Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0174

    2008/174/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 Diċembru 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat prevista mill-Italja (il-Provinċja awtonoma ta’ Trento) fis-settur tat-trasport (notifikata taħt id-dokument numru C(2005) 5315) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 57, 1.3.2008, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/174/oj

    1.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 57/18


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-21 Diċembru 2005

    dwar l-għajnuna mill-Istat prevista mill-Italja (il-Provinċja awtonoma ta’ Trento) fis-settur tat-trasport

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2005) 5315)

    It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/174/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 88(2), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skond dawk id-dispożizzjonijiet (1),

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Novembru 2001, irreġistrata għand is-Segretarjat Ġenerali fit-3 ta’ Diċembru 2001, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, id-dispożizzjonijiet speċjali għas-settur tat-trasport, li ġew adottati fil-kuntest tal-liġi tal-Provinċja awtonoma ta’ Trento Nru 6 tat-13 ta’ Diċembru 1999 (il-liġi provinċjali Nru 6/99.) In-notifika ġiet irreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea bin-Nru N 833/01.

    (2)

    Peress li rriżulta li n-notifika kellha xi nuqqasijiet, il-Kummissjoni talbet informazzjoni ulterjuri permezz ta’ l-ittra D(02) 1665 ta’ l-1 ta’ Frar 2002, li twieġbet permezz ta’ ittra rreġistrata fil-5 ta’ April 2002. Fil-11 ta’ Marzu 2002, saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Provinċja Awtonoma ta’ Trento. Fit-12 ta’ April 2002, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani, ittra li biha talbet aktar tagħrif. It-tweġiba għal din it-talba waslet permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2002, irreġistrata fit-28 ta’ Mejju 2002 bin-numru SG A/5459. Fit-30 ta’ Mejju 2002, saret it-tieni laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u dawk tal-Provinċja Awtonoma ta’ Trento.

    (3)

    Fl-24 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni favorevoli (2) għall-biċċa l-kbira tal-miżuri previsti mil-liġi provinċjali Nru 6/99 “Dispożizzjonijiet speċjali għas-settur tat-trasport” (3) maħsuba biex iħeġġu t-trasport ta’ l-oġġetti bit-triq għal mezzi alternattivi tat-trasport. Madankollu, infetħet proċedura ta’ investigazzjoni għal waħda mill-miżuri fl-iskema: l-għajnuna ta’ investiment għall-vaguni ferrovjarji u vetturi ferrovjarji ġodda jew riġenerati, irreġistrati bir-referenza C52/02.

    (4)

    Id-deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Lulju 2002 biex jinfetħu l-proċeduri, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura kkonċernata.

    (5)

    Permezz ta’ ittra ta’ l-4 ta’ Settembru 2002, l-Italja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda osservazzjoni mill-partijiet interessati.

    (6)

    Fis-7 ta’ Frar 2003, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw pjan ta’ għajnuna ġdid għall-promozzjoni tat-trasport ikkombinat fil-Provinċja Awtonoma ta’ Trento, imsejjaħ “Skema ta’ għajnuna b'appoġġ għat-trasport ikkombinat”. Il-pjan ta’ għajnuna kkonċernat ġie rreġistrat bin-numru N 64/03 u ġie approvat b'deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-1 ta’ Ottubru 2003 (5).

    (7)

    Kjarifiki ulterjuri ntbagħtu mill-Provinċja Awtonoma ta’ Trento fit-8 ta’ April 2005 u mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ l-Italja għall-Unjoni Ewropea, permezz ta’ ittra rreġistrata fit-13 ta’ Ġunju 2005.

    2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TA’ L-GĦAJNUNA

    2.1.   Tip ta’ għajnuna

    (8)

    L-iskema ta’ għajnuna li għaliha nfetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni, kienet tirrigwarda għajnuna għall-investimenti għall-vaguni ferrovjarji u vetturi ferrovjarji ġodda jew riġenerati; madankollu ma tqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri l-oħra inklużi fl-iskema ġenerali maħsuba biex jiġi mħeġġeġ it-trasport tat-traffiku tal-ġarr tal-merkanzija mit-triq għal fuq mezzi alternattivi tat-trasport.

