Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0639

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 639/2008 ta’ l- 24 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1043/2005 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ għoti ta' rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq xi prodotti agrikoli esportati fil-forma ta’ prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I tat-Trattat, u l-kriterji biex jiġi ffissat l-ammont ta’ dawn ir-rifużjonijiet

    ĠU L 178, 5.7.2008, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/07/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/639/oj

    5.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 178/9


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 639/2008

    ta’ l-24 ta’ Ġunju 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1043/2005 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ għoti ta' rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq xi prodotti agrikoli esportati fil-forma ta’ prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I tat-Trattat, u l-kriterji biex jiġi ffissat l-ammont ta’ dawn ir-rifużjonijiet

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Filwaqt li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli (1), u partikolarment l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 8(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Tnaqqis riċenti fir-rati ta' rifuzjoni ta' l-esportazzjoni, minħabba l-effetti konġunti tar-riforma tal-politika agrikola komuni u l-moviment fil-prezzijiet tal-kommodità agrikola fis-suq dinji, wasslu għal-livelli mnaqqsa ta' applikazzjoni għaċ-ċertifikati ta' rifuzjoni u għaldaqstant naqqsu l-pressjoni fuq il-baġit Komunitarju għar-rifuzjonijiet ta' l-esportazzjoni fuq oġġetti li mhumiex koperti mill-Anness I tat-Trattat. Fiċ-ċirkostanzi fejn il-Komunità ma tinsabx fil-periklu li tikser l-impenji internazzjonali, jeħtieġ li tiġi ssimplifikata s-sistema ta' l-għoti ta' rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq ċerti prodotti agrikoli fis-sura ta' oġġetti mhux koperti mill-Anness I tat-Trattat, u b'hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi li jesportaw dawn l-oġġetti.

    (2)

    Skond l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1043/2005 (2), id-drittijiet derivati miċ-ċertifikati ta' rifużjoni jistgħu jiġu trasferiti taħt ċerti kundizzjonijiet. Sabiex tiġi żgurata konsistenza fit-trattament tal-liċenzji u ċertifikati, il-proċedura għal dawk it-trasferimenti għandha, fejn possibbli, tiġi armonizzata mad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferimenti tad-drittijiet derivati mil-liċenzji jew ċertifikati stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni u ta’ l-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (3).

    (3)

    L-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 jistipula l-perjodu li fih l-awtorità responsabbli għall-ħlasijiet għandha tirreġistra l-ammonti ta' rifużjonijiet għall-esportazzjoni mitluba fuq iċ-ċertifikat tar-rifużjoni. Madankollu, fid-dawl tal-ħin meħtieġ biex tiġi pproċessata d-dokumentazzjoni b'rigward għar-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni li għandhom destinazzjoni differenti, jista' jkun li dan il-perjodu ma jkunx biżżejjed u għandu għalhekk jiġi estiż.

    (4)

    L-Artikolu 38a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 jistipula l-kondizzjonijiet għall-avviż ta' l-applikazzjonijiet lill-Kummissjoni mill-Istati Membri u l-ħarġa sussegwenti taċ-ċertifikati ta' rifużjoni. Billi ġew introdotti aktar sistemi ta' rappurtar u komunikazzjoni effiċjenti, il-limiti tal-ħin ikkonċernati għandhom jiġu aġġustati.

    (5)

    L-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 jistipula sistema ta' sezzjonijiet għall-ħarġa taċ-ċertifikati ta' rifużjoni. Il-perjodu ta' validità applikabbli għal dawk iċ-ċertifikati ta' rifużjoni hu stipulat fl-Artikolu 39 ta' dak ir-Regolament. Biex titħaffef l-operazzjoni tas-sistema taċ-ċertifikati ta' rifużjoni, il-perjodu ta' validità taċ-ċertifikati maħruġa taħt l-ewwel sezzjoni u taċ-ċertifikati applikati skond l-Artikolu 38a għandu jiġi estiż.

    (6)

    Sabiex isir benefiċċju mit-tnaqqis ta' l-ammont tal-garanzija li għandha tintilef, l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 jistipula li ċertifikati mhux użati jew estratti ta' ċertifikati għandhom jingħataw lura lill-awtoritajiet li joħorġu mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju tal-perjodu tal-baġit, li ċ-ċertifikati jew estratti ntħarġu għalih. L-introduzzjoni ta' sistemi ta' rappurtar aktar effiċjenti jippermetti lil din l-iskadenza li tiġi estiża.

    (7)

    L-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 jistipula kondizzjonijiet speċifiċi skond liema l-esportaturi ż-żgħar jistgħu jingħataw rifużjonijiet għall-esportazzjoni. Fl-interess tas-simplifikazzjoni, l-esportaturi ż-żgħar għandhom ikunu intitolati li jużaw ċertifikati ta' rifużjoni mingħajr ma jitilfu l-istatut ta' esportatur żgħir u, barra minn hekk, il-limitu tal-ħlas għandu jiżdied.

