Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 32008D0544

    2008/544/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 20 ta’ Ġunju 2008 li temenda d-Deċiżjoni Nru 2004/858/KE sabiex tittrasforma L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm tas-Saħħa Pubblika f’ L-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi

    ĠU L 173, 3.7.2008, p. 27—29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Estatuto jurídico do documento Já não está em vigor, Data do termo de validade: 31/12/2013; Imħassar b' 32013D0770

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/544/oj

    3.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 173/27


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta’ l-20 ta’ Ġunju 2008

    li temenda d-Deċiżjoni Nru 2004/858/KE sabiex tittrasforma “L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm tas-Saħħa Pubblika” f’ “L-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi”

    (2008/544/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1),

    Billi:

    (1)

    L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm tas-Saħħa Pubblika (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-“PHEA”) twaqqfet bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/858/KE (2), biex timmaniġġja l-programm ta’ azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “il-Programm tas-Saħħa Pubblika 2003-2008”) adottat bid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Id-Deċiżjoni 2004/858/KE tipprevedi għall-PHEA li twettaq il-funzjonijiet tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2010 sabiex tesegwixxi kuntratti u għotjiet iffirmati taħt il-programm għas-Saħħa Pubblika 2003-2008.

    (2)

    Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) (4) (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “it-tieni Programm għas-Saħħa Pubblika 2008-2013”) li daħal fis-seħħ fil-21/11/2007. It-tieni Programm għas-Saħħa Pubblika huwa mfassal biex ikompli l-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-Saħħa Pubblika billi jiffoka fuq tliet għanijiet wiesgħa: it-titjib tas-sigurtà tas-saħħa taċ-ċittadini, il-promozzjoni tas-saħħa biex titjieb il-prosperità u s-solidarjetà; u biex jiġi ġġenerat u mxerred it-tagħrif dwar is-saħħa.

    (3)

    Il-programm ta’ azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-ħarsien tal-Konsumatur għall-2007-2013, adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-18 ta’ Diċembru 2006 (5) (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “il-programm tal-Konsumatur għall-2007-2013”) jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-iffinanzjar ta’ l-azzjonijiet tal-Komunità b’appoġġ għall-politika tal-Konsumaturi għas-snin 2007 sa 2013. L-għan tal-Programm huwa li jikkumplimenta, jappoġġja u jissorvelja l-politiki ta’ l-Istati Membri u li jikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi kif ukoll li jippromwovi d-drittijiet tagħhom għall-informazzjoni, għall-edukazzjoni u biex jorganizzaw ruħhom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom.

    (4)

    L-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali li jsiru biex tiġi verifikata l-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, is-saħħa ta’ l-annimali u r-regoli tal-benesseri ta’ l-annimali (6) jippermetti lill-Kummissjoni li torganizza korsijiet ta’ taħriġ għall-personal ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u għall-parteċipanti minn pajjiżi terzi, inkluż pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-oqsma koperti b’taħriġ simili huma l-liġi ta’ l-ikel u l-liġi ta’ l-għalf, saħħa ta’ l-annimali u kundizzjonijiet ta’ benesseri ta’ l-annimali. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(l)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju dwar miżuri ta’ ħarsien kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra l-firxa tagħhom fil-Komunità (7), joffri bażi legali għat-taħriġ fis-settur tas-saħħa tal-pjanti biex l-attivitajiet ta’ taħriġ organizzati mill-Kummissjoni jikkostitwixxu strateġija ġenerali tal-Kummissjoni għat-taħriġ, kif ukoll regoli għas-saħħa tal-pjanti (minn issa ‘l quddiem imsejħa “miżuri ta’ taħriġ dwar is-sigurtà ta’ l-ikel koperti bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE”).

    (5)

    Analiżi tal-benefiċċju kumparat ma’ l-ispiża mwettaq mill-konsulenti esterni wriet li jekk ix-xogħol ta’ implimentazzjoni tal-programm relatat mat-tieni Programm għas-Saħħa Pubblika 2008-2013 jiġi afdat lill-PHEA eżistenti din tkun l-aktar għażla li tipproduċi benefiċċju għall-ispiża.

