This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008L0046
Directive 2008/46/EC of the European Parliament and of the Council of 23 April 2008 amending Directive 2004/40/EC on minimum health and safety requirements regarding the exposure of workers to the risks arising from physical agents (electromagnetic fields) (18th individual Directive within the meaning of Article 16(1) of Directive 89/391/EEC)
Direttiva 2008/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2008 li temenda d-Direttiva 2004/40/KE dwar il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward ta’ l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettro-manjetiċi) (It-tmintax-il Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
Direttiva 2008/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2008 li temenda d-Direttiva 2004/40/KE dwar il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward ta’ l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettro-manjetiċi) (It-tmintax-il Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
ĠU L 114, 26.4.2008, p. 88–89
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 28/06/2013; Imħassar b' 32013L0035
26.4.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 114/88 |
DIRETTIVA 2008/46/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ April 2008
li temenda d-Direttiva 2004/40/KE dwar il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward ta’ l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettro-manjetiċi) (It-tmintax-il Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u tas-saħħa għall-protezzjoni ta’ ħaddiema kontra r-riskji li jirriżultaw minn espożizzjoni għal kampi elettro-manjetiċi. L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva msemmija, jistipula li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari u amministrattivi biex jikkonformaw mad-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2008, |
(2) |
Id-Direttiva 2004/40/KE tistipula valuri li jinstigaw l-azzjoni u valuri limiti bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni internazzjonali għall-protezzjoni kontra r-raġġi mhux jonizzanti (ICNIRP). Studji xjentifiċi ġodda rigward l-effetti fuq is-saħħa ta’ espożizzjonijiet għar-raġġi elettro-manjetiċi, li saru pubbliċi wara l-adozzjoni tad-direttiva, ġew mgħarrfa lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji xjentifiċi bħalissa qed ikunu eżaminati mill-Kummissjoni internazzjonali għall-protezzjoni kontra r-raġġi mhux jonizzanti fid-dawl tar-reviżjoni li għaddejja attwalment tar-rakkomandazzjonijiet tagħha, min-naħa l-waħda, u mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fid-dawl tar-reviżjoni tal-“kriterji ta’ iġjene ta’ l-ambjent” tagħha, min-naħa l-oħra. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġodda, li l-pubblikazzjoni tagħhom mistennija li ssir sa l-aħħar tas-sena 2008, huma suxxettibbli li jżommu elementi li jistgħu jwasslu għal emendi sostanzjali ta’ valuri li jattivaw l-azzjoni u ta’ valuri limiti, |
(3) |
F’dan il-kuntest, ikun jaqbel li jkun eżaminat mill-ġdid b’mod profond l-effett eventwali tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/40/KE fuq l-użu ta’ proċeduri mediċi fuq l-immaġni medika u fuq ċerti attivitajiet industrijali. Ġie mniedi studju mill-Kummissjoni biex tkun ivvalutata b’mod dirett u kwantitattiv is-sitwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-immaġni medika. Ikun jaqbel għalissa li jingħata kas tar-riżultati ta’ dan l-istudju, li huma mistennija fil-bidu tas-sena 2008, u dawk ta’ studji simili li tnedew fl-Istati Membri, biex ikun assigurat il-bilanċ bejn il-prevenzjoni ta’ riskji potenzjali għas-saħħa tal-ħaddiema u l-aċċess għall-benefiċċji permessi mill-użu effikaċi ta’ teknoloġiji mediċi kkonċernati, |
(4) |
L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2004/40/KE jistipula li l-valutazzjoni, kejl u/jew kalkolu ta’ l-espożizzjoni tal-ħaddiema għal kampi elettro-manjetiċi huma regolati minn normi Ewropej armonizzati stabbiliti mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elektroteknika (Cenelec). Dawn in-normi armonizzati, li huma essenzjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni mingħajr problemi tad-Direttiva, għandhom jiġu meqjusa u huma mistennija għas-sena 2008, |
(5) |
Iż-żmien meħtieġ biex tinkiseb u tkun analizzata informazzjoni ġdida kif ukoll biex titfassal u tiġi adottata proposta ġdida ta’ direttiva, tiġġustifika l-posponiment ta’ erba’ snin tad-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/40/KE, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit minn dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2012. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.”.
Artikolu 2
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Strasburgu, 23 ta’ April 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J. LENARČIČ
(1) L-Opinjoni tat-12 ta’ Marzu 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-19 ta’ Frar 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ April 2008.
(3) ĠU L 159, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2007/30/KE (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21).