relatata mal-merkurju miksub f’sena partikolari lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati:
|
(a) |
l-ammont ta’ merkurju miksub; |
|
(b) |
l-ammont ta’ merkurju mibgħut f’faċilitajiet individwali, temporanji jew permanenti, tal-ħżin kif ukoll il-pożizzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. |
3. Il-kumpaniji konċernati għandhom jibagħtu d-data msemmija fil-paragrafi 1 u 2, skond dak applikabbli, għall-ewwel darba sa 4 ta’ Diċembru 2009 u wara dan kull sena sal-31 ta’ Mejju.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni fil-paragrafu 3 disponibbli għall-pubbliku konformenent mar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Åarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità (10).
Artikolu 7
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu applikati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa 4 ta’ Diċembru 2009 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.
Artikolu 8
1. Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta’ tagħrif bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti sa l-1 ta’ Jannar 2010. Dan l-iskambju ta’ tagħrif għandu, b’mod partikolari, jeżamina l-bżonn għal:
|
(a) |
estensjoni tal-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni għal komposti oħra tal-merkurju, għal taħlitiet b’kontenut tal-merkurju iktar baxx u għal prodotti li jkollhom fihom il-merkurju, b’mod partikolari termometri, barometri u sfigmomanometri; |
|
(b) |
projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ merkurju metalliku, ta’ komposti tal-merkurju u ta’ prodotti li jkollhom fihom il-merkurju; |
|
(ċ) |
estensjoni ta’ l-obbligu ta’ ħżin għall-merkurju metalliku minn sorsi oħrajn; |
|
(d) |
limiti ta’ żmien dwar il-ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku. |
Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jqis ukoll ir-riċerka ta’ opzjonijiet għar-rimi sikur.
Il-Kummissjoni għandha torganizza iżjed skambji ta’ informazzjoni meta ssir disponibbli informazzjoni rilevanti ġdida.
2. Il-Kummissjoni għandha tibqa’ tirrivedi l-attivitajiet kurrenti ta’ riċerka ta’ opzjonijiet għar-rimi sikur, inkluża s-solidifikazzjoni tal-merkurju metalliku. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa l-1 ta’ Jannar 2010. Abbażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, skond il-każ, tippreżenta proposta għal reviżjoni ta’ dan ir-Regolament mill-iktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu 2013.
3. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta’ dan ir-Regolament fil-Komunità, b’kont meħud ta’ l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u fl-Artikoli 5 u 6.
4. Il-Kummissjoni għandha mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu 2013, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport, jekk ikun il-każ akkumpanjat minn proposta għal reviżjoni ta’ dan ir-Regolament, li għandu jirrifletti u jivvaluta l-eżitu ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 u tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kif ukoll ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2.
5. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa l-1 ta’ Lulju 2010 dwar il-progress f’attivitajiet u negozjati multilaterali dwar il-merkurju, waqt li tivvaluta partikolarment il-konsistenza tal-programmazzjoni u l-ambitu tal-miżuri speċifikati f’dan ir-Regolament ma’ żviluppi internazzjonali.
Artikolu 9
Sal-15 ta’ Marzu 2011, l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-esportazzjoni ta’ merkurju metalliku, tal-mineral taċ-ċinabru, ta’ klorur tal-merkurju (I), ta’ l-ossidu tal-merkurju (II) u ta’ taħlitiet tal-merkurju metalliku ma’ sustanzi oħra, inklużi liegi tal-merkurju, b’konċentrazzjoni tal-merkurju ta’ mill-inqas 95 % piż b’piż li ġew adottati konformenent mal-leġiżlazzjoni Komunitarja qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 10
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, 22 ta' Ottubru 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J.-P. JOUYET
(1) ĠU C 168, 20.7.2007, p. 44.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007 (ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 209), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 52 E, 26.2.2008, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Mejju 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2008.
(3) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 128.
(4) ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.
(5) ĠU L 11, 16.1.2003, p. 27.
(6) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
(7) ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.
(8) ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.