Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0618

    2008/618/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Lulju 2008 dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri

    ĠU L 198, 26.7.2008, p. 47–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/618/oj

    26.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 198/47


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Lulju 2008

    dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri

    (2008/618/KE)

    IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 128(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (2),

    Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi (3),

    Billi:

    (1)

    Ir-riforma ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona fl-2005 enfasizzat l-iżvilupp u l-impjiegi. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi ta’ l-Istrateġija Ewropea ta’ l-Impjiegi (4) u l-Linji Gwida Wiesgħa dwar il-Politika Ekonomika (5) kienu adottati bħala pakkett integrat, fejn l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi għandha r-rwol prinċipali fl-implimentazzjoni ta’ l-objettivi tas-suq ta’ l-impjiegi u x-xogħol ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona.

    (2)

    L-eżami tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma ta’ l-Istati Membri fir-Rapport Annwali ta’ Progress tal-Kummissjoni u fl-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi turi li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw l-oqsma ta’ prijorità li huma:

    l-attirar u ż-żamma ta’ aktar nies f’impjiegi, żieda fl-għadd ta’ ħaddiema u l-immodernizzar tas-sistemi ta’ ħarsien soċjali,

    it-titjib ta’ l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi, u

    iż-żieda fl-investiment fil-kapital uman permezz ta’ titjib fl-edukazzjoni u l-ħiliet.

    (3)

    Fid-dawl kemm ta’ l-eżami mill-Kummissjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-punt ta’ konċentrazzjoni għandu jkun fuq implimentazzjoni effettiva u f’waqtha f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, u b’hekk tissaħħaħ ukoll id-dimensjoni soċjali ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-miri u l-punti ta’ referenza miftiehma.

    (4)

    Il-Linji ta’ Gwida għax-Xogħol huma validi għal tliet snin, filwaqt li fis-snin intermedji, sa l-2010, l-aġġornament tagħhom għandu jkun limitat b’mod strett.

    (5)

    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-Linji Gwida ta’ l-Impjiegi meta jkunu qed jimplimentaw finanzjament mill-Komunità pprogrammat, b’mod partikolari tal-Fond Soċjali Ewropew.

    (6)

    Minħabba n-natura integrata tal-pakkett tal-linji gwida, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b’mod sħiħ il-Linji Gwida Ġenerali tal-Politika Ekonomika,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-linji gwida għal-linji politiċi ta’ l-Istati Membri dwar l-impjiegi, kif stabbiliti fl-Anness, huma b’dan adottati.

    Artikolu 2

    Il-linji gwida għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni fil-linji politiċi dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri, li għandu jkun hemm rapport dwarhom fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Lulju 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BARNIER


    (1)  Opinjoni tat-13 ta’ Frar 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni ta’ l-20 ta’ Mejju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Opinjoni tat-13 ta’ Frar 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  ĠU L 205, 6.8.2005 p. 21.

    (5)  ĠU L 205, 6.8.2005 p. 28.


    ANNESS

    Linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri

    (Linji gwida integrati Nri 17 sa 24)

    Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jiffurmaw parti mil-Linji Gwida Integrati għall-2008-2010, li huma bbażati fuq tliet pilastri: linji politiċi, makroekonomiċi, riformi mikroekonomiċi u linji politiċi dwar l-impjiegi. Dawk il-pilastri, flimkien jikkontribwixxu biex jinkisbu l-objettivi ta’ tkabbir u impjiegi sostenibbli u biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali.

    L-Istati Membri, b’kooperazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u fejn xieraq partijiet interessati oħra, għandhom iwettqu l-linji politiċi tagħhom bil-għan li jimplimentaw l-objettivi u l-prijoritajiet għall-azzjoni li huma speċifikati aktar ‘l isfel sabiex iktar impjiegi u impjiegi aħjar u ħaddiema b’edukazzjoni aħjar u ħiliet tajba jappoġġjaw suq tax-xogħol inklussiv. Waqt li jirriflettu l-istrateġija ta’ Liżbona u jqisu l-objettivi soċjali komuni, b’mod ibbilanċjat il-linji politiċi ta’ l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu:

    Impjiegi għal kulħadd: Il-kisba ta’ impjiegi għal kulħadd, u t-tnaqqis tal-qgħad u l-inattività, billi tiġi miżjuda d-domanda għal u l-provvista ta’ xogħol, huwa vitali għas-sosteniment tat-tkabbir ekonomiku u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali. Approċċ integrat ta’ flessigurtà huwa essenzjali biex jinkisbu dawn l-għanijiet. Il-linji politiċi ta’ flessigurtà jindirizzaw b’mod simultanju il-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol, l-organizzazzjoni tax-xogħol u r-relazzjonijiet mad-dinja tax-xogħol, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata, u s-sigurtà ta’ l-impjiegi u l-ħarsien soċjali;

