EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D1297

Deċiżjoni Nru 1297/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni ta’ l-Istatistika Ewropea ta’ l-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 340, 19.12.2008, p. 76–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/1297/oj

19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 340/76


DEĊIŻJONI Nru 1297/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2008

dwar Programm għall-Modernizzazzjoni ta’ l-Istatistika Ewropea ta’ l-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni ħadet impenn fil-Komunikazzjonijiet tagħha tas-16 ta' Marzu 2005 dwar Regolamentazzjoni Aħjar għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea u ta' l-24 ta' Jannar 2007 dwar Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea biex tiżgura politika mtejba dwar ir-regolamentazzjoni u tnaqqas il-burokrazija u r-regolamentazzjoni żejda.

(2)

Fl-14 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar it-tnaqqis tal-piż tar-rispons, is-simplifikazzjoni u l-iffissar tal-prijoritajiet fil-qasam ta’ l-istatistika tal-Komunità, li tisabbilixxi approċċ strateġiku għall-issuktar tat-tnaqqis tal-piż fuq l-intrapriżi minħabba l-istatistika.

(3)

Matul dawn l-aħħar 15-il sena, għadd kbir ta' regolamenti statistiċi intenzjonati biex jiddeskrivu l-attivitajiet ta' l-intrapriżi u li jinkludu obbligi dwar il-provvista ta' data lill-intrapriżi tfasslu biex jilħqu l-ħtiġijiet tal-Komunità għal informazzjoni statistika. Tinħtieġ reviżjoni ġenerali sabiex ikun assigurat illi, inter alia, l-ambitu, il-kunċetti u d-definizzjonijiet f'dawk ir-regolament statistiċi jkunu konsistenti. Sa fejn ikun possibbli, is-simplifikazzjoni u l-iffissar tal-prijoritajiet għandhom ikunu elementi importanti ta' dawk ir-regolamenti kollha.

(4)

L-istatistika ta' l-intrapriżi u l-kummerċ se taffaċċja sfidi ewlenin fis-snin li ġejjin: Biex l-inizjattivi tal-Komunità jiġu msaħħa, dawn għandhom ikunu kapaċi jirriflettu l-fenomeni fl-ekonomija dejjem tinbidel tal-Komunità, bħall-globalizzazzjoni, xejriet emerġenti fl-intraprenditorija, is-soċjetà ta' l-informazzjoni, il-kummerċ fis-servizzi, l-innovazzjoni, xejriet kummerċjali differenti u l-kompetittività fid-dawl ta' l-istrateġija mġedda ta' Liżbona.

(5)

Element ewlieni li jimbotta l-bżonn għal statistika ta' l-intrapriżi u l-kummerċ hija l-istrateġija mġedda ta' Liżbona, l-għanijiet ta' liema huma li titkabbar il-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea u jinkiseb tkabbir għoli u sostenibbli.

(6)

L-approfondiment ta’ l-integrazzjoni Ewropea f’għadd ta’ oqsma ekonomiċi, inklużi l-Unjoni Monetarja Ewropea u s-Sistema Doganali Ewropea, joħloq ħtiġijiet ġodda ta’ statistika marbuta mar-rwol ta’ l-ewro fit-tranżazzjonijiet internazzjonali u jwassal għall-ħtieġa li tiġi aġġustata s-sistema ta’ l-istatistika. L-istatistika ta’ l-intrapriżi u l-kummerċ għandha tilħaq dawn il-bżonnijiet b'mod xieraq u tipprovdi statistika f’waqtha u ta’ kwalità għolja dwar il-bidliet strutturali fl-ekonomija Ewropea u s-settur tan-negozji tagħha.

(7)

L-istatistika dwar l-intrapriżi u l-kummerċ tinkludi diversi oqsma fejn għandu jsir titjb bħal, l-istatistika strutturali dwar in-negozju, l-istatistika fuq perjodu ta' żmien qasir, l-istatistika Prodcom, l-istatistika dwar it-Teknoloġija ta' l-informatika u l-komunikazzjoni, u l-istatistika dwar il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri (Intrastat).

