Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0329

    2008/329/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ April 2008 li titlob lill-Istati Membri jiżguraw li ġugarelli bil-kalamita mqiegħda jew inkella magħmula disponibbli fis-suq juru twissija dwar ir-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza li jġibu magħhom (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1484) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 114, 26.4.2008, p. 90–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/04/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/329(1)/oj

    26.4.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 114/90


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-21 ta’ April 2008

    li titlob lill-Istati Membri jiżguraw li ġugarelli bil-kalamita mqiegħda jew inkella magħmula disponibbli fis-suq juru twissija dwar ir-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza li jġibu magħhom

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1484)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/329/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

    Wara li kkonsultat lill-Istati Membri:

    Billi:

    (1)

    Skond id-Direttiva 2001/95/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE tat-3 ta’ Mejju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw is-sikurezza ta’ ġugarelli (2), kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 93/68/KEE (3), il-produtturi huma obbligati li jpoġġu fis-suq ġugarelli sikuri biss.

    (2)

    Id-Direttiva 88/378/KEE tistipula r-rekwiżiti essenzjali għas-sikurezza li jrid ikollhom il-ġugarelli biex wieħed jiżgura li dawn jimxu ma’ l-objettivi dwar is-sikurezza tad-Direttiva. Barra minn hekk, id-Direttiva tistipula li, sabiex tiġi ffaċilitata l-prova ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali għas-sikurezza, l-istandards Ewropej relatati mad-disinn u l-kompożizzjoni tal-ġugarelli għandhom jitfasslu mill-korpi ta’ standardizzazzjoni. Bħalissa, ir-riskju ppreżentat mill-kalamiti hu kopert mir-rekwiżit għas-sikurezza ġenerali tar-Direttiva 88/378/KEE, imma d-Direttiva ma tistipulax rekwiżiti għas-sikurezza partikulari li jittrattaw ir-riskju ppreżentat mill-kalamiti.

    (3)

    Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) ħareġ l-istandard Ewropew EN 71-1:2005 “Is-sikurezza ta’ ġugarelli – Parti I: il-karatteristiċi mekkaniċi u fiżiċi” li huwa verżjoni kkonsolidata ta’ l-istandard armonizzat EN 71-1:1998 u tal-11-il-emenda tiegħu. Fejn jidħlu r-rekwiżiti speċifiċi koperti mill-istandard, il-ġugarelli li jikkonformaw ma’ dan l-istandard huma preżunti bħala konformi mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 88/378/KEE. Bħalissa, l-istandard ma jinkludix rekwiżiti tekniċi għall-ġugarelli bil-kalamita. Bi qbil ma’ l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 88/378/KEE, il-produtturi għandhom jirrikorru għal eżami tat-tip tal-KE meta standard armonizzat ma jkoprix ir-riskji kollha li ġugarell jista’ jippreżenta.

    (4)

    Sabiex tindirizza r-riskji speċifiċi marbuta ma’ ġugarelli bil-kalamita, bi qbil mad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-22 ta Ġunju 1998, li jistipula l-proċedura għall-għoti ta’ l-informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi (4), fil-25 ta’ Mejju 2007 il-Kummissjoni bagħtet mandat lis-CEN (5), biex fi żmien 24 xahar jiġi rivedut l-istandard Ewropew EN 71-1:2005. Sakemm l-istandard rivedut jitfassal u jidħol fis-seħħ, jenħtieġ li jiġu indirizzati, b’mod immedjat, ir-riskji ppreżentati minn ġugarelli bil-kalamita sabiex bis-saħħa ta’ titjib fl-għarfien ta’ dawn ir-riskji jiġu mnaqqsa aktar inċidenti lit-tfal b’riżultat ta’ dawn il-ġugarelli.

