Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0542

    2008/542/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Ġunju 2008 dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti dwar it-Tagħrif Storiku dwar il-Kreditu

    ĠU L 173, 3.7.2008, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/542/oj

    3.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 173/22


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-13 ta’ Ġunju 2008

    dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti dwar it-Tagħrif Storiku dwar il-Kreditu

    (2008/542/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21 (1), adottata f'Novembru 2007, kienet akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar is-servizzi finanzjarji bl-imnut, li saħaq dwar l-importanza ta’ l-aċċess għal u d-disponibbiltà ta’ dejta dwar il-kreditu għall-promozzjoni ta’ swieq kompetittivi tas-servizzi finanzjarji bl-imnut (2). Ħabbret ukoll it-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti dwar it-tagħrif storiku dwar il-kreditu.

    (2)

    Il-White Paper dwar l-Integrazzjoni tas-Swieq ta’ Kreditu b’Ipoteka fl-UE (3) kkonkludiet li dawk li jsellfu u l-intermedjarji fil-qasam tal-kreditu bl-ipoteka għandhom ikunu meħtieġa jivvalutaw b’mod adegwat, bil-mezzi xierqa kollha, kemm dawk li jissellfu, qabel ma jinħarġilhom self b'ipoteka, jkunu kapaċi jħallsu s-self lura. Ikkonkludiet ukoll li min isellef b’ipoteka m’għandux jiġi diskriminat meta jiġi biex jaċċessa reġistri tal-kreditu fi Stat Membri oħra, u li d-dejta dwar il-kreditu għandha tiċċirkola mingħajr xkiel, filwaqt li tikkonforma għal kollox mar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tat-tagħrif personali.

    (3)

    Il-Kummissjoni tixtieq tidentifika l-ostakli, fosthom dawk ġuridiċi, regolatorji u amministrattivi, għall-aċċess għad-dejta dwar il-kreditu u għall-iskambju tiegħu, u tixtieq tingħata parir dwar kif tista’ tindirizza dawn l-ostakli filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

    (4)

    Il-grupp ta’ esperti għandu jkun magħmul minn individwi li jkollhom kompetenza fil-qasam tad-dejta dwar il-kreditu.

    (5)

    Huwa importanti li jkun żgurat li l-membri tal-grupp jipprovdu pariri esperti oġġettivi.

    (6)

    Id-dejta personali kollha relatata mal-membri tal-grupp għandha tkun ipproċessata b’konformità mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (4),

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    B’dan, il-Kummissjoni twaqqaf grupp ta’ esperti dwar it-tagħrif storiku dwar il-kreditu (minn hawn ‘il quddiem “il-grupp”).

    Artikolu 2

    Kompitu

    L-għan tal-grupp hu li:

    Jidentifika l-ostakli kollha, fosthom dawk ġuridiċi, regolatorji u amministrattivi għall-aċċess għad-dejta dwar il-kreditu u għall-iskambju tiegħu. B’mod partikolari, il-grupp għandu jistħarreġ l-impatti possibbli tal-koeżistenza tal-metodi differenti wżati għall-organizzazzjoni u l-funzjonament tar-reġistri tal-kreditu fil-Komunità u jidentifika l-konsegwenzi tagħhom minn perspettiva ekonomika. Għandu wkoll jistħarreġ il-qagħda eżistenti mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumatur (inkluża l-protezzjoni tad-dejta).

    Jippreżenta proposta dwar kif jistgħu jiġu indirizzati l-ostakli identifikati. Għal dan il-għan, il-grupp għandu jimmira lejn l-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jimmassimizzaw iċ-ċirkolazzjoni tad-dejta tal-kreditu filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

    Artikolu 3

    Kompożizzjoni - Ħatra

    1.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn massimu ta’ 20 membru.

    2.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn fost esperti b’kompetenza fiż-żona koperta mill-mandat tal-grupp, wara sejħa għall-espressjoni ta’ interess, abbażi ta’ proposti minn kwalukwe minn dawn li ġejjin:

    Assoċjazzjonijiet Ewropej jew nazzjonali, li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi jew ta’ l-industrija tas-servizzi finanzjarji;

    kolletturi tad-dejta dwar il-kreditu jew proċessuri tad-dejta dwar il-kreditu, privati jew pubbliċi, mill-Istati Membri;

    rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta ta’ l-Istati Membri;

    individwi bi sfond akkademiku jew b’għarfien espert rikonoxxut fil-qasam tad-dejta tal-kreditu, inkluża l-protezzjoni tad-dejta.