(8)

L-awtoritajiet responsabbli għall-istatistika ta' l-intrapriżi u tal-kummerċ għandhom ifasslu mill-ġdid il-metodi għall-produzzjoni ta' l-istatistika sabiex ikun jista’ jitnaqqas il-piż fuq l-intrapriżi u l-għejuni u t-teknoloġiji ġodda kollha disponibbli jkunu jistgħu jintużaw b’mod kompletament effettiv.

(9)

Il-ħtieġa għal tipi ġodda ta’ indikaturi tista’ tinħoloq bħala riżultat ta' l-isforzi biex tiġi mmodernizzata s-sistema tal-produzzjoni ta’ l-istatistika. Tipi ġodda ta' indikaturi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa jistgħu jinkisbu billi jingħaqdu tipi eżistenti ta’ statistika tan-negozju mingħajr il-ħtieġa li jiżdied il-piż ta’ rappurtar fuq l-intrapriżi. Għejun ġodda u aċċess b’mezzi elettroniċi jistgħu jagħmlu l-ġbir tad-data inqas ta’ piż u fl-istess ħin jipprovdu iktar informazzjoni. Il-potenzjal ta’ l-istatistika tan-negozju għandu jiġi sfruttat f’mod iktar effiċjenti u l-kwalità ta’ l-informazzjoni ta’ l-istatistika għandha titjieb.

(10)

L-Istituti Nazzjonali għall-Istatistika għandhom ikunu involuti mill-qrib fl-immodernizzar tas-sistema ta' produzzjoni statistika sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni ta' l-ispejjeż u l-burokrazija żejda.

(11)

Is-simplifikazzjoni tas-sistema Intrasat hi parti mill-isforzi biex jitnaqqsu r-rekwiżiti statistiċi u jiġi mminimizzat il-piż fuq l-intrapriżi. Id-deċiżjoni ta' dan l-aħħar biex jitnaqqas il-proporzjon ta' kopertura se tikkontribwixxi għal dan il-għan fuq perjodu ta' żmien qasir. Fuq perjodu ta' żmien itwal għandhom jiġu investigati possibilitajiet oħra ta' simplifikazzjoni, inkluża s-sistema ta' fluss uniku. L-implimentazzjoni possibbli ta' dawn l-għażliet ta' simplifikazzjoni fuq perjodu ta' żmien twil tiddependi fuq studji ta' fattibilità u azzjonijiet oħra li għandhom jitwettqu skond din id-Deċiżjoni. Madankollu, għandu jittieħed kont tal-konsiderazzjonijiet dwar il-kwalità ta' l-istatistika u anke l-ispejjeż sinifikanti involuti fi kwalunkwe tranżizzjoni.

(12)

Saret evalwazzjoni ex-ante skond il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, sabiex il-programm stabbilit minn din id-deċiżjoni jiġi ffukat fuq il-ħtieġa għall-effettività fil-ksib ta’ l-għanijiet u sabiex jiġu inkorporati limiti baġitarji mill-fażi tad-disinn tal-programm ’il quddiem.

(13)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju, għat-tul kollu tal-Programm, li jikkostitwixxi ir-referenza prinċipali fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja soda (2), għall-awtorita' baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.

(14)

Peress li l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jiġi stabbilit programm għall-modernizzazzjoni ta’ l-istatistika Ewropea ta’ l-intrapriża u l-kummerċ, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri minħabba li modernizzazzjoni mhux ikkoordinata tista’ twassal għal duplikazzjoni ta’ l-isforzi, repetizzjoni ta' l-iżbalji u spejjeż ogħla, u jista' għalhekk, għar-raġunijiet ta' l-iskala ta’ l-istatistika involuta, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(15)

Il-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (3) ġie kkonsultat skond l-Artikolu 3 ta' dik id-Deċiżjoni.