    Titjib fil-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: L-isforzi biex jiżdiedu r-rati ta’ l-impjieg jimxu id f’id mat-titjib ta’ l-attrazzjoni ta’ l-impjiegi, tal-kwalità fuq ix-xogħol, tat-tkabbir tal-produttività tax-xogħol; it-tnaqqis sostanzjali tas-segmentazzjoni, l-inugwaljanza tas-sessi u l-proporzjon tal-ħaddiema foqra. Is-sinerġiji bejn il-kwalità tax-xogħol, il-produttività u l-impjieg għandhom ikunu sfruttati b’mod sħiħ;

    It-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Tinħtieġ azzjoni determinata biex l-inklużjoni soċjali tiġi msaħħa u rrinforzata, ikun miġġieled il-faqar – b’mod speċjali il-faqar fost it-tfal – tkun ipprevenuta l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol, tkun appoġġjata l-integrazzjoni fl-impjiegi ta’ persuni bi żvantaġġ, u jitnaqqsu d-differenzi reġjonali f’termini ta’ impjiegi, qgħad u produttività tax-xogħol, speċjalment f’reġjuni li waqgħu lura. Hija meħtieġa interazzjoni msaħħa mal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fil-Ħarsien Soċjali u fl-Inklużjoni Soċjali.

    L-opportunitajiet indaqs u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni huma essenzjali għall-progress. L-integrazzjoni tas-sessi u l-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza tas-sessi għandhom ikunu żgurati fl-azzjoni kollha meħuda. Għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari sabiex jitnaqqsu b’mod sinifikanti d-distakki kollha relatati mas-sess fis-suq tax-xogħol f’konformità mal-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Bħala parti minn approċċ interġenerazzjonali ġdid, għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni taż-żgħażagħ, bl-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, u lill-promozzjoni ta’ aċċess għall-impjiegi tul il-ħajja kollha tax-xogħol, inkluż għal ħaddiema akbar fl-età. Trid tingħata attenzjoni partikolari wkoll biex jitnaqqsu b’mod sinifikanti d-distakki fl-impjiegi għall-persuni żvantaġġjati, inklużi l-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll bħal bejn iċ-ċittadini ta’ terzi pajjiżi u ċ-ċittadini ta’ l-UE, f’konformità ma’ kwalunkwe mira nazzjonali. Dan se jgħin lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfida demografika.

    L-Istati Membri għandhom jimmiraw lejn l-inklużjoni attiva ta’ kulħadd, permezz tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ dawk li jaħdmu u jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni ta’ gruppi marġinalizzati.

    Meta jkunu qed jieħdu azzjoni, l-Istati Membri jridu jaraw li jkun hemm tmexxija tajba tal-linji ta’ politika soċjali u dawk dwar l-impjieg, u jaraw li l-iżviluppi pożittivi fl-oqsma ta’ l-ekonomija, tax-xogħol u ta’ l-affarijiet soċjali jkunu jsaħħu lil xulxin. Għandhom jistabbilixxu sħubija wiesgħa għall-bidla billi jinvolvu b’mod sħiħ lill-entitatjiet parlamentari u lill-partijiet interessati, inklużi dawk fuq livelli reġjonali u lokali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali għandhom jilagħbu rwol ċentrali. Il-miri u l-punti ta’ referenza li ġew iffissati fuq il-livell ta’ l-UE fil-qafas ta’ l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi fil-kuntest tal-linji gwida ta’ l-2003 għandhom ikomplu jiġu segwiti b’indikaturi u b’tabelli ta’ valutazzjoni. L-Istati Membri huma wkoll mħeġġa jiddefinixxu l-impenji u l-miri tagħhom stess, li għandu jittieħed kont tagħhom, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż miftiehma fuq livell ta’ l-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jimmonitorjaw l-impatt speċjali tar-riformi.

    Governanza tajba teħtieġ anki effiċjenza ikbar fl-allokazzjoni tar-riżorsi amministrattivi u finanzjarji. Fi ftehim mal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jimmiraw lejn ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, fuq l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Ewropea tax-Xogħol u jjirrapportaw dwar l-azzjoni li tittieħed. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi fl-Istati Membri.

    Linja Gwida 17. Biex tkun implimentata politika dwar l-impjiegi li tkun immirata lejn il-kisba ta’ impjieg għal kulħadd, li ttejjeb il-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, u li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali.

    Il-politika għandha tikkontribwixxi biex fl-Unjoni Ewropea (UE) tintlaħaq rata medja ta’ impjieg ta’ 70 % b’mod ġenerali, ta’ mill-inqas 60 % għan-nisa u ta’ 50 % għal ħaddiema akbar fl-età (minn 55 sa 64 sena) sa l-2010, u biex jitnaqqsu l-qgħad u l-inattività. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ miri ta’ rata ta’ impjieg nazzjonali.

    Meta jiġu indirizzati dawn l-għanijiet, l-azzjoni għandha tkun ikkonċentrata fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

    tiġbed u żżomm iktar persuni f’impjiegi, iżżid il-provvista tax-xogħol u timmodernizza s-sistemi ta’ ħarsien soċjali,

    ittejjeb l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi,

    iżżid l-investiment fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni u ta’ ħiliet aħjar.

