EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0489

2008/489/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna miżuri interim ta’ ħarsien kontra t-tixrid tal- Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu ta' l-injam ta' l-arżnu) fil-Portugall (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3312)

ĠU L 168, 28.6.2008, p. 38–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/08/2008; Imħassar b' 32008D0684

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/489/oj

28.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 168/38


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Ġunju 2008

li tikkonċerna miżuri interim ta’ ħarsien kontra t-tixrid tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu ta' l-injam ta' l-arżnu) fil-Portugall

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3312)

(2008/489/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri ta’ ħarsien kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi li huma ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti, u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(5) tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/133/KE tat-13 ta’ Frar 2006 li teħtieġ li l-Istati Membri temporanjament jieħdu miżuri kontra t-tixrid tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu ta' l-injam ta' l-arżnu - PWN) f'dak li jikkonċerna żoni fil-Portugall, għajr dawk li fihom huwa magħruf li ma jeżistix (2), il-Portugall qed jimplimenta pjan ta’ qerda kontra t-tixrid tan-nematodu ta' l-injam ta' l-arżnu.

(2)

Il-Portugall adotta ordni ministerjali (Portaria Nru°358/2008 tat-12 ta’ Mejju 2008) li tipprojbixxi l-moviment ta’ injam u pjanti suxxettibbli barra l-Portugall kontinentali sakemm l-injam ma jkunx ġie ttrattat u l-pjanti spezzjonati kif xieraq.

(3)

Il-Portugall ressaq proposta lill-Kummissjoni għal pjan ta’ stħarriġ, kif stipulat fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2006/133/KE, għat-territorju kollu Portugiż. Il-proposta ġiet diskussa fil-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti fis-26-27 ta’ Mejju 2008. Madankollu, il-Kummissjoni, msejsa fuq konklużjonijiet tal-Kumitat, m’approvatx il-pjan minħabba fin-nuqqas ta' intensità fis-sorveljanza.

(4)

Il-Portugall għarraf lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Ġunju 2008 dwar is-sejba ta’ tifqigħat ġodda tal-PWN, wara investigazzjoni straordinarja mill-awtoritajiet Portugiżi flimkien ma' l-istħarriġ annwali, fil-parti tal-Portugall fejn s'issa kien magħruf li l-PWN ma jinstabx.

(5)

Il-missjoni ta’ spezzjoni mill-Uffiċċju Veterinarju u ta’ l-Ikel mit-2 sas-6 ta’ Ġunju 2008 wriet li d-dejta disponibbli mhijiex biżżejjed biex tikkonferma li hemm xi żoni fil-Portugall li huma ħielsa mill-PWN. Barra minn hekk, il-Komunità u l-miżuri nazzjonali mhumiex implimentati bis-sħiħ.

(6)

Għalhekk, il-miżuri li ttieħdu s’issa qed jitqiesu bħala inadegwati u r-riskju immedjat tat-tixrid tal-PWN barra l-Portugall minħabba fil-moviment ta' injam, tal-qoxra tas-siġar u ta’ pjanti suxxettibbli ma jistax jiġi eskluż aktar. Barra minn hekk, attwalment, l-Istati Membri għajr għall-Portugall għandhom mill-aktar fis jitħallew jikkontrollaw il-moviment fit-territorju tagħhom ta’ injam, qoxra tas-siġar u ta’ pjanti li joriġinaw mill-partijiet kollha tal-Portugall.

(7)

Minħabba fiż-żieda dan l-aħħar fit-tifqigħat tal-PWN fil-Portugall, għandhom jittieħdu miżuri malajr kemm jista’ jkun biex jissalvagwardjaw it-territorju ta’ Stati Membri oħra kontra l-PWN u għall-ħarsien ta' l-interessi kummerċjali tal-Komunità f'dak li għandu x'jaqsam mal-pajjiżi terzi. Il-movimenti ta' injam, qoxra tas-sigar u ta' pjanti suxxettibbli mill-Portugall lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi għandhom ikunu pprojbiti sakemm dan il-materjal ma jkunx għadda minn trattament xieraq, jew, għall-pjanti, spezzjoni adegwata. Għalhekk, ir-rekwiżiti għall-moviment ta’ injam, qoxra tas-siġar u pjanti suxxettibbli miż-żoni demarkati fil-Portugall, għajr għaż-żoni demarkati, jew lejn Stati Membri oħra għandhom jiġu estiżi għall-moviment kollu mill-Portugall lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi. It-traċċabilità għandha tkun żgurata billi jiġi mehmuż il-passaport tal-pjanti jew il-marka ta’ kull unità fi ħdan kunsinna. L-ambitu ta’ l-attivitajiet ta’ kontroll imwettqa mill-Istati Membri għandu jitwessa’ biex jippermetti l-kontroll ta’ injam, qoxra tas-siġar u pjanti suxxettibbli mill-Portugall lejn it-territorju tagħhom.