(16)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar Statistika tal-Komunità (4) jikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

(17)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5),

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Programm

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi Programm għall-Modernizzazzjoni ta’ l-Istatistika Ewropea dwar l-Intrapriża u l-Kummerċ, (minn hawn 'il quddiem “il-Programm MEETS”).

2.   Il-Programm MEETS għandu jibda fl-1 ta' Jannar 2009 u għandu jintemm fil-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 2

Ambitu u għanijiet ġenerali

1.   Il-miżuri pprovduti fil-Programm MEETS marbuta mal-produzzjoni u t-tqassim ta’ l-istatistika dwar l-intrapriża u l-kummerċ fi ħdan il-Komunità Ewropea.

2.   L-għanijiet ġenerali tal-Programm MEETS huma kif ġej:

(a)

ir-reviżjoni tal-prijoritajiet u l-iżvilupp ta' ġabriet ta' indikaturi fil-mira għal oqsma ġodda; (għan 1)

(b)

il-ksib ta' qafas issimplifikat għal statistika marbuta man-negozji; (għan 2)

(c)

l-appoġġ ta' l-implimentazzjoni iktar effiċjenti għall-produzzjoni ta' statistika dwar l-intrapriżi u kummerċ; (għan 3) u

(d)

l-immodernizzar tas-sistema għall-ġbir tad-data dwar il-kummerċ fil-prodotti bejn l-Istati Membri (minn hawn ’il quddiem, Intrastat) (għan 4).

Artikolu 3

Azzjonijiet

Biex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2, għandhom iiġi implimentati numru ta’ azzjonijiet, kif ġej:

(a)

jiġu riveduti l-prijoritajiet u jiġu żviluppati ġabriet ta’ indikaturi fil-mira għal oqsma ġodda (għan 1):

Azzjoni 1.1: identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ inqas importanza;

Azzjoni 1.2: żvilupp ta’ oqsma ġodda;

(b)

jinkiseb qafas simplifikat ta’ l-istatistika marbuta man-negozju (għan 2):

Azzjoni 2.1: integrazzjoni tal-kunċetti u l-metodi fi ħdan il-qafas ġuridiku;

Azzjoni 2.2: żvilupp ta’ statistika dwar il-gruppi ta' intrapriżi;

Azzjoni 2.3: twettieq ta' stħarriġiet Ewropej biex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż fuq in-negozju;

(c)

tiġi appoġġata implimentazzjoni iktar effiċjenti għall-produzzjoni ta' statistika dwar intrapriżi u kummerċ (għan 3):

Azzjoni 3.1: isir użu aħjar mid-data li teżisti diġà fis-sistema ta’ l-istatistika inkluż il-possibilità ta' l-estimi;

Azzjoni 3.2: isir użu aħjar mid-data li teżisti diġà fl-ekonomija;

Azzjoni 3.3: żvilupp ta’ għodod għal estrazzjoni, trażmissjoni u trattament iktar effiċjenti tad-data;

(d)

tiġi modernizzata l-Intrastat (għan 4):

Azzjoni 4.1: armonizzazzjoni ta’ metodi għat-titjib tal-kwalità taħt sistema ssimplifikata Intrastat;

Azzjoni 4.2: isir użu aħjar mid-data amministrattiva;

Azzjoni 4.3: jitjieb u jiġi ffaċilitat l-iskambju tad-data fi ħdan l-Intrastat.

L-azzjonijiet msemmija f' dan l-Artikolu huma speċifikati fl-Anness u għandhom jiġu ddettaljati fil-programmi annwali ta’ ħidma previsti fl-Artikolu 4.

Artikolu 4

Programmi annwali ta’ ħidma

Il-programmi annwali ta’ ħidma, bil-prijoritajiet għall-azzjonijiet taħt kull għan msemmija fl-Artikolu 2(2) u l-allokazzjonijiet baġitarji taħt din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 5

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.