    1.   Li aktar persuni jkunu attratti u miżmuma f’impjieg, li l-provvista tax-xogħol tiżdied u li jkunu modernizzati s-sistemi tal-protezzjoni soċjali

    Iż-żieda tal-livelli ta’ l-impjiegi hija l-aktar mezz effettiv biex ikun iġġenerat tkabbir ekonomiku u biex ikunu promossi ekonomiji soċjalment inklussivi, waqt li tkun żgurata xibka ta’ sikurezza għal dawk li ma jkunux jistgħu jaħdmu. Il-promozzjoni tal-provvista tax-xogħol, ta’ approċċ tul ċiklu ta’ ħajja għax-xogħol u l-modernizzar tas-sistemi ta’ ħarsien soċjali biex tkun żgurata l-adegwatezza, is-sostenibbiltà finanzjarja u l-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu għall-ħtiġiet li qed jinbidlu fis-soċjetà huma dejjem aktar meħtieġa minħabba fin-nuqqas mistenni fil-popolazzjoni ta’ dawk ta’ l-età tax-xogħol. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tnaqqis sostanzjali tad-diskrepanzi persistenti fl-impjieg bejn in-nisa u l-irġiel, u d-diskrepanzi fil-pagi bejn is-sessi. Huwa importanti wkoll li jkun hemm żieda ulterjuri tar-rati ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema akbar fl-età u ta’ żgħażagħ, bħala parti minn approċċ interġenerazzjonali ġdid, u li tkun promossa l-inklużjoni attiva ta’ dawk l-iktar esklużi mis-suq tax-xogħol. Hemm ħtieġa wkoll ta’ azzjoni intensifikata sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, speċjalment għal dawk b’kompetenzi baxxi, u sabiex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li bejn wieħed u ieħor huwa d-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad.

    Għandhom jiġu stabbiliti kondizzjonijiet tajbin biex b’hekk jitħaffef il-progress fix-xogħol, kemm jekk dan ikun l-ewwel opportunità, jew jekk ikun hemm mixja lura lejn id-dinja tax-xogħol wara waqfa jew jekk ikun hemm ix-xewqa li titwal il-ħajja tal-ħaddiema fid-dinja tax-xogħol. Il-kwalità ta’ l-impjiegi, inklużi l-pagi u l-benefiċċji, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà ta’ l-impjiegi, l-aċċess għal tagħlim matul il-ħajja u l-prospetti ta’ karriera, huma kruċjali, hekk kif huma wkoll is-sostenn u l-inċentivi li jiġu minn sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Sabiex jiġi inkoraġġit approċċ lejn ix-xogħol ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, u sabiex tisseddaq ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, huma meħtieġa linji ta’ politika li jirrigwardaw il-provvediment ta’kura għat-tfal. Punt ta’ referenza utli fil-livell nazzjonali huwa li jiġi żgurat li jkunu koperti mill-anqas 90 % tat-tfal ta’ bejn it-tliet snin u l-età ta’ l-iskola obbligatorja, u mill-anqas 33 % tat-tfal ta’ taħt it-tliet snin sa l-2010 iżda hemm il-ħtieġa wkoll ta’ sforzi speċifiċi biex jiġu ttrattati differenzi reġjonali fil-pajjiżi. Iż-żieda fir-rata medja ta’ impjiegi tal-ġenituri, speċjalment ġenituri waħedhom, li s-soltu huma esposti għal riskju ta’ faqar ogħla, teħtieġ miżuri biex jingħata appoġġ lil familji. B’mod partikolari, l-Istati Membri jridu jieħdu f’kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċjali ta’ ġenituri waħedhom u dawk ta’ familji li għandhom ħafna tfal. Barra minn hekk, sa l-2010, l-età medja effettiva ta’ ħruġ mis-suq tax-xogħol, fil-livell ta’ l-UE għandha tiżdied b’ħames snin meta mqabbla ma’ l-2001.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri wkoll għal status tas-saħħa (professjonali) mtejjeb bil-għan li jonqos il-piż tal-mard, li tiżdied il-produttività tax-xogħol u titwal il-ħajja tax-xogħol. L-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, il-Patt għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; u l-Alleanza Ewropea għall-Familji għandha wkoll tkun ta’ kontribut għal approċċ għax-xogħol ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, b’mod partikolari billi titħaffef it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol. Iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet għandhom jingħataw opportunitajiet ugwali għall-integrazzjoni soċjali u professjonali permezz ta’ miżuri mfasslin individwalment.