    (5)

    Barra milli bid-Direttiva 88/378/KEE, is-sikurezza ta’ ġugarelli hi koperta bid-Direttiva 2001/95/KE li tistabbilixxi l-qafas tas-sorveljanza tas-suq għal prodotti tal-konsumatur. Skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/95/KE, jekk il-Kummissjoni Ewropea ssir taf li ċerti prodotti jippreżentaw riskju serju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, hi tista’, f’ċerti kundizzjonijiet, tadotta deċiżjoni li titlob lill-Istati Membri biex jieħdu passi temporanji intiżi li jirrestrinġu jew jissoġġettaw għal kundizzjonijiet partikolari t-tqegħid jew id-disponibbiltà fis-suq ta’ prodotti simili.

    (6)

    Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata jekk (a) l-Istati Membri għandhom differenzi sinifikanti fejn tidħol l-istrateġija li adottaw, jew li għadhom se jaddottaw, dwar kif jaffrontaw ir-riskju konċernat; (b) ir-riskju ma jistax, fid-dawl tan-natura tal-kwistjoni tas-sikurezza, jiġi ttrattat b’manjiera kompatibbli mal-grad ta’ l-urġenza tal-każ skond il-proċeduri l-oħra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja applikabbli għall-prodott ikkonċernat; u (c) ir-riskju jista’ jiġi eliminat biss b’mod effettiv jekk jiġu adottati miżuri xierqa applikabbli fil-livell Komunitarju, sabiex jiżguraw livell għoli u konsistenti ta’ protezzjoni għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u t-tħaddim xieraq tas-suq intern.

    (7)

    Dan l-aħħar xiref riskju serju fir-rigward ta’ kalamiti fil-ġugarelli. Għalkemm il-kalamiti ilhom jintużaw fil-ġugarelli, f’dawn l-aħħar snin qed ikunu aktar b’saħħithom u jistgħu jinqalgħu ħafna aktar malajr jekk ikunu mwaħħla bl-istess teknika użata fil-passat. Barra minn hekk, minħabba s-saħħa akbar tagħhom, il-kalamiti mhux imwaħħlin jew il-partijiet manjetiċi li jintużaw fil-ġugarelli issa jippreżentaw riskju ogħla ta’ inċidenti serji milli fil-passat.

    (8)

    Dan ir-riskju serju ġie stabbilit b’numru ta’ inċidenti li ġew irrapurtati madwar id-dinja bejn l-2006 u l-2007 fejn tfal belgħu kalamiti li nqalgħu minn mal-ġugarelli jew partijiet tal-ġugarelli li kellhom il-kalamiti. Meta tinbela’ aktar minn kalamita waħda, il-kalamiti jattiraw lil xuxlin u jistgħu jikkawżaw tiċrita fl-imsaren, infezzjoni jew sadd, li jistgħu jkunu fatali. Anki t-teħid min-nifs ta’ dawn il-kalamiti kkawża inċidenti serji, u d-dħul minnhom fil-pulmuni jirrikjedi kirurġija immedjata.

    (9)

    Mill-2006, apparti każ fatali rrappurtat fl-Istati Uniti, madwar id-dinja ġew irrappurtati wkoll bosta każi ta’ tfal li belgħu mill-anqas żewġ kalamiti jew kalamita u oġġett metalliku, u li kienu jeħtieġu kirurġija serja. Dawn l-inċidenti involvew tfal ta’ bejn 10 xhur u 12-il sena.

    (10)

    Fl-2006 u l-2007, bosta produtturi tal-ġugarelli għamlu sejħiet kbar għall-irtirar ta’ ġugarelli manjetiċi. B’mod partikulari, waqt is-sajf ta’ l-2007 ġew irtirati ‘l fuq minn 18-il miljun ġugarell manjetiku minn madwar id-dinja, u l-proporzjon sinifikanti ta’ dawn il-ġugarelli kien fis-suq Ewropew. Bħala riżultat ta’ l-inċidenti u ta’ l-irtirar li sar riċentement, bosta produtturi ġew konxji tar-riskju u mmodifikaw id-disinn tal-ġugarelli kkonċernati, kif ukoll enkapsulaw jew rabtu sew il-kalamiti fil-partijiet li kienu fihom.