Artikolu 6

Evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, tevalwa regolarment l-attivitajiet li jsiru fil-Programm MEETS, sabiex tiżgura jekk intlaħqux l-għanijiet msemmija fl-Artikolu 2(2) u biex jiġu pprovduti linji ta’ gwida għat-titjib ta’ l-effettività għal azzjonijiet fil-ġejjieni.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, u mbagħad kull sena sal-2013, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm MEETS.

Sa mhux iktar tard mil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm MEETS. Dak ir-rapport għandu jevalwa, fid-dawl tan-nefqa mġarrba mill-Komunità, il-benefiċċji ta' l-azzjonijiet li jirriżultaw għall-Komunità, l-Istati Membri u l-fornituri u l-utenti ta' l-informazzjoni statistika, biex jiġu identifikati oqsma għal titjib potenzjali.

Artikolu 7

Finanzjament

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta l-Programm MEETS għall-perjodu 2009-2013 huwa stabbilit għal EUR 42 500 000.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-pakkett finanzjarju.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2008.

(2)  GU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

(4)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS

ANALIŻI DETTALJATA TA’ L-AZZJONIJIET ELENKATI FL-ARTIKOLU 3

Għan 1

:

Ir-reviżjoni tal-prijoritajiet u l-iżvilupp ta' ġabriet ta' indikaturi fil-mira għal oqsma ġodda

Azzjoni 1.1: L-identifikazzjoni ta’ oqsma ta' inqas importanza

F’dinja li dejjem tinbidel, il-ħtiġijiet ta' statistika se jiġu riveduti perjodikament mhux biss peress li qed jitfaċċaw ħtiġijiet ġodda ta' statistika, imma anke peress li ħtiġijiet oħra jsiru anqas importanti u saħansitra jgħaddi żmienhom. Għalhekk, se jsiru reviżjonijiet regolari tal-prijoritajiet f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri sabiex jiġu identifikati dawk l-oqsma u l-karatteristiċi li tilfu l-prijorità u li konsegwentement jistgħu jitħassru mir-rekwiżiti legali. Tali reviżjonijiet jimmiraw biex jissimplifikaw ir-rekwiżiti statistiċi u biex jitnaqqas il-piż tar-rispons. Il-Kummissjoni tista’ tieħu ħsieb li jiġu mnedija studji esterni f'dan ir-rigward.

Azzjoni 1.2: L-Iżvilupp ta' oqsma ġodda

F’ambjent ekonomiku li dejjem jinbidel huwa importanti li jiġu definiti oqsma prijoritarji għall-istatistika bħall-kummerċ fis-servizzi, l-globalizzazzjoni u l-intraprenditorija u li jsir qbil fuq livell Komunitarju dwar ġabra ta’ indikaturi fil-mira għal kull wieħed mill-oqsma prijoritarji. Jeħtieġ li, safejn ikun possibbli, dawn l-indikaturi jiġu armonizzati ma’ l-istatistika internazzjonali.

L-istatistika għandha tinġabar b’mod effiċjenti u jeħtieġ tkun komparabbli. Għalhekk, l-istatistika Ewropea trid tiġi mmodernizzata b'konformità stretta mal-prinċipju tal-koerenza u l-komparabilità tad-data għall-perjodi kkonċernati. Għalhekk, għandha ssir ħidma fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' l-Istatistika biex jinkisbu definizzjonijiet armonizzati ta' karatteristiċi u indikaturi li għadhom kif ġew identifikati.

Wara li jkun intlaħaq qbil dwar il-ġabriet ta’ indikaturi fil-mira u d-definizzjonijiet armonizzati tagħhom, jkun hemm bżonn ta' ħidma ulterjuri sabiex jiġu żviluppati u ttestjati modijiet għall-produzzjoni ta' statistika fl-oqsma prijoritarji.

Sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' oqsma ġodda u ġabra ta' indikaturi fil-mira, il-Kummissjoni se tniedi studji, torganizza seminars u tipprovdi appoġġ finanzjarju biex jiġu żviluppati metodi u modi biex tinġabar statistika ġdida.