    Linja Gwida 18. Il-promozzjoni ta’ approċċ għax-xogħol tul ċiklu ta’ ħajja permezz ta’:

    sforz imġedded biex jinbnew mogħdijiet ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ u biex jitnaqqas il-qgħad fosthom, kif inhu meħtieġ fil-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ,

    azzjoni risoluta biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa u jitnaqqsu d-distakki bejn is-sessi fl-impjiegi, fil-qgħad u fil-pagi,

    rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja tax-xogħol u tal-ħajja privata u l-provvista ta’ faċilitajiet għall-kura tat-tfal aċċessibbli u għall-bwiet ta’ kulħadd u kura għal persuni dipendenti oħrajn,

    appoġġ għal tixjiħ attiv, inklużi kondizzjonijiet adattati tax-xogħol, stat ta’ saħħa (okkupazzjonali) imtejjeb u inċentivi adegwati għax-xogħol u skoraġġiment ta’ rtirar bikri,

    sistemi moderni ta’ ħarsien soċjali, inklużi l-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa, li jiżguraw l-adegwatezza soċjali, is-sostenibbiltà finanzjarja u r-rispons tagħhom għal ħtiġiet li qed jinbidlu, bil-għan li jkunu appoġġjati l-parteċipazzjoni u ż-żamma aħjar fl-impjieg u ħajjiet itwal tax-xogħol.

    Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata ‘Biex tkun salvagwardjata s-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja bħala bażi għal żieda fl-impjiegi’ (Nru 2).

    Linji ta’ politika ta’ inklużjoni attiva jistgħu jżidu l-provvista tax-xogħol u jsaħħu l-kapaċità għal koeżjoni tas-soċjetà u huma mezz b’saħħtu biex tkun promossa l-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol ta’ l-iktar persuni żvantaġġjati.

    Kull persuna qiegħda għandha tiġi offruta imġjieg, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew miżura oħra ta’ impjegabilità; fil-każ ta’ żgħażagħ li telqu mill-iskola mhux iktar minn erba’ xhur qabel sa’ l-2010 u fil-każ ta’ adulti mhux iktar minn tnax-il xahar qabel. Għandhom jitwettqu linji ta’ politika bil-għan li joffru miżuri tas-suq tax-xogħol attivi lil dawk li jkunu ilhom qiegħda, fil-waqt li jittieħed f’kunsiderazzjoni l-livell ta’ rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 25 % fl-2010. Id-dħul mill-ġdid fil-ħajja tax-xogħol trid tkun fil-forma ta’ taħriġ, taħriġ mill-ġdid, taħriġ fuq ix-xogħol, offerta ta’ mpjieg jew xi miżura oħra favur l-impjieg, u fejn ikun xieraq anki fl-għot ta’ għajnuna kontinwa fit-tiftix ta’ impjieg. Li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-impjiegi ta’ dawk li qed ifittxu impjieg, li jkun ipprevenut il-qgħad u li jkun żgurat li dawk li jiġu qiegħda jibqgħu marbuta mill-qrib mas-suq tax-xogħol u jibqgħu impjegabbli huma kollha essenzjali biex tiżdied il-parteċipazzjoni, u tkun miġġielda l-esklużjoni soċjali. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli għas-suq tax-xogħol billi tingħata assistenza fit-tiftix effettiv għax-xogħol, u jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-taħriġ u għal miżuri attivi oħra tas-suq tax-xogħol. Huwa ugwalment importanti li jiġi żgurat aċċess għall-bwiet ta’ kulħadd għal servizzi soċjali bażiċi, livelli adegwati ta’ riżorsi minimi għal kulħadd, flimkien mal-prinċipju ta’ rimunerazzjoni ġusta. Dan l-approċċ għandu, fl-istess żmien, jiżgura li x-xogħol ikun irendi għall-ħaddiema kollha, kif ukoll ineħħi n-nases tal-qgħad, tal-faqar u ta’ l-inattività.

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex tkun promossa l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni żvantaġġjati, inklużi ħaddiema ta’ ftit sengħa, inkluż permezz ta’ l-espansjoni ta’ servizzi soċjali u ta’ l-ekonomija soċjali, kif ukoll bl-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ impjiegi b’reazzjoni għall-ħtiġiet kollettivi. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni ta’ l-aċċess għall-impjiegi għal persuni b’diżabilità u l-integrazzjoni ta’ l-immigranti u tal-minoranzi huma partikolarment essenzjali.

    Linja Gwida 19. L-iżgurar ta’ swieq tax-xogħol inklużivi, iż-żieda ta’ l-attrattività tax-xogħol, u li x-xogħol jirrendi ħlas xieraq għal dawk li jkunu qed ifittxu impjiegi, inklużi l-persuni żvantaġġati, u l-inattivi, permezz ta’:

    miżuri attivi u preventivi tas-suq tax-xogħol li jinkludu l-identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġiet, l-assistenza għat-tiftix ta’ impjieg, il-gwida u t-taħriġ bħala parti minn pjanijiet ta’ azzjoni personalizzati, il-provvista ta’ servizzi soċjali meħtieġa biex jappoġġjaw l-inklużjoni tal-persuni l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol u li jikkontribwixxu biex jinqered il-faqar,

    ir-reviżjoni kontinwa ta’ l-inċentivi u tad-diżinċentivi li jirriżultaw mis-sistemi fiskali u tal-benefiċċji, inklużi l-ġestjoni u l-kondizzjonalità tal-benefiċċji u tnaqqis sinifikanti ta’ rati tat-taxxa effettivi għoljin u marġinali, notevolment għal dawk bi dħul baxx, waqt jkunu żgurati livelli adegwati ta’ ħarsien soċjali,

    l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ impjiegi fis-servizzi għal individwi u negozji, notevolment fuq livell lokali.

