Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0337

    2008/337/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 24 ta’ April 2008 li temenda d-Deċiżjoni 2006/968/KE li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 fir-rigward ta' linji gwida u proċeduri għall-identifikazzjoni elettronika ta' l-annimali ovini u kaprini (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1571) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 115, 29.4.2008, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32019R2035

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/337/oj

    29.4.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 115/33


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta' l-24 ta’ April 2008

    li temenda d-Deċiżjoni 2006/968/KE li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 fir-rigward ta' linji gwida u proċeduri għall-identifikazzjoni elettronika ta' l-annimali ovini u kaprini

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1571)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/337/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 91/102/KEE u 64/432/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(d) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) jipprevedi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini skond dan ir-Regolament. Skond ir-Regolament (KE) Nru 21/2004, l-ewwel mezz ta' identifikazzjoni ta' dawn l-annimali huma t-tikketti tal-widna. It-tieni mezz ta' identifikazzjoni jinkludi l-identifikazzjoni elettronika ta' l-annimali ovini u kaprini.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/968/KE (2) tfassal linji ta' gwida u proċeduri għall-approvazzjoni ta' identifikaturi u ta' qarrejja għall-identifikazzjoni elettronika ta' l-annimali ovini u kaprini skond ir-Regolament (KE) Nru 21/2004. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ħtiġiet minimi dwar ċerti testijiet ta' konformità u prestazzjoni għall-approvazzjoni ta' dawn l-identifikaturi u l-qarrejja. Dawn it-testijiet għandhom jitwettqu minn laboratorji ta' testijiet innominati li joperaw u li huma vvalutati u akkreditati skond ċerti standards Ewropej.

    (3)

    L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali li jsiru biex tiġi żgurata l-verifika ta' konformità mal-liġi ta' l-għalf u ta' l-ikel, ir-regoli ta' saħħet l-annimali u tal-benessri ta' l-annimali (3), jirreferi għal dawk l-istandards Ewropej fir-rigward tan-nomini minn awtoritajiet kompetenti ta' laboratorji uffiċjali.

    (4)

    Hu adatt li tiġi emendata r-referenza fid-Deċiżjoni 2006/968/KE għal dawk l-istandards sabiex jiġi kkunsidrat il-karattru speċifiku tal-laboratorji ta' l-ittestjar imsemmija f'dik id-Deċiżjoni

    (5)

    L-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabblixxi arranġamenti tranżizzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004, (KE) Nru 854/2004 u (KE Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 jipprovdi deroga mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (4). Skond din id-deroga, l-awtorità kompetenti tista' tinnomina għal perjodu tranżitorju laboratorju tat-testijiet li ma kienx akkreditat. Għal raġunijiet ta' ċarezza d-Deċiżjoni 2006/968/KE għandha tirreferi għal din id-deroga.

    (6)

    Id-Deċiżjoni 2006/968/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness mad-Deċiżjoni 2006/968/KE hu emendat skond l-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mill-1 ta' Ġunju .2008.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 24 ta’ April 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1560/2007 (ĠU L 340, 22.12.2007, p. 25).

    (2)  ĠU L 401, 30.12.2006, p. 41.

    (3)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni bil-korrezzjonijiet fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 301/2008 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 85).

    (4)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1246/2007 (ĠU L 281, 25.10.2007, p. 21).


    ANNESS

    Fl-Anness mad-Deċiżjoni 2006/968/KE, Kapitolu IV jinbidel b'li ġej:

    ”KAPITOLU IV

    Laboratorji tat-testijiet

    1.

    L-awtorità kompetenti għandha taħtar laboratorji tat-testijiet għat-twettiq tat-testijiet previsti f'din id-Deċiżjoni.

    2.

    Madankollu, l-awtorità kompetenti tista' taħtar biss laboratorji ta' testijiet li joperaw u li huma vvalutati u akkreditati skond l-Artikolu 12(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. L-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005 japplika sal-31 ta' Diċembru 2009.

    3.

    L-Istati Membri għandhom ifasslu u jżommu listi aġġornati ta' laboratorji tat-testijiet maħtura mill-awtoritajiet kompetenti u jagħmlu tali tagħrif disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u l-pubbliku fuq websajt.”


    Top