Għan 2

:

Qafas issimplifikat ta’ statistika marbut man-negozji

Azzjoni 2.1: Integrazzjoni tal-kunċetti u l-metodi fi ħdan il-qafas ġuridiku

L-istatistika Ewropea tinġabar skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, li żviluppat matul is-snin. Tintħieġ reviżjoni totali ta' dik il-leġiżlazzjoni sabiex tiġi żġurata l-konsistenza. Il-Kummissjoni, tista' għalhekk tieħu ħsieb li jsiru studji esterni, intenzjonati sabiex issir reviżjoni ta’ l-atti ġuridiċi eżistenti jew sabiex jiġi pprovdut qafas ġuridiku armonizzat għall-oqsma differenti ta’ l-istatistika ta' l-intrapiżi u tal-kummerċ.

Hemm kwistjonijiet komuni fl-istatistika. Per eżempju, bosta oqsma ta’ l-istatistika jirrappurtaw dwar l-impjiegi u jistgħu jiddeskrivu l-istess fenomenu minn perspettivi differenti. Il-Kummissjoni għalhekk ser tieħu ħsieb li jiġu organizzati studji esterni mmirati sabiex tinkiseb armonizzazzjoni tal-metodoloġiji użati fl-oqsma kollha rilevanti ta’ l-istatistika. Ser tingħata għajnuna finanzjarja għall-proġetti ta’ l-Istati Membri għal dan ir-rigward.

Huwa importanti li tiġi garantita l-konsistenza bejn l-oqsma differenti ta’ l-istatistika ta' l-intrapriżi u tal-kummerċ. Din il-konsistenza tista' tirreferi għar-relazzjoni bejn l-istatistika dwar il-kummerċ ta' prodotti u l-istatistika dwar il-bilanċ tal-ħlasijiet, iżda wkoll għal dik bejn l-istatistika tan-negozju strutturali u l-istatistika tal-kummerċ. Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb li jiġu mnedija studji esterni u appoġġ finanzjarju għandu jiġi provdut għall-proġetti ta' l-Istati Membri f’dan ir-rigward.

Azzjoni 2.2: Żvilupp ta’ statistika dwar il-gruppi ta' intrapriża;

Tnehdiet inizjattiva mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit reġistru Komunitarju ta’ gruppi multinazzjonali ta’ intrapriżi. Dan ir-reġistru huwa bażi kruċjali għall-produzzjoni ta’ statistika armonizzata relatata mal-globalizzazzjoni ta’ l-ekonomija. Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb li jiġu mnedija studji esterni f'dan ir-rigward.

Mhuwiex biżżejjed li jinħoloq reġistru bħal dan, għalhekk għandu jingħata appoġġ finanzjarju lill-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri biex jiġu żviluppati metodi iktar effiċjenti għall-ġbir tad-data għal gruppi ta’ intrapriża u biex tiġi murija l-importanza tagħhom għall-kummerċ internazzjonali.

Fir-rigward ta' l-isfruttament tar-reġistru Komunitarju ta’ gruppi multinazzjonali ta’ intrapriżi, l-istatistika Ewropea se jkollha tadotta perspettiva ġdida, u għalhekk se jkun importanti li jiġu stabbiliti stħarriġiet Komunitarji speċifiċi dwar gruppi ta’ intrapriża. Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb li jiġu mnedija studji esterni u appoġġ finanzjarju għandu jiġi provdut għall-proġetti ta' l-Istati Membri f’dan ir-rigward

Azzjoni 2.3: It-twettieq ta' stħarriġiet Ewropej biex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż fuq in-l-intrapriżi

Biex issir enfasi fuq il-ħtiġijiet ġodda u emerġenti ta’ l-istatistika Komunitarja, jistgħu jsiru stħarriġiet Komunitarji speċifiċi fuq bażi ad hoc. Dawn l-istħarriġiet se jiġu stabbiliti permezz ta' studji esterni, li tieħu ħsiebhom il-Kummissjoni u b'appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri.