    Biex aktar nies ikunu jistgħu jfittxu impjieg aħjar, huwa meħtieġ ukoll li tissaħħaħ l-infrastruttura tas-suq tax-xogħol fuq livell nazzjonali u ta’ l-UE, inkluż permezz tan-netwerk EURES, biex ikun antiċipat aħjar u jissewwa kwalunkwe tlaqqigħ ħażin possibbli. Transizzjonijiet aħjar bejn impjiegi u għal impjieg huma essenzjali u għandhom jiġu promossi linji politiċi li jsaħħu l-mobbiltà u t-tqabbil fuq is-suq tax-xogħol. Dawk li jfittxu x-xogħol fl-UE kollha għandhom ikunu jistgħu jikkonsultaw il-postijiet tax-xogħol battala kollha rreklamati permezz tas-servizzi ta’ l-impjieg ta’ l-Istati Membri. Il-mobilità tal-ħaddiema fl-UE għandha tkun żgurata bis-sħiħ fil-kuntest tat-Trattati. Fis-swieq tax-xogħol nazzjonali, għandha tingħata konsiderazzjoni sħiħa lil-provvista addizzjonali tax-xogħol minħabba l-immigrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    Linja Gwida 20. It-titjib tat-tlaqqigħ tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol permezz ta’:

    il-modernizzazzjoni u t-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet tas-swieq tax-xogħol, notevolment is-servizzi ta’ l-impjiegi, anki bil-għan li tkun żgurata iktar trasparenza ta’ l-opportunitajiet għal impjiegi u għal taħriġ fuq il-livell nazzjonali u Ewropew,

    it-tneħħija ta’ ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema min-naħa għall-oħra ta’ l-Ewropa fil-qafas tat-Trattati,

    antiċipazzjoni aħjar tal-ħtiġiet fil-ħiliet, tan-nuqqasijiet u tal-problemi tas-suq tax-xogħol,

    ġestjoni xierqa tal-migrazzjoni ekonomika.

    2.   It-titjib ta’ l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi

    L-Ewropa jeħtieġ li ttejjeb il-kapaċità tagħha biex tantiċipa, tikkawża u tassorbixxi l-bidla ekonomika u soċjali. Dan jeħtieġ spejjeż tax-xogħol li jiffavorixxu l-impjieg, forom moderni ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, il-promozzjoni ta’ “xogħol tajjeb” u swieq tax-xogħol li jaħdmu sew u li jippermettu aktar flessibilità flimkien mas-sigurtà ta’ l-impjieg biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet tal-kumpanniji u tal-ħaddiema. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll biex tkun ipprevenuta l-emerġenza ta’ swieq tax-xogħol segmentati u biex jitnaqqas ix-xogħol mhux iddikjarat (ara wkoll il-Linji Gwida 18, 19, 20 u 23).

    Fid-dinja tal-lum li kulma jmur qed issir dejjem aktar ekonomija dinjija bi ftuħ fis-suq u bl-introduzzjoni kontinwa ta’ teknoloġiji ġodda, kemm l-intrapriżi kif ukoll il-ħaddiema huma ffaċjati bil-ħtieġa, u bl-opportunità, li jadattaw. Waqt li dan il-proċess ta’ bidliet strutturali ġeneralment huwa wieħed ta’ ġid għat-tkabbir u għall-impjieg, iġib ukoll trasformazzjonijiet li jfixklu lil uħud mill-ħaddiema u mill-intrapriżi. Biex jibqgħu kompetittivi, l-intrapriżi jridu jsiru aktar flessibbli biex jirreaġixxu għal bidliet f’daqqa fid-domanda, jadattaw irwieħhom għal teknoloġiji ġodda u jġeddu kostantement lilhom infushom.

    Huma għandhom jirreaġixxu wkoll għad-domanda dejjem akbar għall-kwalità ta’ l-impjieg li hija relatata mal-preferenzi personali tal-ħaddiema u mal-bidliet fil-familja, u dawn ser ikollhom ilaħħqu ma’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ u ma’ numru iżgħar ta’ rekluti żgħażagħ. Għall-ħaddiema, il-ħajja tax-xogħol qed issir aktar kumplessa hekk kif il-mudelli tax-xogħol qed isiru aktar differenti u irregolari, u matul iċ-ċiklu tal-ħajja jeħtieġ li jiġi ġestit b’suċċess numru dejjem akbar ta’ transizzjonijiet. B’ekonomiji li qed jinbidlu b’rata mgħaġġla, il-ħaddiema jridu jkunu mgħammra b’opportunitajiet ta’ tagħlim matul il-ħajja, sabiex ilaħħqu ma’ modi ġodda ta’ xogħol, inkluża l-esplojtazzjoni mtejba tat-Teknoloġiji ta’ Informazzjoni u ta’ Komunikazzjoni (ICT). Bidliet fl-istatus tax-xogħol b’riskji assoċjati li jkollhom jiffaċċjaw telf temporanju fid-dħul tagħhom għandhom jiġu akkomodati aħjar permezz tal-provvista ta’ ħarsien soċjali adattat u modernizzat.