    3.   Il-partijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jesprimu bil-miktub l-interess tagħhom fil-parteċipazzjoni fil-Grupp.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-eliġibbiltà ta’ l-individwi esperti skond il-kriterji li ġejjin:

    Għarfien rilevanti li jista’ jintwera jew kompetenza fiż-żona koperta mill-mandat tal-grupp;

    għarfien espert jew esperejnza prattiċi reċenti;

    ħila f'ilsien li s-soltu jintuża fil-qasam tal-finanzi, ta’ livell li jippermetti lil-espert jieħu sehem f’diskuzzjonijiet u jfassal rapporti f’dak l-ilsien.

    L-espressjonijiet ta’ l-interess li jaslu għandhom jinkludu dokumentazzjoni li turi li l-espert propost jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tagħżel l-esperti billi tqis il-ħtieġa li tirrappreżenta l-interessi tal-partijiet rilevanti kollha. Kif stqarret fil-White Paper tagħha dwar il-Politika dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-2005-2010, il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lil rappreżentazzjoni proporzjonata ta’ l-utenti. Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni għandha tiżgura rappreżentazzjoni ġeografika wiesgħa u kompożizzjoni bbilanċjata bejn is-sessi fuq il-bażi tal-proposti li jaslu.

    6.   L-esperti proposti li jkunu tqiesu bħala xierqa iżda li ma jkunux nħatru jistgħu jitniżżlu f’lista ta’ riżerva, li l-Kummissjoni tista’ tuża għall-ħatra ta’ sostituzzjonijiet.

    7.   Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw:

    Membri proposti mill-assoċjazzjonijiet Ewropej jew nazzjonali, li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi jew ta’ l-industrija tas-servizzi finanzjarji; jew minn kolletturi tad-dejta dwar il-kreditu jew proċessuri tad-dejta dwar il-kreditu, jinħatru bħala rappreżentanti tal-partijiet interessati.

    Membri mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta jinħatru bħala rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet rispettivi tagħhom.

    Membri bi sfond akkademiku jew b’għarfien espert rikonoxxut jinħatru f’kapaċità personali.

    Il-mandat tal-membri tal-grupp għandu jibda bl-ewwel laqgħa tal-grupp u jintemm bit-tlestija ta’ rapport, mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2009. Il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sa meta jiġu ssostitwiti jew sa tmiem il-mandat tagħhom.

    Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-ħidmiet tal-grupp, li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew li ma josservawx il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jew l-Artikolu 287 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jistgħu jiġu ssostitwiti għall-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom.

    L-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-Gruppi Esperti tal-Kummissjoni Ewropea (5) jew fuq is-sit ta’ l-internet tad-DĠ Suq Intern u Servizzi. L-ismijiet tal-membri jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-dejta personali.

    Il-membri maħtura f'kapaċità personali għandhom jiffirmaw kull sena dikjarazzjoni fejn jistqarru li huma jaġixxu fl-interess pubbliku kif ukoll dikjarazzjoni li tikkonferma n-nuqqas jew l-eżistenza ta’ kull interess li jista’ jaffettwa l-indipendenza tagħhom.

    Artikolu 4

    Il-ħidma

    1.   Il-president tal-grupp għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw il-mistoqsijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp; dawn għandhom jiġu xolti hekk kif dawn it-termini jkunu ġew sodisfatti.

    3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti u osservaturi b’għarfien speċifiku biex jieħdu sehem fix-xogħol tal-grupp u fil-gruppi ta’ ħidma.

    4.   L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fil-ħidmiet tal-grupp jew sottogrupp ma tistax tinħareġ jekk il-Kummissjoni tiddikjara li din tkun marbuta ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali.

    5.   Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni, skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Is-Segretarjat tal-Grupp għandu jiġi provdut mill-Kummissjoni. Uffiċjali tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Grupp u s-sottogruppi tiegħu.

    6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni (6).

    7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika fuq l-Internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kull sommarju, konklużjoni, parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-grupp.

    Artikolu 5

    Spejjeż tal-laqgħat

    1.   Il-Kummissjoni għandha trodd lura l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ l-għixien relatati ma’ l-attivitajiet ta’ dan il-Grupp skond id-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jkunu fis-seħħ (7). Il-membri ma jiġux imħallsa tas-servizzi tagħhom.

    2.   L-ispejjeż tal-laqgħat huma mħallsa lura fil-limiti ta’ l-approprjazzjonijiet allokati lid-dipartiment ikkonċernat fl-ambitu tal-proċedura annwali ta’ l-allokazzjoni tar-riżorsi.

    Magħmula fi Brussell, 13 ta’ Ġunju 2008

    Għall-Kummissjoni

    Charlie McCREEVY

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  COM(2007) 724 finali.

    (2)  SEC(2007) 1520

    (3)  COM(2007) 807.

    (4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (5)  http://ec.europa.eu/secretariat_general/regexp/

    (6)  L-Anness III tad-dokument SEC(2005)1004.

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5858 tal-5 ta’ Diċembru 2007.


    Top