Biex jiġi sfruttat l-iffrankar potenzjali mill-iskemi Komunitarji ta’ kampjunar fl-istatistika regolari, il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb li jiġu mnedija studji esterni biex jiġu identifikati oqsma fejn l-aggregati Komunitarji jkunu biżżejjed u biex jiġu żviluppati metodi ġodda għall-ġbir tad-data f’dawk l-oqsma. Se tingħata wkoll għajnuna finanzjarja sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw is-sistemi tagħhom għall-ġbir tad-data. Madankollu ma hemmx tip standard ta' l-iskemi Komunitarji ta’ kampjunar u għalhekk dawn għandhom jiġu addattati għaċ-ċirkostanzi.

Għan 3

:

L-implimentazzjoni ta’ mod iktar effiċjenti għall-produzzjoni ta' statistika dwar intrapriżi u kummerċ

Azzjoni 3.1: Isir użu aħjar mid-data li diġà teżisti fis-sistema ta’ l-istatistika inkluża l-possibilità ta' l-estimi

L-għan aħħari ta’ din l-azzjoni huwa li jinħolqu ġabriet integrati bis-sħiħ ta’ data għall-istatistika tan-negozju u l-kummerċ f'livell mikro - approċċ għall-istatistika ta’ “data warehouse”. Biex jinkiseb dan, l-Istati Membri se jiġu appoġġati finanzjarjament sabiex jagħqdu ġabriet ta’ data jew micro-data minn oqsma differenti ta’ statistika ta' l-intrapriżi u tal-kummerċ, bħar-reġistri tal-kummerċ u n-negozju u biex jorbtu l-istatistika strutturali tan-negozju ma’ statistika tar-riċerka u l-iżvilupp u statistika tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni.

Għandhom isiru studji metodoloġiċi fuq proċessi ġodda ta' ħidma biex itejbu l-użu li jsir minn ġbir ta’ data li qed isir diġà eż. bil-ħsieb li jiġi evalwat l-impatt tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fuq ir-rendiment tan-negozju billi tingħaqad data minn għejun differenti.

L-iktar mod effiċjenti tal-ġbir tad-data għandu l-għan li jnaqqas il-piż fuq l-intrapriżi. Għandu jiġi żgurat li l-uffiċċji ta’ l-istatistika jagħmlu l-aktar użu effiċjenti mill-informazzjoni miġbura. Għalhekk, l-appoġġ finanzjarju se jingħata biex isiru studji metodoloġiċi għall-aħjar allokazzjoni ta’ daqsijiet tal-kampjuni u l-użu kombinat tagħhom ma’ għejun oħra u metodi relatati ta’ stima. Dan l-appoġġ finanzjarju jista’ wkoll jingħata għal studji dwar il-kwalità f'każijiet fejn xi intrapriżi (eż. intrapriżi żgħar u ta' daqs medju) ikunu esklużi mill-istħarriġiet ta’ statistika, u għall-iżvilupp ta’ metodi xierqa u armonizzati ta’ stima.

Azzjoni 3.2: Użu aħjar mid-data li teżisti diġà fl-ekonomija

L-informazzjoni ta’ statistika xi kultant tinġabar darbtejn: l-ewwel għal skopijiet amministrattivi, bħat-taxxi, u mbagħad għal skopijiet ta’ statistika fl-istħarriġiet. Dak il-piż doppju għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun. Għalhekk, il-Programm MEETS se jappoġġa finanzjarjament proġetti dwar l-użu ta’ data amministrattiva għal skopijiet ta’ statistika, inkluż il-kontijiet tal-kumpanija, billi jgħin lill-Istati Membri jaqilbu minn stħarriġiet ta’ statistika għall-użu ta'-data amministrattiva filwaqt li jiżguraw data ta’ kwalità għolja.

Fl-intrapriżi nternament jagħmel sens li tkun promossa l-integrazzjoni tas-sistemi tal-kontabilità u r-rappurtar ta' l-istatistika, sabiex id-data tkun tista' titwassal għall-istatistika f'mod simplifikat. Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb li jiġu mnedija studji esterni u appoġġ finanzjarju għandu jiġi provdut lill-proġetti ta' l-Istati Membri f'dan ir-rigward.