    Sabiex dawn l-isfidi jintlaqgħu b’suċċess jinħtieġ approċċ integrat ta’ flessigurtà. Il-flessigurtà tinvolvi l-kombinazzjoni deliberata ta’ arranġamenti kuntrattwali flessibbli u affidabbli, strateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja, linji politiċi effettivi u attivi dwar is-suq tax-xogħol, u sistemi ta’ protezzjoni soċjali, moderni, adegwati u sostenibbli.

    L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-mogħdijiet ta’ flessigurtà tagħhom stess, ibbażati fuq il-prinċipji komuni adottati mill-Kunsill. Dawn il-prinċipji jservu bħala bażi utli għar-riformi, li jinkwadraw għażliet ta’ politika nazzjonali u arranġamenti speċifiċi nazzjonali fil-qasam tal-flessigurtà. M’hemmx mogħdija unika, u m’hemm l-ebda prinċipju uniku li huwa aktar importanti minn ieħor.

    Linja Gwida 21. Li tiġi promossa l-flessibbiltà flimkien mas-sigurtà ta’ impjiegi u li titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b’kont dovut meħud tar-rwol tas-sħab soċjali, permezz ta’:

    l-adattament tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi, billi fejn ikun meħtieġ jiġu riveduti l-arranġamenti kuntrattwali u tal-ħinijiet tax-xogħol differenti,

    l-indirizzar tal-kwistjoni tax-xogħol mhux iddikjarat,

    antiċipazzjoni aħjar u ġestjoni pożittiva tal-bidla, li tinkludi r-ristrutturar ekonomiku, notevolment il-bidliet marbuta ma’ ftuħ fil-kummerċ, biex jiġu minimizzati l-ispejjeż soċjali tagħhom u jiġi ffaċilitat l-adattament,

    il-promozzjoni u t-tixrid ta’ forom innovattivi u adattabbli ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, bil-għan li jitjiebu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sikurezza,

    appoġġ għat-transizzjonijiet fl-istatus okkupazzjonali, inklużi t-taħriġ, l-impjiegi indipendenti, il-ħolqien tan-negozju u l-mobbiltà ġeografika.

    Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Biex tkun promossa koerenza ikbar bejn il-linji ta’ politika makroekonomiċi, strutturali u dawk dwar l-impjiegi” (Nru 5).

    Biex il-ħolqien ta’ l-impjiegi jilħaq l-ogħla livell tiegħu, biex tinżamm il-kompetittività u biex ikun appoġġjat il-qafas ekonomiku ġenerali, l-iżviluppi ġenerali tal-paga għandhom ikunu skond it-tkabbir fil-produttività fiċ-ċiklu ekonomiku u għandhom jirriflettu s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol. Id-distakk fil-pagi bejn is-sessi għandu jitnaqqas sostanzjalment. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu spjegati u indirizzati r-raġunijiet għal-livell baxx ta’ pagi fi professjonijiet u f’setturi li għandhom it-tendenza li jkunu ddominati min-nisa. Jista’ wkoll ikun hemm il-ħtieġa għal sforzi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi u biex ikunu analizzati d-diviżjonijiet fit-taxxa sabiex ikun iffaċilitat il-ħolqien ta’ l-impjiegi, speċjalment l-impjiegi b’paga baxxa.

    Linja Gwida 22. Li jkunu żgurati żviluppi ta’l-ispiża tax-xogħol u mekkaniżmi ta’ stipular tal-pagi billi:

    l-imsieħba soċjali fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom stess ikunu inkoraġġiti jiffissaw il-qafas it-tajjeb għan-negozjati tal-pagi sabiex ikunu riflessi l-isfidi għall-produttività u għas-suq tax-xogħol fil-livelli rilevanti kollha u biex jiġu evitati distakki fil-pagi bejn is-sessi,

    jiġi analizzat l-impatt fuq l-impjiegi ta’ spejjeż tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi u fejn ikun xieraq jiġu aġġustati l-istruttura u l-livell tagħhom, b’mod speċjali biex jitnaqqas il-piż fiskali fuq dawk li jitħallsu paga baxxa.

    Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata ‘Biex ikun żgurat li l-iżviluppi fil-pagi jikkontribwixxu għal stabbiltà u tkabbir makroekonomiċi’ (Nru 4).

    3.   Li jiżdied l-investiment fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni u ħiliet aħjar

    L-Ewropa jeħtieġ li tinvesti iżjed u b’mod iktar effettiv fil-kapital uman. Wisq nies mhux qed jirnexxilhom jidħlu, jagħmlu progress jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol minħabba nuqqas ta’ ħiliet, jew minħabba nuqqas ta’ tqabbil tal-ħiliet. Biex jissaħħaħ l-aċċess għax-xogħol għall-irġiel u n-nisa ta’ l-etajiet kollha, biex jogħlew il-livelli ta’ produttività, l-innovazzjoni u l-kwalità tax-xogħol, l-UE teħtieġ investiment ogħla u aktar effettiv fil-kapital uman u fit-tagħlim tul il-ħajja.