    (11)

    Xi pajjiżi diġà adottaw miżuri biex jittrattaw dan ir-riskju. B’mod partikulari, fid-19 ta’ April 2007 il-Kummissjoni għas-Sikurezza tal-Prodott tal-Konsumatur ta’ l-Istati Uniti (CPSC) ħarġet twissija lill-ġenituri rigward ir-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza ppreżentati minn ġugarelli manjetiċi. Is-CPSC ipparteċipat ukoll fir-reviżjoni ta’ l-ASTM F963-2007 “Speċifikazzjoni Standard għas-Sikurezza tal-Konsumatur għas-Sikurezza tal-Ġugarelli” maħsuba taħt l-awspiċi tal-korp ta’ l-istandardizzazzjoni, l-ASTM International, biex tittratta l-kalamiti preżenti fil-ġugarelli. Fl-Ewropa, kemm Franza kif ukoll il-Ġermanja infurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali.

    (12)

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2007 dwar is-sikurezza tal-prodotti u partikolarment il-ġugarelli (6), il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-poteri tagħha biex tadotta miżuri restrittivi, inkluża l-projbizzjoni, jekk jinstab li xi oġġetti tal-konsumatur impoġġija fis-suq tal-Komunità mhumiex sikuri.

    (13)

    Il-konsultazzjoni ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE stabbiliet li l-Istati Membri għandhom differenzi sinifikanti fejn tidħol l-istrateġija ta’ kif jaffrontaw ir-riskju ppreżentat minn ġugarelli manjetiċi.

    (14)

    Fl-assenza ta’ regoli Komunitarji, xi Stati Membri adottaw, jew waslu biex jadottaw, miżuri nazzjonali diverġenti biex jimmaniġġaw ir-riskji ppreżentati minn ġugarelli manjetiċi. L-introduzzjoni miżuri nazzjonali bħal dawn tirriżulta, inevitabbilment, f’livell inekwu ta’ protezzjoni u f’ostakoli intra-Komunitarji għal kummerċ ta’ ġugarelli manjetiċi. Kienu bosta l-Istati Membri li talbu għal miżura Komunitarja.

    (15)

    Teżisti leġiżlazzjoni Komunitarja dwar partijiet żgħar f’ġugarelli magħmula għal tfal żgħar (7), iżda dik il-leġiżlazzjoni ma tittrattax speċifikament, u b’mod suffiċjenti, ir-riskji ppreżentati minn ġugarelli manjetiċi għal tfal li għandhom ‘il fuq minn tliet snin. Fid-dawl tan-natura tal-periklu, ir-riskju ppreżentat minn ġugarelli manjetiċi ma jistax jiġi affrontat b’mod effettiv skond proċeduri oħra stipulati f’regoli speċifiċi tal-liġi Komunitarja b’mod li hu kompatibbli mal-grad ta’ l-urġenza tal-każ. Huwa għalhekk neċessarju li wieħed jirrikorri għal deċiżjoni temporanja skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/95/KE sakemm l-istandard Ewropew rivedut EN 71-1:2005 joħroġ b’soluzzjoni komprensiva għall-problema identifikata. Il-miżura mmirata introdotta b’din id-Deċiżjoni toffri biss soluzzjoni parzjali, temporanja u għal żmien qasir. Il-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet biċ-ċar il-ħtieġa ta’ rekwiżiti dwar il-kostruzzjoni biex taffronta, b’mod adegwat, ir-riskji ppreżentati minn ġugarelli manjetiċi meta jinħareġ il-mandat ta’ standardizzazzjoni lis-CEN biex jirrevedi l-EN 71-1:2005.

    (16)

    Fid-dawl tar-riskju serju minn ġugarelli manjetiċi, u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm protezzjoni konsistenti ta’ livell għoli tas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur madwar l-UE, kif ukoll biex jiġu evitati ostakoli għal kummerċ, għandha tiġi adottata, b’mod urġenti, deċiżjoni temporanja skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/95/KE. Deċiżjoni simili għandha minnufih tissoġġetta t-tqegħid u d-disponibbiltà fis-suq ta’ ġugarelli manjetiċi għall-kundizzjoni li dawn iridu jiġu mmarkati bi twissija adegwata dwar ir-riskji marbuta mal-preżenza ta’ kalamiti jew komponenti manjetiċi ta’ forma u ta’ daqs li jistgħu jinbelgħu u li huma aċċessibbli għat-tfal. Deċiżjoni simili għandha tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ aktar imwiet u inċidenti.