    (9)

    Il-pjan ta’ għajnuna ġenerali huwa maħsub biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bit-triq, permezz ta’ l-appoġġ għax-xiri ta’ mezzi tat-trasport mgħammra b'teknoloġiji li jnaqqsu t-tniġġis ta’ l-ambjent u li jirrispettaw standards ambjentali aktar stretti minn dawk obbligatorji. Il-pjan jagħti għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll lill-konsorzji involuti fit-trasport bit-triq f'isem partijiet terzi li jwettqu attivitajiet tat-trasport ikkombinati jew attivitajiet ta’ trasport ferrovjarju u attivitajiet marbuta mat-trasport fuq l-art, li huma konnessi bi kwalunkwe mod mat-trasport ferrovjarju kkombinat inkella mat-trasport ta’ l-oġġetti jew persuni.

    (10)

    Il-miżura investigata kienet tipprevedi għajnuniet għal massimu ta’ 25 % għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju li joperaw fil-Provinċja Awtonoma ta’ Trento, għax-xiri ta’ vaguni għall-ġarr ta’ l-oġġetti u vetturi ferrovjarji ġodda jew riġenerati (Artikolu 3(2) e) tal-liġi provinċjali Nru 6/99).

    2.2.   Raġunijiet għall-ftuħ tal-proċedura

    (11)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat u li titlob kjarifiki mill-Awtoritajiet Taljani kienet ir-riżultat ta’ studju preliminari ta’ l-iskema nnotifikata.

    (12)

    B'mod partikolari, il-Kummissjoni kellha ċerti dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura kkonċernata ma’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna ta’ l-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (6), li jawtorizza għajnuniet għall-investimenti ta’ l-SMEs fil-vaguni ferrovjarji, sa massimu ta’ 15 % għall-impriżi żgħar u ta’ 7,5 % għall-impriżi ta’ daqs medju.

    (13)

    Il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-intensità ta’ l-għajnuna nnotifikata ta’ 25 % setgħetx tkun kompatibbli ma’ l-intensità massima ta’ l-għajnuna prevista mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 70/2001. Il-proċedura ta’ investigazzjoni nfetħet biss minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-limiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 70/2001.

    (14)

    Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda osservazzjoni mill-partijiet interessati.

    3.   OSSERVAZZJONIJIET MILL-ITALJA

    (15)

    B'ittra ta’ l-4 ta’ Settembru 2004, l-Awtoritajiet Taljani kkomunikaw, permezz tar-Rappreżentanza Permanenti, l-intenzjoni tagħhom li jikkonċedu kontribut massimu ta’ 15 % lill-impriżi żgħar u ta’ 7,5 % lil dawk ta’ daqs medju, fir-rigward ta’ l-ispejjeż imġarrba għax-xiri ta’ vaguni ferrovjarji u vetturi ferrovjarji ġodda jew riġenerati.

    (16)

    L-awtoritajiet Taljani kellhom il-ħsieb li jgħoddu din l-għajnuna mal-finanzjament ta’ 25 % ta’ l-ispejjeż marbuta mat-twellija, l-amortizzazzjoni jew il-kiri ta’ vaguni ferrovjarji speċjali baxxi ħafna, maħsuba għal servizzi tat-trasport ikkombinat akkumpanjat għal perjodu massimu ta’ tliet snin.

    (17)

    L-impriżi li jibbenefikaw mis-sussidji kienu jibqgħu jġorru parti mill-ispejjeż li mhux koperti mill-għajnuna pubblika. Il-Provinċja ta’ Trento talbet lill-benefiċjarji biex jiżguraw li t-tariffi li jitolbu jkunu pubbliċi u mhux diskriminatorji, jiġifieri identiċi għall-utenti kollha u t-taqsimiet kollha tar-rotta.