    Ekonomiji msejsa fuq l-għarfien u fuq is-servizzi jeħtieġu ħiliet differenti mill-industriji tradizzjonali; ħiliet li jeħtieġ li jiġu kostantement aġġornati fil-konfront tal-bidla teknoloġika u ta’ l-innovazzjoni. Il-ħaddiema, jekk se jibqgħu u se jagħmlu progress fix-xogħol tagħhom u se jkunu mħejjija għal tranżizzjoni u għal swieq tax-xogħol li qed jinbidlu, jeħtieġ li jakkumulaw u jġeddu l-ħiliet b’mod regolari. Il-produttività ta’ l-intrapriżi tiddependi fuq il-bini u ż-żamma ta’ forza tax-xogħol li tista’ tadatta ruħha għall-bidla. Il-gvernijiet iridu jassiguraw li l-livelli edukattivi miksuba jitjiebu u li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bil-kompetenzi ewlenin meħtieġa, f’konformità mal-PattEwropew għaż-Żgħażagħ. Sabiex jitjiebu l-prospetti tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ, l-UE għandha timmira għal rata medja ta’ mhux aktar minn 10 % għal dawk li jħallu l-iskola kmieni; u li mill-inqas 85 % ta’ dawk li jkollhom 22 sena jkunu kkompletaw l-edukazzjoni sekondarja ogħla. Il-linji politiċi għandhom jimmiraw ukoll li jżidu l-livell medju ta’ l-UE ta’ parteċipazzjoni f’tagħlim ta’ tul il-ħajja għal ta’ l-inqas 12,5 % tal-popolazzjoni ta’ l-adulti li għandhom l-età biex jaħdmu (il-grupp ta’ dawk li għandhom bejn il-25 u l-64 sena). Il-partijiet interessati kollha għandhom ikunu mobilizzati biex jiżviluppaw u jkattru kultura reali ta’ tagħlim għal tul il-ħajja sa mill-iċken etajiet. Biex tinkiseb żieda sostanzjali fl-investiment pubbliku u privat fir-riżorsi umani per capita u jkunu garantiti l-kwalità u l-effiċjenza ta’ dawn l-investimenti, huwa importanti li jkun żgurat qsim ġust u trasparenti ta’ l-ispejjeż u r-responsabbiltajiet bejn l-atturi kollha. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu aħjar mill-Fondi Strutturali u mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment biex jinvestu fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-istrateġiji koerenti u komprensivi ta’ tagħlim matul il-ħajja li dwarhom huma kienu kkommettew ruħhom.

    Linja Gwida 23. Li jitwessa’ u jitjieb l-investiment fil-kapital uman permezz ta’:

    linji ta’ politika ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ inklussivi u ta’ azzjoni biex ikun iffaċilitat b’mod sinfikanti l-aċċess għall-edukazzjoni inizjali, vokazzjonali, sekondarja u għall-edukazzjoni ogħla, inklużi l-apprendistati u t-taħriġ intraprenditorjali,

    tnaqqis sinfikanti tan-numru ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskola,

    strateġiji effiċjenti ta’ tagħlim tul il-ħajja miftuħa għal kulħadd fl-iskejjel, f’negozji, fl-awtoritajiet pubbliċi u fid-djar skond ftehim Ewropej, inkluż inċentivi u mekkaniżmi ta’ qsim ta’ l-ispejjeż adegwati, bil-ħsieb li tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni f’taħriġ kontinwu u fuq il-post tax-xogħol matul iċ-ċiklu tal-ħajja, speċjalment għal dawk bi ftit ħiliet u ħaddiema akbar fl-età.

    Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Biex jiżdied u jitjieb l-investiment fl-R&D (riċerka u żvilupp), b’mod partikolari min-negozji privati.” (Nru 7).

    L-iffissar ta’ għanijiet ambizzjużi u ż-żieda tal-livell ta’ investiment min-naħa ta’ l-atturi kollha mhuwiex biżżejjed. Biex ikun assigurat li fil-prattika l-provvista tilħaq id-domanda, is-sistemi ta’ tagħlim għal tul il-ħajja għandhom ikunu għall-bwiet ta’ kulħadd, aċċessibbli u sensibbli għall-ħtiġiet li qed jinbidlu. L-adattament u l-bini tal-kapaċità ta’ l-edukazzjoni u tas-sistemi ta’ taħriġ u miżuri biex titjieb il-bażi konkreta ta’ linji politiċi dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ huma meħtieġa biex itejbu r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol, is-sensibilità tagħhom għall-ħtiġiet ta’ l-ekonomija bbażata fuq il-konoxxenza u s-soċjetà u l-effiċjenza, l-eċċellenza u l-ekwità tagħhom. Sistema ta’ orjentazzjoni tal-karriera tul il-ħajja li hija aċċessibbli faċilment, mifruxa u integrata għandha żżid kemm l-aċċess ta’ individwi għall-edukazzjoni u t-taħriġ u r-rilevanza għall-ħtiġiet ta’ ħiliet ta’ l-ta’ edukazzjoni u t-taħriġ offruti. L-ICT jistgħu jintużaw sabiex itejbu l-aċċess għat-tagħlim u jfassluh aħjar skond il-ħtiġiet ta’ min iħaddem u l-impjegati.