    (6)

    Analiżi tal-benefiċċju mqabbel ma’ l-ispiża wera wkoll li l-ħidmiet ta’ implimentazzjoni tal-programm relatati mal-programm tal-Konsumatur għall-2007-2013 kif ukoll miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà ta’ l-ikel koperti bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE għandhom jitwettqu b’mod aktar effiċjenti mill-PHEA eżistenti, filwaqt li jiġi żgurat li l-immaniġġjar ġenerali jsir mill-Kummissjoni għal dawk il-programmi u miżuri tal-Komunità.

    (7)

    Sabiex jiġu riflessi l-ħidmiet addizzjonali, il-PHEA għandha tiġi mibdula f’Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi.

    (8)

    Id-Deċiżjoni 2004/858/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

    (9)

    Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2004/858/KE hi emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Isem l-Aġenzija se jkun ‘L-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi.’”

    (2)

    L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Tul ta’ żmien

    L-Aġenzija għandha twettaq il-ħidmiet tagħha mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2015.”

    (3)

    L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Għanijiet u ħidmiet

    1.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-ħidmiet ta’ implimentazzjoni li ġejjin għall-immaniġġjar tat-tieni Programm tas-Saħħa Pubblika 2008-2013 kif adottat bid-Deċiżjoni 1350/2007/KE, il-programm tal-Konsumatur għall-2007-2013 kif adottat bid-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE u l-miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà ta’ l-ikel koperti bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE:

    (a)

    l-immaniġġjar tal-fażijiet tul il-perjodu ta’ proġetti speċifiċi li jiġu definiti mill-Kummissjoni fl-istrument tad-delegazzjoni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tal-programmi u miżuri tal-Komunità msemmija hawn fuq, kif ukoll l-ivverifikar neċessarju għal dan il-għan, billi jittieħdu d-deċiżjonijiet relevanti fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dan;

    (b)

    l-adozzjoni tad-dokumenti għall-implimentazzjoni tal-baġit għad-dħul u l-ħruġ ta’ finanzi u t-twettiq, meta l-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan, ta’ l-operazzjonijiet kollha meħtieġa biex timplimenta l-programmi tal-Komunità msemmija hawn fuq u, b’mod partikolari, dawk marbuta mal-għoti ta’ kuntratti u għotjiet ta’ flus;

    (ċ)

    ġbir, analiżi u li tiġi mgħoddija lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiggwida u tevalwa l-implimentazzjoni tal-programmi u miżuri tal-Komunità msemmija hawn fuq.

    2.   L-Aġenzija għandha wkoll timmaniġġja l-fażijiet kollha fil-perjodu tal-miżuri implimentattivi delegati lilha fil-qafas tal-programm ta’ azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika 2003-2008, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE.

    3.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddelega l-awtorità lill-Aġenzija sejra turi fid-dettal il-ħidmiet kollha fdati lillha. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni se tiġi trażmessa, bħala informazzjoni, lill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003.”

    (4)

    L-Artikolu 6 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Għotjiet

    L-Aġenzija għandha tirċievi sussidji li jidħlu fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropew mill-fondi allokati għat-tieni Programm tas-Saħħa Pubblika 2008-2013 kif adottat bid-Deċiżjoni 1350/2007/KE, il-programm tal-Konsumatur għall-2007-2013 kif adottat bid-Deċiżjoni 1926/2006/KE u l-miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà ta’ l-ikel koperti bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE:”

    Artikolu 2

    Ir-referenzi kollha għall-“Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm tas-Saħħa Pubblika” għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-“Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi”.

    Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Ġunju 2008.

    Għall-Kummissjoni Ewropea

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 369, 16.12.2004, p. 73.

    (3)  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 7).

    (4)  ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.

    (5)  Id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39).

    (6)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 301/2008 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 85).

    (7)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/41/KE (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 51).


    Início