(8)

Sakemm issir il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti, għandhom jittieħdu miżuri interim ta’ ħarsien biex iwaqqfu t-tixrid ta’ PWN mill-Portugall lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom jiġu revisti mill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Portugall għandu jiżgura li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-injam, il-qoxra tas-siġar u l-pjanti suxxettibbli li għandhom jiġu spostati mit-territorju tiegħu lejn Stati Membri oħra jew lejn pajjiżi terzi.

2.   L-Istati Membri ta’ destinazzjoni għajr il-Portugall jistgħu jissottomettu l-kunsinni ta' injam, tal-qoxra tas-siġar u ta’ pjanti suxxettibbli, li ġejjin mill-Portugall u li ġew spostati fit-territorju tagħhom, għat-test għall-preżenza tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu ta' l-injam ta' l-arżnu – PWN).

3.   L-Anness għad-Deċiżjoni 2006/133/KE hu emendat skond l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 27 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/41/KE (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 51).

(2)  ĠU L 52, 23.2.2006, p. 34. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2008/378/KE (ĠU L 130, 20.5.2008, p. 22).


ANNESS

Fil-każ ta' movimenti mill-Portugall lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi, ta’:

(a)

pjanti suxxettibbli, dawn il-pjanti għandu jkollhom mehmuż magħhom passaport għall-pjanti mħejji u maħruġ skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE, (1) wara li:

il-pjanti jkunu ġew uffiċjalment spezzjonati u misjuba ħielsa minn sinjali jew sintomi tal-PWN, u

l-ebda sintomu tal-PWN ma jkun ġie osservat fil-post ta' produzzjoni jew fil-viċinanzi immedjati mill-bidu ta' l-aħħar ċiklu komplut tal-veġetazzjoni;

(b)

injam suxxetibbli u l-qoxra tas-siġar iżolata, għajr l-injam fl-għamla ta':

laqx, partiċelli, skart ta' l-injam jew skart miksub fi sħiħ jew f'parti minn dawn il-koniferi,

kaxxi ta' l-ippakkjar, qratel jew tankijiet,

palletta, palletti tal-kaxxa jew load boards oħra,

serratura, spacers u rfid,

iżda li jinkludi dak li ma żammx il-wiċċ tond naturali tiegħu, dak l-injam u dik il-qoxra iżolata għandu jkollhom mehmuż magħhom il-passaport għall-pjanti msemmi fil-punt (a), wara li l-injam jew il-qoxra tas-siġar iżolata jkun/tkun għadda/għaddiet minn trattament xieraq ta' sħana biex jilħaq/tilħaq temperatura minima fil-qalba ta' l-injam ta' 56°C għal 30 minuta biex ikun assigurat il-ħelsien minn PWNs ħajjin;

(ċ)

injam suxxettibbli, fl-għamla ta' laqx, partiċelli, skart ta' l-injam jew skart miksub sħiħ jew f'parti minn dawn il-koniferi għandu jkollu l-imsemmi passaport għall-pjanti mehmuż miegħu imsemmi fil-punt (a) wara li jkun għadda minn trattament xieraq ta' tidħin biex ikun assigurat il-ħelsien minn PWNs ħajjin;

(d)

injam suxxettibbli, fil-forma ta’ serratura, spacers u rfid, inkluż dak li ma żammx il-wiċċ naturali tond tiegħu, kif ukoll fil-forma ta' kisi ta’ l-ippakkjar, kaxxi, kannestri, tankijiet u ppakkjar simili, pjattaformi għall-ħżin, pjattaformi għall-ħżin f’forma ta’ kaxex u twavel tat-tagħbija oħra, kullari tal-pjattaformi għall-ħżin, kemm jekk qed jintużaw attwalment u kemm jekk le fit-trasport ta’ l-oġġetti ta’ kull tip, għandhom ikunu suġġetti għall-waħda mill-miżuri approvati kif speċifikat fl-Anness I ta’ l-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 dwar il-Linji ta’ Gwida għar-regolamentazzjoni ta’ materjal għall-ippakkjar magħmul mill-injam fil-kummerċ internazzjonali. Fuq l-injam għandu jkun hemm marka li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ fejn u ta’ min ikun għamel it-trattament jew inkella jkollu miegħu il-passaport tal-pjanti msemmi fil-punt (a) li jiċċertifika l-miżuri li jkunu twettqu.

Il-Portugall għandu jiżgura li l-passaport tal-pjanti msemmi fil-punt (a) jew il-marka skond l-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 huwa mehmuż/hija mehmuża ma’ kull unità ta’ injam, qoxra tas-siġar u ta’ pjanti suxxettibbli li jiġu spostati.


(1)  ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22.


Top