    (17)

    Fid-dawl tad-data dwar l-inċidenti u l-perikli u l-miżura permanenti pendenti fil-forma ta’ reviżjoni ta’ l-istandard EN 71-1:2005, l-ambitu ta’ din id-Direttiva għandu jkopri l-ġugarelli manjetiċi.

    (18)

    Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax l-Artikoli 3(4) u minn 6 sa 8 tad-Direttiva 2001/95, u għaldaqstant ma tipprojbixxix lill-Istati Membri milli jieħdu l-passi meħtieġa fejn hemm evidenza li ġugarell manjetiku hu perikoluż, irrispettivament mill-konformità mar-rekwiżiti f’din id-Deċiżjoni u ma’ kriterji oħra maħsuba biex jiżguraw ir-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali. L-Istati Membri jridu jissorveljaw is-suq u jesegwixxu attivitajiet ta’ infurzar biex jevitaw riskji ppreżentati minn prodotti mhux sikuri għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi.

    (19)

    Abbażi tal-progress magħmul bis-saħħa tar-reviżjoni ta’ l-istandard Ewropew EN 71-1:2005, u b’referenza għat-tlestija ta’ l-istandard rivedut u l-adegwatezza tiegħu biex jindirizza b’mod sħiħ ir-riskji ppreżentati minn ġugarelli manjetiċi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk testendix il-validità ta’ din id-deċiżjoni għal perjodi addizzjonali u jekk id-Deċiżjoni għandhiex tiġi emendata. B’mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tintroduċix rekwiżiti għall-kostruzzjoni biex tissupplimenta t-twissija mitluba f’din id-Deċiżjoni.

    (20)

    Perjodu qasir ta’ tranżizzjoni huwa meħtieġ fl-interess kemm ta’ l-Istati Membri li jridu jiżguraw li d-deċiżjoni tiġi applikata b’mod effiċjenti, kif ukoll tal-produtturi u d-distributuri tal-ġugarelli manjetiċi li huma suġġetti għall-obbligu li jqiegħdu jew jagħmlu disponibbli fis-suq biss dawk il-ġugarelli manjetiċi li jġorru t-twissija xierqa. F’dan il-każ, għandu jiġi stabbilit l-iqsar perjodu ta’ tranżizzjoni possibbli, b’konsistenza mal-ħtieġa li jiġu evitati aktar inċidenti u biex tiġi żgurata l-propozjonalità, u dan billi wieħed iżomm f’moħħu li l-miżura tinvolvi biss immarkar u ma tirrikjedix bidliet fid-disinn tal-prodott. Għalhekk, ir-rekwiżit li titwaħħal twissija mal-ġugarelli manjetiċi għandha tidħol fis-seħħ ftit wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mill-Kummissjoni.

    (21)

    Il-miżuri stabbiliti f’din id-Direttiva jikkonformaw ma’ l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    “ġugarell manjetiku” tfisser ġugarell li jinkludi jew li jikkonsisti f’kalamita waħda jew iktar jew f’komponent manjetiku wieħed jew aktar li huma ta’ forma u ta’ qies li jstgħu jinbelgħu, li huma aċċessibbli għat-tfal;

    “ġugarell” tfisser kull prodott jew materjal iddisinjat jew maħsub biċ-ċar biex jintuża waqt il-logħob minn tfal ta’ inqas minn 14-il sena;

    “ta’ forma u daqs li jistgħu jinbelgħu” tfisser li joqogħdu sħaħ fiċ-ċilindru tal-partijiet iż-żgħar definit fl-istandard EN 71-1:2005;

    “aċċessibbli għat-tfal” tfisser maħlula jew li jistgħu jinqalgħu minn mal-ġugarell mit-tfal f’ċirkustanzi normali jew f’kundizzjonijiet previsti raġonevolment, anki jekk oriġinarjament kienu inklużi, enkapsulati, moħbijin jew marbutin sew fil-ġugarell;