    (18)

    L-awtoritajiet kompetenti ddikjaraw li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ struttura intermodali, il-Provinċja ta’ Trento biħsiebha tiffinanzja l-inizjattivi kummerċjali kollha biex tipprovdi vaguni ferrovjarji baxxi ħafna, abbażi tal-prinċipju “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel”, sakemm il-bilanċ jispiċċa. Madankollu, li kieku l-bilanċ ma jkunx biżżejjed, il-Provinċja tirriserva d-dritt li tippubblika stedin għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna, u tagħti prijorità lil dawk l-attivitajiet li jinvolvu l-ogħla frekwenza ta’ kuljum ta’ trasbordi triq/ferrovjarji, fuq vaguni li jitilqu minn punti ta’ trasbord li jinsabu fil-Provinċja.

    (19)

    Madankollu, għandu jitqies li din il-miżura ta’ l-aħħar ma kinitx inkluża fin-notifika tal-bidu. Fit-8 ta’ April 2005, il-Provinċja Awtonoma ta’ Trento kkonfermat li din il-miżura qatt ma kienet iddaħħlet fis-seħħ, u ma kienx maħsub li tiddaħħal fis-seħħ fil-ġejjieni.

    4.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

    4.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna fl-ambitu ta’ l-Artikolu 87(1), tat-Trattat tal-KE

    (20)

    Skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, sakemm mhux ipprovdut mod ieħor fit-Trattat, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

    (21)

    Skond il-miżura proposta, il-benefiċjarji magħżula (impriżi żgħar u ta’ daqs medju li joperaw fil-Provinċja Awtonoma ta’ Trento) jirċievu kontribuzzjonijiet mill-Istat għal spejjeż imġarrba mill-investiment f'vaguni ferrovjarji u vetturi ferrovjarji filwaqt li impriżi oħra, Taljani jew minn Stati Membri oħra ta’ l-UE, li huma attivi f'dan il-qasam, ma jirċevux kontribuzzjonijiet bħal dawn. B'konsegwenza, l-għajnuna kkonċernata ssaħħaħ il-qagħda kompetittiva tal-benefiċjarji fil-konfront ta’ impriżi oħra li jaħdmu fis-settur tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (22)

    Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-iskema nnotifikata fiha element ta’ għajnuna fl-ambitu ta’ l-Artikolu 87(1) u li għalhekk, fil-prinċipju huwa pprojbit.

    4.2   Valutazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ għajnuna

    (23)

    Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet Taljani qablu li jnaqqsu l-intensità ta’ l-għajnuna prevista għax-xiri ta’ vaguni ferrovjarji u vetturi ferrovjarji ġodda u riġenerati minn 25 % għal 15 % għall-impriżi ż-żgħar u 7,5 % għall-impriżi ta’ daqs medju. L-għajnuna tirrigwarda biss il-finanzjament ta’ l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

    (24)

    L-għajnuna għalhekk tista’ titqies konformi ma’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 79/2001.

    (25)

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tista’ tqis l-għajnuna kkonċernata bħala kompatibbli mat-Trattat.

    5.   KONKLUŻJONI

    Il-Kummissjoni

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat prevista mill-Italja, il-Provinċja Awtonoma ta’ Trento, fis-settur tat-trasport, hija kompatibbli mas-suq Komuni.

    Din l-għajnuna għalhekk tista’ titwettaq.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Diċembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Jacques BARROT

    Viċi-President


    (1)  ĠU C 242, 8.10.2002, p. 8.

    (2)  Ara n-nota 1.

    (3)  Għajnuna mill-Istat Nru 833/01 – L-Italja (il-Provinċja Awtonoma ta’ Trento) – il-Liġi Provinċjali Nru 6/99 “Dispożizzjonijiet Speċjali għas-settur tat-trasport”.

    (4)  Ara n-nota 1.

    (5)  ĠU C 284, 27.11.2003, p. 2.

    (6)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33.


    Top