    (8)

    Sabiex il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jibdew jaħdmu fiż-żmien meħtieġ, id-data ta' dħul fis-seħħ għandha tkun l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    (9)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1043/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni dwar il-kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw il-kummerċ ta' prodotti agrikoli pproċessati mhux elenkati fl-Anness I tat-Trattat,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1043/2005 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 27 jinbidel b’dan li ġej:

    “L-Artikolu 27

    1.   Obbligi li ġejjin minn ċertifikati ma jistgħux jiġu trasferiti. Id-drittijiet derivati miċ-ċertifikati jistgħu jiġu trasferiti mid-detentur titolari tagħhom tul il-perjodu tal-validità tagħhom, dment li d-drittijiet derivati minn kull ċertifikat jew estratt tagħhom huma trasferiti lil persuna waħda biss. Dan it-trasferiment għandu jirrelata għal ma’ l-ammonti li għadhom ma ġewx attribwiti liċ-ċertifikat jew lill-estratt.

    2.   Persuni li jirċievu t-trasferimenti ma jistgħux jerġgħu jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom imma jistgħu jittrasferixxuhom lura lid-detentur titolari. Trasferimenti lura lejn id-detentur titolari, għandhom ikollhom x’jaqsmu mal-kwantitajiet li jkunu għadhom ma ġewx attribwiti liċ-ċertifikat jew l-estratt.

    F’dawn il-każijiet, waħda mid-daħliet stipulati fl-Anness VIII għandha titniżżel mill-awtorità li toħroġ iċ-ċertifikat, fil-kaxxa 6:”

    (2)

    Fl-Artikolu 32(2), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “L-awtorità responsabbli għall-ħlas għandha tirreġistra dak l-ammont fuq iċ-ċertifikat tar-rifużjoni fi żmien sitt xhur mid-data meta tirċievi l-applikazzjoni speċifika.”

    (3)

    Fl-Artikolu 38a, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   L-applikazzjonijiet mressqa tul kull ġimgħa għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri t-Tnejn ta' wara. Iċ-ċertifikati korrispondenti jistgħu jinħarġu mill-Erbgħa ta’ wara n-notifika, kemm-il darba l-Kummissjoni ma toħroġx istruzzjonijiet biex dan ma jsirx.”

    (4)

    Fl-Artikolu 39, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   Soġġett għat-tieni u t-tielet subparagrafu, iċ-ċertifikati tar-rifużjoni għandhom ikunu validi sa l-aktar kmieni fost l-aħħar jum tal-ħames xahar wara x-xahar meta saret l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat jew l-aħħar jum tal-perjodu tal-baġit.

    Iċ-ċertifikati ta' rifużjoni applikati b'konformità mal-punt (a) ta' l-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a, l-aktar tard fis-7 ta' Novembru, għandhom ikunu validi sa l-aħħar ġurnata ta' l-għaxar xahar wara x-xahar meta saret l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat.

    Iċ-ċertifikati tar-rifużjoni msemmija fl-Artikolu 40 għandhom ikunu validi sa l-aħħar jum tal-ħames xahar ta’ wara x-xahar meta saret l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat.

    Jekk ir-rati ta' rifużjoni huma ffissati bil-quddiem skond l-Artikolu 29, dawk ir-rati għandhom jibqgħu validi sa l-aħħar ġurnata tal-perjodi ta' validità taċ-ċertifikat.”

    (5)

    Fl-Artikolu 45, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika biss għal ċertifikati u estratti miċ-ċertifikati mogħtija lura lill-organizzazzjoni li ħarġithom matul dak il-perjodu tal-baġit meta jkunu nħarġu ċ-ċertifikati, kemm-il darba jintraddu mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu ta’ dak il-perjodu.”

    (6)

    Fl-Artikolu 47(2), l-ewwel subparagrafu jinbidel b'li ġej:

    “2.   L-Artikolu 46 għandu japplika għall-esportazzjonijiet li l-applikazzjonijiet għalihom imressqa mill-operatur skond it-termini stabbiliti fl-Artikolu 32(1) matul is-sena tal-baġit inkluża s-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni għall-esportazzjoni kkonċernata, m'għandhomx iwasslu għal ħlas ta' aktar minn EUR 100 000.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Ġunju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Günter VERHEUGEN

    Viċi President


    (1)  ĠU L 318, 20.12.1993, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2580/2000 (ĠU L 298, 25.11.2000, p. 5).

    (2)  ĠU L 172, 5.7.2005, p. 24, Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 287M, 18.10.2006, p. 32. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 246/2008 (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 64).

    (3)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.


    Top