    “tagħmlu disponibbli fis-suq” tfisser kull provvista ta’ ġugarell manjetiku għad-distribuzzjoni, konsum jew użu fis-suq Komunitarju matul l-attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas u anki jekk b’xejn;

    “tqegħid fis-suq” tfisser l-ewwel darba li l-ġugarell manjetiku kien disponibbli fis-suq Komunitarju;

    “irtirar” tfisser kull miżura mmirata li tipprevjeni d-distribuzzjoni, il-wiri u l-bejgħ.

    Artikolu 2

    Twissija

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ġugarelli manjetiċi li jitqiegħdu jew li jintgħamlu disponibbli fis-suq Komunitarju jkollhom twissija:

    (a)

    b’dan it-test: “Avviż! Dan il-ġugarell jinkludi kalamiti u komponenti manjetiċi. Kalamiti mwaħħlin flimkien jew li jeħlu ma’ oġġett metalliku fil-ġisem uman jistgħu jikkawżaw inċidenti serji jew fatali. Jekk il-kalamiti jinbelgħu jew jittieħdu min-nifs itlob għajnuna medika minnufih.”;

    (b)

    jew bi kliem ekwivalenti li jinftiehem malajr u li biċ-ċar iwassal l-istess kontenut.

    2.   It-twissija għandha tidher b’mod viżibilment ċar u li jista’ jinqara, murija fuq l-ippakkjar b’mod li jiġbed l-għajn jew inkella mwaħħla mal-ġugarell manjetiku b’tali mod li tkun viżibbli għall-konsumatur waqt li dan qed jixtri.

    3.   It-twissija għandha tidher fil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru li fih il-prodott jitqiegħed jew ikun magħmul disponibbli fis-suq.

    Artikolu 3

    Implimentazzjoni

    1.   Mill-21 ta’ Lulju 2008, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġugarelli manjetiċi li ma jkollhomx it-twissija meħtieġa ma jitħallewx jitqiegħdu jew jingħamlu disponibbli fis-suq.

    2.   Mill-21 ta’ Lulju 2008, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġugarelli manjetiċi li ma jkollhomx it-twissija meħtieġa u li jitqiegħdu jew jingħamlu disponibbli fis-suq jiġu rtirati mis-suq u li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa sew bir-riskju.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr telf ta’ żmien bil-passi meħuda li jaqgħu taħt dan l-Artikolu bi qbil ma’ Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE.

    Artikolu 4

    Informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, jippubblikaw dawk il-miżuri u minn hemm ‘il quddiem javżaw b’dan lill-Kummissjoni.

    Artikolu 5

    Perjodu ta’ l-applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli sal-21 ta’ April 2009.

    Artikolu 6

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 21 ta’ April 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Meglena KUNEVA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

    (2)  ĠU L 187, 16.7.1988, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 93/68/KEE (ĠU L 220, 30.8.1993, p. 1).

    (3)  ĠU L 220, 30.8.1993, p. 1.

    (4)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37, id-Direttiva emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 81).

    (5)  Mandat ta’ standardizzazzjoni tal-25 ta’ Mejju 2007 mibgħut lis-CEN biex jitfassal standard għall-ġugarelli bil-kalamita (M/410).

    (6)  It-Test Adottati, P6_TA(2007)0412.

    (7)  Bi qbil mad-Direttiva 88/378/KEE, il-ġugarelli, il-partijiet li jikkomponuhom u kull parti tal-ġugarell li tinqala’, u li huma maħsuba biċ-ċar biex jintużaw minn tfal ta’ taħt is-36 xahar, għandhom ikunu ta’ tali qisien li ma jkunux jistgħu jinbelgħu u/jew jittieħdu min-nifs. Dan ifisser li ġugarelli intiżi għal tfal ta’ taħt is-36 xahar m’għandux ikollhom xi element li jista’ jinbela’ jew jittieħed min-nifs, kemm jekk hu kalamita u kemm jekk mhuwiex.


    Top