Azzjoni 3.3: L-iżvilupp ta’ għodda aktar effiċjenti għall-estrazzjoni, it-trażmissjoni u t-trattament tad-data.

ICT ġdida toffri opportunitajiet għal rappurtar issimplifikat. Dan jista’ jintlaħaq permezz tal-kontijiet tal-kumpanija u rapporti finanzjarji oħra mfassla skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità, u standards tekniċi xierqa għal rapporti bħal dawn, inkluż eXtensible Business Reporting Language (XBRL). Se jittieħdu miżuri biex jappoġġaw finanzjarjament azzjonijiet li jiffaċilitaw it-trasferiment tad-data minn intrapriżi lejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-istatistika.

Użu iktar effiċjenti ta' l-għodod ta’ l-ICT għandu jiġi appoġġat biex jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu żviluppati iktar l-għodod għall-validazzjoni, l-individwazzjoni ta’ l-iżbalji, il-korrezzjoni, l-analiżi u x-xogħol editorjali. Appoġġ finanzjarju għandu jiġi provdut għall-proġetti ta’ l-Istati Membri f’dan ir-rigward.

Filwaqt li jittieħed kont ta' l-iżviluppi li qed isiru fis-simplifikazzjoni tal-formalitajiet doganali għall-esportazzjoni u l-importazzjoni, appoġġ finanzjarju għandu jiġi pprovdut għall-azzjonijiet li jkollhom l-għan li jiffaċilitaw l-iskambju, l-ipproċessar u t-tqassim ta’ statistika tal-kummerċ ta’ kwalità għolja u dettaljata.

Għan 4

:

Il-modernizzazzjoni ta’ l-Intrastat

Azzjoni 4.1: L-armonizzazzjoni ta’ metodi għat-titjib tal-kwalità taħt Intrastat issimplifikata

Appoġġ finanzjarju għandu jiġi pprovdut għall-azzjonijiet fl-Istati Membri mmirati lejn l-iżvilupp ta’ għodod u metodi għat-titjib tal-kwalità tad-data u s-sistema tal-ġbir tad-data.

L-appoġġ finanzjarju għandu jingħata għal azzjonijiet fl-Istati Membri li jkollhom l-għan li jnaqqsu n-nuqqas ta’ simetrija billi jevitaw il-klassifikazzjonijiet ħżiena, billi jarmonizzaw l-istima u s-sistemi ta’ ġbir u pproċessar, ir-regoli għat-trattament ta’ data kunfidenzjali, il-limiti u l-metodi għall-aġġustament.

Azzjoni 4.2: L-użu aħjar ta’ data amministrattiva

L-użu mill-ġdid ta’ data amministrattiva li qed tiġi rrappurtata mill-intrapriżi għal skopijiet oħra (partikolarment ir-rapporti tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u l-kontijiet) għandu jitħeġġeġ. Appoġġ finanzjarju għandu jiġi pprovdut għall-azzjonijiet f'dan ir-rigward, inkluż għall-iżvilupp ta’ għodod ta’ l-ICT u tal-proċeduri.

Azzjoni 4.3: Titjib u faċilitazzjoni ta’ l-iskambju tad-data fl-Intrastat

L-issuktar ta’ l-iżvilupp ta’ għodod u metodi għall-iskambju tad-data f’sistema ċentralizzata huwa kruċjali. L-għodod għall-validazzjoni, l-individwazzjoni ta’ l-iżbalji, il-korrezzjoni, l-analiżi u x-xogħol editorjali fil-qasam ta’ l-istatistika tal-kummerċ intra-Komunitarju jeħtieġu jiġu żviluppati. Għandu jingħata appoġġ finanzjarju għal dawk l-azzjonijiet li jiffukaw fuq l-aspetti ġuridiċi u tekniċi ta' l-iskambju tad-data bejn l-Istati Membri.


Top