    Mobbiltà akbar kemm għall-finijiet tax-xogħol kif ukoll għal dawk tat-tagħlim hija wkoll meħtieġa biex ikun hemm aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol aktar wiesa’ fl-UE kollha. L-ostakoli li fadal għall-mobilità fis-suq tax-xogħol Ewropew għandhom jitneħħew, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ l-għarfien u t-trasparenza u l-użu ta’ kwalifiki u riżultati mit-tagħlim, speċjalment permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-Kwalifiki Ewropew billi s-sistema ta’ kwalifika nazzjonali tkun relatata ma’ dak il-Qafas sa l-2010 u fejn xieraq, billi jiġu żviluppati osqfa ta’ kwalifika nazzjonali. Ser ikun importanti li jsir użu mill-istrumenti u r-referenzi Ewropej miftiehma sabiex ikunu appoġġati r-riformi tas-sistemi nazzjonali ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif stipulat fil-Programm ta’ Ħidma għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ l-2010.

    Linja Gwida 24. L-adattament tas-sistemi ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ bi tweġiba għal kull ħtieġa ġdida f’termini ta’ kompetenzi permezz ta’:

    jiġu miżjuda u żgurati l-attrazzjoni, il-ftuħ u l-istandards ta’ kwalità ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ, titwessa’ l-provvista ta’ l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ u jkunu żgurati mogħdijiet ta’ tagħlim flessibbli u jitkabbru l-possibbiltajiet għal mobbiltà għall-istudenti u għal dawk li qed jitħarrġu,

    jiġi ffaċilitat u ddiversifikat l-aċċess ta’ kulħadd għall-edukazzjoni u għat-taħriġ u għall-għarfien permezz ta’ l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, tas-servizzi ta’ appoġġ għall-familji, tal-gwida vokazzjonali u, jekk ikun xieraq, ta’ forom ġodda ta’ kondiviżjoni ta’ l-ispejjeż,

    ikun hemm reazzjonijiet għal ħtiġijiet okkupazzjoni ġodda, kompetenzi ewlenin u rekwiżiti futuri għall-ħiliet billi jittejbu d-definizzjoni u t-trasparenza tal-kwalifiki, ir-rikonoxximent effettiv tagħhom u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

    Ħarsa ġenerali tal-miri u punti ta’ referenza stabbiliti fil-qafas ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Impjieg

    Il-miri u l-punti ta’ referenza li ġejjin ġew maqbula fil-kuntest ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi:

    li kull persuna qiegħda għandha tiġi offruta imġjieg, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew miżura oħra ta’ impjegabilità; fil-każ ta’ żgħażagħ li telqu mill-iskola f’inqas minn erba’ xhur sa l-2010 u fil-każ ta’ adulti f’inqas minn tnax-il xahar.

    li 25 % tal-qgħad ta’ perijodu fit-tul għandu jipparteċipa sa l-2010 f’miżura attiva fil-forma ta’ taħriġ, taħriġ mill-ġdid, prattika tax-xogħol, jew miżura oħra ta’ impjegabilità, bil-għan li tinkiseb il-medja tat-tliet Stati Membri l-aktar avvanzati;

    li dawk li qed ifitxxu impjieg fl-UE jkunu jistgħu jikkonsultaw is-sejħiet kollha għal impjiegi rriklamati fis-servizzi ta’ l-impjiegi ta’ l-Istati Membri;

    żieda b’ħames snin, fuq il-livell ta’ l-UE, ta’ l-età medja effettiva ta’ ħruġ mis-suq tax-xogħol sa l-2010 meta mqabbla ma’ l-2001;

    il-provvediment ta’ servizzi ta’ kustodja tat-tfal sa l-2010 għal mill-inqas 90 % tat-tfal bejn it-3 snin u l-età ta’ l-iskola obbbligatorja u mill-inqas 33 % tat-tfal taħt it-3 snin;

    rata medja ta’ l-UE ta’ mhux aktar minn 10 % għal dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien;

    mill-inqas 85 % ta’ dawk li għandhom 22 sena fl-UE għandhom ikunu kkompletaw l-edukazzjoni sekondarja għolja sa l-2010;

    li l-livell medju tal-parteċipazzjoni f’tagħlim matul il-ħajja fl-UE għandu jkun mill-inqas 12,5 % tal-popolazzjoni ta’ l-adulti li għandhom l-età biex jaħdmu (il-grupp ta’ dawk li għandhom bejn 25 u 64 sena).


    Top